This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009PC0480
Proposal for a Council Decision on the conclusion, by the Commission, of the Agreement for co-operation between the European Atomic Energy Community and the Government of the Federative Republic of Brazil in the field of fusion energy research
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni.
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni.
/* KUMM/2009/0480 finali */
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. /* KUMM/2009/0480 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 16.9.2009 KUMM(2009) 480 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Suġġett: Il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KEEA, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. Fit-22 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill approva direttivi għall-Kummissjoni biex tmexxi n-negozjati dwar Ftehim (il-"Ftehim") għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (EURATOM) u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. Id-direttivi ssejsu fuq abbozz ta’ Ftehim, li ġie diskuss u approvat fil-livell tal-Grupp Konġunt ta’ Ħidma dwar ir-riċerka u l-Kwistjonijiet Atomiċi qabel ma l-Kunsill approva d-direttivi bħala Deċiżjoni tal-punt A. Matul in-negozjati, dan l-abbozz ta’ Ftehim ma sarlu l-ebda tibdil sostanzjali. Il-Kumitat Konsultattiv għall-programm speċifiku tal-Euratom dwar ir-riċerka fuq l-enerġija nukleari (il-Fużjoni) (is-CCE-FU) appoġġa l-intenzjoni li jiġi konkluż Ftehim bħal dan. F’dak li għandu x'jaqsam mal-KEEA, l-għamliet ta' kooperazzjoni li l-ftehim il-ġdid se jippermetti huma: teknikament kompatibbli mal-għanijiet xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti għar-riċerka dwar il-fużjoni nukleari, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011)[1], finanzjarjament kompatibbli mal-ammont finanzjarju ta' referenza għall-fużjoni fl-istess Deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 2006, konformi mal-għanijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-qasam prijoritarju tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2006[2] dwar il-Programm Speċifiku li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) għal riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011). Il-Ftehim propost mhux se jkollu konsegwenzi finanzjarji għall-baġit tal-Komunità minħabba li l-attivitajiet kollha ta’ kooperazzjoni skont dan il-ftehim se jkunu f’oqsma li jagħmlu parti mill-programmi tal-UE, u li, b’hekk, se jiġu ffinanzjati mill-iskemi ta' finanzjament rilevanti (bħall-Kuntratti ta' Assoċjazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-Ftehim dwar il-Mobbiltà tal-Persunal, u skemi oħra ta' finanzjament previsti għall-implimentazzjoni tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni fl-UE). Il-Ftehim se jkollu jiġi konkluż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 101(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-KEEA. Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kunsill, b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-KEEA, qed jadotta l-abbozz mehmuż tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, ta' Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Kummissjoni mexxiet negozjati, skont id-Direttivi tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2008, dwar Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, (2) Il-konklużjoni tal-Ftehim, mill-Kummissjoni, għandha tkun approvata, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu uniku B’dan hija approvata l-konklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, għal u f’isem il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni. Magħmul fi Brussell, [... 