Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IR0083

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-korrelazzjoni bejn is-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet reġjonali fis-settur tat-turiżmu

    ĠU C 200, 25.8.2009, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 200/9


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-korrelazzjoni bejn is-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet reġjonali fis-settur tat-turiżmu

    (2009/C 200/03)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI JIPPREŻENTA DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET:

    jagħraf il-fatt li t-turiżmu jagħti sehem sostanzjali fil-PGD nazzjonali fl-Istati Membri kollha, anki jekk ir-rwol u l-benefiċċji tiegħu bħala attività ta’ negozju jvarjaw ħafna bejniethom, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzi nazzjonali kif ukoll mal-iżvilupp lokali u reġjonali;

    jagħraf li l-industrija tat-turiżmu qed tiffaċċja bosta sfidi, fosthom l-isfida prinċipali tal-kriżi ekonomika. F’dan il-kuntest, il-bżonn li nistimulaw l-industrija tat-turiżmu u l-ispirtu intraprenditorjali fis-settur huwa urġenti, b’mod partikolari għax it-turiżmu għandu dimensjoni soċjali li tolqot l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u reġjonali;

    jenfasizza li l-iżvilupp tat-turiżmu għandu jkun vijabbli sabiex la naħlu r-riżorsi naturali u lanqas ma neqirdu l-ambjent. It-turiżmu għandu jirrispetta r-rikkezzi naturali tar-reġjuni kkonċernati, filwaqt li jagħraf jisfruttahom fi ħdan żvilupp sostenibbli u gradwali. L-għan għandu jkun li nikkonservaw u ngħollu l-livell tal-ambjent, li nħarsuh għall-ġenerazzjonijiet li jmiss u li noħolqu l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu impjiegi ġodda.

    Rapporteur

    :

    is-Sur Konstantinos Tatsis (EL/PPE), President tal-awtorità awtonoma ta’ Drama-Kavala-Xanthi

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jagħraf il-fatt li t-turiżmu jagħti sehem sostanzjali fil-PGD nazzjonali fl-Istati Membri kollha, anki jekk ir-rwol u l-benefiċċji tiegħu bħala attività ta’ negozju jvarjaw ħafna bejniethom, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzi nazzjonali kif ukoll mal-iżvilupp lokali u reġjonali;

    2.

    jinnota li t-turiżmu huwa sors essenzjali ta’ ġid f’bosta ekonomiji reġjonali, iżda li s’issa d-dimensjoni Komunitarja kienet limitata ħafna; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-“Tiġdid tal-Politika tal-UE dwar it-Turiżmu: Lejn partenarjat aktar b’saħħtu għat-Turiżmu Ewropew” u l-“Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv”;

    3.

    jilqa’ l-fatt li, fl-Artikolu 195 il-ġdid tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Liżbona), it-turiżmu huwa rikonoxxut bħala qasam ta’ azzjoni komplementari tal-UE u, għalhekk, jispera li r-ratifikazzjoni ta’ dan it-Trattat isseħħ kemm jista’ jkun malajr sabiex dan jipprovdi bażi legali soda għall-attività tal-UE f’dan il-qasam;

    Ir-rwol tat-turiżmu

    4.

    jinnota li s-settur tat-turżimu huwa importanti għal diversi raġunijiet u jaqdi diversi rwoli għax jikkontribwixxi fl-ekonomija Ewropea iżda wkoll fl-iżvilupp tal-ekonomiji nazzjonali tad-diversi Stati Membri u fiż-żieda tal-PGD nazzjonali. Fl-istess waqt, l-iżvilupp tat-turiżmu, apparti li hu importanti għall-edukazzjoni u għas-saħħa kif ukoll għall-attivitajiet tal-ħin liberu u tal-mistrieħ, għandu impatt sinifikanti fuq is-settur tal-impjiegi, billi bosta professjonijiet jiddependu mill-flussi tat-turiżmu u wkoll il-faċilitajiet turistiċi u l-attivitajiet relatati mat-turiżmu jimpjegaw ħafna nies;

    5.

