Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IR0133

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-perspettivi reġjonali dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-politika tal-edukazzjoni tal-UE

    ĠU C 141, 29.5.2010, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 141/16


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-perspettivi reġjonali dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-politika tal-edukazzjoni tal-UE

    2010/C 141/04

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jinnota li f’ħafna każijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-integrazzjoni tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-edukazzjoni uffiċjali fil-livelli kollha. Għalhekk għandha tinstab il-proċedura adegwata li tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ proġetti marbuta mal-litteriżmu medjatiku;

    jenfasizza li l-litteriżmu medjatiku għandu jkun wieħed mill-oqsma koperti fil-fażi l-ġdida tal-kooperazzjoni tal-UE fl-edukazzjoni mnedija mill-qafas strateġiku;

    hemm bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn l-elementi prinċipali tal-litteriżmu medjatiku għax kull wieħed minnhom jirrikjedi strateġija, atturi u riżorsi speċifiċi;

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-konsumaturi wkoll għandhom bżonn isiru iktar konxji ta’ xi jfisser eżatt l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Ir-rispett għad-drittijiet tal-konsumatur huwa importanti ħafna fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

    Relatur

    :

    Is-Sur András Szalay (HU/ALDE), Rappreżentant tal-Muniċipalità ta’ Veszprém

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    1.

    Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea mhux biss fissret l-importanza tal-politika tal-edukazzjoni, il-prinċipji fundamentali tagħha u l-għanijiet tagħha, li huma bbażati fuq id-definizzjoni tal-litteriżmu medjatiku (1) iżda kkunsidrat ukoll l-opinjoni li adotta l-KtR matul is-sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Ottubru 2008 (2).

    2.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jispera li l-Kummissjoni Ewropea ser tkompli taħdem favur l-iżvilupp koerenti tal-politika tal-litteriżmu medjatiku li nediet fl-2007. Huwa jistieden lill-Kumissjoni sabiex hija u tagħmel dan tqis ukoll l-opinjoni tal-KtR, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u b’rispett lejn il-kompetenzi speċifiċi lokali u reġjonali. Il-KtR jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan ta’ azzjoni dwar il-litteriżmu medjatiku b’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, il-UNESCO u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa u jitfassal il-pjan, jeħtieġ li jitqiesu dawn l-elementi:

    a)

    mill-perspettiva tal-politika kulturali, il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE u s-sensibilizzazzjoni tal-utenti, jeħtieġ li l-atturi rilevanti kollha jaħdmu bil-qawwa għat-twettiq – bħala għan politiku – tal-litteriżmu medjatiku li jitlob l-ewwel u qabel kollox il-promozzjoni tal-innovazzjonijiet fl-edukazzjoni min-naħa ta’ kull reġjun u Stat Membru;

    b)

    skont it-Trattat tal-KE, il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija r-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri filwaqt li l-Unjoni tikkontribwixxi sabiex ittejjeb is-sistemi nazzjonali differenti billi tipprovdilhom, fejn ikun meħtieġ, strumenti Komunitarji komplementari li jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aqwa prattiki. Il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza dan il-punt ukoll fil-Komunikazzjoni tagħha “Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ” (3) tal-2008;

    c)

    il-qafas strateġiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ (4) iqis, b’mod dibattibbli, lil-litteriżmu medjatiku bħala fergħa tal-litteriżmu diġitali, filwaqt li l-litteriżmu medjatiku jista’ jaqdi rwol kruċjali fit-twettiq ta’ diversi għanijiet u prijoritajiet tal-qafas strateġiku (b’mod partikolari l-ksib tal-ħiliet bażiċi – il-qari, il-kompetenza “nitgħallmu kif nitgħallmu”, iċ-ċittadinanza attiva, il-promozzjoni tad-djalogu bejn il-kulturi u t-tagħlim tul il-ħajja);

    d)

    it-temi meqjusa bħala prijoritajiet immedjati fil-qafas strateġiku huma: (5)

    l-iżvilupp trasversali tal-kompetenzi ewlenin;

    il-miżuri li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ ambjent istituzzjonali li jiffavorixxi l-kreattività u l-innovazzjoni, ibbażati fuq użu kritku u intelliġenti tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (TIK) u li jtejbu b’mod kwalitattiv it-taħriġ tal-għalliema;

    il-ħolqien ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi li jipprovdu tagħlim u taħriġ, l-istituti ta’ riċerka, l-atturi kulturali globali u l-industriji kreattivi.

