EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0187

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

/* KUMM/2009/0187 finali - CNS 2009/0055 */

52009PC0187

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban /* KUMM/2009/0187 finali - CNS 2009/0055 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.4.2009

KUMM(2009) 187 finali

2009/0055 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Sa mill-1999 u skont il-Kapitlu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU applika sanzjonijiet, u b'mod partikolari l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi, kontra t-Taliban, Al Qaida u s-Sur Usama bin Laden. Għal dan il-għan, in-NU stabbilew lista' NU ta' individwi u entitajiet ta' Al Qaida u t-Taliban tan-NU, li torbot skont il-liġi internazzjonali lill-membri kollha tan-nU, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

2. Fis-27 ta' Mejju 2002, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban. Dan jimplimenta xi elementi mir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1267(1999) u 1390(2002) u b'mod partikolari l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' individwi u entitajiet inklużi fil-lista mfassla min-NU għal dan il-għan. Ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa konformi mal-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Taliban u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati magħhom.

3. Il-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Settembru 2008 annullat ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 safejn jikkonċerna lil Yassin Abdullah Kadi u l-Fondazzjoni Internazzjonali Al Barakaat. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-awtorità tal-Komunità li tiddeċiedi li tiffriza l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' individwu jew entità skont ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 għandha tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom ittieħdet dik id-deċiżjoni lill-indiviwdu jew l-entità kkonċernata, sabiex ikunu osservati d-drittijiet għad-difiża, b'mod partikolari d-dritt għas-smigħ, u d-dritt għar-reviżjoni ġuridika. Sabiex tkun konformi mas-sentenza tal-Qorti, l-UE talbet id-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet li fuqhom kienu elenkati ż-żewġ partijiet relevanti lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u kkomunikathom lill-partijiet għall-kummenti. Wara evalwazzjoni tal-kummenti, il-Kummissjoni adottat Regolament ġdid li jżomm lis-Sur Kadi u l-Fondazzjoni Internazzjonali Al Barakaat fuq il-lista ta' individwi u entitajiet soġġetti għall-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi (ir-Regolament (KE) Nru 1190/2008 tat-28 ta' Novembru 2008).

4. Huwa kkunsidrat neċessarju li jkun emendat ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 biex ikunu kkodifikati dawn l-elementi ġodda u biex jipprovdi għal proċedura li tirrispetta d-drittijiet fundamentali li se jkunu segwiti fir-rigward ta' individwi u entitajiet elenkati ġodda min-NU. Il-proċedura l-ġdida hija bbażata fuq il-proċedura applikata għar-raġunijiet tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, li tirrigwarda l-lista tat-terroriżmu mfassla mill-UE stess, stabbilita fid-dokument tal-Kunsill 10826/1/27 tat-28 ta' Ġunju 2007. Din għandha tkun kif ġej:

5. Fuq notifika mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU ta' deċiżjoni ta' elenkar ġdida u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-Kummissjoni se tieħu deċiżjoni proviżorja biex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-individwu jew entità kkonċernata;

6. Fl-istess ħin il-Kummissjoni se tibgħat dikjarazzjoni tar-raġunijiet lill-individwu jew entità kkonċernata mingħajr dewmien, sabiex tagħtih/a opportunità li j/tesprimi l-opinjonijiet tiegħu/tagħha;

7. Il-Kummissjoni se teżamina l-opinjonijiet espressi u tikkonsulta kumitat konsultattiv ta' esperti tal-Istati Membri qabel tieħu deċiżjoni finali.

8. Sabiex ikun żgurat li d-drittijiet fundamentali jkunu rispettati, huwa meħtieġ ukoll li tkun indirizzata l-pożizzjoni ta' individwi u entitajiet elenkati diġà. Ir-Riżoluzzjoni 1822 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-30 ta' Ġunju 2008 tipprevedi reviżjoni tal-ismijiet kollha inklużi fil-lista tan-NU fit-30 ta' Ġunju 2008. Din ir-reviżjoni tan-NU għandha titlesta sat-30 ta' Ġunju 2010.

