Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0194

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

    /* KUMM/2009/0194 finali - COD 2009/0060 */

    52009PC0194




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 21.4.2009

    KUMM(2009)194 finali

    2009/0060 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Fost l-istrumenti finanzjarji differenti li huma applikabbli għall-kooperazzjoni esterna tal-Komunità, hemm xi inkonsistenzi fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma' taxxi, dazji u spejjeż oħra għall-finanzjament tal-Komunità.

    L-istrument ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI) u l-istrument relatat mad-drittijiet tal-bniedem (EIDHR) huma l-uniċi li ma jipprevedux eżenzjoni għall-prinċipju tan-nuqqas ta' eliġibbiltà tagħhom għall-finanzjament tal-Komunità. L-istrumenti l-oħra jistipulaw li fil-prinċipju l-għajnuna tal-Komunità ma tistax tintuża għall-finanzjament ta' dawn l-ispejjeż. Għalhekk, huma jippermettu flessibbiltà skont il-każ u allura l-ordinatur kompetenti jista', fejn ikun xieraq, jiddeċiedi li jaċċeta l-finanzjament tagħhom fl-interess tal-implimentazzjoni tajba tal-programmi u proġetti.

    Din il-flessibbiltà hi indispensabbli fir-rigward ta' ċerti sitwazzjonijiet rikorrenti ta' imblukkar li jidhru meta l-mekkaniżmi ta' eżenzjoni jkunu ineżistenti jew mhux prattiċi (pereżempju minħabba l-kumplessità estrema tal-proċeduri fil-pajjiż benefiċjarju). F'dawn is-sitwazzjonijiet, il-kliem stretti użati fl-istrumenti DCI u EIDHR jistgħu jagħmlu l-azzjoni ffinanzjata mill-għajnuna esterna diffiċli ħafna, b'mod partikolari fil-qafas tal-proġetti "EIDHR". Wieħed għandu jenfassizza wkoll li, b'kunsiderazzjoni tat-tfassil attwali, il-projbizzjoni tal-finanzjament tal-ħlas tat-taxxi jikkunċerna biss dawk li jridu jitħallsu "fil-pajjiżi benefiċjarji" li jżid diffikultà interpretattiva mal-problema ta' eliġġibiltà (b'mod speċjali l-każ ta' proġett reġjonali). Eżempju ta' każ ieħor jikkunċerna l-applikazzjoni tat-taxxi lokali (ekwivalenti għall-VAT) li ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' eżenzjoni, u li jridu jkunu appoġġjati mill-kuntrattant b'kunsiderazzjoni tal-projbizzjoni stretta tal-finanzjament tat-taxxi.

    Pereżempju, id-diffikultajiet fir-rigward tal-eliġġibbiltà jistgħu jinqalgħu b'mod speċjali, iżda ma jillimitawx biss għalihom, fil-każijiet li ġejjin :

    - Għax-xiri lokali ta' ammont baxx u/jew li jistgħu jitħallsu lura, li għalihom il-mekkaniżmi ta' eżenzjoni tal-VAT tal-pajjiż benefiċjarju xi kultant ikunu diffiċilment applikabbli jew ineżistenti.

    - Il-finanzjament tat-taxxi fuq il-valur miżjud minn sussidju tal-Komunità, bil-kundizzjoni li t-taxxi ma jitħallsux lura u li l-att ta' bażi ma jeskludihx, hu previst mit-termini ta' implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (Artikolu 172a(2)(c)). Kull sussidju mogħti taħt ġestjoni ċentralizzata ma jeħtieġx il-kunsens minn qabel tal-pajjiż fejn il-proġett hu implimentat. Jekk il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż ma tipprevediex ebda mekkaniżmu ta' eżenzjoni, il-benefiċjarju tas-sussidju jrid iħallas it-taxxi fuq il-valur miżjud jew it-taxxi lokali ekwivalenti għall-VAT u ma jistax jikseb il-ħlas lura minn fondi tal-KE.