    iżid jgħid li t-turżimu jikkontribwixxi b’mod pożittiv fil-promozzjoni ta’ koeżjoni soċjali aktar mifruxa, billi f’ċerti reġjuni, b’mod partikolari f’dawk li m’għandhom l-ebda sors ta’ ġid ieħor, joħloq il-possibbiltà li jiġu żviluppati u li jinħolqu l-intrapriżi permezz ta’ parti mid-dħul iġġenerat mit-turiżmu stess. F’reġjuni li għandhom diffikultajiet ekonomiċi u fejn id-daqs tal-popolazzjoni ilu jiċkien għal żmien twil, it-tkabbir tal-industrija tat-turiżmu jista’ jservi ta’ kontrapiż li f’ċerti każijiet ipatti għat-tkabbir negattiv u jippromovi l-bidliet strutturali meħtieġa;

    6.

    jinnota li hemm bżonn li nenfasizzaw ir-rwol importanti li jaqdi t-turiżmu fil-proċess tal-iżvilupp ta’ koxjenza soċjali Ewropea permezz tal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-kontribut li jagħti t-turiżmu sabiex isaħħaħ din il-koxjenza, permezz tar-relazzjonijiet u l-kuntatti li joħolqu ċ-ċittadini ma’ Stati Membri, ma’ kulturi soċjali u ma’ pajjiżi oħra, ikabbar is-sens ta’ diversità u fl-istess waqt isaħħaħ is-sens ta’ perspettiva komuni. Il-mobbiltà taċ-ċittadini li jġib miegħu l-iżvilupp tat-turiżmu fir-reġjuni Ewropej hija l-pilastru ċentrali tal-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea;

    7.

    josserva li l-iżvilupp tat-turiżmu għandu rabta diretta ma’ setturi oħra bħas-setturi tal-ambjent u l-kultura. Fir-rigward tal-ambjent huwa importanti li nippromovu politiki bbażati fuq żvilupp tat-turiżmu sostenibbli u vijabbli b’mod u manjiera li nisfruttaw l-ambjent u fl-istess ħin nipproteġuh. Fir-rigward tal-kultura, it-turiżmu jippermetti kemm li nagħtu valur lill-kultura kontemporanja kif ukoll lir-rikkezzi tal-patrimonju kulturali Ewropew;

    8.

    jenfasizza li, fil-livell reġjonali, it-turiżmu huwa sors ta’ xogħol stabbli li jsaħħaħ u jistimula l-impjiegi u li jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli fit-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona fil-qasam tat-tisħiħ tal-impjiegi;

    L-isfidi tal-industrija tat-turiżmu fil-livell reġjonali

    9.

    jagħraf li l-industrija tat-turiżmu qed tiffaċċja bosta sfidi, fosthom l-isfida prinċipali tal-kriżi ekonomika. F’dan il-kuntest, il-bżonn li nistimulaw l-industrija tat-turiżmu u l-ispirtu intraprenditorjali fis-settur huwa urġenti, b’mod partikolari għax it-turiżmu għandu dimensjoni soċjali li tolqot l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u reġjonali;

    10.

    jenfasizza li l-iżvilupp tat-turiżmu għandu jkun vijabbli sabiex la naħlu r-riżorsi naturali u lanqas ma neqirdu l-ambjent. It-turiżmu għandu jirrispetta r-rikkezzi naturali tar-reġjuni kkonċernati, filwaqt li jagħraf jisfruttahom fi ħdan żvilupp sostenibbli u gradwali. L-għan għandu jkun li nikkonservaw u ngħollu l-livell tal-ambjent, li nħarsuh għall-ġenerazzjonijiet li jmiss u li noħolqu l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu impjiegi ġodda;

    11.

    jinnota li l-pjanijiet nazzjonali fil-qasam tal-ġestjoni tal-art għat-turżimu fil-livell reġjonali huma strument li permezz tiegħu nistgħu noħolqu bilanċ tajjeb bejn l-iżvilupp ta’ spirtu intraprenditorjali u t-tħaddim tal-ambjent naturali u, b’hekk, nevitaw il-ħela tar-riżorsi naturali u dawk tal-enerġija f’kull reġjun. F’ċerti reġjuni, diġà ġew stabbiliti l-limiti li jikkontrollaw in-numru ta’ lukandi u nipproponu li din il-prattika tiġi diskussa fil-qafas ta’ skambju tal-aħjar prattika. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jipproponi li nimponu kriterji konkreti biex nevalwaw dawn il-limiti, b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet reġjonali fil-qasam tal-iżvilupp, il-bżonnijiet soċjali u l-ħolqien ta’ impjiegi oħra;