9. Jekk in-NU tiddeċiedi li tħassar individwu jew entità, it-tħassar fuq livell Komunitarju għandu jsir bla dewmien, bħal qabel, u ma jkunx suġġett għal talba għat-tħassir lil Istituzzjoni Komunitarja.

10. Minħabba s-suġġett, in-Nazzjonijiet Uniti jew Stat terz jistgħu jqisu li hemm il-ħtieġa li jipprovdu tagħrif klassifikat lill-Istituzzjoni Komunitarja biex jappoġġjaw dik id-deċiżjoni. Hija proposta dispożizzjoni biex tipprovdi kjarifiki dwar il-ġestjoni ta' dan it-tagħrif.

11. Hija meħtieġa dispożizzjoni wkoll biex tipprovdi kjarifikazzjoni dwar ir-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta' dejta personali tal-individwi elenkati, u b'mod partikolari għall-ipproċessar ta' dejta relatati ma' reati, sentenzi kriminali jew miżuri ta' sigurtà skont dan ir-Regolament.

12. Din il-proposta fiha wkoll ċerti dispożizzjonijiet addizzjonali, bħal ma hu l-aġġornament tal-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 biex jittieħed f'konsiderazzjoni l-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni 1735(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jestendi l-perjodu ta' nuqqas ta' oġġezzjoni li japplika meta l-Istati Membri jikkonsultaw lin-NU dwar l-għotja ta' eżenzjonijiet għal spejjeż bażiċi, għal tlitt ijiem tax-xogħol. Fiha wkoll ċerti emendi ta' natura teknika, bħal l-allinjament tad-definizzjoni tal-iffriżar ta' fondi u l-Artikolu 11 dwar il-ġuriżdizzjoni Komunitarja mal-kliem standard stabbilit mil-linji Gwida dwar l-implimentazzjoni u evalwazzjoni ta' miżuri ristrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Esterna u ta' Sigurtà Komuni tal-UE (id-dokument tal-Kunsill 15114/05 tat-2 ta' Diċembru 2005).

2009/0055 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikoli 60, 301 u 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK tas-27 ta' Mejju 2002 dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Taliban u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati magħhom [1],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1) Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK tipprevedi, inter alia , li l-Komunità Ewropea għandha tieħu ċerti miżuri restrittivi, inkluż l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi, skont ir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-nazzjonijiet Uniti.

(2) L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi kien implimentat permezz tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban[3].

(3) Artikolu dwar l-eċċezzjonijiet kien miżjud f'dak ir-Regolament permezz tar-Regolament (KE) Nru 561/2003 tas-27 ta' Marzu 2003[4]. Il-perjodu ta' nuqqas ta' oġġezzjoni msemmi f'dak l-Artikolu għandu jsir konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1735 tat-22 ta' Diċembru 2006.

(4) Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta' Settembru 2008 fil-Każijiet Konġunti C-402/05 P u C-415/05 P, Yassin Abdullah Kadi u l-Fondazzjoni Internazzjonali Al Barakaat v. Il-Kunsill, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 għandu jkun emendat biex jipprovdi għal proċedura ta' elenkar li tiżgura li d-drittijiet fundamentali tad-difiża u b'mod partikolari d-dritt għas-smigħ ikunu rispettati.

(5) Il-proċedura reveduta għandha tinkludi l-forniment tar-raġunijiet li għalihom ġew elenkati kif trażmessi lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar Al Qaida u t-Taliban tan-NU, lill-persuni, entitajiet, korpi jew gruppi elenkati, sabiex tagħti opportunità lill-persuna, entità, korp jew grupp elenkat li jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq dawk ir-raġunijiet. Ir-raġuni tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa li jkunu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' persuni, entitajiet, korpi u gruppi inklużi fil-lista ta' Al Qaida u t-Taliban magħmula min-NU. Billi r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jistabbilixxu li dan l-iffriżar għandu jsir "mingħajr dewmien", dawn il-miżuri, minn natura tagħhom stess, għandhom jieħdu vantaġġ mill-effett sorpriża. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tieħu deċiżjoni proviżorja qabel tinforma lill-persuna, l-entità, l-korp jew il-grupp ikkonċernat bir-raġunijiet għall-elenkar. Madanakollu, ir--raġunijiet għall-elenkar għandhom ikunu nnotifikati lil dik il-persuna, l-entità, l-korp jew il-grupp mingħajr dewmien bla bżonn, wara li d-deċiżjoni tkun ippubblikata, biex tagħti lill-persuna, l-entità, l-korp jew il-grupp ikkonċernat l-opportunità biex effettivament jagħmel il-punt tiegħu.

