EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0077

Il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta’ Frar 2009 dwar il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (2008/2231(INI))

ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 76–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/76


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
Il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran

P6_TA(2009)0077

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (2008/2231(INI))

2010/C 76 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Barċellona adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin li saret f’Barċellona nhar is-27 u t-28 ta’ Novembru 1995 li tistabbilixxi Sħubija Ewro-Mediterranja,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2008 bl-isem ta’ “Il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran” (COM(2008)0319),

wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2008 tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-Samit ta’ Pariġi għall-Mediterran, li sarfit-13 ta’ Lulju 2008,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata wara l-laqgħa tal-ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni għall-Mediterran li saret f’Marsilja fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewro-Mediterranji, li saret f’Liżbona fil-5 u s-6 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit Ewro-Mediterranju li sar f’Barċellona fis-27 u t-28 ta’ Novembru 2005 għaċ-ċelebrazzjoni tal-għaxar anniversarju tas-Sħubija Ewro-Mediterranja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) tat-12 ta’ Lulju 2008, id-Dikjarazzjoni tal-EMPA dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tat-13 ta’ Ottubru 2008 u r-Rakkomandazzjoni tal-EMPA lill-Ewwel Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran tat-13 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit Ewro-Mediterranju tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali li sar f’Rabat fis-16 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-Presidenza tal-EMPA, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-EMPA matul ir-raba’ sessjoni plenarja tagħha f’Ateni, fis-27 u t-28 ta’ Marzu 2008,

wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-EuroMedScola, li fi Strasburgu fis-16 u s-17 ta’ Novembru 2008, laqqgħet iċ-ċittadini żgħażagħ tal-Istati Msieħba u tal-Pajjiżi tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Mediterranja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari dik tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar il-proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar l-għoti ta’ spinta ġdida lill-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, b’koperazzjoni mal-imsieħba Mediterranji - Linji gwida strateġiċi (COM(2003)0294),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2),

wara li kkunsidra l-prijoritajiet tiegħu għall-Presidenza tal-EMPA (Marzu 2008 - Marzu 2009),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6–0502/2008);

A.

billi l-Mediterran għandu rwol ċentrali u l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba għandhom għadd dejjem jiżdied ta’ interessi komuni fil-konfront tal-isfidi tal-globalizzazzjoni u tal-koeżistenza paċifika u, b’konsegwenza ta’ dan, tal-ħtieġa biex tiġi żgurata koeżjoni reġjonali akbar u żvilupp ta’ strateġija politika komuni fir-reġjun,

B.

billi l-UE hija u għandha tibqa’ determinata li tilħaq l-objettivi tal-Millennju għall-iżvilupp ifformulati min-Nazzjonijiet Uniti,

C.

billi jitqiesu d-differenzi ekonomiċi, politiċi u kulturali dejjem ikbar bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran, it-Tramuntana u n-Nofsinhar, u l-bżonn li tinsab soluzzjoni għal dawn id-differenzi sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit spazju komuni ta’ paċi, ta’ sigurtà u ta’ prosperità,

D.

billi hemm il-bżonn li r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Mediterranji msieħba jiġġeddu u jiġu approfonditi b’mod konsiderevoli, tiġdid li jibda mill-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-imsieħba kollha u mill-valurizzazzjoni tal-ħidma li ġa saret, imma waqt li jitqiesu wkoll il-limiti u n-nuqqasijiet tal-politiki implimentati s’issa u, speċifikament, tal-bilanċ ta’ diżappunt tal-proċess ta’ Barċellona,

E.

billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP)li tmexxiet mal-pajjiżi Mediterranji għandha l-limiti tagħha, peress li, billi ġew privileġġati r-relazzjonijiet bilaterali, irriżultat bħala żbilanċjata u mhux kapaċi tikkontribwixxi għal proċess komuni ta’ riformi sinifikanti fir-reġjun,

F.

billi jitqies il-bżonn li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ibbażati fuq sħubija mill-qrib kif ukoll fuq l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bejn l-UE u l-pajjiżi Mediterranji fil-Mediterran kollu kemm hu,

G.

billi mit-tnedija tal-proċess ta’ Barċellona, ċerti pajjiżi msieħba ma rreġistraw l-ebda progress sostanzjali f’dak li jikkonċerna s-sħubija u l-lealtà għal ċerti valuri komuni u għal xi wħud mill-prinċipji komuni fformulati fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tal-1995, li huma firmatarji tagħha, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-demokrazija, mad-drittijiet tal-bniedem u mal-istat tad-dritt,

