Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0439

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2010

    /* KUMM/2009/0439 finali */

    52009PC0439

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2010 /* KUMM/2009/0439 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 1.9.2009

    KUMM(2009) 439 finali

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2010

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    110

    - Għanijiet tal-proposta

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri fir-rigward tal-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar Baltiku.

    120

    - Kuntest ġenerali

    Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [il-Politika Komuni tas-Sajd], il-PKS tfittex li tiżgura sfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin f’kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Għodda importanti f’dan ir-rigward hija l-istabbiliment annwali tal-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs), kwoti u limitazzjonijiet fuq l-isforzi tas-sajd.

    Bil-għan li jiġu ssimplifikati u ċċarati d-deċiżjonijiet annwali dwar it-TAC u l-kwoti, l-opportunitajiet fil-Baħar Baltiku ilhom jiġu stabbiliti b’Regolament separat mill-2006 ’l hawn: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 52/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2005 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti ħażniet [stokkijiet] ta' ħut u gruppi ta' ħażniet [stokkijiet] ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2006.

    Il-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet ta’ sajd fil-Baħar Baltiku fl-2010 ngħata mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) f’Mejju 2009 u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f’Ġunju 2009.

    Il-proposta fiha tliet taqsimiet ta’ importanza għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baltiku fl-2010: taqsima waħda li tistabbilixxi t-TACs u l-kwoti, taqsima oħra li tillimita l-isforz tas-sajd u t-tielet taqsima li tistipula miżuri tekniċi assoċjati.

    - 130 Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    L-opportunitajiet tas-sajd u l-mod li bih huma allokati lill-Istati Membri jiġu rregolati kull sena. L-aħħar wieħed huwa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1322/2008 tat-28 ta' Novembru 2008 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti ħażniet [stokkijiet] ta' ħut u gruppi ta' ħażniet [stokkijiet] ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2009.

    Ta’ rilevanza għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar Baltiku huwa wkoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, il-Belts u s-Sound, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1434/98 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 88/98.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali [multiannwali] għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97, jagħti fil-qosor il-miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ biex jerġgħu jinbnew l-istokkijiet ikkonċernati. Jistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-istabbiliment tat-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz tal-Lvant u tal-Punent u l-limitazzjonijiet tal-isforzi tas-sajd assoċjati magħhom.

    - Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-UE

    Il-miżuri proposti huma konformi mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Komunità dwar l-iżvilupp sostenibbli.

    2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    - Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

    L-organizzazzjonijiet xjentifiċi kkonsultati kienu l-Kunsill Internazzjonali dwar l-Esplorazzjoni tal-Ibħra (ICES) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd (STECF).

    Kull sena, il-Komunità titlob lill-ICES u lill-STECF għal parir xjentifiku dwar il-qagħda ta’ stokkijiet importanti ta’ ħut. Il-parir li tirċievi jkopri l-istokkijiet kollha tal-Baltiku li għalihom huma proposti t-TACs ħlief għall-barbun tat-tbajja' u l-aringi fis-Subdiviżjoni 31, li għalih l-ebda parir ma ngħata din is-sena. It-TACs proposti huma bbażati fuq il-parir mogħti iżda dan mhux bilfors jissegwa kelma b’kelma. Fid-dawl tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd filwaqt li żżomm l-istabbiltà fl-opportunitajiet tas-sajd, il-bidliet fit-TACs huma limitati għal mhux iktar minn 15% minn sena għall-oħra sakemm l-istatus ta' stokk partikolari ma jkunx jesiġi miżuri aktar qawwija. Meta stokk ikun suġġett għal pjan ta' ġestjoni, it-TAC propost ikun konformi ma’ dan il-pjan.

    Għall-istokkijiet tal-merluzz, it-TACs proposti jirriflettu l-approċċ gradwali applikat fil-pjan multiannwali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. L-element ċentrali tal-pjan huwa tnaqqis gradwali tal-isforz tas-sajd għal livelli sostenibbli fit-tul li jiżguraw l-irkupru tal-istokkijiet u jrendu ħafna u b'mod stabbli.