(6) Wara l-eżami ta' kull opinjoni sottomessa, għandha tiġi adottata deċiżjoni finali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni[5].

(7) Waqt li l-Kummissjoni għandha tagħmel sforz biex tinnotifika r-raġunijiet għall-elenkar direttament lill-persuna, l-entità, il-korp jew il-grupp ikkonċernat, din in-notifika tista' ma tkunx possibli f'ċerti każi minħabba dettalji ta' kuntatt mhux kompluti jew nuqqas totali tagħhom. F'dawn il-każi, għandha tkun ippubblikata notifika fil-Ġurnal Uffiċjali biex tinforma lil dawk ikkonċernati bil-proċeduri applikabbli.

(8) Huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għal proċedura speċifika dwar persuni, entitajiet, korpi u gruppi elenkati qabel it-3 ta' Settembru 2008, sabiex ikunu rrispettati d-drittijiet ta' difiża tagħhom u b'mod partikolari id-dritt għas-smigħ.

(9) Għandha ssir dispożizzjoni biex tittratta tagħrif klassifikat li jista' jkun ipprovdut min-Nazzjonijiet Uniti jew minn Stat.

(10) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[6] u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jkun applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(11) Ir-raġuni għar-Regolament (KE) Nru 881/2002 hija biex tipprevjeni l-krimini terroristiċi, inkluż l-iffinanzjar tat-terroriżmu, sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Sabiex tinħoloq l-ogħla ċertezza legali fi ħdan il-Komunità, l-ismijiet u dejta oħra relevanti fir-rigward ta' persuni naturali jew ġuridiċi, entitatijiet, korpi jew gruppi, li għandu jkollhom il-fondi tagħhom iffriżati skont ir-Regolament Nru 881/2002 għandhom ikunu pubbliċi. L-ipproċessar mill-Kummissjoni ta' dejta relevanti relatata ma' reati kriminali mwettqa minn persuni naturali elenkati, u kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-persuni għandhom ikunu awtorizzati soġġetti għal salvagwardji speċifiċi xierqa.

(12) Kull ipproċessar ta' dejta personali ta' persuni naturali skont dan ir-Regolament għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta[7] u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[8].

(13) Huwa xieraq li tkun iċċarata t-tifsira ta' ċertu kliem u li ċerti partijiet tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jkunu allinjati ma' formulazzjoni standard użata dan l-aħħar għar-Regolamenti dwar miżuri ristrittivi.

(14) Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-Punt 3 jinbidel bit-test li ġej:

“3. 'iffriżar tal-fondi' tfisser li ma jitħalla l-ebda mossa, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew innegozjar ta' fondi bl-ebda mod li jirriżulta f'kull bidla fil-volum, ammont, pożizzjoni, propjetà, pussess, karattru, destinazzjoni jew bidla oħra li tipermetti li l-fondi jintużaw, kif ukoll l-amministrazzjoni tal-portafolli;"

(b) Il-punti 5 u 6 li ġejjin huma miżjuda:

“5. 'grupp' tfisser grupp terroristiku kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[9].

6. 'il-Kumitat tas-Sanzjonijiet' tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilit skont ir-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1267 (1999) dwar Al Qaida u t-Taliban."

(2) L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 2

1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta' persuni naturali jew ġuridiċi, entità, korp jew grupp elenkat fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu mqegħdin għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċju tal-persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet, korpi jew gruppi kif elenkati fl-Anness I.