2009] Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR L-ENERĠIJA ATOMIKA U L-GVERN TAR-REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL FIL-QASAM TAR-RIĊERKA DWAR L-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI Il-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (EURATOM) (minn hawn 'il quddiem "il-Partijiet"), Filwaqt li jikkunsidraw li fil-Ftehim għall-Kooperazjzoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil u l-Komunità Ewropea, li sar fid-19 ta’ Jannar 2004, il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jġibu 'l quddiem il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u fl-attivitajiet ta' żvilupp teknoloġiku; Xewqana li jkomplu jippromwovu l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni bħala għajn ta' enerġija li potenzjalment tkun ambjentalment aċċettabbli, ekonomikament kompetittiva, u prattikament bla tarf; FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu IGħan L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-oqsma koperti mill-programmi ta' fużjoni rispettivi tagħhom, abbażi ta' benefiċċji reċiproċi u ta’ reċiproċità ġenerali sabiex jiġu żviluppati l-għarfien xjentifiku u l-kapaċità teknoloġika sottostanti għal sistema tal-enerġija mill-fużjoni. Artikolu IIOqsma tal-kooperazzjoni L-oqsma tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim jistgħu jinkludu dawn li ġejjin: 1. tokamaks, inklużi l-proġetti l-kbar tal-ġenerazzjoni preżenti u attivitajiet marbuta ma’ dawk tal-ġenerazzjoni li jmiss; 2. alternattivi għat-tokamaks; 3. it-teknoloġija tal-enerġija mill-fużjoni manjetika; 4. it-teorija tal-plażma u l-fiżika applikata tal-plażma; 5. il-politiki u l-pjanijiet tal-programmi; kif ukoll 6. oqsma oħrajn, kif reċiprokament maqbul bil-kitba bejn il-Partijiet, safejn ikunu koperti mill-programmi rispettivi tagħhom. Artikolu IIIGħamliet tal-kooperazzjoni 1. L-għamliet tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim jistgħu jinkludu dawn li ġejjin, iżda mhumiex limitati għalihom biss: 7. l-iskambju u l-għoti ta’ informazzjoni u dejta dwar attivitajiet xjentifiċi u tekniċi, żviluppi, prattiki u riżultati, u dwar politiki u pjanijiet tal-programm, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni mhux mikxufa skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli VI u VII; 8. l-iskambju ta' xjenzati, enġiniera u speċjalisti oħra għal perjodi maqbula ta' żmien sabiex jipparteċipaw f'esperimenti, analiżi, disinn u attivitajiet oħra ta' riċerka u żvilupp skont l-Artikolu VIII; 9. l-organizzazzjoni ta’ seminars u laqgħat oħrajn għad-diskussjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar temi maqbula fl-oqsma elenkati fl-Artikolu II, u għall-identifikazzjoni ta' attivitajiet kooperattivi li jistgħu jsiru skont l-Artikolu V; 10. l-iskambju u l-għoti ta’ kampjuni, materjali u tagħmir (strumenti u komponenti) għall-esperimenti, għall-ittestjar u għall-evalwazzjoni skont l-Artikoli IX u X; 11. it-twettiq ta’ studji, proġetti jew esperimenti konġunti inklużi d-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim konġunt tagħhom; 12. it-twaqqif ta’ ħoloq tad-dejta bħall-għodod remoti għall-analiżi tad-dejta, iżda mhux limitati għalihom biss; kif ukoll 13. għamliet oħra speċifiċi tal-kooperazzjoni reċiprokament maqbul bil-kitba bejn il-Partijiet. 2. Kif ikun xieraq, il-Partijiet għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet skont dan il-Ftehim, ma’ attivitajiet internazzjonali oħra ta’ riċerka u żvilupp tal-fużjoni, sabiex titnaqqas kemm jista' jkun id-duplikazzjoni tal-isforzi. F'dan il-Ftehim xejn ma għandu jinftiehem li qed jagħmel ħsara lil ftehimiet eżistenti jew tal-ġejjieni għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet. Artikolu IVKumitat ta' Koordinazzjoni u Segretarji Eżekuttivi 1. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat ta’ Koordinazzjoni biex jikkoordina u jissorvelja t-twettiq tal-attivitajiet skont dan il-Ftehim. Kull Parti għandha taħtar għadd indaqs ta' membri għall-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u għandha tinnomina wieħed mill-membri maħtura tagħha bħala l-Kap tad-Delegazzjoni tagħha. Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandu jiltaqa’ kull sena, darba fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil u darba fl-Unjoni Ewropea, jew fi żminijiet u postijiet oħra li jaqblu dwarhom huma. Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parti li tkun qed tilqa' l-Kumitat għandu jippresjedi l-laqgħa. 2. Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandu janalizza l-progress u l-pjanijiet tal-attivitajiet skont dan il-Ftehim, u jipproponi, jikkoordina u japprova attivitajiet futuri ta' kooperazzjoni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fir-rigward tal-mertu tekniku u l-livell ta’ sforz tagħhom biex jiżgura l-benefiċċju reċiproku u r-reċiproċità globali fi ħdan il-Ftehim. 3. Id-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandhom jittieħdu b’consensus. 4. Għal perjodi bejn il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni, kull Parti għandha taħtar Segretarju Eżekuttiv biex jaġixxi f'isimha f'kull ma għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim. Is-Segretarji Eżekuttivi għandhom ikunu responsabbli għall-amministrazzjoni ta' kuljum ta' din il-koperazzjoni. Artikolu VImplimentazzjoni 1. Kull Parti għandha tiddeżinja entitajiet xierqa għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet skont dan il-Ftehim. 2. Meta l-Kumitat ta’ Koordinazzjoni japprova attività ta’ kooperazzjoni, għandu wkoll japprova, kull fejn ikun meħtieġ, Pjan tal-Proġett skont dan il-Ftehim. 3. Kull Pjan tal-Proġett għandu jelenka l-entitajiet iddeżinjati sabiex jimplimentaw il-proġett, u jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-attività ta’ kooperazzjoni, inklużi, iżda mhux esklussivament, l-ambitu tekniku u l-ġestjoni tiegħu, ir-responsabbiltajiet ta’ dekontaminazzjoni applikabbli, l-iskambju ta’ informazzjoni mhux mikxufa, l-iskambju ta’ tagħmir, it-trattament ta’ proprjetà intellettwali, l-ispejjeż totali, il-qsim tal-ispejjeż u l-iskeda, skont kif ikun xieraq. Artikolu VIDisponibbiltà u tixrid tal-informazzjoni 1. Suġġetta għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħha u għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, kull Parti u dawk iddeżinjati minnha għandhom jimpenjaw irwieħhom biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parti l-oħra u ta’ dawk iddeżinjati minnha, b’xejn, kwalunkwe informazzjoni li jkollhom u li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet ta' kollaborazzjoni skont dan il-Ftehim. 2. Il-Partijiet u dawk iddeżinjati minnhom għandhom jappoġġaw l-usa' tixrid possibbli ta' informazzjoni li jkollhom id-dritt li jikxfu, sew jekk tkun ġiet żviluppata b'mod konġunt jew mogħtja jew skambjata skont dan il-Ftehim, soġġett għall-ħtieġa li tiġi protetta informazzjoni mhux mikxufa u l-ħtieġa li tiġi protetta proprjetà intellettwali maħluqa jew mogħtija skont dan il-Ftehim. 