    Dawn il-prijoritajiet huma marbuta mill-qrib ma’ kunsiderazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku.

    e)

    F’ħafna każijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-integrazzjoni tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-edukazzjoni uffiċjali fil-livelli kollha. Għalhekk għandha tinstab il-proċedura adegwata li tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ proġetti, programmi u karti marbuta mal-litteriżmu medjatiku u s-sħubijiet differenti li jiġbru flimkien bosta atturi pubbliċi u privati u istituzzjonijiet kulturali u tat-taħriġ, il-produtturi professjonali tal-kontenut, fil-kuntest tal-edukazzjoni formali u informali u b’konformità stretta mad-dispożizzjonijiet legali.

    3.

    Għalhekk il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-litteriżmu medjatiku jiġi inkluż bħala d-disa’ kompetenza prinċipali fil-qafas ta’ referenza Ewropew għat-tagħlim tul il-ħajja, b’konformità mar-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE. Fil-fatt, filwaqt li m’hemmx bżonn ta’ ħafna riżorsi Komunitarji sabiex dan iseħħ, din il-bidla fil-kompetenzi prinċipali ser tgħin lill-awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni formali fl-Istati Membri u r-reġjuni sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji għall-integrazzjoni tal-litteriżmu medjatiku fil-kurrikuli.

    4.

    Il-Kummissjoni għandha tiddistingwi b’mod ċar bejn it-tagħlim bl-għajnuna tal-internet – it-tagħlim online jew e-learning – u l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku, jiġifieri l-analiżi kritika tal-internet bħala mezz ta’ komunikazzjoni f’ambjent online. Jeħtieġ li nagħmluha ċara li t-tagħlim bl-għajnuna tal-internet ma jfissirx edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, u li l-ħiliet fl-użu tat-TIK u l-ħiliet diġitali minn naħa, u l-litteriżmu medjatiku min-naħa l-oħra, huma oqsma differenti. Il-litteriżmu medjatiku għandu jgħin sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv u jitħarsu d-diversità kulturali u l-identità reġjonali u lokali (billi jinħolqu mezzi ġodda ta’ kif wieħed jesprimi ruħu u sabiex dawk li huma marġinalizzati u l-minoritajiet jingħataw l-opportunità li jesprimu ruħhom fl-ispazju pubbliku).

    L-ipoteżi bażika

    5.

    Il-KtR jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku, flimkien mal-adattament tal-metodi ta’ taħriġ fil-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-qafas skolastiku u lil hinn minnu, huma importanti ħafna għall-ġejjieni tal-Ewropa. Biex iseħħ dan l-adattament, ser ikun hemm bżonn li jitħeġġeġ it-tagħlim dwar it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni l-ġodda, fattur importanti ħafna għall-integrazzjoni soċjali u professjonali.

    6.

    L-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku huwa element prinċipali tal-protezzjoni tal-minuri u ż-żgħażagħ u tal-protezzjoni tad-dinjità umana fil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Huwa jwassal għal użu responsabbli tal-mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp tal-awtoregolamentazzjoni u l-koregolazzjoni fl-industrija tal-kontenut (6). Madanakollu, it-tisħiħ tal-litteriżmu medjatiku jista’ biss jikkumplementa l-kontroll nazzjonali u sopranazzjonali u l-protezzjoni legali taż-żgħażagħ (b’rabta mal-mezzi ta’ komunikazzjoni) f’dan il-qasam. Permezz ta’ din il-kompetenza, iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu dwar ir-responsabbiltà tal-atturi kollha tas-soċjetà u b’hekk ikun qed jingħata appoġġ liċ-ċittadinanza attiva u li tagħmel użu tajjeb mill-mezzi ta’ komunikazzjoni. Dan huwa fattur importanti ħafna għall-politika kulturali tal-Ewropa u l-parteċipazzjoni atttiva taċ-ċittadini tal-UE u għalhekk jeħtieġ li tiżdied il-viżibilità tal-politika Ewropea tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Istati Membri u fil-livelli amministrattivi u politiċi kollha.

    7.