3. L-Anness I għandu jikkonsisti minn persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet, korpi jew gruppi nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

4. Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 m’għandha twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni naturali jew ġuridiċi jew entitajiet jew korpi kkonċernati, jekk huma ma kienux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru dawn il-projbizzjonijiet."

(3) Fl-Artikolu 2a(1), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c) (i) fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a)(i), (ii) jew (iii), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma oġġezzjonax għad-determinazzjoni fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol min-notifikazzjoni; jew

(ii) fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a) (iv), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet approva d-determinazzjoni."

(4) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 2b li ġej:

"Artikolu 2b

L-Artikolu 2(2) m’għandux iżomm istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fil-Komunità milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn huma jirċievu fondi ttrasferiti minn terzi fuq il-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità, korp jew grupp elenkat, kemm-il darba kull żieda fuq dawn il-kontijiet tkun iffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar tranżazzjonijiet bħal dawn mingħajr dewmien."

(5) L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 3

Bla ħsara għall-poteri tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tagħhom, għandu jkun ipprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, ta' pariri tekniċi, għajnuna jew taħriġ rilevanti għal attivitajiet militari, li jinkludu b’mod partikolari taħriġ u għajnuna relatata mall-manifattura, manteniment u użu ta’ armi u materjali relatat ta’ kull tip, lil kull persuna naturali jew ġuridika, entità, korp jew grupp imniżżel fl-Anness I.

(6) L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 6

L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li fondi jew riżorsi ekonomiċi jitpoġġew għad-dispożizzjoni, magħmul bi skop tajjeb fuq il-bażi li din l-azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, m'għandu jirriżulta fl-ebda tip ta' obbligu fuq il-persuna naturali jew ġuridika jew entitajiet jew korpi li jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, kemm-il darba ma jkunx ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kienu ffriżati, jew ma kinux disponibbli, bħala riżultat ta' negliġenza."

(7) Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 hu ssostitwit b’li ġej:

“1. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex:

(a) temenda l-Anness I, fejn xieraq skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7b(2), u

(b) temenda l-Anness II fuq il-bażi tat-tagħrif mogħtija mill-Istati Membri."

(8) Jiżdiedu l-Artikoli 7a sa 7e kif ġej:

"Artikolu 7a

1. Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi li jelenka persuna naturali jew ġuridika, entità, korp jew grupp għall-ewwel darba, il-Kummissjoni, malli d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tkun ipprovduta min-nazzjonijiet Uniti, għandha tieħu deċiżjoni proviżorja dwar l-emenda tal-Anness I mingħajr dewmien.

2. Ladarba tkun meħuda d-deċiżjoni proviżorja msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkomunika mingħajr dewmien id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ipprovduta min-Nazzjonijiet Uniti, lill-persuna, entità, korp jew grupp ikkonċernat, direttament jew pemezz ta' notifika ta' pubblikazzjoni, u tipprovdih/ha bl-opportunità li j/tesprimi ruħu/ha jew l-opinjonijiet tiegħu jew tagħha fuq il-kwistjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni finali dwar il-persuna, l-entità, il-korp jew il-grupp ikkonċernat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7b(2).

4. Fejn in-Nazzjonjiet Uniti jiddeċiedu li jħassru persuna naturali jew ġuridika, entità, korp jew grupp, jew li jemendaw id-dejta li jidentifikaw il-persuna, entità, korp jew grupp elenkat, il-Kummissjoni għandha temenda l-Anness I bl-istess mod.

Artikolu 7b

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Artikolu 7c

1. Persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi li ġew inklużi fl-Anness I qabel it-3 ta' Settembru 2008 u għadhom fil-lista, jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni għal dikjarazzjoni tar-raġunijiet. It-talba għandha tkun magħmula bil-miktub fl-lingwa uffiċjali tal-Komunità. Għandha tispeċifika indirizz postali li mhux kaxxa postali, fejn tintbagħat tweġiba u kull korrispondenza oħra fuq il-kwistjoni.

