Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0061

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar Pożizzjoni Komunitarja rigward ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE, tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali previsti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

/* KUMM/2009/0061 finali */

52009PC0061

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar Pożizzjoni Komunitarja rigward ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE, tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali previsti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra /* KUMM/2009/0061 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.2.2009

KUMM(2009) 61 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar Pożizzjoni Komunitarja rigward ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE, tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali previsti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra ġiet iffirmata fil-15 ta’ Ottubru 2008, u kienet applikata provviżjorjament sa mid-29 ta' Diċembru 2008.

L-Artikolu 227 tal-Ftehim imsemmi jwaqqaf Kunsill Konġunt, li għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tinqala' fi ħdan il-qafas tal-Ftehim u kwalunkwe kwistjonijiet oħra bilaterali, multilaterali, jew internazzjonali ta' interess reċiproku. Il-Kunsill Konġunt se jiġi megħjun fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu minn Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u minn Kumitati Speċjali, kif imsemmija fl-Artikoli 36, u 230 tal-Ftehim. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ġenerali tal-Ftehim.

L-Artikoli 228 u 230 tal-Ftehim jispeċifikaw li l-Kunsill Konġunt għandu jistabbilixxi r-Regoli tiegħu ta’ Proċedura u dawk tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp. Fid-dawl tal-ħtieġa li jkun żgurat bidu rapidu tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt, tal-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali għandhom jiġu adottati fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt skedat għal....

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar Pożizzjoni Komunitarja rigward ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE, tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali previsti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 300(2), it-tieni sub-paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati CARIFORUM, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra[1],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill fuq l-integrazzjoni reġjunali u l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP[2],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

Billi:

(1) Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, ġiet iffirmata fil-15 ta’ Ottubru 2008, u kienet applikata provviżjorjament sa mid-29 ta' Diċembru 2008.

(2) L-Artikolu 227 tal-Ftehim imsemmi jwaqqaf Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-KE, li għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tinqala' fi ħdan il-qafas tal-Ftehim u kwalunkwe kwistjonijiet oħra bilaterali jew internazzjonali ta' interess reċiproku.

(3) L-Artikolu 230 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-CARIFORUM-KE, li għandu jgħin lill-Kunsill Konġunt fit-twettiq ta' dmirijietu u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni generali tal-Ftehim.

(4) L-Artikolu 230 (4) jistipula li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista’ jiġi megħjun fil-prestazzjoni tal-ħidmiet tiegħu mill-Kumitati Speċjali.

(5) L-Artikolu 36 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Speċjali fuq il-Kooperazzjoni Doganali u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ.

(6) L-Artikoli 228(3) u 230(2) tal-Ftehim imsemmi jistipulaw li l-Kunsill Konġunt għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u jistabbilixxi dawk tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, u xieraq ukoll għall-Kunsill Konġunt li juża l-poteri tiegħu għat-teħid tad-deċiżjonijiet stipulati fl-Artikolu 229(1) tal-Ftehim fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha koperti mill-Ftehim, biex jiġu stabbiliti Regoli ta’ Proċedura għal Kumitati Speċjali.

(7) Il-Komunità għandha tiddetermina l-pożizzjoni li trid tittieħed fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kunsill Konġunt u l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni Komunitarja fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Kunsill Konġunt tal-Ftehim dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-KE, tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali previsti mill - Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, għandha tiġi bbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

DEĊIŻJONI Nru .../2009 TAL-KUNSILL KONĠUNT stabbilit Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali

IL-KUNSILL KONĠUNT CARIFORUM-KE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”), iffirmat fi Bridgetown, Barbados fil-15 ta’ Ottubru 2008, u b’mod partikolari l-Artikoli 227, 228 (3), 229 (1) u 230 (2) tiegħu,

Billi:

(1) Il-Ftehim jistipula li l-Kunsill Konġunt għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u jistabbilixxi dawk tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

