EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0066

Ħolqien ta’ Tessera Professjonali Ewropea għal min jipprovdi s-Servizzi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta’ Frar 2009 dwar il-Ħolqien ta’ Tessera Professjonali Ewropea għal min jipprovdi s-Servizzi (2008/2172(INI))

ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 42–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/42


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
Ħolqien ta’ Tessera Professjonali Ewropea għal min jipprovdi s-Servizzi

P6_TA(2009)0066

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar il-Ħolqien ta’ Tessera Professjonali Ewropea għal min jipprovdi s-Servizzi (2008/2172(INI))

2010/C 76 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar l-għarfien ta’ kwalifiki professjonali (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (3),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-6 ta’ Diċembru 2007 bl-isem “Il-Mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar: Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi (2007-2010)” (COM(2007)0773),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 bl-isem “Proposta għal Programm ta’ Liżbona tal-Komunità 2008 - 2010” (COM(2007)0804),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-impatti u l-konsegwenzi tal-esklużjoni tas-servizzi tas-saħħa mid-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2007 dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizz transkonfinali (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0029/2009),

A.

billi d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jistabbilixxu lilhom infushom jew li jipprovdu servizzi madwar l-UE jikkostitwixxi libertà fundamentali tas-Suq Uniku li tinkludi d-dritt li titwettaq professjoni, f’kapaċità ta’ persuna li taħdem għal rasha jew ta’ impjegat, fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih tkun inkisbet il-kwalifika professjonali,

B.

billi, skont l-Artikolu 3(1)(c) tat-Trattat, l-abolizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi tikkostitwixxi waħda mill-objettivi tal-Komunità,

C.

billi ż-żieda fil-mobilità tal-persuni u tas-servizzi bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni tikkostitwixxi element essenzjali għall-kisba tal-objettivi tal-aġenda ta’ Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi, u tista’ żżid il-produttività billi ġġib magħha perspettivi, ideat u kapaċitajiet ġodda,

D.

billi l-mobilità fl-UE għadha baxxa, meta jitqies li 4 % biss tan-nies li jistgħu jaħdmu għexu u ħadmu fi Stat Membru ieħor u madwar 2 % bħalissa qed jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor (7),

E.

billi għad hemm ostakoli kbar għall-persuni li jixtiequ jaħdmu fi Stat Membru ieħor, u 20 % tal-ilmenti li rċeviet is-SOLVIT fl-2007 kienu jikkonċernaw l-għarfien tal-kwalifiki professjonali meħtieġa biex titwettaq professjoni regolata,

F.

billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 226 tat-Trattat kontra bosta Stati Membri talli naqsu milli jinnotifikawha rigward il-miżuri adottati fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE,

G.

billi l-Premessa 32 tad-Direttiva 2005/36/KE tgħid li “l-introduzzjoni, fuq livell Ewropew, ta’ tesseri professjonali minn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet professjonali tista’ tiffaċilita l-mobilità ta’ professjonisti, b’mod partikulari billi tħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru ospitanti u l-Istat Membru ta’ oriġini. Din it-tessera professjonali għandha tirrendi possibbli l-monitoraġġ tal-karriera ta’ professjonisti li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri differenti. Dawn it-tesseri jista’ jkun fihom informazzjoni, bir-rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tad-data, dwar il-kwalifiki professjonali tal-professjonista (università jew istituzzjoni frekwentata, kwalifiki miksuba, esperjenza professjonali), dwar l-istabbiliment legali tiegħu, dwar penali marbuta mal-professjoni tiegħu li jkun irċieva u dwar id-dettalji tal-awtorità kompetenti relevanti”,

H

billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar l-impatti u l-konsegwenzi tal-esklużjoni tas-servizzi tas-saħħa mid-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern, huwa appella għat-twaqqif ta’ “Karta Ewropea li tipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-ħiliet ta’ professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u li tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pazjenti”,

Mobilità transkonfinali

1.