H.

billi hemm il-bżonn li tiġi promossa l-integrazzjoni territorjali u ekonomika bejn il-pajjiżi tal-baċir Mediterran; billi integrazzjoni territorjali u ekonomika reali hija biss possibbli jekk iseħħ progress konkret fis-sejba ta’ soluzzjoni għall-kunflitti li għadhom għaddejjin bħalissa u fil-qasam tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem,

I.

billi rabtiet iktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Mediterran żiedu b’mod sinifikanti t-traffiku bejn dawn il-pajjiżi, mingħajr ma dan kien akkumpanjat minn titjib neċessarju u modernizzazzjoni tal-infrastruttura korrispondenti,

J.

billi l-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern, fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta’ Pariġi għall-Mediterran datata t-13 ta’ Lulju 2008, irrikonoxxew li l-EMPA se tkun l-espressjoni parlamentari leġittima tal-proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, filwaqt li ddikjaraw l-appoġġ qawwi tagħom għat-tisħiħ tal-irwol tal-EMPA fir-rabtiet tiegħu mal-isħab Mediterranji,

K.

billi jenfasizza li n-natura intergovernattiva mhijiex biżżejjed biex tiġi indirizzata l-ġabra ta’ relazzjonijiet politiċi bejn il-pajjiżi tar-reġjun Ewro-Mediterranju,

L.

billi jenfasizza l-irwol importanti tal-EMPA, li hija l-unika assemblea parlamentari li tippermetti li jsir djalogu u koperazzjoni fiz-zona Ewro-Mediterranja, peress li tgħaqqad fiha s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet kollha assoċjati mal-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani,

M.

billi titqies l-importanza li tiġi garantita l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proġetti u fl-inizjattivi definiti fil-proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, u li jitqiesu l-proposti reċenti mressqa minn dawn l-entitajiet,

N.

billi hu importanti li tiġi garantita l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fir-rivitalizzazzjoni tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji,

O.

billi jfakkar li hu indispensabbli li ma jiġux dupplikati u ma jirkbux fuq xulxin l-istrumenti, il-politiki u l-livelli istituzzjonali diġà eżistenti u li tiġi garantita l-koerenza tas-sistema kollha kemm hi tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji,

P.

billi jitqies il-bżonn li jissolvew malajr u b’mod paċifiku l-kunflitti kollha li jinvolvu l-pajjiżi Mediterranji, u billi titqies l-importanza li jinżamm djalogu interkulturali f’dan ir-rigward,

Q.

billi r-rekrudexxenza reċenti tal-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani taffettwa d-djalogu politiku tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u tista’ tipperikola t-twettiq ta’ bosta objettivi previsti mill-istituzzjoni l-ġdida,

R.

billi n-nuqqas persistenti ta’ soluzzjoni għat-tensjonijiet politiċi serji fis-Saħara tal-Punent ma jikkontribwixxix għat-tnedija mill-ġdid tas-sħubija Ewro-Mediterranja,

1.

Jemmen li l-proposta li l-proposta tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, adottata mill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern waqt is-Samit għall-Mediterran li sar f’Pariġi fit-13 ta’ Lulju 2008, hija kontribuzzjoni għall-paċi u l-prosperità u għandha tikkostitwixxi pass ‘il quddiem lejn l-integrazzjoni ekonomika u territorjali u lejn il-koperazzjoni dwar il-kwistjonijiet ekoloġiċi u ambjentali bejn il-pajjiżi Mediterranji jekk hija kapaċi twettaq il-wegħdiet u tagħti riżultati konkreti u viżibbli; jenfasizza li l-ftuħ tal-proċess għal pajjiżi mhux assoċjati mas-sħubija jżid il-probabilità li tiġi stabbilita l-ugwaljanza fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-imsieħba Mediterranji u li jissolvew il-problemi tar-reġjun b’mod komprensiv;