    Fir-rigward tal-istokkijiet tas-salamun fil-Baħar Baltiku, huma meħtieġa miżuri ta' ġestjoni addizzjonali fl-ibħra u l-ilmijiet interni biex jiġi ffaċilitat l-irkupru effiċjenti tal-istokkijiet, fejn ikun meħtieġ. Attwalment qiegħed jitħejja pjan ta’ ġestjoni għas-salamun.

    - Konsultazzjoni ma' partijiet interessati

    It-taqsimiet dwar il-limitazzjoni fuq l-isforz tas-sajd u dwar l-iffissar ta’ miżuri tekniċi assoċjati huma skont id-deċiżjonijiet meħuda fil-Kunsill f’Diċembru 2006 dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1941/2006 tal-11 ta' Diċembru 2006 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti ħażniet [stokkijiet] ta' ħut u gruppi ta' ħażniet [stokkijiet] ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2007, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali [multiannwali] għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet Iż-żewġ regolamenti kienu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati: l-industrija tas-sajd, NGOs li jittrattaw kwistjonijiet marbuta mas-sajd, u l-Istati Membri kkonċernati fl-2005 u l-2006.

    Ir-RAC tal-baħar Baltiku (BSRAC) ġie kkonsultat fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma Demersali u Pelaġiku u fil-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tiegħu f’Ġunju 2009 abbażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' sajd għall-2010. L-ICES u l-STECF ipprovdew il-bażi xjentifika għall-proposta. Id-DĠ MARE ppreżenta r-regoli li kien se jsegwi għall-istabbiliment tat-TACs u l-kwoti għall-2010 abbażi tal-istqarrija ta' politika. L-opinjonijiet preliminari ppreżentati matul dawn il-laqgħat u r-rakkomandazzjonijiet bil-miktub sussegwenti rigward l-istokkijiet kollha tal-ħut ikkonċernati, tqiesu kif xieraq fil-proposta.

    Il-BSRAC tappoġġa l-applikazzjoni ta’ pjan multiannwali għall-merluzz iżda ma taqbilx mal-aġġustament tat-TACs lejn livelli ta’ sostenibbiltà fit-tul, fejn mil-lat tal-BSRAC, l-istatus tal-istokk huwa stabbli inkella l-benefiċċji potenzjali fuq l-istokk ikkonċernat jew stokkijiet oħra huma mistennija jekk it-TACs jinżammu fil-livell attwali inkella jiżdiedu lil hinn mil-livelli li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kontroll tal-ħsad, definiti fil-Komunikazzjoni dwar il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2010.

    - Valutazzjoni tal-impatt

    Jekk ikunu implimentati, il-miżuri proposti se jwasslu għal tnaqqis globali ta' madwar 10% f’termini tal-volumi tal-qabdiet mill-opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet kollha kkunsidrati mill-bastimenti tal-Komunità fil-Baħar Baltiku. Għal diversi stokkijiet tal-aringi u l-laċċa kaħla, it-tnaqqis huwa bbażat fuq il-fatt li l-qagħda tal-istokk mhix preċiżament magħrufa u tnaqqis fir-reklutaġġ għall-istokkijiet. It-tnaqqis bl-aktar impatt ekonomiku sinifkanti huwa t-TAC għall-aringi fil-Punent tal-Baltiku li jirriżulta mill-fatt li l-istokk huwa mistad iżżejjed u t-tnaqqis rapidu mistenni minħabba r-reklutaġġ fqir matul l-aħħar snin. It-TACs għall-merluzz tal-Punent u tal-Lvant tal-Baltiku żdiedu skont il-pjan multiannwali.

    Il-proposta ma tirriflettix biss tħassib għall-futur qrib iżda hi wkoll parti minn strateġija aktar fit-tul fejn il-livell tas-sajd jitnaqqas gradwalment għal livelli ta’ sostenibbiltà fit-tul.