    - Fil-qafas tal-proġetti "EIDHR" minħabba l-ispeċifiċità tal-kuntest ta' intervent, ċerti pajjiżi kkunċernati huma ftit inklinati biex jagħtu eżenzjonijiet għall-proġetti li ma jsostnux. Fin-nuqqas ta' konvenzjonijiet li jipprevedu l-eżenzjoni tat-taxxi għall-proġetti ffinanzjati mill-Komunità, dawn it-taxxi huma allura mħallsa mill-entitajiet benefiċjarji. Dan jista' joħloq xkiel għall-implimentazzjoni tal-proġetti partikolarment sensibbli minn lat politiku.

    Fl-aħħar, wieħed għandu jinnota li, anke jekk il-finanzjament totali tal-azzjoni jista' jkun previst taħt ċerti kundizzjonijiet fil-qafas tal-azzjonijiet esterni, dan mhuwiex dejjem biżżejjed biex jippermetti l-finanzjament tat-taxxi, li jibqgħu spejjeż mhux eliġibbli. Il-finanzjament totali japplika biss għall-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni.

    B'kunsiderazzjoni ta' li ntqal hawn fuq u tal-karattru li jevolvi tad-dispożizzjonijiet fiskali fil-pajjiżi benefiċjarji, jitqies essenzjali li tinżamm biżżejjed flessibbiltà sabiex tippermetti lill-ordinatur kompetenti li jevalwa, skont il-każ, il-ħtieġa li tkun aċċettata l-eliġibbiltà tat-taxxi għall-finanzjament tal-Komunità taħt id-DCI u l-EIDHR, bħalma jista' jagħmel fil-qafas ta' strumenti oħra tal-għajnuna esterna tal-KE, meta dawn it-taxxi jkunu legali.

    B'konsegwenza, huwa propost li d-dispożizzjonijiet relevanti taż-żewġ strumenti jkunu konformi mal-istrumenti l-oħra.

    2009/0060 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikolu 179(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 181 tiegħu,

    Wara li kkunsudraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat[1],

    Billi:

    (1) Sabiex jitjibu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-għajnuna esterna tal-Komunità, fl-2006 ġie stabbilit qafas ġdid li jsostni l-pjanifikazzjoni u l-provvista ta' attivitajiet ta' għajnuna, li jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni[2], ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija[3], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli[4], ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà[5], ir-Regolament (KE) Nru 300/2007 tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari[6], ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja[7] u r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp[8].

    (2) Fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-regolamenti ħarġu xi inkosistenzi fir-rigward tal-eżenzjoni għall-prinċipju tan-nuqqas ta' eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma' taxxi, dazji u spejjeż oħra għall-finanzjament tal-KE. Fid-dawl ta' dan, hu propost li jkunu emendati d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolamenti (KE) Nru 1905/2006 u (KE) Nru 1889/2006 sabiex ikunu konformi mal-istrumenti oħrajn.

    (3) Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tat-Trattat,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, il-paragrafu 2 hu mibdul b'dan it-test li ġej:

    «2. Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Komunità mhix użata għall-ħlas ta' taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji."

    Artikolu 2

    Fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, il-paragrafu 6 hu mibdul b'dan it-test li ġej:

    «6. Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Komunità mhix użata għall-ħlas ta' taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji."

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 21.4.2009

    Mill-Parlament Ewropew Mill-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] Avviż tal-Parlament Ewropew ta' XX (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta' XX (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali), u pożizzjoni komuni tal-Parlament Ewropew ta' XX (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali)

    [2] ĠU L 210 31.7.2006, p. 82

    [3] ĠU L 310 9.11.2006, p. 1

    [4] ĠU L 405 30.12.2006, p. 37

    [5] ĠU L 327 15.11.2006, p. 1

    [6] ĠU L 81 22.3.2007, p. 1

    [7] ĠU L 386 29.12.2006, p. 1

    [8] ĠU L 378 27.12.2006, p. 41.

    Top