Jinkoraġġixxi l-inizjattivi kollha bil-għan li tiġi faċilitata l-mobilità transkonfinali bħala mezz ta’ tħaddim effettiv tas-suq tax-xogħol u tas-servizzi, u bħala mezz biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku fi ħdan l-UE;

2.

Jenfasizza r-responsabilità tal-UE li tiffaċilita ulterjorment il-mobilità ġeografika u tas-suq tax-xogħol permezz ta’ żieda fit-trasparenza, rikonoxximent u paragunabilità tal-kwalifiki kif ukoll permezz ta’ garanzija tas-sigurtà tal-pazjenti u tal-konsumaturi;

3.

Jenfasizza madankollu l-bżonn li jkun hemm approċċ aktar effiċjenti u kkoordinat mill-Kummissjoni bejn l-inizjattivi li għandhom l-għan li jiffaċilitaw u jħeġġu l-mobilità tal-professjonisti bejn l-Istati Membri, bħall-EUROPASS (CV Ewropew), il-EURES (portal għall-mobilità tal-impjiegi) u l-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (EQF), kif ukoll bejn id-diversi netwerks li jibbenefikaw minn finanzjament jew kofinanzjament Komunitarju li huma assoċjati ma’ dawn il-kwistjonijiet, bħas-SOLVIT, l-IMI, il-EUROGUIDANCE, u l- ENIC/NARIC;

4.

Jenfasizza r-responsabilità konġunta tas-soċjetà ċivili, inklużi l-persuni li jħaddmu, il-unions, l-organizzazzjonijiet professjonali u l-awtoritajiet responsabbli, għall-iffaċilitar u t-titjib tal-mobilità fi ħdan is-suq intern;

It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE

5.

Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva 2005/36/KE, li kellha sseħħ sal-20 ta’ Ottubru 2007, sabiex jagħmlu dan, u jġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva 2005/36/KE;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/36/KE dwar il-mobilità fir-rapport li hija se tfassal skont l-Artikolu 60(2) tal-istess Direttiva;

8.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu sabiex jinkiseb approċċ iktar armonizzat għall-għarfien tal-kwalifiki u tal-kompetenzi, biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi involuti u biex inaqqsu l-ispejjeż għall-professjonisti;

Ħtieġa ta’ Tessera Professjonali Ewropea

9.

Huwa tal-fehma li l-valur miżjud ta’ Tessera Professjonali Ewropea, minbarra miżuri eżistenti bil-għan li jiffaċilitaw u jħeġġu l-mobilità, għandu jiġi stabbilit għall-parti l-kbira tal-professjonijiet;

10.

Jinnota li f’xi professjonijiet regolati u armonizzati, bħal dawk tal-avukati u tal-professjonisti tas-saħħa, bħalissa jeżistu qed jiġu żviluppati tesseri professjonali Ewropej, iżda li fi professjonijiet oħrajn li mhumiex jew li huma inqas armonizzati, l-introduzzjoni ta’ tesseri professjonali hija iktar diffiċli peress li r-regolamenti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, u d-data dwar il-kwalifiki trid qabel kollox tkun validata u rikonoxxuta reċiprokament;

11.

Jinnota li Tessera Professjonali Ewropea tista’ tkun ta’ vantaġġ anki għal dawk il-professjonijiet li mhumiex regolati u li mhumiex armonizzati, għax din ikollha rwol informattiv b’mod speċjali għal min jimpjega u għall-konsumaturi, li jkun il-każ għal ħafna mill-professjonijiet liberali;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel lista tal-inizjattivi differenti li jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ tesseri professjonali u biex tippreżenta inventarju rapreżentattiv lill-Parlament Ewropew;

13.