2.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni f’Gaża (3) u jesprimi t-tħassib tiegħu rigward ir-rekrudexxenza tal-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani li diġà affettwat id-djalogu politiku bejn l-imsieħba fis-sħubija Ewro-Mediterranja; iqis li huwa importanti li jkun evitat aktar dewmien f’din il-fażi inizjali tal-Unjoni għall-Mediterran u jittama li l-koperazzjoni terġa’ tirranka malajr kemm jista’ jkun, u tagħti l-kontribut tagħha għall-għan komuni tal-paċi fil-Lvant Nofsani; jenfasizza li, wara li kkunsidra l-prinċipji li sar qbil dwarhom fis-Samit ta’ Pariġi msemmi hawn fuq tat-13 ta’ Lulju 2008 u fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin imsemmija hawn fuq f’Marsilja tat-3 u l-4 ta’ Novembru 2008, l-istituzzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni għall-Mediterran għandhom jikkonċentraw fuq dimensjoni ċara orjentata lejn il-proġetti, li tikkostitwixxi l-valur miżjud prinċipali tagħha;

3.

Jinnota li l-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2008 f’Marsilja pproponiet li l-“Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran” minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “Unjoni għall-Mediterran”; iqis li dan l-isem jippermetti li tiġi valorizzata n-natura paritarja tas-sħubija bil-għan li jitwettqu l-proġetti ta’ integrazzjoni ekonomika u territorjali; iqis madankollu li huwa neċessarju li l-valur strateġiku tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji u x-xogħol imwettaq mill-Proċess ta’ Barċellona, u partikolarment l-involviment tas-soċjetà ċivili, għandhom ikunu affermati mill-ġdid permezz ta’ politiki li l-UE qed tiżviluppa diġà flimkien mal-imsieħba Mediterranji tagħha, permezz ta’ programmi reġjonali u subreġjonali u linji gwida komuni li jispiraw il-koperazzjoni bilaterali;

4.

Jitlob f’dan ir-rigward lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw il-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward tal-iżviluppi istituzzjonali possibbli (b’mod partikolari l-irwol ta’ rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-politika ta’ sigurtà bħala viċi-President tal-Kummissjoni) u l-użu tal-baġit Komunitarju;

5.

Jilqa’ l-fatt li l-ħolqien tal-Unjoni għall-Mediterran ġiet appoġġata fil-kuntest tal-istituzzjonijiet tal-UE;

6.

Japprova d-deċiżjoni biex jiġi privileġġjat qafas multilaterali permezz tad-definizzjoni ta’ xi proġetti kbar biex jitwettqu permezz tal-istrumenti l-ġodda tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran; jieħu nota, madankollu, tan-nuqqas ta’ strateġiji ta’ integrazzjoni ekonomika u territorjali fil-baċir Mediterran bħala sostenn għal dawn il-proġetti;

7.

Hu tal-fehma li, għat-twettiq tal-proġetti, għandha tiġi adottata l-formula ta’ “patti ta’ programmi”, li, b’punt ta’ tluq mill-prinċipju ta’ sussidjarjetà, jiddefinixxu b’mod ċar ir-responsabilitajiet finanzjarji, maniġerjali u ta’ kontroll tal-livelli istituzzjonali varji: Unjoni Ewropea, Stati Membri, reġjuni, intrapriżi, imsieħba soċjali;

8.

Jenfasizza li l-proġetti ffinanzjati fil-kuntest tal-Unjoni għall-Mediterran għandhom jirċievu l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità, tal-pajjiżi msieħba u tas-settur privat; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippreċiżaw u jsaħħu l-irwol u l-inizjattivi tal-Faċilità Ewro-Mediterranja tal-Investiment u s-Sħubija, li permezz tal-programm ta’ investiment tagħha, tiffaċilita l-ftuħ ekonomiku u l-modernizzazzjoni tal-pajjiżi Mediterranji; itenni li hu favur il-ħolqien ta’ Bank Ewro-Mediterranju ta’ Investiment u l-koordinazzjoni mal-investituri internazzjonali; jenfasizza l-importanza tat-trasferiment tal-flus imfaddla tal-emigranti tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u jqis li dan huwa lieva eċċellenti ta’ żvilupp li s’issa għadha ma ntużatx biżżejjed;

9.

Iqis li, sakemm jerġgħu jiġu eżaminati l-prospettivi finanzjarji, il-kwota ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea għall-proġetti Mediterranji għandha tiġi żgurata iżda mhux għad-detriment tal-programmi reġjonali Ewro-Mediterranji li attwalment għaddejjin jew li huma previsti u li t-tisħiħ tagħha ntalab għal diversi drabi mill-Parlament; jenfasizza, f’dan il-kuntest, is-setgħa tal-Parlament Ewropew fil-proċedura baġitarja tal-Unjoni Ewropea; jixtieq li l-Parlament jiġi infurmat regolarment dwar il-progress tal-proġetti;

10.

