Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0395

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda ir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittrivi fir-rigwad taż-Żimbabwe

    /* KUMM/2009/0395 finali - CNS 2009/0111 */

    52009PC0395

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda ir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittrivi fir-rigwad taż-Żimbabwe /* KUMM/2009/0395 finali - CNS 2009/0111 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 29.7.2009

    KUMM(2009) 395 finali

    2009/0111 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittrivi fir-rigwad taż-Żimbabwe

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Fit-18 ta’ Frar 2002, il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq iż-Żimbabwe b’risposta għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi vjolazzjonijiet tal-libertajiet ta’ opinjoni, assoċċjazzjoni u assemblea paċifika f’dak il-pajjiż (Pożizzjoni Komuni 2002/145/PESK). Fid-dawl tat-tħassib kontinwu tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe, il-Kunsill adotta Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK biex jestendi u jemenda l-miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe. Dawn il-miżuri kienu l-aħħar estiżi permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2009/68/PESK tad-26 ta’ Jannar 2009.

    2. Artikolu 5(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK stipula li l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għandu jkun japplika għall-“membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u l-persuni kollha fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom” kif imniżżla fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni. Permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2008/632/PESK tal-31 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill wessa’ dan l-iskop billi żied “persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li l-attivitajiet tagħhom joħolqu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”.

    3. Ir-Regolament (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe jimplimenta l-miżuri restrittivi stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK, sa fejn dawn jaqgħu fl-iskop tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

    4. L-għan ewlieni ta' din il-proposta huwa li tikkonforma r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 mal-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK, kif emendata.

    5. Deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK jistipulaw il-bażi individwali u speċifika għal kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp inkluż f’dik il-lista. Il-proċedura proposta biex tiġi emendata l-parti ta' Anness II għar-Regolament (KE) Nru 314/2004 li tkopri persuni fiżiċi jew ġuridiċi li li l-attivitajiet tagħhom joħolqu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, u li ma humiex marbuta mar-reġim fil-gvern, għandha tinkludi l-publikazzjoni ta’ nota dwar kif persuni, entitajiet u korpi fil-lista jistgħu jissottometu informazzjoni sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jkunu mismugħa. Wara l-eżaminazzjoni tal-informazzjoni sottomessa minn persuna, entità jew korp fil-lista, il-Kummissjoni għandha tieħu deċizjoni ġdida skont ir-Regolament (KE) Nru 314/2004.

    6. Sabiex tkopri “persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li l-attivitajiet tagħhom joħolqu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe” il-bażi legali tar-Regolament propost trid tinkludi Artikoli 60, 301 u 308 tat-Trattat tal-KE. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, fis-Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008 f’kawża magħquda C-402/05 P u C-415/05 P Yassin Abdullah Kadi u Al Barakaat International Foundation vs. Il-Kunsill, kienet tal-opinjoni li miżuri fil-konfront ta’ “pajjiżi terzi”, fis-sens ta’ Artikoli 60 u 301 tat-Trattat tal-KE jinkludu l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomċi oħra tal-mexxejja ta’ pajjiżi terzi u ta’ individwi u entitajiet assoċjati magħhom jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom. Dawn l-Artikoli ma pprovdewx bażi legali adegwata għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ individwi u entitajiet li ma kellhomx tali rabta mar-reġim li jigverna f’pajjiż terz. Madanakollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Artikoli 60, 301 u 308 tat-Trattat tal-KE jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ tali individwi u entitajiet.

    7. Qed tkun proposta dispożizzjoni biex tipprovdi kjarifiki dwar il-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata li tista' tkun ipprovduta biex issostni deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK.

    8. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta, jiproteġi d-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali. Hija meħtieġa dispożizzjoni biex tipprovdi kjarifika dwar ir-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta' dejta personali tal-individwi elenkati, u b'mod partikolari għall-ipproċessar ta' dejta relatata ma' reati, sentenzi kriminali jew miżuri ta' sigurtà skont ir-Regolament (KE) Nru 314/2004.

    9. Din il-proposta tinkludi wkoll ċerti emendi ta' natura teknika, bħall-allinjament tad-definizzjoni tal-iffriżar ta' fondi u l-Artikolu 13 dwar il-ġuriżdizzjoni Komunitarja mal-vokabularju standard stabbilit mil-linji Gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' miżuri ristrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Esterna u tas-Sigurtà Komuni tal-UE (id-dokument tal-Kunsill 15114/05 tat-2 ta' Diċembru 2005).

    2009/0111 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittrivi fir-rigwad taż-Żimbabwe

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 60, 301 u 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK tad-19 ta’ Frar 2004 li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe[1] kif emendati bil-Pożizzjoni Komuni 2008/632/PESK tal-31 ta’ Lulju 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe[2].