    Għaldaqstant, fit-terminu medju sa dak twil, l-istrateġija meħuda fil-proposta se twassal għal tnaqqis fl-isforz tas-sajd iżda għal kwoti stabbli jew ikbar fil-medda t-twila. Il-konsegwenzi fit-tul tal-istrateġija huma mistennija li jkunu: impatt imnaqqas fuq l-ambjent b’riżultat tat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd, it-tnaqqis fis-settur tal-qbid f’termini tal-għadd ta’ bastimenti u/jew l-isforz medju tas-sajd għal kull bastiment, u l-istess ammont ta’ qabdiet jew iktar. Is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tas-sajd se jiżdiedu fil-medda t-twila.

    3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    - Bażi legali

    Il-bażi legali għal din il-proposta hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu; ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 847/1996, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu; u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 8(3) tiegħu.

    4. IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT

    Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Komunità.

    5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

    - Spjegazzjoni Dettaljata

    Il-proposta tistabbilixxi għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut għall-Istati Membri li jistadu fil-Baħar Baltiku.

    It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri jingħataw fl-Anness I. Iċ-ċifri proposti jirriflettu l-pariri xjentifiċi, il-konsultazzjoni mal-BSRAC u l-qafas għall-istabbiliment tat-TACs u l-kwoti deskritti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsultazzjoni fuq l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2010. It-TACs u l-kwoti għaż-żewġ stokkijiet tal-merluzz huma marbuta mill-qrib mal-limiti tal-isforz tas-sajd stipulati fl-Anness II. Il-miżuri tekniċi fl-Anness III jirrappreżentaw miżuri tranżizzjonali għall-ġestjoni tas-sajd għall-barbun u l-barbun imperjali.

    Projbizzjoni fuq il-high-grading ta’ kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota hija stabbilita. L-għan kumplessiv tal-projbizzjoni tal-high-grading huwa t-tnaqqis tar-rimi. Projbizzjoni fuq il-high-grading timplika projbizzjoni tar-rimi ta’ speċijiet suġġetti għal kwota li jistgħu jinbigħu u jinħattu legalment skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd.

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2010

    IL-KUNSILL tal-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[1] [il-Poltika Komuni tas-Sajd] u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/1996 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għat-tmexxija minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali [multiannwali] għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet[3], u b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 8(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jeħtieġ li l-Kunsill jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-iżvolġiment sostenibbli ta' attivitajiet ta' sajd fil-kunsiderazzjoni tal-pariri xjentifiċi disponibbli u, b'mod partikolari, ir-rapport imħejji mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), kif ukoll fid-dawl ta’ kwalunkwe parir li jasal mill-Kunsill Reġjonali Konsultattiv għall-Baħar Baltiku (BSRAC).

    (2) Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, huwa obbligu tal-Kunsill li jistabbilixxi l-limiti dwar l-opportunitajiet ta’ sajd abbażi tat-tip ta’ sajd jew gruppi ta’ tipi ta’ sajd u l-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet lill-Istati Membri.

    (3) Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva tal-opportunitajiet ta’ sajd, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjonijiet ta’ sajd.

    (4) Jeħtieġ li l-prinċipji u ċerti proċeduri għall-ġestjoni tas-sajd jiġu stabbiliti f'livell Komunitarju, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw il-ġestjoni tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

    (5) L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta' sajd.

    (6) Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma suġġetti għal miżuri varji msemmija fih.

    (7) L-opportunitajiet ta’ sajd għandhom jintużaw skont il-leġiżlazzjoni tal-Komunità, u b’mod partikolari skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1381/87 tal-20 ta’ Mejju1987 li jistabbilixxi regoli dettaljali dwar l-immarkar u dokumentazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd[4], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-qabdiet ta’ ħut tal-Istati Membri[5], ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni [il-Politika Komuni tas-Sajd][6], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2003 tat-18 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar is-sistemi ta’ sorveljanza tal-vapuri bbażata fuq satellita[7], u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 tat-22 ta’ Settembru 1986 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes [tal-bastimenti] tas-sajd[8], ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3880/91 tas-17 ta’ Diċembru 1991 dwar is-sottomissjoni ta’ statistika nominali dwar il-qabda mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku[9] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, il-Belts u s-Sound[10] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabilixxi pjan pluriennali [multiannwali] għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet[11]. u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad- 29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat[12].