    L-edukazzjoni taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent iddominat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni, teħtieġ approċċi ġodda li jqisu r-rwol soċjokulturali differenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u tal-iskejjel fit-tixrid tal-informazzjoni u tal-valuri. Jeħtieġ li fir-rwol tal-għalliema nintegraw rikonoxximent tal-fatt li l-istudenti qed jiġu soċjalizzati inkonxjament f’dinja kollha risposti lesti, fejn ir-retorika ssemplifikata tal-mezzi ta’ komunikazzjoni toffrilhom interpretazzjoni ta’ kull problema. L-iżvilupp tal-kompetenzi bażiċi għandu jkopri wkoll l-interpretazzjoni tal-kontenut medjatiku għax l-iżvilupp tal-kapaċità li wieħed jikkritika tikkonċerna l-ewwel u qabel kollox il-mudelli li jxandru l-mezzi ta’ komunikazzjoni li jibdew mit-tfulija u li jiddeterminaw indirettament il-viżjoni tagħna tal-ħajja.

    8.

    Huwa u jiġi applikat il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u huma u jiġu definiti indikaturi u valuri ġodda ta’ referenza fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ:

    a)

    jeħtieġ li l-monitoraġġ tal-kompetenzi tal-qari u l-komprensjoni tat-testi jkopru wkoll l-iżvilupp tal-kompetenzi fir-rigward tal-kontenut medjatiku għax illum-il ġurnata, f’ambjent elettroniku u diġitali, dan il-kontenut huwa ppreżentat b’mod li jgħaqqad format miktub, fotografiku u ċinematografiku;

    b)

    huma u jiġu stabbiliti l-kriterji ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni, għandu jitqies il-fatt li l-proġetti bil-għan li jiżviluppaw il-kreattività fit-tħejjija tal-kontenut huma mezz bażiku ta’ kif wieħed jitgħallem isolvi l-problemi u jaħdem fi grupp.

    9.

    Waħda mir-raġunijiet prinċipali għalfejn l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni qed tiżviluppa bil-mod hija minħabba li r-relazzjoni bejn il-litteriżmu medjatiku u diġitali fil-prattika tal-edukazzjoni Ewropea għadha ma ġietx stabbilita sew. Fl-iskejjel, l-użu tat-TIK sar mezz ta’ kif jiġu żgurati l-aċċess għad-dinja diġitali u l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs. Illum-il-ġurnata, iż-żgħażagħ ma jiffaċċjaw l-ebda problema biex jitgħallmu jużaw it-teknoloġiji tal-informatika, is-software u l-applikazzjonijiet bażiċi. Fl-istess waqt, l-għalliema m’għandhomx il-kompetenzi neċessarji jew iż-żmien li jiżiluppaw l-interpretazzjoni kritika tal-kontenut medjatiku aċċessibbli (ukoll) f’forma diġitali u l-produzzjoni kreattiva, elementi ċentrali tal-litteriżmu medjatiku.

    10.

    Jeħtieġ li nirriformaw ir-rabta bejn il-litteriżmu diġitali u l-litteriżmu medjatiku sabiex niżguraw li l-konfużjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-kompetenzi ma twassalx għal problemi fl-edukazzjoni tal-istudenti. Jeħtieġ li minbarra l-kompetenzi diġitali, iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw iktar il-kapaċità u l-kompetenza kritika tagħhom fir-rigward il-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, sabiex jitgħallmu jqisu l-problemi ta’ sigurtà, il-bżonn ta’ rispett lejn il-ħajja privata tal-individwu u l-problemi relatati mal-manipulazzjoni tad-data.

    11.

    Għall-finijiet ta’ konsultazzjoni dwar il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku:

    hemm bżonn ta’ iktar trasparenza fl-attivitajiet tal-gruppi ta’ esperti u ta’ dawk li huma inkarigati mill-ħidma preparatorja, it-tfassil tal-proposti u t-teħid tad-deċiżjonijiet fid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea;

    il-politika tat-taħriġ fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku għandha tkun ibbażata fuq fehim tas-sitwazzjoni li jqis ukoll il-perspettivi reġjonali;

    ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni adottati għandhom jagħmlu sens għall-atturi differenti u b’fehmiet differenti li huma involuti fl-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku (il-gvernijiet, l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, ir-rappreżentanti tal-industrija tal-kontenut, ir-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet kulturali u edukattivi, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili). L-adozzjoni għandha tiġi akkumpanjata minn ġestjoni tar-riżorsi li ser ikun hemm bżonn.