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

    Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta,

    Billi:

    (1) Ir-Regolament (KE) Nru 314/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 rigward ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe[4] jimplimenta bosta miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK, inkluż l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi. Huwa neċessarju li l-għan tal-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 jkun allinjat mal-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK kif emendata mill-Pożizzjoni Komuni 2008/632/PESK.

    (2) Deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-Anness għall-Poizzjoni Komuni 2004/161/PESK jistipulaw il-bażi individwali u speċifika biex kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikun inkluż f’dik il-lista. Il-proċedura reveduta biex tiġi emendata l-parti ta' Anness II għar-Regolament (KE) Nru 314/2004 li tkopri persuni fiżiċi jew ġuridiċi li li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, u li ma humiex marbuta mar-reġim fil-gvern, għandha tinkludi l-publikazzjoni ta’ nota dwar kif persuni, entitajiet u korpi fil-lista jistgħu jissottometu informazzjoni sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jkunu mismugħa. Wara l-eżaminazzjoni tal-informazzjoni sottomessa, il-Kummissjoni għandha tieħu deċizjoni ġdida skont ir-Regolament (KE) Nru 314/2004.

    (3) Sabiex timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK kif emendata, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li mhumiex marbuta mar-reġim li jiggverna fiż-Żimbabwe. Fid-dawl ta’ dan, il-bażi legali ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi mhux biss Artikoli 60 u 301, iżda wkoll Artikolu 308 tat-Trattat tal-KE, skont il-każistika tal-Qort tal-Ġustizzja.

    (4) Għandha ssir dispożizzjoni biex tittratta tagħrif klassifikat li jista' jkun ipprovdut mill-Kunsill jew minn Stat.

    (5) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[5] u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jkun applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

    (6) L-għan tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 hu li jwassal għat-tmiem ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe bl-applikazzjoni ta' miżuri restrittivi kontra l-Gvern taż-Żimbabwe, dawk li għandhom ir-responsabbiltà primarja għal tali vjolazzjonijiet u dawk li jikkommettuhom. Sabiex tinħoloq l-ogħla ċertezza legali fi ħdan il-Komunità, l-ismijiet u dejta oħra relevanti fir-rigward ta' persuni naturali jew ġuridiċi, entitatijiet u korpi, li għandu jkollhom il-fondi tagħhom iffriżati skont ir-Regolament Nru 314/2004 għandhom ikunu pubbliċi. L-ipproċessar mill-Kummissjoni ta' dejta relevanti relatata ma' reati kriminali mwettqa minn persuni naturali elenkati, u kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-persuni għandhom ikunu awtorizzati soġġetti għal salvagwardji speċifiċi xierqa.

    (7) Kull ipproċessar ta' dejta personali ta' persuni naturali skont dan ir-Regolament għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta[6] u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta.[7]

    (8) Huwa xieraq li jkunu allinjati ċertu partijiet tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 ma’ vokabularju standard iktar reċenti għal Regolamenti dwar miżuri restrittivi.

    (9) Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 314/2004 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 314/2004 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1) Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    “(b) “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu iżda mhux limitati għal:

    (i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money-orders u strumenti oħra ta’ ħlas;

    (ii) depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;

    (iii) titoli negozjabbli kemm pubbliċi kif ukoll privati u strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu debitu, inklużi l-istocks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli tas-sigurtà, kambjali, noti, mandati, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

    (iv) imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur akkumulat jew ġenerat minnhom;

    (v) kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, titoli eżegwibbli jew impenji finanzjarji oħra;

    (vi) ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta’ bejgħ;

    (vii) dokumenti li jixhdu interess f'fondi jew riżorsi finanzjarji;

    (b) Punt (e) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(e) "friża ta’ riżorsi ekonomiċi" tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, merkanzija jew servizzi f’kull mod, li jinkludu, imma mhux limitati għal bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom.

    (2) L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma jew kontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

    2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III.

    3. Il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu li, direttament jew indirettament, jiġu promossi t-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun projbita.

    4. Anness III ser ikun magħmul minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi magħżula mill-Kunsill skont il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK kif emendata. L-Anness III ser jinkludi Parti A li hi lista tal-membri individwali tal-gvern taż-Żimbabwe u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati ma’ xi ħadd minnhom, u Parti B li hi lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn, entitajiet jew korpi li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe.

    5. Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet ikkonċernati, jekk huma ma kienux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.”

    (3) Fl-Artikolu 7, ġie miżjud il-paragrafu 3 li ġej:

    “3. L-Artikolu 6(2) m’għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fil-Komunità milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn jirċievu fondi trasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, sakemm kwalunkwe żieda għal tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif imniżżla f’Anness II, dwar tranżazzjonijiet bħal dawn mingħajr dewmien."

    (4) Fl-Artikolu 11, it-test preżenti huwa nnumerat bħala paragrafu 1 u qed jiżdied il-paragrafu 2 li ġej:

    “2. Il-Kummissjoni ser tippubblika avviż dwar il-modalitajiet għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni b’rabta ma’ Anness III."