(2) Il-Kunsill Konġunt u l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom jiġu megħjuna fit-twettiq tad-doveri tagħhom mill-Kumitat Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li huwa stabbilit skont l-Artikoli 36 tal-Ftehim, u mill-Kumitati Speċjali li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 230(4) tal-Ftehim. Huwa xieraq ukoll li jiġu stabbiliti Regoli ta’ Proċedura għal dawn il-Kumitati Speċjali.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE u tal-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp CARIFORUM-KE huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness I u II rispettivament,

Artikolu 2

1. Ir-Regoli ta’ Proċedura stabbiliti fl-Anness III għandhom ikunu applikabbli lill-Kumitat Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Faċilitar tal-Kummerċ kif ukoll għal kwalunkwe Kumitat Speċjali ieħor li jista’jiġi stabbilit skont l-Artikolu 230(4) tal-Ftehim.

2. Dawn ir-Regoli huma bla ħsara għal kwalunkwe regoli speċjali stipulati fil-Ftehim jew li jistgħu jiġu deċiżi mill-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-… .

Magħmula fi,

ANNESS I

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUNSILL KONĠUNT CARIFORUM-KE

stabbiliti permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM min-naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Għamla u Presidenza

1. Il-Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kunsill Konġunt”) huwa kompost kif stipulat fl-Artikolu 228 (1) tal-Ftehim.

2. Ir-rappreżentant tal-Istati CARIFORUM li qegħdin jaġixxu kollettivament, previst fl-Artikolu 228 (2) tal-Ftehim, qed jissejjaħ "Il-Koordinatur CARIFORUM", u r-referenza għal "Partijiet" fir-Regoli ta’ Proċedura hija skont id-definizzjoni stipulata fl-Artikolu 233 (3) tal-Ftehim.

3. Il-Kunsill Konġunt għandu jiġi ppresedut, fuq bażi li talterna għal perjodi ta' 12-il xahar, minn rappreżentant tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, u minn rappreżentant tal-Istati CARIFORUM fil-livell Ministerjali jew ta’ Kap tal-Gvern. L-ewwel perjodu tal-Presidenza għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt tal-Ftehim u jintemm fil-31 ta' Diċembru tas-sena ta’ wara. Il-Presidenza l-ewwel għandha tkun f’idejn rappreżentant tal-Istati CARIFORUM.

Artikolu 2

Rappreżentazzjoni

1. Il-membri tal-Kunsill Konġunt jistgħu jiġu rappreżentati minn rappreżentant alternattiv jekk ir-rappreżentant maħtur ma jkunx jista' jattendi.

2. Membru li jixtieq jiġi rrappreżentat minn rappreżentant alternattiv għandu jgħarraf lil Presidenza tal-Kunsill Konġunt f’isem ir-rappreżentant alternattiv tiegħu jew tagħha qabel il-laqgħa fejn hu jew hi għandhom jiġu rappreżentati. Ir-rapreżentant ta' membru tal-Kunsill Konġunt għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 3

Osservaturi

1. Il-Makkinarju tan-Negozjati Reġjunali tal-Karibew, is-Segretarjat tal-CARICOM, u l-Organizzazzjoni tas-Segretarjat tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant għandhom ikunu osservaturi fuq bażi permanenti.

2. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jistiednu osservaturi fuq bażi ad hoc .

3. Il-Partjiet jistgħu jiddeċiedu li jistiednu rappreżentanti tal-Kumitat Parlamentari CARIFORUM-KE u tal-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE biex jinformaw lill-Kumitat Konġunt dwar ix-xogħol li twettaq fil-Kumitati rispettivi.

Artikolu 4

Laqgħat

1. Il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa’ fuq il-livell ministerjali f’intervalli regolari, li ma jaqbżux perjodu ta’ sentejn, u b’mod straordinarju kulmeta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

2. Kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandha ssir fi żmien u f’post li dwaru jkun hemm qbil miż-żewġ Partijiet.

3. Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom jitlaqqgħu mis-Segretarju tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 5

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill Konġunt jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-Presidenza tal-Kunsill Konġunt għandha tiġi mgħarrfa bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegati tal-Istati Firmatarji tal-CARIFORUM u tal-Parti tal-KE.

Artikolu 6

Segretarjat

L-uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stat tal-CARIFORUM għandhom jaġixxu fuq bażi li talterna għal perjodi ta’ 12-il xahar bħala Segretarju tal-Kunsill Konġunt. Dawn il-perjodi għandhom jikkoinċidu mal-perjodu ta’ Presidenza min-naħa tal-Parti KE u tal-Istati CARIFORUM rispettivament.

Artikolu 7

Dokumenti

Meta d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt jiġu bbażati fuq dokumenti bil-miktub ta’ appoġġ, it-tali dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati bħala dokumenti tal-Kunsill Konġunt, mis-Segretarju.

Artikolu 8

Korrispondenza

1. Kull korrispondenza indirizzata lill-Kunsill Konġunt għandha tintbagħat lis-Segretarju tal-Kunsill Konġunt.

2. Is-Segretarju għandu jiżgura li kull korrispondenza indirizzata lill-Kunsill Konġunt tintbagħat lill-Presidenza tal-Kunsill u, fejn huwa xieraq, jiġu ċċirkolati bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura lil membri oħra tal-Kunsill Konġunt. Il-korrispondenza li tkun ġiet ċċirkolata għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fi Brussell u lill-Koordinatur tal-CARIFORUM, kif ukoll lill-Koordinaturi ta’ kull Stat Firmatarju tal-CARIFORUM stipulat fl-Artikolu 234(1) tal-Ftehim.

3. Il-korrispondenza min-naħa tal-Presidenza tal-Kunsill Konġunt għandha tintbagħat mis-Segretarjat u, fejn jixraq, ċċirkolat bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura lill-membri l-oħra tal-Kunsill Konġunt fl-indirizzi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 9

Aġenda għal-laqgħat

1. Għandha titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt fuq il-bażi tal-proposti li jsiru min-naħa tal-Partijiet u l-Istati Firmatarji CARIFORUM. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 8 paragrafu 2 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

2. L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li dwarhom tkun saret talba għal inklużjoni, liema talba għandha tasal għand is-Segretarju mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm punti bħal dawn ma’ għandhomx jitniżżlu fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumentazzjoni relevanti tkun waslet għand is-Segretarju sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda provviżorja.

3. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kunsill Konġunt fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4. Il-Kunsill Konġunt jista', bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

5. Is-Segretarju jista', bi qbil mill-Partijiet, iqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex iqis ir-rekwiżiti ta' xi każ partikolari.

Artikolu 10

Minuti

1. Abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandhom jitħejjew mis-Segretarjat malajr kemm jista' jkun.

2. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, iqassru kull punt fuq l-aġenda, u jispeċifikaw meta applikabbli:

(a) id-dokumenti kollha sottomessi lill-Kunsill Konġunt,

(b) kwalunkwe dikjarazzjoni li membru tal-Kunsill Konġunt jkun talab li tiddaħħal,

(c) id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkommandazzjonijiet magħmula, l-istqarrijiet miftiehma u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

3. Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista ta’ membri tal-Kunsill Konġunt jew tar-rappreżentanti tagħhom li jkunu ħadu sehem fil-laqgħa, u lista ta’ membri tad-delegazzjonijiet li jkunu qed jakkumpanjawhom.

4. Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien tliet xhur mid-data tal-laqgħa. Meta jkunu approvati, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji tal-minuti mis-Segretarjat u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali minn dawn id-dokumenti awtentiċi. Għandhom jintbagħtu kopji tal-minuti ffirmati lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 8 paragrafu 2 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 11

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1. Il-Kunsill Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi ftehim kif stipulat fl-Artikolu 229 tal-Ftehim.

