EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0068

Il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta’ Frar 2009 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (2008/2179(INI))

ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 49–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/49


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
Il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew

P6_TA(2009)0068

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (2008/2179(INI))

2010/C 76 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni (92) 70 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-15 ta’ Diċembru 1992 li tistabbilixxi Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew u r-Riżoluzzjoni (94) 4 tal-20 ta’ Marzu 1997 li tikkonferma l-kontinwazzjoni tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew u l-Istatut tal-Osservatorju anness magħha,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Res (2000) 7 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-21 ta’ Settembru 2000 rigward emendi għall-Istatut tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784/KE 22 ta’ Novembru 1999 rigward il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784/KE tat-22 ta’ Novembru 1999, kif emendata bid-Deċiżjoni 2239/2004/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill rigward il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (COM(2006)0835),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stipulati mil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżivi (Direttiva tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi) (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0010/2009),

A.

billi s-settur awdjoviżiv jagħti kontribut importanti lill-ekonomija kreattiva u l-ekonomija tal-għarfien Ewropej u għandu rwol ċentrali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-pluraliżmu fl-Unjoni Ewropea,

B.

billi l-konverġenza tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u tas-servizzi tal-midja, netwerks u inġenji toħloq sfidi ġodda f’termini ta’ l-adattament tal-qafas legali eżistenti bid-drittijiet u l-obbligi tiegħu f’ħafna oqsma, u toffri numru ta’ opportunitajiet ġodda,

C.

billi t-trasparenza u d-disponibilità ta’ informazzjoni affidabbli u komparabbli dwar is-suq awdjoviżiv Ewropew jistgħu jagħmlu lill-operaturi tas-settur, speċjalment lill-SMEs, aktar kompetittivi billi jtejbu l-fehim tal-potenzjal tal-industrija, u jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-utenti,

D.

billi l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (l-Osservatorju) b’hekk qed jikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva Ewropea billi jiġbor u jxerred informazzjoni dettaljata dwar is-settur awdjoviżiv,

E.

billi l-Osservatorju jipprovdi varjetà wiesgħa ta’ prodotti, inklużi servizzi online, publikazzjonijiet u bażijiet ta’ data li wrew li huma ta’ valur kbir, kemm għall-industrija u kemm għal min jagħmel il-politika fil-livell nazzjonali u Komunitarju,

F.

billi l-azzjoni tal-Komunità b’appoġġ għall-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati mill-Istrateġija ta’ Liżbona,

1.

Jirrikonoxxi li l-Osservatorju huwa l-unika organizzazzjoni ta’ servizz pubbliku pan-Ewropea dedikata għall-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-industrija awdjoviżiva Ewropea u li din għandha rwol vitali fil-forniment ta’ informazzjoni dettaljata dwar is-settur, kemm għall-korpi pubbliċi u kemm privati f’dan il-qasam;

2.

Jenfasizza li l-konverġenza tas-servizzi ta’ informazzjoni tas-soċjetà u servizzi tal-midja, netwerks u inġenji, qanqlu sfidi ġodda għar-riċerka dwar is-settur awdjoviżiv u dan għandu jiġi rifless fl-attivitajiet tal-Osservatorju;

3.

Jerġa’ jisħaq li teknoloġiji ġodda u tal-multimedia se jkollhom irwol dejjem akbar fis-settur awdjoviż u li l-osservatorju jeħtieġ li fi żmien xieraq isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jsegwi dawn l-iżviluppi ġodda sabiex ikun jista’ jkompli jkollu rwol importanti fis-settur;

4.

Jenfasizza li l-Osservatorju għandhom jingħatawlu r-riżorsi meħtieġa biex ikompli jwettaq l-objettivi tiegħu biex b’hekk ikompli jżomm il-pass b’mod effetiv mal-iżviluppi ġodda tal-multimedia u tat-teknoloġiji ġodda;

5.

Rigward dan, jistieden lill-Ossevatorju biex jespandi l-attivitajiet tiegħu biex ikopri aktar speċifikament l-aħħar sfidi li jinħolqu bil-konverġenzi tal-midja u l-iżviluppi ġodda, billi jagħti attenzjoni partikolari għall-analiżi tal-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq l-industrija tal-films u dik awdjoviżiva in ġenerali u l-analiżi tas-servizzi awdjoviżi online, televiżjoni mobbli u logħob tal-vidjows;

6.