    12.

    Il-litteriżmu medjatiku għandu jkun wieħed mill-oqsma koperti fil-fażi l-ġdida tal-kooperazzjoni tal-UE fl-edukazzjoni mnedija mill-qafas strateġiku.

    Kummenti

    13.

    Filwaqt li jilqa’ r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tenfasizza li l-litteriżmu medjatiku huwa kompetenza indispensabbli għal kull ċittadin tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (7), il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li l-għan għandu jkun li noħolqu soċjetà li integrat il-litteriżmu medjatiku, u li mod kif nilħqu dan l-għan huwa permezz tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Għaldaqstant ifakkar li huwa assolutament indispensabbli li jiġi garantit aċċess ugwali għan-netwerk għaċ-ċittadini Ewropej kollha, b’mod partikolari dawk li jinsabu ġeografikament iżolati jew imbiegħda.

    14.

    Hemm bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn l-elementi prinċipali tal-litteriżmu medjatiku għax kull wieħed minnhom jirrikjedi strateġija, atturi u riżorsi speċifiċi. Huwa importanti li:

    jiġi garantit l-aċċess taċ-ċittadini għad-dimensjoni teknoloġika tiegħu (b’mod partikolari permezz tal-internet bil-broadband, l-immaġnijiet elettroniċi u s-software għall-ipproċessar tat-test) u aċċess għall-wirt awdjoviż Ewropew, nazzjonali u lokali. Il-wirt storiku u kulturali komuni għandu jkun aċċessibbli fil-lingwa materna taċ-ċittadin b’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Riga tal-2006 dwar l-inklużjoni diġitali u b’kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-KtR dwar dan (8);

    jissaħħu l-kompetenzi fil-qasam tal-għażla tal-kontenut medjatiku, il-kapaċità li ssir għażla informata u sistematika b’mod partikolari fuq l-internet, fl-assenza ta’ operaturi tal-portal awtorizzati u mmonitorjati (pereżempju pubblikaturi, edituri u kritiċi) fil-każ tal-informazzjoni, test jew riklami li huwa impossibbli li jiġu vverifikati;

    tiġi żviluppata attitudni kritika fir-rigward tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-produzzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, b’enfasi partikolari fuq ir-riċerka kontinwa u l-applikazzjoni ta’ metodi bbażati fuq l-iżvilupp tal-kompetenza tal-komprensjoni tal-kontenut awdjoviżiv u mhux lineari, fuq il-konklużjonijiet ta’ dixxipplini bħall-ekonomija, l-antropoloġija, is-soċjoloġija, il-psikoloġija tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fir-rigward tal-mezzi ta’ tħaddim u r-rwol soċjali tagħhom, u fuq il-kwistjonijiet fundamentali tar-regolamentazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni;

    jiġi żviluppat użu attiv u kreattiv, b’mod partikolari billi fil-proġetti jiġu implimentati il-ħiliet tekniċi u manwali u l-kapaċitajiet u l-għarfien neċessarji. Jeħtieġ li l-enfasi tkun fuq il-komunikazzjoni awdjoviżiva u l-kreazzjoni, il-preżentazzjoni u t-tixrid tal-kontenut awdjoviżiv permezz tat-teknoloġija diġitali;

    titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fil-ħajja lokali pubblika permezz tas-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħajja privata, id-dritt tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-interess pubbliku;

    il-pubbliku jsir iktar konxju, huwa hu juża l-mezzi ta’ komunikazzjoni, tal-kwistjonijiet ġenerali tad-drittijiet tal-awtur, u l-liġi tal-privatezza u l-mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll il-konsegwenzi penali u ċivili f’każ li jinkisru dawn il-kundizzjonijiet;

    tissaħħaħ l-abbiltà taċ-ċittadini li jużaw id-data personali tagħhom fuq l-internet b’attenzjoni, u li tinġibed l-attenzjoni b’mod speċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ għas-sorsi differenti ta’ periklu fil-mezzi ta’ komunikazzjoni l-ġodda.

    15.