3. L-informazzjoni mibgħuta minn Parti waħda lill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim għandha tkun preċiża, safejn tkun taf u temmen il-Parti li tkun qed tibgħatha, iżda l-Parti li tkun qed tibgħatha ma tagħtix garanzija tal-adegwatezza tal-informazzjoni mibgħuta għal kwalunkwe użu jew applikazzjoni partikolari mill-Parti li tkun qed tirċeviha jew minn kwalunkwe parti terza. L-informazzjoni żviluppata b’mod konġunt mill-Partijiet għandha tkun preċiża, safejn ikunu jafu u jemmnu ż-żewġ Partijiet. L-ebda Parti ma tiggarantixxi l-adegwatezza tagħha għal kwalunkwe skop, użu jew applikazzjoni minn xi waħda mill-Partijiet jew minn kwalunkwe parti terza. Artikolu VIIProprjetà intellettwali Il-protezzjoni u l-allokazzjoni tal-proprjetà intellettwali maħluqa jew mogħtija matul attivitajiet ta’ kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandhom ikun rregolati mid-dispożizzjonijiet fl-Anness A, li għandu jifforma parti integrali minn dan il-Ftehim, u għandhom japplikaw għall-attivitajiet kollha mwettqa skont dan il-Ftehim. Artikolu VIIISkambji tal-persunal F’dak li għandu x’jaqsam mal-iskambji tal-persunal bejn il-Partijiet jew dawk iddeżinjati minnhom skont dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin: 14. kull Parti għandha tiżgura l-għażla ta’ persunal ikkwalifikat bil-ħiliet u l-kompetenza meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet ippjanati skont dan il-Ftehim. L-iskambju tal-persunal għandu jinqabel bil-quddiem b’mod reċiproku permezz ta' skambju tal-ittri bejn il-Partijiet, b'referenza għal dan il-Ftehim u għad-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu dwar il-proprjetà intellettwali, kif ukoll referenza għall-attività ta’ kooperazzjoni kkonċernata; 15. kull Parti għandha tkun responsabbli għall-pagi, l-assigurazzjoni u l-benefiċċji li għandhom jingħataw lill-persunal tagħha li jkun qiegħed fuq skambju; 16. il-Parti li tibagħtu għandha tħallas għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-għajxien tal-persunal tagħha fuq skambju fl-istabbiliment ospitanti, sakemm ma jinqabilx mod ieħor; 17. il-Parti ospitanti għandha tieħu ħsieb tipprovdi alloġġ xieraq għall-persunal tal-Parti l-oħra li jkun qiegħed fuq skambju (u għall-familji tagħhom li jkunu joqogħdu magħhom) fuq bażi reċiproka u maqbula b’mod reċiproku; 18. il-Parti ospitanti għandha tipprovdi l-għajnuna kollha meħtieġa lill-persunal tal-Parti l-oħra li jkun qiegħed fuq skambju f’dak li għandu x’jaqsam mal-formalitajiet amministrattivi (pereżempju biex tinħariġlu viża), skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tagħha; 19. kull Parti għandha tiżgura li l-persunal fuq skambju jobdi r-regoli ġenerali rigward ir-regolamenti dwar ix-xogħol u s-sikurezza fis-seħħ fl-istabbiliment ospitanti; 20. kull Parti tista', bi spiża tagħha, tosserva attivitajiet speċifiċi ta' ttestjar u ħidma analitika tal-Parti l-oħra fl-oqsma tal-kooperazzjoni definiti fl-Artikolu II. Din l-osservazzjoni tista' ssir permezz ta' żjarat tal-persunal, soġġetta għall-qbil minn qabel tal-Parti ospitanti f'kull okkażjoni. Artikolu IXSkambji ta' tagħmir, kampjuni, materjali u spare parts Fil-każ li tagħmir, strumenti, kampjuni, materjali jew spare parts meħtieġa (minn hawn ’il quddiem, "it-tagħmir, eċċ.") ikunu se jiġu skambjati, mislufa jew mogħtija minn Parti waħda jew dawk iddeżinjati minnha lill-oħra jew lil dawk iddeżinjati minnha, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin li jkopru t-trasport bil-baħar u l-użu tat-tagħmir, eċċ.: 21. Il-Parti li tibgħathom għandha tagħti kemm jista' jkun malajr lista dettaljata tat-tagħmir, eċċ. li għandu jiġu pprovdut, bl-ispeċifikazzjonijiet rilevanti u d-dokumentazzjoni teknika u informazzjonali; 22. it-tagħmir, eċċ. pprovdut mill-Parti li tibagħtu għandu jibqa’ l-proprjetà tagħha u għandu jintbagħat lura lill-Parti li tibagħtu f’data li għandha tiġi