    12.

    jinnota li fis-settur tat-turiżmu jeżistu tliet tipi ta’ kompetizzjoni. L-ewwel u qabel kollox, teżisti l-kompetizzjoni esterna bejn id-destinazzjonijiet nazzjonali tal-Unjoni Ewropea u d-destinazzjonijiet li ma jinsabux fl-Unjoni. Imbagħad, teżisti l-kompetizzjoni interna bejn id-destinazzjonijiet differenti tal-Ewropa stess. It-tielet forma ta’ kompetizzjoni hija dik ta’ bejn id-destinazzjonijiet nazzjonali tal-istess pajjiż. Kull tip ta’ kompetizzjoni għandha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha u teħtieġ approċċ speċifiku;

    13.

    jinnota li l-karattru staġjonali tat-turiżmu huwa sfida oħra li trid tiffaċċja din l-industrija fil-livell reġjonali. In-natura tal-problema titlob soluzzjoni reġjonali u mhux nazzjonali, billi l-fattur staġjonali huwa marbut ma’ karatteristiċi soċjali u reġjonali partikolari li jinfluwenzaw lill-flussi turistiċi b’mod dirett. Min-naħa l-oħra, fil-livell nazzjonali jeżistu diversi possibbiltajiet għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku skont l-istaġun;

    14.

    jagħraf li t-turiżmu huwa industrija tas-servizzi kkaratterizzata minn kompetizzjoni kbira u minn klijenti li jfittxu l-kwalità. Għalhekk, l-impjegati tas-settur għandhom ikunu impjegati ta’ livell għoli u mħarrġa sew;

    15.

    jemmen li huwa importanti li nsaħħu l-intrapriżi tas-settur tat-turiżmu sabiex jibdew jattiraw ħaddiema kwalifikati u mħarrġa f’livell għoli. B’hekk, il-prodott turistiku jkun jista’ jiġġenera dinamiżmu akbar fl-Ewropa kollha, ikunu jistgħu jittejbu s-servizzi li jingħataw lit-turisti u d-destinazzjonijiet turistiċi tal-Ewropa jsiru aktar attraenti;

    16.

    jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju permezz tal-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” li jinsab fir-regoli dwar dawn l-intrapriżi. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, is-settur tat-turiżmu huwa magħmul minn SMEs. Għalhekk, hemm bżonn li l-qafas leġiżlattiv tagħhom ikun aktar favorevoli u li jittieħdu miżuri diretti sabiex inħarsu l-impjiegi li jeżistu u noħolqu impjiegi ġodda;

    Proposti

    17.

    jinnota li t-tisħiħ tal-industrija tat-turiżmu għandu jsir fil-qafas tal-politika globali tal-Unjoni fil-qasam tal-iżvilupp, b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet essenzjali tagħha u tal-istrumenti prinċipali disponibbli fil-qasam;

    18.

    jipproponi li jiġu implimentati l-inizjattivi pubbliċi u privati sabiex jiġu promossi aktar konnessjonijiet, kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar, bejn ir-reġjuni Ewropej u, b’hekk, titjieb il-mobbiltà għaċ-ċittadini Ewropej;

    19.

    jinnota li, fil-qafas tat-tkabbir vijabbli u sostenibbli, it-tħaddim u l-ħarsien tal-ambjent jiffurmaw wieħed miż-żewġ pilastri prinċipali tal-iżvilupp;

    20.

    josserva li t-tieni pilastru tal-iżvilupp huwa t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tat-turiżmu fil-qafas tal-ħarsien tal-ambjent u l-bżonn li l-ġid li jinħoloq mit-turiżmu jinqasam fis-soċjetà kollha, fis-sens globali tagħha;

    21.