Jenfasizza l-importanza tal-kuntatt u l-koordinazzjoni mar-regolaturi nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati fis-settur tal-midja awdjoviżiva sabiex jiġi garantit valur miżjud;

7.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Osservatorju dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħra relatati u jissuġġerixxi li l-Osservatorju jkopri dawn il-kwistjonijiet b’mod sistematiku u, kemm jista jkun anke fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali (4), jespandi l-ambitu tiegħu biex jinkludi l-kwistjoni tal-liġi fiskali u x-xogħol fis-settur awdjoviżwali fl-Ewropa;

8.

Jistieden lill-Osservatorju, bħalha entità esperta, biex jagħmel suġġerimenti u jipprovdi għażliet ta’ politiki li jistgħu jservu bħala bażi għall-politika Ewropea, filwaqt li jqis l-aħjar prattiki li qed jintużaw f’partijiet oħra tad-dinja u l-iżviluppi ekwivalenti fil-qasam tal-midja awdjoviżiva, (bħal ma huma fl-Ażja u l-Amerika ta’ Fuq);

9.

Jilqa’ l-investigazzjoni tal-Osservatorju fis-sinifikat ta’ xogħlijiet awdjoviżivi minn pajjiżi terzi fuq is-suq Ewropew u jirrakkomanda analiżi dwar l-iżviluppar ta’ mudelli ta’ kooperazzjoni mal-imsieħba minn pajjiżi terzi dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali u d-Direttiva tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi msemmija hawn fuq fir-rigward tax-“xogħlijiet Ewropej” skont l-Artikolu 1(n) ta’ dik id-Direttiva u inkluż il-proġett pilota tal-Midja Internazzjonali;

10.

Jirrikonoxxi li differenzi kulturali bejn l-Istati Membri jistgħu jwasslu għal modi differenti kif jindirizzaw materjal awdjoviżiv li jagħmel ħsara jew li jkun offensiv, speċjalment fir-rigward tal-minorenni, filwaqt li jikkunsidra l-armionizzazzjoni minima fil-qasam tal-protezzjoni tal-minorenni stipulat fir-Direttiva għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u l-azzjonijiet meħuda skont il-programm Safer Internet plus li għandu l-iskop li jippromwovi użu aktar sikur tal-internet u tat-teknoloġiji ġodda online, b’mod partikulari għat-tfal, u sabiex jiġġieled kontra kontenut illegali u kontenut mhux mixtieq mill-utent aħħari;

11.

Rigward dan, jistieden lill-Osservatorju biex jimmoniterja l-istrumenti legali differenti u sabiex jiżviluppa għażliet ta’ politiki;

12.

Iħeġġeġ id-diseminizzazzjoni tal-pubblikazzjonijiet tal-Osservatorju permezz ta’ politika ta’ komunikazzjoni intensifikata sabiex tippromwovi l-għarfien tal-attivitajhiet tiegħu;

13.

Jilqa’ r-reviżjoni li hemm ippjanata għall-websajt tal-Osservatorju li għandha tirrifletti l-ogħla u l-aktar standards reċenti ta’ multimedia u teknoloġija, u jappoġġja l-isforzi li hemm ippjanati sabiex jittejjeb id-disinn u l-interattività tagħha hekk li jagħmluha aktar informattiva u aktar faċli biex tintuża;

14.

Jirrikonoxxi li, filwaqt li xi oqsma speċifiċi, bħalma hija l-konoxxenza tal-midja, ma jaqgħux attwalment fl-ambitu ta’ attività tal-Osservatorju, esplorazzjoni ta’ kwistjonijiet bħal dawn għandha tiġi kkunsidrati;

15.

Iħeġġeġ lill-Osservatorju biex jipprovdi, b’koperazzjoni mal-membri tiegħu, aktar informazzjoni dwar id-disponibilità ta’ servizzi awdjoviżiv speċifiċi bħall-użu ta’ subtitoli, deskrizzjoni awdjo u lingwa bis-sinjali li huma mfasslin biex jgħinu persuni b’diżabilità;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Osserv atorju Awdjoviżiv Ewropew.


(1)  ĠU L 307, 2.12.1999, p. 61.

(2)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.

(3)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23.

(4)  Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali 2005 tal-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNESCO).


Top