Iqis li s-Segretarjat se jkun jista’ jesprimi potenzjal importanti għat-tnehid mill-ġdid tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji permezz tal-kapaċità operattiva tiegħu u l-valur politiku tal-għamla tiegħu; jitlob li jingħata bidu b’mod urġenti għall-ħidma tas-Segretarjat, sabiex tingħata prova li t-tensjonijiet attwali jistgħu jingħelbu permezz tal-promozzjoni ta’ proġetti reali u konkreti ta’ koperazzjoni reċiproka; jilqa’ l-fatt li ntlaħaq qbil unanimu dwar is-sede tas-segretarjat; ifakkar li l-belt ta’ Barċellona tirrappreżenta l-post fejn inbdiet is-sħubija Ewro-Mediterranja;

11.

Jaqbel illi, mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea, il-kopresidenza tkun kumpatibbli mar-rappreżentanza esterna tal-UE, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fis-seħħ; jittama, f’dan ir-rigward, waqt li jassumi li t-Trattat ta’ Liżbona se jidħol fis-seħħ, li l-Unjoni Ewropea se tiżgura konsistenza u kontinwità fir-rappreżentanza tagħha fl-istituzzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni għall-Mediterran;

12.

Jilqa’ d-Deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tat-3 ta’ Novembru 2008, li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni tal-EMPA adottata fil-Ġordan fit-13 ta’ Ottubru 2008; jappoġġja d-deċiżjoni li l-Unjoni għall-Mediterran tingħata dimensjoni parlamentari qawwija, li ssaħħaħ il-leġittimità demokratika tagħha, bl-appoġġ tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM), li għad trid tissaħħaħ, u li x-xogħol tagħha jeħtieġ li jiġi koordinat aħjar ma’ istituzzjonijiet oħra tas-sħubija, billi titqies il-possibilità li tingħatalha personalità ġuridika, id-dritt ta’ proposta u ta’ evalwazzjoni tal-istrateġiji ta’ integrazzjoni ekonomika u territorjali, u tal-proġetti u l-possibilità li jitressqu rakkomandazzjonijiet għal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin; jippretendi li dan ir-rikonoxximent istituzzjonali tal-EMPA jwassal ukoll għall-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur fil-laqgħat kollha tal-eżekuttiv, fil-laqgħat tal-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern, fil-laqgħat tal-Ministri kif ukoll fil-laqgħat preparatorji tal-uffiċjali għoljin;

13.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni għall-Mediterran li jinkludu l-Lega tal-Istati Għarab bħala parteċipant fil-laqgħat kollha f’kull livell, billi titqies il-kontribuzzjoni pożittiva tagħha għall-objettivi tal-paċi, tal-prosperità u tal-istabilità fir-reġjun Mediterranju;

14.

Jenfasizza l-bżonn li jiġu inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qafas istituzzjonali l-ġdid; jilqa’ l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-proposta li tinħoloq assemblea reġjonali u lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM);

15.

Iqis li, b’mod parallel mat-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari, hija meħtieġa implimentazzjoni ta’ proċess simili biex jiġi żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-istruttura istituzzjonali adegwata tal-Unjoni għall-Mediterran, partikolarment permezz ta’ mekkaniżmi li jiżguraw il-konsultazzjoni tas-soċjeta’ ċivili dwar l-għażla, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-proġetti; jistieden f’dan il-kuntest lill-EMPA biex tinvolvi iktar lis-soċjetajiet ċivili tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran fix-xogħol tagħha; jitlob li jiġi valorizzat l-irwol tal-imsieħba soċjali fil-perspettiva tat-twaqqif ta’ Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewro-Mediterranju;

16.