    Il-KtR, mingħajr ma jwaqqa’ dubju fuq l-importanza kruċjali tal-oqsma msemmija mill-KE meta tirriferi għal prattiki tajbin (komunikazzjoni kummerċjali, produzzjoni awdjoviżiva u kontenut online), jixtieq li dawn il-prijoritajiet tematiċi jiġu ġġustifikati fir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin. Jekk dan ma jsirx, l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-prattika tista’ tkun limitata għal dawn it-tliet oqsma biss.

    16.

    Billi l-iżvilupp ta’ ħiliet bħat-tiftix intelliġenti tal-informazzjoni, l-interpretazzjoni kritika tal-kontenut u l-użu kreattiv huwa mistenni li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-minuri u ż-żgħażagħ u r-rispett għad-dinjità umana fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, jeħtieġ li flimkien mar-regolamenti tal-awtoritajiet pubbliċi, l-azzjoni favur il-litteriżmu medjatiku tingħata spinta b’mod partikolari f’dawn l-oqsma.

    17.

    Hemm bżonn li jiġi implimentat ukoll il-kunċett tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Ir-rispett għad-drittijiet tal-konsumatur huwa importanti ħafna fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

    18.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jenfasizza li fih innifsu l-iżvilupp tal-edukazzjoni kritika fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mhux biżżejjed biex jelimina d-diversi perikli marbuta mal-provvista tal-kontenut (pereżempju l-vjolenza bla motiv fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-konsumatur min-naħa tas-servizzi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, in-nuqqas ta’ awtentiċità u validità, il-manipulazzjoni). Barra minn hekk l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, mhix, jew hija sa ċertu punt biss, l-ixprun tat-tendenzi bħall-konverġenza tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-iżvilupp, l-aċċess u l-interkonnessjoni bejn l-arkivji diġitali, id-definizzjoni ġdida tad-drittijiet tal-awtur, ir-regolamentazzjoni fil-qasam jew l-amministrazzjoni online (9). L-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tindirizza dawn it-tendenzi, tqishom fil-kuntest tagħhom u toħloq soċjetà ta’ utenti li huma konxji minn dak li jipproduċu l-isfera pubblika u l-mezzi ta’ komunikazzjoni. Ir-regolazzjoni fil-livell adatt, bil-konsiderazzjoni dovuta lill-kompetenzi u l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, hija neċessarja, flimkien mal-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku.

    19.

    Flimkien mar-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni hemm bżonn li jitħejjew ukoll programmi għall-iżvilupp tal-elementi prinċipali tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li huma rilevanti għas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ fl-Istati Membri (anki mill-perspettiva tal-litteriżmu medjatiku) billi jitqiesu t-tradizzjonijiet edukattivi u kulturali differenti tal-Istati Membri, id-differenzi importanti li ġejjin mill-bosta metodi ta’ taħriġ li jintużaw fis-sistemi reġjonali u mill-kundizzjonijiet individwali għat-twettiq ta’ ekonomiji ta’ skala.

    20.

    Huwa importanti ħafna li huma u jitfasslu r-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni, jitqiesu l-aqwa prattiki. Dwar dan il-KtR jirreferi għall-Opinjoni (10) tiegħu fejn jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem iktar sabiex tisfrutta l-ħiliet li nkisbu fil-programmi lokali u reġjonali marbuta mal-kompetenzi fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Ewropa kif ukoll fil-qafas tal-promozzjoni tal-pjattaformi ta’ djalogu, esperjenzi u netwerks ta’ skambju tal-aqwa prattika.

    21.

    Madanakollu il-Kumitat jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-fatturi li ġejjin:

    fin-nuqqas ta’ monitoraġġ fl-Unjoni Ewropea kollha, l-implimentazzjoni ta’ prattiki tajba fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mhix garantita;

    hemm bżonn ta’ klassifikazzjoni tal-prattiki tajba skont l-elementi prinċipali tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni;

    għadha ma nstabitx soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ opinjoni kritika u dettaljata dwar l-effikaċja tal-implimentazzjoni;

    ma teżistix bażi ta’ data għall-iżvilupp, l-adattament u l-użu ta’ prattiki tajba fuq skala wiesgħa.