2. Il-Kunsill Konġunt jista’ jiddeċiedi li jressaq kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ kull interess AKP-KE ġejja mill-CARIFORUM EPA lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE kif definit fl-Artikolu 15 tal-Ftehim ta' Cotonou.

3. Fil-perjodu ta' bejn il-laqgħat, il-Kunsill Konġunt jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn il-Partijiet. Il-Koordinatur CARIFORUM għandu jkollu l-poter li jagħmel skambju ta’ noti bħal dawn u jikkonferma l-ftehim tal-Istati Firmatarji CARIFORUM fuq kwalunkwe deċiżjoni, wara li jirċievi l-konferma minn Stati CARIFORUM individwali tal-qbil tagħhom dwar kwalunkwe deċiżjoni, kif meħtieġ.

4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt skont is-sens tal-Artikolu 229 tal-Ftehim għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti bin-numru tas-serje, bid-data ta' meta ġew adottati u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

5. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill Konġunt għandhom jiġu awtentikati minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea f’isem il-Parti KE, u mill-Koordinatur CARIFORUM f’isem l-Istati Cariforum.

6. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura bħala dokumenti tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 12

Pubbliċità

1. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi.

2. Kull Parti jew Stat Firmatarju CARIFORUM jista’ jiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tiegħu.

Artikolu 13

Lingwi

1. Il-lingwi ta’ ħidma tal-Kunsill Konġunt għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali komuni għall-partijiet, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Olandiż.

2. Il-Kunsill Konġunt għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar dokumentazzjoni u proposti mħejjija f'wieħed mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 14

Spejjeż

1. Kull Parti se tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż tal-għixien kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u r-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

3. L-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta’ dokumenti fil-lingwi ta’ ħidma tal-Kunsill jew minnhom, għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. L-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ interpretazzjoni, u t-traduzzjoni ta’ dokumenti fil-lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni Ewropea jew minnhom, għandhom jitħallsu mill-Parti KE.

ANNESS II

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP

stabbiliti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM min-naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Għamla u Presidenza

1. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-CARIFORUM-KE (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp) huwa stabbilit skont l-Artikolu 230 tal-Ftehim għall-għanijiet ta' assistenza lill-Kunsill Konġunt għat-twettiq tad-doveri tiegħu u tar-responsabbiltà li ħa għall-implimentazzjoni ġenerali tal-Ftehim.

2. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jiġi ppresedut għal perjodi ta' 12-il xahar minn uffiċjali għolja tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u minn uffiċjali għolja tal-Istati CARIFORUM f’isimhom. L-ewwel perjodu ta’ Presidenza għandu jikkoinċidi mal-ewwel perjodu tal-Presidenza tal-Kunsill Konġunt. Għal dak il-perjodu, u minn hemm ’il quddiem għal kull perjodu ta' 12 il-xahar, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jkun taħt il-presidenza tal-Parti li jkollha l-Presidenza tal-Kunsill Konġunt. Il-presidenza l-ewwel għandha tkun f’idejn rappreżentant tal-Istati CARIFORUM.

3. Kif stipulat fl-Artikolu 230(1) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, min-naħa, u ta' rappreżentanti tal-Istati Firmatarji CARIFORUM, min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta’ uffiċjali għolja. Il-Koordinatur CARIFORUM u l-Kooordinaturi tal-Istati Firmatarji CARIFORUM għandhom jaħtru Viċi Koordinatur li għandu jattendi għal-laqgħat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp. Il-Viċi Koordinatur tal-CARIFORUM għandu jaġixxi f’isem l-Istati CARIFORUM u jippreżenta l-pożizzjoni tagħhom dwar il-kwistjonijiet kollha fil-Ftehim li għalih ikunu qablu li jaġġixxu kollettivament.