    (8) Sabiex jiġi żgurat li l-opportunitajiet annwali tas-sajd jiġu stabbiliti f’livell li jikkorrispondi mal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi f’termini ambjentali, ekonomiċi u soċjali, tqiesu l-prinċipji ta’ gwida għall-istabbiliment tat-TACs kif deskritt fil-punti 4, 5 u l-punti 7-9 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2010[13].

    (9) Sabiex jitnaqqas ir-rimi, huwa xieraq li tiġi stabbilita projbizzjoni fuq il-high-grading għal kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota, jiġifieri projbizzjoni li jintremew speċijiet suġġetti għal kwota li jistgħu jinbigħu u jinħattu legalment skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd.

    (10) Bil-għan li jiġu kkonservati l-istokkijiet tal-ħut, fl-2010 għandhom jiġu implimentati ċerti miżuri supplimentari dwar kundizzjonijiet tekniċi għas-sajd.

    (11) Sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Komunità, huwa importanti li dan it-tip ta’ sajd jinfetaħ fl-1 ta’ Jannar 2010. Minħabba l-urġenza ta’ din il-kwistjoni, jeħtieġ li ssir eċċezzjoni għal perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fil-paragrafu I(4) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I Ambitu u definizzjonijiet

    Artikolu 1 Suġġett

    Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2010 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar Baltiku u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-użu ta’ dawn l-opportunitajiet ta’ sajd.

    Artikolu 2 Ambitu

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal bastimenti tas-sajd Komunitarji (bastimenti Komunitarji) li joperaw fil-Baħar Baltiku.

    Artikolu 3 Definizzjonijiet

    Addizzjonalment għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) iż-żoni tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) huma kif definiti fir-Regolament (KEE) Nru 2187/2005;

    (b) “Baħar Baltiku” tfisser is-Subdiviżjonijiet tal-ICES 22 sa 32;

    (c) “qabda totali permissibli (TAC)” tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena;

    (d) “kwota” tfisser proporzjon mit-TAC li tkun allokata lill-Komunità, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

    (e) "jum nieqes mill-port" tfisser kwalunkwe perjodu kontinwu ta' 24 siegħa jew parti minnu li fih il-bastiment ikun nieqes mill-port.

    KAPITOLU IIOpportunitajiet ta’ sajd u kundizzjonijiet assoċjati

    Artikolu 4 Limiti tal-qbid u allokazzjonijiet

    Il-limiti tal-qbid, l-allokazzjoni ta’ tali limiti fost l-Istati Membri, u kundizzjonijiet addizzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 huma stabbiliti fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 5 Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

    1. L-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid fost l-Istati Membri kif stipulati fl-Anness I għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

    (a) skambji skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

    (b) allokazzjonijiet mill-ġdid magħmulin f’konformità mal-Artikoli 21(4), 23(1) u 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93;

    (c) ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

    (d) kwantitajiet miżmuma f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

    (e) tnaqqis magħmul skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 338/2008.

    2. Għall-finijiet taż-żamma tal-kwoti li jkunu ser jiġu ttrasferiti għall-2011, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jista’ japplika, permezz ta’ deroga minn dak ir-Regolament, għall-istokkijiet kollha suġġetti għal TAC analitiku.

    Artikolu 6 Kundizzjonijiet għall-qabdiet u għall-qabdiet inċidentali

    1. Ħut minn stokkijiet li għalihom il-limiti ta’ qbid huma stabbiliti għandhom jinżammu abbord jew jiġu żbarkati l-art biss jekk:

    (a) il-qabdiet ittieħdu minn bastimenti ta’ Stat Membru bi kwota u dik il-kwota ma ntużatx kollha; jew

    b) speċijiet oħra minbarra aringi u sardin ikunu mħallta ma' speċijiet oħra, il-qabdiet ikunu ttieħdu bi xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi jew tagħmir simili b’malji ta’ inqas minn 32 mm, u l-qabdiet mhumiex magħżula la abbord u lanqas mal-ħatt l-art.