    Għalhekk hemm bżonn li tinħoloq infrastruttura organizzattiva u professjonali: sabiex dan ikun jista’ jseħħ jistgħu pereżempju jinħolqu “desks tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni” bħall-“media desks” tal-programm MEDIA (jew jitwessa’ l-ambitu ta’ azzjoni tad-“desks” li diġà jeżistu fil-qafas tal-programm MEDIA), jew jista’ jissaħħaħ jew jiġi żviluppat ir-rwol konsultattiv u professjonali tal-grupp ta’ esperti dwar l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li waqqfet il-Kummissjoni Ewropea.

    22.

    B’rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-indipendenza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea tista’, fejn ikun meħtieġ, tgħinhom biex jiżviluppaw strateġija nazzjonali tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni b’kunsiderazzjoni tal-elementi prinċipali tal-litteriżmu medjatiku; fejn huwa possibbli, jeħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, dawk li huma responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-tagħlim u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-soċjetà ċivili, tal-industrija tal-kontenut u tal-innovazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, jiġu involuti fit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali.

    23.

    Fid-dawl tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, l-iżvilupp tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-qafas tar-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni għandu jseħħ b’tali mod li jkun jista’ jiġi adattat tajjeb fil-kuntest soċjoekonomiku lokali. Dan jitlob madanakollu studju iktar dettaljat tas-sitwazzjoni nazzjonali u reġjonali sabiex tinkiseb idea iktar preċiża. Jeħtieġ b’mod partikolari li jiġu analizzati l-motivazzjoni u l-imġiba tal-awtoritajiet lokali, tal-korpi ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet u tal-għalliema li jaħdmu fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

    24.

    Fid-dawl tal-evoluzzjoni rapida fl-ambjent tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għandha tiġi riċerkata u evalwata kontinwament bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti li huma responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-komunikazzjoni awdjoviżiva u elettronika, u għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejniethom għall-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku.

    25.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja l-ħolqien ta’ taqsimiet ta’ riċerka u informazzjoni fi ħdan strutturi amministrattivi tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, li jevalwaw kwistjonijiet relatati mal-litteriżmu medjatiku.

    26.

    L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-atturi prinċipali tal-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku għax huma l-eqreb taċ-ċittadini u għax huma l-awtoritajiet responsabbli għall-istituzzjonijiet edukattivi, imexxu l-mezzi ta’ komunikazzjoni lokali u istituzzjonijiet kulturali oħra (libreriji, ċentri lokali, eċċ) kif ukoll il-fondi – Ewropej jew oħrajn – għall-iżvilupp. Għalhekk huwa ġġustifikat li jitnedew kampanji ta’ informazzjoni għar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni u l-prattiki tajba u l-bżonn ta’ iktar opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Ewroreġjuni u ż-żoni transkonfinali.

    27.

    L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu mħeġġa jappoġġjaw il-proġetti, il-programmi u l-Karti fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u jsegwu dawn l-għanijiet:

    a)

    ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni

    evalwazzjoni tas-sitwazzjoni reali fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni b’kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni u s-sħubijiet li jeżistu;

    b)

    il-ħolqien ta’ rabtiet, l-integrazzjoni

    il-ħolqien ta’ rabta bejn l-atturi kollha ta’ territorju – l-industrija tal-mezzi ta’ komunikazzjoni (iċ-ċinema, it-televiżjoni, l-istampa, ir-radju, il-provvedituri u l-produtturi tal-kontenut tal-internet), l-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, is-sistemi edukattivi, ir-regolaturi, l-istituti kulturali u ta’ riċerka, l-organizzazzjonijiet soċjali;

    c)

    istituzzjonalizzazzjoni

    il-ħolqien ta’ servizzi pubbliċi u uffiċċji għall-promozzjoni tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni;

    d)

    orjentazzjoni u informazzjoni

    organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-appoġġ għad-“desks tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni” li joperaw fil-livell reġjonali sabiex jidentifikaw u jxerrdu l-aqwa prattiki u jinfurmaw liċ-ċittadini;

    e)

    il-parteċipazzjoni attiva, ir-rappreżentazzjoni lokali

    miżuri li jħeġġu dawn iż-żewġ aspetti, politiki ta’ promozzjoni, il-pubbliku għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu strumenti, għarfien u pjattaformi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni sabiex ikun jista’ joħloq kontenut medjatiku, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi soċjali żvantaġġati, il-minoritajiet u l-persuni b’diżabilità;