Jinnota li ċerti pajjiżi li jipparteċipaw fil-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran ma kinux jagħmlu parti mis-sħubija Ewro-Mediterranja; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati kollha li jipparteċipaw fl-Unjoni għall-Mediterran, biex iwaqqfu qafas koerenti ta’ relazzjonijiet ibbażat fuq l-integrazzjoni ekonomika u territorjali bejn l-UE u l-pajjiżi kollha tal-baċir Mediterranju; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu l-possibilità li l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni għall-Mediterran ikun jista’ jkollhom aċċess għall-programmi reġjonali diġà previsti mis-sħubija Ewro-Mediterranja;

17.

jenfasizza li l-parteċipazzjoni fl-Unjoni għall-Mediterran ma tissostitwixxix it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u ma tagħmilx ħsara lill-perspettivi ta’ sħubija ta’ kwalunkwe stat kandidat, ta’ issa jew tal-ġejjieni; iqis li l-Unjoni għall-Mediterran mhijiex se xxekkel inizjattivi oħra ta’ koperazzjoni reġjonali;

18.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-politika Ewro-Mediterranja kollha tiġi riveduta fil-fond, waqt li tissaħħilha d-dimensjoni politika u l-kożvilupp, u jfakkar li, f’kull każ, l-inizjattiva “Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran” ma ddgħajjifx il-prospettiva ta’ din il-politika, prospettiva li hi aktar wiesgħa;

19.

Huwa tal-fehma li l-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran għandu jsaħħaħ il-forom eżistenti ta’ koperazzjoni fil-kuntest tal-Euromed sabiex il-pajjiżi kollha msieħba jkollhom il-possibilità li jipparteċipaw fil-programmi reġjonali u fil-politiki korrispondenti tal-UE fuq il-bażi tal-prijoritajiet u tal-objettivi ffissati bi qbil komuni; ifakkar li huwa importanti li tissaħħaħ l-estensjoni tal-programmi Komunitarji għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, tar-riċerka, tat-taħriġ pofessjonali (skambju ta’ studenti, eċċ);

20.

Iqis li l-problemi tal-paċi u s-sigurtà, tad-drittijiet tal-bniedem u demokrazija, u anke tal-koperazzjoni kulturali, għandhom jiġu affrontati mill-perspettiva Ewro-Mediterranja; itenni li l-Unjoni għall-Mediterran għandha l-iskop li jiġu affrontati l-problemi ta’ territorji, infrastrutturi u ambjent, permezz ta’ pjanijiet strateġiċi u proġetti speċifiċi; jixtieq li din id-dimensjoni konkreta tkun tista’ tikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sħubija Ewro-Mediterranja;

21.

Ifakkar fl-ewwel inizjattivi proposti waqt is-samit ta’ Pariġi dwar il-Mediterran nhar it-13 ta’ Lulju 2008: it-tneħħija tat-tniġġis mill-Mediterran, ir-rotot tal-baħar u r-rotot tal-art, il-protezzjoni ċivili, il-pjan tal-Mediterran dwar l-enerġija solari, l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka, l-inizjattiva tal-Mediterran għall-iżvilupp tal-intrapriżi;

22.

Ifakkar li biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-Proċess ta’ Barċellona, huwa neċessarju li l-oqsma tal-koperazzjoni jitwessgħu għall-ġestjoni tal-ilma, għall-agrikoltura, għas-sikurezza tal-provvista tal-ikel, għall-enerġija, għat-taħriġ professjonali, il-kultura, is-saħħa, it-turiżmu, eċċ.;

23.

Jappoġġja bis-saħħa d-dimensjoni ambjentali tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran u l-inizjattivi u l-proġetti marbuta miegħu, bħall-inizjattiva l-ġdida Mediterranja għat-tindif tal-Mediterran u l-proġett Mediterran għall-enerġija solari;

24.

Iqis li l-integrazzjoni tal-pajjiżi Mediterranji kollha fil-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran toffri l-possibilità li jiġu ffaċċjati l-problemi tar-reġjun b’mod iktar globali kif ukoll li, b’mod effikaċi, jiġi artikulat u kkoordinat il-proċess ma’ programmi li diġà qed jitwettqu, bħall-pjan ta’ azzjoni għall-Mediterran tal-UNEP (Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent);

25.

Jilqa’ l-proposta li tinsab fid-dikjarazzjoni finali tal-Presidenza tar-Raba’ Sessjoni Plenarja tal-EMPA tas-27 u t-28 ta’ Marzu 2008, għall-ħolqien ta’ komunità Ewro-Mediterranja tal-enerġija, bl-appoġġ tal-EMPA; jirrikonoxxi li huwa importanti li tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam tal-enerġija bejn l-imsieħba Ewro-Mediterranji u li huwa neċessarju li jiġi żviluppat suq reġjonali tal-enerġija, bl-objettiv li jiġu implimentati proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ infrastruttura tal-enerġija fuq skala kbira fir-reġjun tal-Mediterran;

26.