Jistieden lill-Kummisjoni biex teżamina l-inizjattivi sabiex tara jekk, flimkien ma’ miżuri oħra, Tessera Professjonali Ewropea tkunx tista’:

(a)

tikkontribwixxi għas-sigurtà taċ-ċittadini f’każ li jiġu f’kuntatt ma’ fornitur li jista’ jipprovdi servizzi transkonfinali, billi, permezz tat-Tessera Professjonali, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżaminaw l-identità u l-kwalifiki tal-fornitur tas-servizz,

(b)

twassal għal simplifikazzjoni amministrattiva u għal tnaqqis fin-nefqa u, fuq medda twila ta’ żmien, tissostitwixxi fajls ta’ karti u żżid it-trasparenza,

(c)

tħeġġeġ il-provvista ta’ servizzi temporanji,

(d)

tħeġġeġ il-provvista ta’ servizzi xierqa ta’ kwalità għolja fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi terzi,

(e)

isservi ta’ mezz ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni adegwata lill-persuni li jirċievu servizzi sabiex tissaħħaħ is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi,

(f)

isservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni adegwata għal min jimpjega (fis-settur pubbliku u privat) sabiex jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ transkonfinali;

huwa tal-fehma li kwalunkwe pass pubbliku ulterjuri għandu jinvolvi deskrizzjoni definita sew tat-tipi ta’ professjonijiet u tal-bżonnijiet speċifiċi li t-tessera għandha tkun tkopri;

Il-Karatteristiċi ta’ Tessera Professjonali Ewropea

14.

Huwa tal-fehma li kwalunkwe tessera professjonali, jekk teżisti talba kbira biżżejjed biex din tiġi żviluppata, għandha tkun kemm jista’ jkun sempliċi, faċli u liberali, u tevita piżijiet burokratiċi ġodda, u li tkun tista’ tistabbilixxi “lingwaġġ komuni” fil-kwalifiki ta’ ċerti professjonijiet;

15.

Iħeġġeġ sabiex it-Tessera Professjonali Ewropea ma jkollhiex effetti negattivi fuq il-mobilità transkonfinali, u għandha biss tintuża bħala xhieda tad-dritt li professjonista jiċċaqlaq, mingħajr ma tkun tikkostitwixxi kundizzjoni għal tali ċaqliq; jenfasizza li gruppi speċifiċi m’għandhomx ikunu mċaħħda milli joffru servizzi fi Stati Membri oħra, u li speċjalment għal persuni b’inqas kwalifiki jew bi kwalifiki inqas speċifiċi, it-tessera m’għandhiex toħloq ostakoli ġodda;

16.

Jenfasizza li l-użu ta’ Tessera Professjonali Ewropea waħda jew iktar għandu jippermetti d-diversità, pereżempju biex jiġu previsti differenzi bejn il-professjonijiet jew differenzi bejn l-Istati Membri; iqis li l-professjonijiet infushom għandhom jiffinanzjaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ tessera professjonali Ewropea, jekk iħossu li dan ikun xieraq;

17.

Jenfasizza li, f’każ li l-grupp professjonali konċernat diġa’ jkun kopert minn Tessera Professjonali nazzjonali, ikun xieraq, minħabba kunsiderazzjonijiet prattiċi, li l-funzjonijiet tat-Tessera nazzjonali jkunu integrati ma dik tat-Tessera Professjonali Ewropea;

18.

Jenfasizza li l-informazzjoni dwar it-tessera professjonali Ewropea għandha tkun affidabbli, ivvalidata u aġġornata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; hu tal-fehma li, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni li hemm fis-CVs tal-EUROPASS għandha tiddaħħal fit-tessera Professjonali Ewropea;

19.

Jenfasizza li l-aċċess għad-data li tkun tinsab fuq it-tessera għandu jkun konformi mal-ogħla standards ta’ protezzjoni tal-privatezza;

*

* *

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(2)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(3)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

(4)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(5)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p 279.

(6)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 312.

(7)  Stħarriġ tal-Ewrobarometru 64.1 tal-2005 dwar il-mobilità ġeografika u tas-suq tax-xogħol.


Top