    2. Il-ħatt l-art kollu għandu jgħodd fil-konfront tal-kwota jew, jekk is-sehem Komunitarju ma jkunx tqassam fost l-Istati Membri permezz tal-kwoti, fil-konfront tas-sehem Komunitarju, ħlief għall-qabdiet magħmulin skont paragrafu 1(b).

    3. Meta l-kwota għall-aringi allokata lil Stat Membru tiġi eżawrita kompletament, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru u rreġistrati fil-Komunità, u li joperaw fiż-żoni tas-sajd li għalihom tapplika l-kwota rilevanti ma għandhomx jiżbarkaw l-art qabdiet li mhumiex magħżulin u li fihom l-aringi.

    4. Meta l-kwota għal-laċċa kaħla allokata lil Stat Membru tiġi eżawrita kompletament, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru u rreġistrati fil-Komunità, u li joperaw fiż-żoni tas-sajd li għalihom tapplika l-kwota rilevanti ma għandhomx jiżbarkaw l-art qabdiet li mhumiex magħżulin u li fihom il-laċċa kaħla.

    Artikolu 7 Projbizzjoni tal-high-grading

    Kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota, li tinqabad matul l-operazzjonijiet tas-sajd għandha tittella' abbord il-bastiment u sussegwentement tinħatt sakemm dan ma jmurx kontra l-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd li tistabbilixxi miżuri tekniċi, ta' kontroll u ta' konservazzjoni, u b'mod partikolari dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 2187/2005, ir-Regolament (KEE) Nru 2847/1993 u r-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    Artikolu 8 Limiti tal-isforz tas-sajd

    1. Il-limiti fuq l-isforz tas-sajd huma stabbiliti fl-Anness II.

    2. Il-limiti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għas-Subdiviżjonijiet tal-ICES 27 u 28.2 sakemm il-Kummissjoni tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 biex teskludi dawk is-Subdiviżjonijiet mir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1)(b), (3), (4) u (5) u l-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament.

    3. Il-limiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għas-Subdiviżjoni tal-ICES 28.1 sakemm il-Kummissjoni għadha ma ħaditx deċiżjoni skont l-Artikolu 29(4) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 li r-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1)(b), (3), (4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 għandhom japplikaw għal dik is-Subdiviżjoni.

    Artikolu 9 Miżuri tekniċi tranżizzjonali

    Il-miżuri tekniċi tranżizzjonali huma stabbiliti fl-Anness III.

    KAPITOLU IIIDispożizzjonijiet finali

    Artikolu 10 Trażmissjoni tad-dejta

    Meta l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbudin, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 11 Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS I

    Il-limiti tal-qbid u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tal-limiti tal-qbid applikabbli għall-bastimenti tal-Komunità f’żoni fejn jeżistu l-limiti tal-qbid fuq il-bażi tal-ispeċi u taż-żona

    It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn speċifikat mod ieħor) abbażi tal-istokk, tal-allokazzjoni lill-Istati Membri u tal-kundizzjonijiet assoċjati għall-ġestjoni tal-kwoti minn sena għal sena.

    F'kull żona, l-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej tal-ismijiet tal-ispeċijiet bil-Latin. Għall-finijiet ta’ dawn it-tabelli l-kodiċijiet użati għall-ispeċijiet differenti huma kif ġejjin:

    Isem xjentifiku | Kodiċi Alpha-3 | Isem komuni |

    Clupea harengus | HER | Aringi |

    Gadus morhua | COD | Merluzz |

    Platichthys flesus | FLX | Barbun |

    Pleuronectes platessa | PLE | Barbun tat-tbajja’ |

    Psetta maxima | TUR | Barbun imperjali |

    Salmo salar | SAL | Salamun tal-Atlantiku |

    Sprattus sprattus | SPR | Laċċa kaħla |

    Speċi: | Aringi | Żona: | Subdiviżjonijiet 30-31 |

    Clupea harengus | HER/3D30.; HER/3D31. |

    Il-Finlandja | 84 721 | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    L-Iżvezja | 18 615 |

    KE | 103 336 |

    TAC | 103 336 |

    Speċi: | Aringi | Żona: | Subdiviżjonijiet 22-24 |

    Clupea harengus | HER/3B23.; HER/3C22.; HER/3D24. |

    Id-Danimarka | 3 009 | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Ġermanja | 11 845 |