ddeterminata mill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor fil-Pjan tal-Proġett imsemmi fl-Artikolu V; 23. it-tagħmir, eċċ. għandu jitħaddem biss fl-istabbiliment ospitanti permezz tal-qbil reċiproku bejn il-Partijiet; kif ukoll 24. il-Parti li tirċevih għandha tipprovdi l-post meħtieġ għat-tagħmir, eċċ. u għandha tipprovdi għall-enerġija elettrika, l-ilma, il-gass u r-riżorsi oħra meħtieġa, skont ir-rekwiżiti tekniċi, li għandhom jinqablu reċiprokament mill-Partijiet. Artikolu XDispożizzjonijiet ġenerali 1. Kull Parti għandha twettaq l-attivitajiet ipprovduti f’dan il-Ftehim suġġetta għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħha, u għandha tipprovdi riżorsi skont id-disponibbiltà tal-fondi approprjati. 2. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor bil-miktub, l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandhom jinġarru mill-Parti li ġġarrabhom. 3. Il-kwistjonijiet kollha ta’ interpretazzjoni jew implimentazzjoni marbuta ma’ dan il-Ftehim li jinqalgħu matul it-terminu tiegħu għandhom jissolvew permezz ta’ qbil bejn il-Partijiet. 4. Safejn jikkonċerna l-EURATOM, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabilixxi l-EURATOM u għat-territorji tal-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-programm tal-fużjoni tal-EURATOM bħala Stati terzi assoċjati bis-sħiħ. Artikolu XITul ta' żmien, emendar u terminazzjoni 1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-aħħar notifika bil-miktub li permezz tagħha l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu ikunu lesti, u għandu jibqa' fis-seħħ għal ħames (5) snin, u jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta' ħames (5) snin, sakemm Parti ma tinformax lill-Parti l-oħra bil-miktub li biħsiebha tittermina l-Ftehim. 2. Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-aħħar notifika bil-miktub li permezz tagħha l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa biex emenda tidħol fis-seħħ ikunu lesti. 3. L-isforzi u l-esperimenti konġunti kollha li ma jkunux tlestew fit-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim jistgħu jissuktaw sakemm jitlestew skont it-termini ta’ dan il-Ftehim. 4. Kull Parti tista' tittermina dan il-Ftehim u kwalunkwe Pjan ta' Proġett f'kull ħin, b'notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni dan għandha tkun effettiva sitt (6) xhur wara d-data tal-wasla tan-notifika, bla ħsara għad-drittijiet li kwalukwe Parti setgħet tkun kisbet skont dan il-Ftehim jew skont Pjan ta' Proġett sad-data tat-terminazzjoni. Iffirmat fi ……………………….. fid-data .....ta'..... 2009, f’żewġ kopji, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Litwana, Latvjana, Maltija, Olandiża, Polakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, u kull test huwa awtentiku ndaqs. GĦALL-GVERN TAR- REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL _____________________________ | GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR L-ENERĠIJA ATOMIKA _____________________________ | ANNESS A DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI Drittijiet għal proprjetà intellettwali li nħolqu jew inghataw skont dan il-Ftehim għandhom jiġu allokati kif ġej: I. Applikazzjoni Dan l-Anness japplika għall-attivitajiet kollha ta’ kooperazzjoni mwettqin skont dan il-Ftehim, għajr fejn speċifikament jinqabel mod ieħor. II. Sjieda, allokazzjoni u eżerċizzju tad-drittijiet A. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, "proprjetà intellettwali" għandu jkollha t-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967. B. Dan l-Anness jittratta l-allokazzjoni tad-drittijiet, l-interessi u r-royalties bejn il-Partijiet jew l-aġenziji implimentattivi tagħhom iddeżinjati skont it-termini tal-Artikolu V. Kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tista' tikseb id-drittijiet għal proprjetà intellettwali allokati lilha jew lill-aġenziji implimentattivi ddeżinjati skont it-termini tal-Artikolu V f'konformità ma' dan l-Anness. Dan l-Anness ma jibdilx u ma jippreġudikax l-allokazzjoni tat-tali drittijiet, interessi u ħlasijiet għad-drittijiet tal-awtur bejn Parti u ċ-ċittadini tagħha, li għandhom ikunu stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki ta' dik il-Parti. C. Id-drittijiet jew l-obbligi li joħorġu minn dan l-Anness ma għandhomx jiġu affettwati mit-terminazzjoni jew l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim. D. (1) Fil-każ ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-Partijiet jew bejn l-aġenziji implimentattivi ddeżinjati skont it-termini tal-Artikolu V, il-proprjetà intellettwali li tinħoloq mir-riċerka konġunta, fi kliem ieħor, riċerka appoġġata miż-żewġ Partijiet, għandha tiġi ttrattata fi Pjan ta' Ġestjoni Teknoloġika (TMP) skont il-prinċipji li ġejjin: a) Il-Partijiet jew l-aġenziji implimentattivi tagħhom iddeżinjati skont it-termini tal-Artikolu V għandhom jinnotifikaw lil xulxin fi żmien raġonevoli dwar kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali li jinħoloq skont dan il-Ftehim. b) Sakemm ma jinqabilx mod ieħor, il-ħlasijiet għad-drittijiet tal-awtur u l-interessi fil-proprjetà intellettwali maħluqa matul ir-riċerka konġunta minn kwalunkwe Parti jew aġenzija implimentattiva ddeżinjata skont it-termini tal-Artikolu V bla restrizzjoni territorjali; c) Kull Parti jew aġenzija implimentattiva ddeżinjata skont it-termini tal-Artikolu V għandha tfittex ħarsien f'waqtu għall-proprjetà intellettwali li għaliha tikseb drittijiet u interessi skont TMP. d) Kull Parti jew aġenzija implimentattiva ddeżinjata skont it-termini tal-Artikolu V għandu jkollha liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u bla ħlasijiet tad-drittijiet tal-awtur biex tuża proprjetà intellettwali li toħroġ minn dan il-Ftehim għal finijiet ta' riċerka biss, skont il-liġijiet applikabbli rispettivi tal-Partijiet. e) Riċerkaturi viżitaturi li jkunu ħadu sehem fil-ħolqien ta’ proprjetà intellettwali għandhom jirċievu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u sehem mill-ħlasijiet tad-drittijiet tal-awtur miksuba mill-istituzzjonijiet ospitanti mill-għoti tal-liċenzji tat-tali drittijiet tal-proprjetà intellettwali skont il-politiki tal-istituzzjonijiet ospitanti. Kull Parti għandha tagħti lir-riċerkaturi viżitaturi trattament mhux anqas favorevoli minn dak li tagħti liċ-ċittadini tagħha stess fir-rigward tal-għoti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-ħlasijiet għad-drittijiet tal-awtur imsemmija qabel. Barra minn hekk, kull riċerkatur viżitatur imsemmi bħala inventur għandu jkun intitolat għal trattament bħal ċittadin tal-Parti ospitanti f’dak li għandu x'jaqsam ma’ premji, bonusijiet, benefiċċji, jew kwalunkwe premju ieħor, skont il-politika tal-istituzzjoni ospitanti u l-liġijiet rispettivi tal-Partijiet applikabbli f’dan il-każ. (2) Fil-każ ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni għajr ir-riċerka konġunta li jaqgħu fi ħdan id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu II.D.