    f)

    kooperazzjoni

    il-parteċipazzjoni f’netwerks ta’ kooperazzjoni nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni;

    g)

    djalogu

    inizjattivi tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jiftħu d-dibattitu dwar l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni;

    h)

    il-politika reġjonali tal-edukazzjoni, ir-regolamentazzjoni tal-edukazzjoni

    l-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jintroduċu l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-livelli kollha tat-tagħlim formali, ħidma sabiex l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħmel parti mit-taħriġ tal-għalliema u sabiex din tagħmel parti mil-livelli edukattivi kollha bħala parti integrali mis-sillabu skolastiku u l-programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja;

    i)

    il-ħolqien ta’ sħubijiet, l-appoġġ biex dan ikun jista’ jseħħ

    il-ħolqien ta’ sħubijiet fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn l-industriji tal-kontenut u l-istituzzjonijiet edukattivi/tat-taħriġ, fil-kuntest tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u informali (pereżempju proġetti ta’ kooperazzjoni bejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni lokali, l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, kampanji ta’ edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, festivals) u hawnhekk għandhom jiġu sorveljati mill-qrib it-tip ta’ parteċipazzjoni, l-interessi materjali tal-industrija tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-konformità stretta mal-qafas legali fl-organizzazzjoni ta’ sħubijiet bħal dawn.

    28.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-finanzjament tal-politika tat-taħriġ fuq bażi ġdida sabiex tappoġġja l-proġetti pilota u r-riċerka fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, billi din tista’ tiġi appoġġjata minn strumenti finanzjarji msaħħa fil-qafas ta’ inizjattivi li jeżistu (pereżempju l-proġett Comenius għall-kooperazzjoni reġjonali) jew li għad iridu jinħolqu. It-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jirrikjedi riżorsi mmirati u multipolari, u għalhekk il-Kumitat tar-Reġjuni jaqbel mal-pożizzjoni tal-Parlament (11) u jemmen li sottoprogramm għall-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku għandu jiġi integrat b’mod speċifiku u mmirat fi programmi oħra ta’ appoġġ tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-programmi Comenius, “L-Edukazzjoni u t-Tagħlim Matul il-Ħajja”, “e-Twinning”, “Safer Internet” u l-Fond Soċjali Ewropew.

    29.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea bdiet tfassal indikaturi tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għall-promozzjoni fit-tul tal-kunċett. Fl-istess waqt, madanakollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jispera li dawn l-indikaturi ma jikkonsistux biss minn ċifri dwar il-forma u l-frekwenza fl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, għax l-evalwazzjoni tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni timplika wkoll l-użu ta’ metodi li jkejlu l-ħiliet tal-individwu (minkejja li f’dan il-qasam ċertu element ta’ xettiċiżmu fir-rigward ta’ indikaturi fil-forma ta’ ċifri huwa komprensibbli: huwa diffiċli li tkejjel l-għarfien kreattiv u kritiku u l-klassifikazzjoni tal-kontenut f’termini kwantitattivi).

    Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ispirat ruħha mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew intitolata “Il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali” li ġiet adottata fis-16 ta’ Diċembru 2008.

    (2)  CdR 94/2008 fin dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali”.

    (3)  COM(2008) 865 finali.

    (4)  COM(2008) 865 finali.

    (5)  COM(2008) 865 finali.

    (6)  Dwar dan il-KtR jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu CdR 67/2004 fin u CdR 172/2007 fin dwar “Il-ġejjieni tal-politika tar-regolamentazzjoni Ewropea fil-qasam awdjoviżiv” (mhux disponibbli bil-Malti) u “L-Aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qiegħda tiġi gglobalizzata”.

    (7)  2008/2129 (INI).

    (8)  CdR 5/2008 fin u CdR 252/2005 – Opinjoni dwar “L-inklużjoni diġitali” u Opinjoni dwar – “i2010 – Soċjetà tal-informazzjoni għat-tkabbir u l-impjieg”.

    (9)  Dwar dan irreferi għall-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KtR “i2010: Libreriji diġitali” CdR 32/2006 fin.

    (10)  CdR 94/2008 fin.

    (11)  2008/2129 (INI).


    Top