jittama li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji se jġedded it-twaqqif ta’ spazju ta’ paċi u prosperità; jenfasizza li l-paċi u l-istabilità politika fir-reġjun Mediterranju huma elementi deċiżivi għas-sigurtà kollettiva u individwali ferm lil hinn mill-fruntieri tiegħu; jenfasizza li huwa biss permezz ta’ regolazzjoni negozjata u globali tal-kunflitti fir-reġjun li dan l-objettiv jista’ jintlaħaq; iqis li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol b’saħħtu fis-sejba ta’ soluzzjoni għal dawn il-kunflitti billi tikseb il-fiduċja tal-partijiet kollha interessati; jinsisti dwar il-bżonn li tinżamm formalment koperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, it-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin; jilqa’ l-appell magħmul fid-Dikjarazzjoni ta’ Marsilja lill-partijiet ikkonċernati biex isir sforz sabiex jitwettaq proċess ta’ dimilitarizzazzjoni u ta’ diżarmament gradwali tal-Lvant Nofsani, partikolarment bil-għan li tinħoloq zona mingħajr armi nukleari u armi ta’ qirda tal-mases;

27.

Iqis li t-taffija tal-problemi madwar il-Mediterran teħtieġ li tittejjeb il-komprensjoni soċjali u kulturali bejn il-popli, u li għalhekk għandhom jiġu appoġġjati inizjattivi bħall-Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet, bħala spazju ta’ djalogu privileġġjat li jikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni tar-reġjun; jitlob minnufih lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw strateġiji għall-iżvilupp ta’ djalogu bħal dan; iħeġġeġ it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-EMPA u l-Fundazzjoni Anna Lindh, inkluża l-organizzazzjoni ta’ laqgħat bejn in-netwerks prinċipali tal-Fundazzjoni Anna Lindh u l-Kumitat għall-Kultura tal-EMPA;

28.

Jenfasizza l-fatt li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika Ewro-Mediterranja huwa li jiġi promoss l-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-pluraliżmu politiku, u josserva li għad hemm ksur serju ħafna ta’ dawn; itenni l-importanza tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; jixtieq li jiġu evalwati r-riżlutati miksuba s’issa u l-adegwazzjoni tal-istrumenti mwaqqfa fil-kuntest tas-sħubija; jistieden minnufih lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji ta’ eliġibilità preċiżi għal dawn l-istrumenti, inkluż fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa, u biex tistabbilixxi sistema effikaċi ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tagħhom; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-partijiet kollha interessati mill-inizjattiva biex jiffavorixxu u japprofondixxu l-osservanza tal-libertà reliġjuża ta’ kulħadd, b’mod partikolari tal-minoranzi reliġjużi rispettivi tagħhom; jipproponi t-tfassil ta’ qafas politiko-istituzzjonali komuni li jippermetti li tiġi valorizzata d-dimensjoni tar-reċiproċità, kemm fil-livell tad-determinazzjoni tal-problemi kif ukoll f’dak tat-tfittix ta’ soluzzjonijiet komuni;

29.

Jitlob, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex idaħħlu b’mod ċar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fl-objettivi ta’ din l-inizjattiva ġdida, biex isaħħu l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi eżistenti bħall-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem li tinsab fil-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u t-twaqqif ta’ sottokumitati dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex joħolqu mekkaniżmu għall-applikazzjoni ta’ din il-klawsola fil-ftehimiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida u fil-pjanijiet ta’ azzjoni bilaterali tal-ENP; jenfasizza li l-għodda għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-ENP għandha tiġi sfruttata bl-aħjar mod possibbli, billi tiġi garantita koerenza politika mtejba bejn l-istituzzjonijiet Ewropej;

30.

Jistieden lill-pajjiżi kollha parteċipanti, lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-ġejjieni tal-Unjoni għall-Mediterran biex iġeddu l-politiki migratorji komuni tagħhom sabiex jiġu valorizzati r-riżorsi umani u biex isaħħu l-iskambji bejn il-popolazzjonijiet tal-baċir filwaqt li jirrinunċjaw għal kwalunkwe viżjoni esklussivament siguritarja; iqis li l-kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni għandhom ikunu konċentrati fuq il-possibilitajiet ta’ mobilità legali, fuq il-ġlieda kontra l-flussi illegali, fuq integrazzjoni mtejba tal-popolazzjonijiet immigranti u fuq l-eżerċitar tad-dritt għall-ażil; jenfasizza l-importanza li huwa jagħti lil kollaborazzjoni mill-qrib u lill-ispirtu ta’ responsabilità reċiproka li teżisti bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jilqa’ l-fatt li seħħet il-Konferenza Ministerjali Euromed dwar il-migrazzjoni f’Novembru 2007 u jqis li l-Unjoni għall-Mediterran għandha tagħti attenzjoni prijoritarja lill-ġestjoni b’ordni tal-flussi migratorji;

31.