(1), sal-punt rekwiżit mil-liġijiet u r-regolamenti tagħha, kull Parti għandha tesiġi lill-parteċipanti tagħha li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi dwar l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka konġunta u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-parteċipanti. F’dak li għandu x’jaqsam mal-proprjetà intellettwali, normalment il-ftehimiet għandhom jindirizzaw, fost oħrajn, is-sjieda, il-ħarsien, id-drittijiet tal-utent għall-finijiet ta' riċerka, l-isfruttament u t-tixrid, inklużi l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni konġunta, id-drittijiet u l-obbligi tar-riċerkaturi viżitaturi u l-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Il-ftehimiet jistgħu jindirizzaw ukoll kwistjonijiet oħra bħall-aċċess għal informazzjoni tal-ewwel pjan u tal-isfond, l-għoti ta’ liċenzji u r-riżultati. E. Filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fl-oqsma affettwati mill-Ftehim, kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li d-drittijiet akkwistati bis-saħħa ta' dan il-Ftehim u l-arranġamenti magħmula skontu jkunu eżerċitati b'tali mod li jitrawmu partikolarment (i) l-użu ta' informazzjoni maħluqa, jew inkella li saret disponibbli, skont il-Ftehim u d-disseminazzjoni tagħha safejn dan ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima IV tagħha u kull regola li tista' tkun fis-seħħ skont il-liġijiet domestiċi tal-Partijiet li jiggvernaw it-trattament ta' informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali fil-qasam nukleari, u (ii) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali. III. Xogħlijiet koperti bid-drittijiet tal-awtur Skont it-termini ta' dan il-Ftehim, drittijiet tal-awtur li jkunu proprjetà tal-Partijiet jew tal-aġenziji implimentattivi ddeżinjati skont l-Artikolu V għandhom jiġu ttrattati b’mod konsistenti mal-Ftehim dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ amministrat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. IV. Xogħlijiet Letterarji Xjentifiċi Suġġetti għat-trattament ipprovdut għal informazzjoni mhux mikxufa fit-Taqsima V, għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin: A. Kull Parti jew aġenzija implimentattiva ddeżinjata skont l-Artikolu V għandha tkun intitolata għal liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u bla ħlasijiet tad-drittijiet tal-awtur fil-pajjiżi kollha sabiex tittraduċi, tipproduċi u tqassam pubblikament informazzjoni misjuba f'ġurnali, artikli, rapporti, kotba, jew mezzi oħra, xjentifiċi u tekniċi, li tirriżulta direttament minn riċerka konġunta skont dan il-Ftehim jew f'isem il-Partijiet. B. Ix-xogħlijiet kollha mħejjija skont din id-dispożizzjoni għandhom jirrispettaw lid-drittijiet morali tal-awtur skont l-Artikolu 6(a) tal-Konvenzjoni ta' Berna. Għandu jkollhom ukoll rikonoxximent viżibbli b’mod ċar tal-appoġġ kooperattiv tal-Partijiet. V. Tagħrif mhux mikxuf A. Tagħrif dokumentarju mhux mikxuf 25. Kull Parti għandha tidentifika mill-aktar fis possibbli l-informazzjoni li tixtieq li tibqa’ ma tinkixifx b’rabta ma' dan il-Ftehim, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, il-kriterji li ġejjin: 26. l-informazzjoni hija sigrieta fis-sens li, fl-insjiem jew fil-konfigurazzjoni jew ġemgħa preċiża tal-komponenti tagħha, la hija ġeneralment magħrufa u lanqas faċilment aċċessibbli b'mezzi legali; 27. l-informazzjoni għandha valur kummerċjali reali jew potenzjali minħabba s-segretezza tagħha; kif ukoll 28. l-informazzjoni kienet soġġetta għal passi mill-persuna legalment fil-kontroll sabiex tinżamm is-segretezza tagħha, liema passi kienu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. F'ċerti każijiet il-Partijiet jistgħu jaqblu li, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni kollha pprovduta, skambjata jew maħluqa matul riċerka konġunta mwettqa skont dan il-Ftehim, jew parti minnha, ma tkunx tista’ tinkixef. 