    Il-Finlandja | 2 |

    Il-Polonja | 2 793 |

    L-Iżvezja | 3 820 |

    KE | 21 469 |

    TAC | 21 469 |

    Speċi: | Aringi | Żona: | Subdiviżjonijiet 25-27, 28.2, 29 u 32 |

    Clupea harengus | HER/3D25.; HER/3D26.; HER/3D27.; HER/3D28.; HER/3D29.; HER/3D32. |

    Id-Danimarka | 2 685 | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Ġermanja | 712 |

    L-Estonja | 13 714 |

    Il-Finlandja | 26 769 |

    Il-Latvja | 3 384 |

    Il-Litwanja | 3 564 |

    Il-Polonja | 30 412 |

    L-Iżvezja | 40 828 |

    KE | 122 068 |

    TAC | Mhux rilevanti |

    Speċi: | Aringi | Żona: | Suddiviżjoni 28.1 |

    Clupea harengus | HER/03D.RG |

    L-Estonja | 16 809 | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Latvja | 19 591 |

    KE | 36 400 |

    TAC | 36 400 |

    Speċi: | Merluzz | Żona: | Ilmijiet tal-KE tas-Subdiviżjonijiet 25-32 |

    Gadus morhua | COD/3D25.; COD/3D26.; COD/3D27.; COD/3D28.; COD/3D29.; COD/3D30.; COD/3D31.; COD/3D32. |

    Id-Danimarka | 11 777 | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Ġermanja | 4 685 |

    L-Estonja | 1 148 |

    Il-Finlandja | 901 |

    Il-Latvja | 4 379 |

    Il-Litwanja | 2 885 |

    Il-Polonja | 13 561 |

    L-Iżvezja | 11 932 |

    KE | 51 267 |

    TAC | Mhux rilevanti |

    Speċi: | Merluzz | Żona: | Ilmijiet tal-KE tas-Subdiviżjonijiet 22-24 |

    Gadus morhua | COD/3B23.; COD/3C22.; COD/3D24. |

    Id-Danimarka | 7 726 | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Ġermanja | 3 777 |

    L-Estonja | 171 |

    Il-Finlandja | 152 |

    Il-Latvja | 639 |

    Il-Litwanja | 415 |

    Il-Polonja | 2 067 |

    L-Iżvezja | 2 753 |

    KE | 17 700 |

    TAC | 17 700 |

    Speċi: | Barbun tat-tbajja’ | Żona: | Ilmijiet tal-KE tas-Subdiviżjonijiet 22-32 |

    Pleuronectes platessa | PLE/3B23.; PLE/3C22.; PLE/3D24.; PLE/3D25.; PLE/3D26.; PLE/3D27.; PLE/3D28.; PLE/3D29.; PLE/3D30.; PLE/3D31.; PLE/3D32. |

    Id-Danimarka | 2 179 | TAC Prekawzjonali. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Ġermanja | 242 |

    Il-Polonja | 456 |

    L-Iżvezja | 164 |

    KE | 3 041 |

    TAC | 3 041 |

    Speċi: | Salamun tal-Atlantiku | Żona: | Ilmijiet tal-KE tas-Subdiviżjonijiet 22-31 |

    Salmo salar | SAL/3B23.; SAL/3C22.; SAL/3D24.; SAL/3D25.; SAL/3D26.; SAL/3D27.; SAL/3D28.; SAL/3D29.; SAL/3D30.; SAL/3D31. |

    Id-Danimarka | 54 556 | (1) | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Ġermanja | 6 070 | (1) |

    L-Estonja | 5 545 | (1) |

    Il-Finlandja | 68 028 | (1) |

    Il-Latvja | 34 700 | (1) |

    Il-Litwanja | 4 079 | (1) |

    Il-Polonja | 16 550 | (1) |

    L-Iżvezja | 73 745 | (1) |

    KE | 263 273 | (1) |

    TAC | Mhux rilevanti |

    __________ |

    (1) Espress fl-għadd ta’ ħut individwali. |

    Speċi: | Salamun tal-Atlantiku | Żona: | Ilmijiet tal-KE tas-Subdiviżjoni 32 |

    Salmo salar | SAL/3D32. |

    L-Estonja | 1 581 | (1) | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Finlandja | 13 838 | (1) |