2. Kif id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mitluba tkun ipprovduta min-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni għandha tikkomunikaha lill-persuna, entità, korp jew grupp ikkonċernat. Jekk ikunu magħmula opinjonijiet, il-Kummissjoni għandha ssegwi l-proċedura deskritta fl-Artikolu 7a(3).

Artikolu 7d

1. Jekk in-Nazzjonijiet Uniti jew Stat jibagħtu tagħrif kklassifikat, il-Kummissjoni għandha tittratta dan it-tagħrif skont id-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom, tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda l-Proċeduri tar-Regoli Interni tagħha[10] u fejn applikabbli, il-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat li qed jibgħat.

2. Id-dokumenti kklassifikati fuq livell li jikkorispondi għal 'UE l-Ogħla Segretezza', 'UE Sigriet' jew 'UE Kunfidenzjali' m'għandhomx ikunu rilaxxati mingħajr il-kunsens ta' min kitibhom.

Artikolu 7e

1. Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-dejta personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti għandhom jinkludu:

(a) l-preparazzjoni ta' emendi għall-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(b) il-konsolidazzjoni tal-kontenut tal-Anness I fil-lista konsolidata, elettronika ta' persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-UE disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni[11];

(c) l-ipproċessar ta' tagħrif dwar ir-raġunijiet għall-elenkar; kif ukoll

(d) l-ipproċessar tat-tagħrif dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħal ma huma l-valur tal-fondi ffrizati u t-tagħrif dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2. L-Anness I għandu jinkludi biss it-tagħrif li ġej dwar il-persuni naturali elenkati:

(a) kunjom u ismijiet attribwiti lilhom, inklużi psewdonimi u titli, fejn hemm;

(b) id-data u l-post tat-twelid;

(c) in-nazzjonalità;

(d) in-numri tal-passaport u tal-Karta tal-Identità;

(e) in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

(f) is-sess;

(g) indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn jinstabu;

(h) funzjoni jew professjoni;

(i) id-data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b).

3. L-Anness I jista' jinkludi wkoll id-dejta personali li ġejja relatata mal-persuni naturali elenkati, jekk din id-dejta tkun ipprovduta mil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u hija neċessarja f'każ speċifiku għall-unika raġuni tal-verifika tal-identità tal-persuna naturali elenkata fil-kwistjoni:

(a) kunjom u ismijiet attribwiti ta' missier il-persuna naturali;

(b) kunjom u ismijiet attribwiti ta' omm il-persuna naturali.

Il-persuni naturali kkonċernati għandhom ikunu infurmati bl-użu li sar mill-ismijiet tagħhom fl-Anness I bl-istess mod tal-persuni naturali elenkati.

4. Il-Kummissjoni tista' tipproċessa d-dejta relevanti relatata ma' reati kriminali mwettqa mill-persuni naturali elenkati, u kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà dwar dawn il-persuni, biss safejn dan l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-preparazzjoni ta' dikjarazzjoni tar-raġunijiet u r-reviżjoni tal-opinjonijiet magħmula mil-persuna naturali kkonċernata, soġġetti għal salvagwardji speċifiċi xierqa. Din id-dejta m'għandhiex tkun ippubblikata jew skambjata.

5. Għar-raġunijiet ta' dan ir-Regolament, l-unità tal-Kummissjoni elenkata fl-Anness II hija nominata bħala "kontrollur" fit-tifsira tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni naturali kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċiaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001."

(10) L-Artikolu 11 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fi ħdan it-territorju tal-Komunità, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c) għal kull persuna fit-territorju tal-Komunità jew barra minnu, li hija ċittadin ta' Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fil-Komunità.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

[1] ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.

[4] ĠU L 82, 29.3.2003, p. 1.

[5] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[6] ĠU C 364, 18.12.2000, p.1.

[7] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[8] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[9] ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

[10] ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

[11] http://ec.europa.eu/external_relations/cfsp/sanctions/list/consol-list.htm

Top