29. Kull Parti għandha tiżgura li l-informazzjoni mhux mikxufa skont dan il-Ftehim u, minħabba f’hekk, in-natura pprivileġġata tagħha, tingħaraf faċilment bħala tali mill-Parti l-oħra, pereżempju permezz ta' marki xierqa jew turija ta' restrizzjoni. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe riproduzzjoni, sħiħa jew parzjali, tal-informazzjoni msemmija. Parti jew parteċipant li jirċievu informazzjoni mhux mikxufa skont dan il-Ftehim għandhom jirrispettaw in-natura pprivileġġata tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet għandhom jintemmu b’mod awtomatiku meta din l-informazzjoni tinkixef mis-sid bla restrizzjonijiet. 30. Tagħrif mhux mikxuf li jiġi kkomunikat skont dan il-Ftehim jista’ jixtered mill-Parti li tkun qed tirċevih lill-persuni impjegati minnha, inklużi l-kuntratturi tagħha, u lil dipartimenti oħra kkonċernati tal-Parti awtorizzati għall-għanijiet speċifiċi tar-riċerka konġunta li tkun għaddejja, fuq il-bażi ta’ ħtieġa għall-għarfien biss, u dejjem jekk kwalunkwe informazzjoni mhux mikxufa li tixtered b’dan il-mod titħares skont dan l-Anness u safejn jipprovdu l-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti, u għandha tkun tingħaraf faċilment bħala tali, kif stipulat hawn fuq. B. Infromazzjoni mhux mikxufa li mhijiex dokumentarja Informazzjoni mhux mikxufa li mhijiex dokumentarja jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew privileġġata pprovduta f'seminars u f’laqgħat oħra organizzati skont dan il-Ftehim, jew informazzjoni li toħroġ mis-sekondar tal-persunal, mill-użu tal-faċilitajiet, jew minn proġetti konġunti, għandha tiġi ttrattata mill-Partijiet jew minn dawk iddeżinjati minnhom skont il-prinċipji speċifikati għall-informazzjoni dokumentarja f’dan il-Ftehim, dejjem jekk, madankollu, min jirċievi t-tali informazzjoni mhux mikxufa jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew privileġġata jkun ġie mgħarraf bil-miktub dwar il-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni kkomunikat sa mhux aktar tard minn meta tkun saret it-tali komunikazzjoni. C. Kontroll Kull Parti għandha tipprova tiżgura li informazzjoni mhux mikxufa li tirċievi skont dan il-Ftehim għandha tiġi kkontrollata kif ipprovdut hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li mhix se tkun, jew li huwa raġonevolment mistenni li mhux se tkun, f'qagħda li tissodisfa d-dispożizzjonijiet kontra t-tixrid tal-paragrafi A u B t’hawn fuq, għandha tgħarraf immedjatament lill-Parti l-oħra. Minn hemm ’il quddiem, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex ifasslu azzjoni xierqa. VI. Riżoluzzjoni tat-tilwim u tipi ġodda jew mhux previsti ta’ proprjetà intellettwali A. Tilwimiet bejn il-Partijiet rigward propjetà intellettwali għandhom ikunu solvuti f'konformità mal-Artikolu 3 ta' dan il-Ftehim. Madankollu, bi qbil reċiproku tal-Partijiet, tilwima bħal din tista' titressaq quddiem tribunal internazzjonali tal-arbitraġġ għal arbitraġġ vinkolanti skont ir-regoli applikabbli tal-liġi internazzjonali. Sakemm ma jinqabilx mod ieħor, għandhom japplikaw ir-regoli tal-arbitraġġ tal-UNCITRAL. B. Fil-każ li xi Parti tikkonkludi li jista' jirriżulta tip ġdid ta' proprjetà intellettwali li mhux kopert f'TMP jew ftehim bejn entitajiet iddeżinjati minn attività kooperattiva mwettqa skont dan il-Ftehim, jew jekk jinqalgħu xi diffikultajiet imprevisti, il-Partijiet għandhom jidħlu f'diskussjonijiet immedjati bil-ħsieb li jiżguraw li jkun hemm provvedimenti adegwati għall-protezzjoni, l-isfruttament u d-disseminazzjoni tal-proprjetà intellettwali kkonċernata ġewwa t-territorji rispettivi tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. [1] ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60. [2] ĠU L 400, 30.12.2006, p. 404.