4 Il-Makkinarju ta’ Negozjati Reġjunali tal-Karibew, is-Segretarjat tal-CARICOM, u l-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant għandhom ikunu osservaturi fuq bażi permanenti. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jistiednu osservaturi oħra, fosthom rappreżentanti tal-Kumitat Parlamentari CARIFORUM-KE u tal-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE, fuq bażi ad hoc .

5. Barra mit-twettiq tal-ħidmiet speċifiċi li ngħatawlu permezz tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt, jissorvelja l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt fejn meħtieġ u, b’mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tat-tħaddim kif suppost tal-Ftehim. Għandu jqis kwalunkwe kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill Konġunt kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tat-twettiq ta' kuljum tal-Ftehim.

6. Fil-każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal konsultazzjonijiet possibbli, dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jseħħu fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp. Il-konsultazzjonijiet jistgħu jkomplu fil-Kunsill Konġunt jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan, minbarra meta jkun previst mod ieħor mill-Ftehim.

Artikolu 2

Laqgħat

1. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jiltaqa’ darba fis-sena u meta ċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan, bi ftehim maż-żewġ Partijiet. Jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jistgħu jsiru permezz ta' vidjo jew telekonferenza.

2. Kull laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandha titlaqqa’ mis-Segretarjat fi żmien u f’post li dwaru jkun hemm qbil miż-żewġ Partijiet.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jkun informat mill-formazzjoni maħsuba għad-delegazzjonijiet li jkunu qed jattendu l-laqgħa.

Artikolu 4

Segretarjat

1. L-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istat CARIFORUM għandhom jaġixxu fuq bażi alternata għal perjodi ta' 12-il xahar bħala Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp. Dawn il-perjodi għandhom jikkoinċidu mal-perjodu tal-Presidenza min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati CARIFORUM rispettivament.

2. Kull korrispondenza mal-President tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp prevista f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandha tintbagħat lis-Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u lis-Segretarju u l-President tal-Kunsill Konġunt u fejn jixraq, lill-membri tal-Kunsill Konġunt jew tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġenda għal-laqgħat

1. Aġenda provviżorja għal kull laqgħa għandha tkun imħejjija mis-Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp. Din għandha tintbagħat kemm lill-President kif ukoll lis-Segretarju tal-Kunsill Konġunt kif ukoll lill-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

2. L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President irċieva t-talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punti mhuma se jinkitbu fl-aġenda provviżorja sakemm ma tkunx waslet id-dokumentazzjoni ta' appoġġ għand is-Segretarju sa mhux aktar tard mid-data ta' meta tkun ntbagħtet l-aġenda provviżorja.

3. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt ieħor apparti minn dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista jkun inkluż fl-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jifthiemu hekk.

4. Il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista’, bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden esperti sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

5. Il-President jista', bi qbil maż-żewġ Partijiet, iqassar il-perjodi ta’ żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 sabiex iqis ir-rekwiżiti ta' xi każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

1. Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa mis-Segretarju kemm jista’ jkun malajr.

2. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:

(a) id-dokumenti mogħtija lill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp,

(b) kwalunkwe dikjarazzjoni li membru tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jkun talab li tiddaħħal,

(c) id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkommandazzjonijiet magħmula, l-istqarrijiet miftiehma u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

3. Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista ta’ membri tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jew tar-rappreżentanti tagħhom li jkunu pparteċipaw fil-laqgħa.

4. Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub mill-Viċi Koordinatur CARIFORUM u l-uffiċjal(i) għoli/ja tal-Kummissjoni Ewropea li jkunu ħadu sehem fil-laqgħa fi żmien xahrejn mid-data tal-laqgħa. Meta jkunu approvati, is-Segretarju għandu jiffirma żewġ kopji tal-minuti u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali ta' dawn id-dokumenti awtentiċi. Għandhom jintbagħtu kopji tal-minuti ffirmati lill-President u lis-Segretarju tal-Kunsill Konġunt u lill-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1. Meta l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, skont il-Ftehim għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonjiet, azzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti bin-numru tas-serje, bid-data ta' meta ġew adottati u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2. Kull meta l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jieħu deċiżjoni, l-Artikoli 10, 11, u 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt għandhom japplikaw mutatis mutandis.

3. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom jintbagħtu lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 9

Lingwi

1. Il-lingwi ta’ ħidma tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali komuni għall-Partijiet, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Olandiż.

2. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar dokumentazzjoni u proposti mħejjija f'wieħed mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 10

Spejjeż

1. Kull Parti se tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab b’riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż tal-għixien kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

3. L-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi tal-interpretazzjoni fil-laqgħat u t-traduzzjoni tad-dokumenti f’kwalunkwe lingwa ta’ ħidma jew minnha tal-Kumitat għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. L-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni tad-dokumenti fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-UE jew minnhom, għandhom jitħallsu mill-Parti KE.

ANNESS III

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITATI TA’ ASSOĊJAZZJONI

stabbiliti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM min-naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Għamla u President

1. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Ftehim jew miftiehem min-naħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, Kumitat Speċjali għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, min-naħa, u minn rappreżentanti tal-Istati Firmatarji CARIFORUM, min-naħa l-oħra, u l-laqgħat tiegħu għandhom ikunu ppreseduti fuq bażi alternata minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal ta’ Stat CARIFORUM. L-Istati CARIFORUM għandhom jagħtu mandat lil wieħed mir-rappreżentanti tagħhom biex jaġixxi f’isimhom fuq il-kwistjonijiet kollha taħt dan il-Ftehim li għalihom qablu li jaġixxu kollettivament. Tali rappreżentant għandu jissejjaħ ir-Rappreżentant CARIFORUM.

2. Il-Makkinarju ta’ Negozjati Reġjunali tal-Karibew, is-Segretarjat tal-CARICOM, u l-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant għandhom ikunu osservaturi fuq bażi permanenti. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jistiednu osservaturi fuq bażi ad hoc .

Artikolu 2

Laqgħat

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Ftehim, għandu jiltaqa’ Kumitat Speċjali fuq talba ta’ wieħed mill-Partijiet f’data jew post miftehma minn qabel bejn il-Partijiet.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jkun informat dwar il-formazzjoni maħsuba għad-delegazzjonijiet li jkunu qed jattendu l-laqgħa.

Artikolu 4

Segretarjat

1. L-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Stat CARIFORUM għandhom jaġixxu fuq bażi alternata għal perjodi ta' 12-il xahar bħala Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp. Dawn il-perjodi għandhom jikkoinċidu mal-perjodu ta’ Presidenza min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati CARIFORUM rispettivament.

2. Kull korrispondenza mal-President ta’ Kumitat Speċjali għandha tintbagħat lis-Segretarju tal-Kumitat Speċjali u lis-Segretarju u ’l-President tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u, fejn jixraq, lill-membri tat-tali Kumitat.

Artikolu 5

Dokumenti

Meta d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali jkunu bbażati fuq dokumenti bil-miktub ta’ appoġġ, it-tali dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati bħala dokumenti tal-Kumitat Speċjali mis-Segretarju.

Artikolu 6

Pubbliċità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitati Speċjali ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 7

Aġenda għal-laqgħat

1. Għandha titfassal aġenda provviżorja mis-Segretarju tal-Kumitat Speċjali sa mhux aktar tard minn 30 ġurnata qabel il-laqgħa, flimkien ma dokumenti ta' appoġġ. L-aġenda għandha tintbagħat lill-President, lis-Segretarju u lill-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat Speċjali fil-bidu ta' kull laqgħa. Il-punti li ma jkunux fl-aġenda provviżorja jistgħu jiżdiedu mal-ftehim taż-żewġ Partijiet.

2. Bil-ftehim tal-Partijiet, il-limitu taż-żmien speċifikat fil-paragrafu 1 jista' jitqassar sabiex jitqiesu r-rekwiżiti ta' każ partikolari.