    KE | 15 419 | (1) |

    TAC | Mhux rilevanti |

    _________ |

    (1) Espress fl-għadd ta’ ħut individwali. |

    Speċi: | Laċċa kaħla | Żona: | Ilmijiet tal-KE tas-Subdiviżjonijiet 22-32 |

    Sprattus sprattus | SPR/3B23.; SPR/3C22.; SPR/3D24.; SPR/3D25.; SPR/3D26.; SPR/3D27.; SPR/3D28.; SPR/3D29.; SPR/3D30.; SPR/3D31.; SPR/3D32. |

    Id-Danimarka | 33 535 | TAC Analitiku. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

    Il-Ġermanja | 21 245 |

    L-Estonja | 38 941 |

    Il-Finlandja | 17 555 |

    Il-Latvja | 47 032 |

    Il-Litwanja | 17 013 |

    Il-Polonja | 99 810 |

    L-Iżvezja | 64 829 |

    KE | 339 960 |

    TAC | Mhux rilevanti |

    ANNESS II

    Limiti tal-isforz tas-sajd

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir, b'tartaruni Daniżi jew b'irkaptu simili b'malji ta' 90 mm jew akbar, li jistadu b'għeżula tat-tisqif, għeżula tat-tħabbil jew pariti li għandhom malji ta' 90 mm jew akbar, jew li jistadu bil-konzijiet tal-qiegħ, konzijiet ħlief konzijiet mitluqa, xolfa tal-idejn u rkaptu tat-trejjix għandhom ikunu permessi għal għadd massimu ta'

    (a) 181 jum neqsin mill-port fis-Subdiviżjonijiet 22-24 bl-eċċezzjoni tal-perjodu mill-1 sat-30 ta' April meta japplika l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, u

    (b) 160 jum neqsin mill-port fis-Subdiviżjonijiet 25-28 bl-eċċezzjoni tal-perijodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu meta japplika l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.

    ANNESS III Miżuri tekniċi tranżizzjonali

    Restrizzjonijiet fuq is-sajd għall-barbun u għall-barbun imperjali

    1. Iż-żamma abbord tal-ispeċi ta’ ħut li ġejjin li jinqabdu fiż-żoni ġeografiċi u matul il-perijodi msemmijin hawn taħt għandu jkun ipprojbit:

    Speċi | Żona ġeografiċi | Perjodu |

    Barbun (Platichthys flesus) | Subdiviżjonijiet 26, 27, 28 u 29, fin-Nofsinhar ta' 59°30'N Subdiviżjoni 32 | Mill-15 ta’ Frar sal-15 ta' Mejju Mill-15 ta’ Frar sal-31 ta’ Mejju |

    Barbun Imperjali (Psetta maxima) | Subdiviżjonijiet 25, 26 u 28 fin-Nofsinhar ta' 56°50'N | Mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Lulju |

    2. B'deroga mill-punt 1, meta jkun qed isir sajd bix-xbieki tat-tkarkir, b'tartaruni Daniżi u b'irkaptu simili b’malji ta’ 105 mm jew akbar inkella b'għeżula tat-tisqif, għeżula tat-tħabbil u pariti b’malji ta' 100 mm jew akbar, qabdiet inċidentali ta' barbun u barbun imperjali jistgħu jinżammu abbord jew jinħattu f'limitu ta' 10% tal-piż ħaj tal-qabda sħiħa miżmuma abbord u jinħattu l-art matul il-perjodi ta' projbizzjoni msemmija fil-punt 1.

    […]

    [1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    [2] ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

    [3] ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1.

    [4] ĠU L 132, 21.5.1987, p. 9.

    [5] ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1.

    [6] ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

    [7] ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.

    [8] ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1.

    [9] ĠU L 365, 31.12.1991, p. 1.

    [10] ĠU L 16, 20.1.2005, p. 184.

    [11] ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1

    [12] ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    [13] COM(2009)224.

    Top