    (5) Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 11a, 11b u 11c li ġejjin:

    "Artikolu 11a

    1. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi, skont il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK, li jniżżel persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe , u li mhux marbut mar-reġim li jiggverna fiż-Żimbabwe, il-Kummissjoni ser tieħu deċiżjoni proviżorja dwar l-emenda ta’ Parti B tal-Anness II mingħajr dewmien.

    2. Ladarba din id-deċiżjoni tkun ittieħdet, il-Kummissjoni mingħajr dewmien ser tippubblika avviż rigward il-modalitajiet biex tkun sottomessa informazzjoni dwar Anness III, li tipprovdi lill-persuna, entità jew korp involut b’opportunità biex jesprimi/tesptimi lilu/a nnifsu/a fuq il-kwistjoni.

    3. Wara eżaminazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni sottomessa mill-persuni, entitajiet jew korpi mniżżla fil-Parti B ta' Anness II, il-Kummissjoni ser tieħu deċiżjoni finali.

    Artikolu 11b

    1. Jekk il-Kunsill jew Stat jibgħat tagħrif kklassifikat, il-Kummissjoni għandha tittratta dan it-tagħrif skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA Euratom[8], u fejn applikabbli, il-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat li qed jibgħat din l-informazzjoni.

    2. Id-dokumenti kklassifikati fuq livell li jikkorispondi għal 'UE l-Ogħla Segretezza', 'UE Sigriet' jew 'UE Kunfidenzjali' m'għandhomx ikunu rilaxxati mingħajr il-kunsens ta' min kitibhom.

    Artikolu 11c

    1. Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-dejta personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

    (a) il-preparazzjoni ta' emendi għall-Anness III ta' dan ir-Regolament;

    (b) il-konsolidazzjoni tal-kontenut tal-Anness III fil-lista konsolidata, elettronika ta' persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-UE disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni[9];

    (c) l-ipproċessar ta' tagħrif dwar ir-raġunijiet għall-elenkar; kif ukoll

    (d) l-ipproċessar tat-tagħrif dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħal ma huma l-valur tal-fondi ffriżati u t-tagħrif dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

    2. L-Anness III għandu jinkludi biss it-tagħrif li ġej dwar il-persuni naturali elenkati:

    (a) kunjom u ismijiet attribwiti lilhom, inklużi psewdonimi u titli, fejn hemm;

    (b) id-data u l-post tat-twelid;

    (c) in-nazzjonalità;

    (d) in-numri tal-passaport u tal-Karta tal-Identità;

    (e) in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

    (f) is-sess;

    (g) indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn jinstabu;

    (h) funzjoni jew professjoni;

    (i) id-data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7(2)(b).

    (j) ir-raġunijiet għaliex tniżżel fil-lista, jekk il-funzjoni mh’ix raġuni suffiċjenti għaliex tniżżel fiha.

    3. L-Anness III jista' jinkludi wkoll id-dejta personali li ġejja relatata mal-persuni naturali elenkati, jekk din id-dejta tkun ipprovduta mill-Kunsill u hija neċessarja f'każ speċifiku għall-unika raġuni tal-verifika tal-identità tal-persuna naturali elenkata fil-kwistjoni:

    (a) kunjom u ismijiet attribwiti ta' missier il-persuna naturali;

    (b) kunjom u ismijiet attribwiti ta' omm il-persuna naturali.

    Il-persuni naturali kkonċernati għandhom ikunu infurmati bl-użu li sar mill-ismijiet tagħhom fl-Anness III bl-istess mod tal-persuni naturali elenkati.

    4. Il-Kummissjoni tista' tipproċessa d-dejta relevanti relatata ma' reati kriminali mwettqa mill-persuni naturali elenkati, u kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà dwar dawn il-persuni, biss safejn dan l-ipproċessar huwa meħtieġ għar-reviżjoni tal-opinjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom daħlet fil-lista magħmula mil-persuna naturali kkonċernata, soġġetti għal salvagwardji speċifiċi xierqa. Tali dejta ma għandiex tkun ippubblikata jew skambjata.

    5. Għar-raġunijiet ta' dan ir-Regolament, l-unità tal-Kummissjoni elenkata fl-Anness II hija nominata bħala "kontrollur" skont it-tifsira tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni naturali kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001."

    (6) L-Artikolu 13 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "Artikolu 13

    Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a) fi ħdan it-territorju tal-Komunità, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b) abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

    (c) għal kull persuna fit-territorju tal-Komunità jew barra minnu, li hija ċittadin ta' Stat Membru;

    (d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

    (e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fil-Komunità.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-[...]

    Għall-Kunsill

    Il-President […]

    [1] ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66.

    [2] ĠU L 205, 1.8.2008, p. 53.

    [3] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [4] ĠU L 55, 24.2.2004, p. 1.

    [5] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

    [6] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    [7] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    [8] ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

    [9] http://ec.europa.eu/external_relations/cfsp/sanctions/list/consol-list.htm

    Top