3. Il-President ta’ Kumitat Speċjali jista’, bi qbil mal-Partijiet, jistieden esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 8

Minuti

1. Abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandhom jitħejjew mis-Segretarju minnufih wara kull laqgħa.

2. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:

(a) id-dokumenti sottomessi lill-Kumitat Speċjali,

(b) kwalunkwe dikjarazzjonijiet li membru tal-Kumitat Speċjali jkun talab li jiddaħħlu,

(c) id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkommandazzjonijiet magħmula, l-istqarrijiet miftiehma u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

3. Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista tal-membri tal-Kumitat Speċjali jew tar-rappreżentanti tagħhom li jkunu ħadu sehem fil-laqgħa.

4. Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub mir-Rappreżentant tal-CARIFORUM u l-uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea li jkun ħa sehem fil-laqgħa fi żmien xahar mid-data tal-laqgħa. Meta jkunu approvati, is-Segretarju għandu jiffirma żewġ kopji tal-minuti u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali minn dawn id-dokumenti awtentiċi. Għandhom jintbagħtu kopji tal-minuti ffirmati lill-President, lill-membri u lis-Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1. Meta l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, skont il-Ftehim, jew skont il-Kunsill Konġunt li stabbilietu, ikollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonjiet, azzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti bin-numru tas-serje, bid-data ta' meta ġew adottati u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2. Kull meta l-Kumitat Speċjali jagħmel rakkomandazzjoni jew jieħu deċiżjoni, l-Artikoli 10, 11, u 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt għandhom japplikaw mutatis mutandis .

3. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati Speċjali għandhom jintbagħtu lill-President, lill-membri u lis-Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

Artikolu 10

Lingwi

1. Il-lingwi ta’ ħidma tal-Kumitati Speċjali għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali komuni għall-Partijiet, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Olandiż.

2. Il-Kumitati Speċjali għandhom jibbażaw d-deliberazzjonijiet tagħhom u jadottaw deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar dokumentazzjoni u proposti mħejjija f'wieħed mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Spejjeż

1. Kull Parti se tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitati Speċjali, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż tal-għixien kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u tar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

3. L-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi tal-interpretazzjoni fil-laqgħat u t-traduzzjoni tad-dokumenti f’kwalunkwe lingwa ta’ ħidma jew minnha tal-Kumitat Speċjali għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. L-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni tad-dokumenti fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-UE jew minnhom, għandhom jitħallsu mill-Parti KE.

Artikolu 12

Rappurtar

Il-Kumitati Speċjali għandhom jirrapportaw lill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT LIMITAT ESKLUSSIVAMENT GĦAN-NAĦA TAL-INTROJTU

1. ISEM IL-PROPOSTA:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar Pożizzjoni Komunitarja fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE, tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Speċjali previsti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

2. LINJI TAL-BAĠIT:

Il-Kapitolu u l-Artikolu: Riżorsi amministrattivi tal-Kummissjoni biex ikopru spejjeż ta’ interpretazzjoni u tal-post.

Ammont ibbaġitjat għas-sena konċernata: Fil-każ ta’ ħtiġijiet mhux previsti, ir-riżorsi jistgħu jittieħdu mil-linji tal-baġit li ġejjin:

20.02.01 – Relazzjonijiet esterni tal-kummerċ, inkluż aċċess għas-swieq tal-pajjiżi mhux Komunitarji

20.01.02.11.00.02.40 – Réunions ne comportant que les personnes de la Commission (internes)/Conférences

3. IMPATT FINANZJARJU

X Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq l-infiq, iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

(€ miljun sa punt deċimali wieħed)

4. IL-MIŻURI KONTRA L-FRODI

5. RIMARKI OĦRAJN

[1] ĠU L 289, 30 ta' Ottubru 2008.

[2] GAERC, 10 ta’ Novembru 2008.

[3] ĠU

Top