    f’dan il-kuntest jipproponi li jittieħdu inizjattivi li jsaħħu l-impjiegi fil-qasam tat-turiżmu permezz ta’ programmi ta’ taħriġ għall-ħaddiema, jitnedew azzjonijiet li jiżvolġu rabta bejn it-turiżmu u l-ambjent u jippromovu l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu, jingħata l-appoġġ meħtieġ sabiex jiġu introdotti teknoloġiji ġodda fil-prodott turistiku reġjonali u li dawn jiġu abbinati mal-kultura u s-servizzi fornuti bħalissa, tinħoloq sistema ta’ netwerks bejn id-destinazzjonijiet turistiċi fil-livell Ewropew bil-għan li jitħares l-ambjent, tiġi appoġġjata l-produzzjoni lokali, jittejbu s-servizzi u jitħeġġu l-prattiki intraprenditorjali li jikkontribwixxu għal progress soċjali aktar mifrux u li jxerrdu l-ġid fis-soċjetà kollha;

    22.

    jinnota li l-prattiki u l-azzjonijiet Komunitarji eżistenti, bħall-proġett pilota dwar it-turiżmu soċjali u l-azzjoni “Destinazzjonijiet ta’ Eċċellenza” (EDEN), għandhom jiġu rrinforzati u jingħataw xeħta aktar settorjali. Għal dan il-għan, japprova l-prattika li kull sena jintgħażel numru ta’ kategoriji li jinbidlu minn sena għal sena sabiex il-bidla li ssir fil-kontenut ma tiksirx il-kontinwità minn sena għall-oħra. Il-Kummissjoni Ewropea hija mħeġġa tieħu miżuri biex tħeġġeġ il-koperazzjoni transkonfinali u interreġjonali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-ħsieb li jiġu promossi l-prodotti turistiċi konġunti;

    23.

    jinsisti fuq il-bżonn li nippromovu forom ta’ “turiżmu ta’ sostituzzjoni” sabiex nisfruttaw il-possibbiltajiet disponibbli kollha u sabiex noħolqu servizzi u nippromovu prodotti ġodda;

    24.

    nipproponu li jiġi identifikat mudell Ewropew għall-iżvilupp tat-turiżmu sostenibbli permezz ta’ programm li jiġbor fih il-kultura, il-prodotti turstiċi, il-ħarsien tal-ambjent, il-promozzjoni tal-kompetittività tat-turiżmu Ewropew, it-titjib tal-konnessjonijiet bejn ir-reġjuni, kemm bl-ajru u kemm bil-baħar, it-tħeġġiġ tal-ispirtu intraprenditorjali u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda;

    25.

    jipproponi li r-rwol li jaqdi ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (CEDEFOP) bħala rabta mal-awtoritajiet reġjonali għandu jissaħħaħ u għandu jintalab ikompli jistudja l-ħiliet mitluba fis-settur tat-turiżmu, skont il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tar-reġjuni, sabiex jitjiebu l-opportunitajiet ta’ xogħol u tittejjeb il-kwalità tas-servizzi mogħtija;

    26.

    jipproponi li titqies l-esperjenza Ewropea li nkisbet fil-qafas tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Lokali għall-Impjiegi, fuq l-eżempju tad-89 Patt pilota territorjali għall-impjiegi, u li l-pjanijiet jitħejjew fil-livell lokali b’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, ir-rappreżentanti tas-setturi tal-lukandi, tad-divertiment u tal-kultura, ir-rappreżentanti tal-impjegati f’dawn is-setturi, u l-atturi soċjali interessati tat-turiżmu alternattiv Ewropew, bil-ħsieb li titfassal politika koeżiva fil-livell reġjonali għall-promozzjoni tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu; jirrakkomanda li l-miżuri bbażati fuq dawn il-pjanijiet ikunu eliġibbli għall-appoġġ mill-Fondi Strutturali;

    27.

    jipproponi li jittieħdu miżuri biex jitnaqqsu t-taxxi temporanjament fl-ajruporti reġjonali sabiex jiżdied it-traffiku f’dawn l-ajruporti u tissaħħaħ ir-rabta diretta tagħhom ma’ sorsi ta’ attività turistika.

    Brussell, it-22 ta’ April 2009.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top