Jinnota d-dikjarazzjoni konġunta tal-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern wara s-Samit ta’ Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta’ Lulju 2008, skont liema l-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran juri determinazzjoni li jkun privileġġat l-iżvilupp ta’ riżorsi umani u l-impjieg skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, inkluż billi jitnaqqas il-faqar, u tħares ‘il quddiem lejn l-introduzzjoni ta’ inizjattivi, programmi u dispożizzjonijiet finanzjarji ġodda għal dak l-għan;

32.

Jikkunsidra li l-inizjattivi ekonomiċi u kummerċjali tal-Unjoni għall-Mediterran, sabiex jippermettu t-twettiq ta’ zona ta’ kummerċ ħieles Ewro-Mediterranja ta’ benefiċċju reċiproku, iridu jiffavorixxu t-tkabbir ekonomiku tar-reġjun, l-aħjar integrazzjoni tiegħu fl-ekonomija dinjija u t-tnaqqis tad-diskrepanzi fl-iżvilupp bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran, filwaqt li tiġi msaħħa l-koeżjoni soċjali;

33.

Jenfasizza li hemm bżonn li jkun evalwat u kkunsidrat b’mod sistematiku l-impatt socjali tal-proċess tal-liberalizzazzjoni, b’mod speċjali f’termini ta’ sikurezza tal-ikel; jenfasizza wkoll li dan l-impatt jista’ jvarja ħafna minn settur għall-ieħor u minn pajjiż għall-ieħor;

34.

Jenfasizza l-importanza tas-settur informali u tal-ekonomija popolari fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran; iqis li l-iżvilupp tar-reġjun jeħtieġ l-appoġġ tal-integrazzjoni progressiva ta’ dawn l-attivitajiet fl-ekonomija formali;

35.

Jiġbed l-attenzjoni li, sa mis-sħubiji tal-2004 u l-2007, l-iskambji kummerċjali bejn l-Istati Membri l-ġodda tal-UE u l-imsieħba Mediterranji tagħhom dejjem qegħdin jiżdiedu; jitlob li din it-tendenza titqies u tiġi appoġġjata fil-qafas tas-sħubija;

36.

Jenfasizza l-bżonn li wieħed iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex joħolqu intrapriżi zgħar, inkluż billi jiġi faċilitat l-aċċess għall-kreditu u għall-mikrokreditu; iqis mill-banda l-oħra li jeħtieġ li jissaħħaħ l-appoġġ lill-FEMIP;

37.

Jinnota l-fatt li l-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn banda, u l-istati Mediterranji mill-banda l-oħra, jipprevedu miżuri ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u tal-ażil politiku, inkluż il-finanzjament ta’ ċentri għall-immigrati, u jitlob b’urġenza lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex jivverifikaw jekk humiex qed jiġu rispettati bis-sħiħ, f’dawn iċ-ċentri, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

38.

Jikkunsidra li hu essenzjali li jitwettqu objettivi konkreti u tanġibbli fil-qasam soċjali; ifakkar f’dan ir-rigward li l-objettiv ta’ zona ta’ skambju ħieles ma jistax jiġi evalwat biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp ekonomiku, imma fuq kollox f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi; ifakkar li l-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa jikkostitwixxi l-emerġenza soċjali ewlenija fil-pajjiżi Mediterranji;

39.

Jistieden lill-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar biex jiżviluppaw l-iskambji min-Nofsinhar għan-Nofsinhar, bħall-Ftehima Ekonomika ta’ Agadir iffirmata mill-Eġittu, mill-Ġordan, mill-Marokk u mit-Tuniżija, u jenfasizza li l-Istituzzjonijiet tal-UE għandhom jissodisfaw it-talbiet ta’ appoġġ tekniku sabiex wieħed jiffavorixxi l-integrazzjoni ekonomika min-Nofsinhar għan-Nofsinhar;

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi msieħba tal-Unjoni għall-Mediterran.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0257.

(2)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2009)0025.


Top