Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0063

    Is-Saħħa Mentali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Frar 2009 dwar is-Saħħa Mentali (2008/2209(INI))

    ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 23–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 76/23


    Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
    Is-Saħħa Mentali

    P6_TA(2009)0063

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar is-Saħħa Mentali (2008/2209(INI))

    2010/C 76 E/05

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Konferenza ta’ livell għoli tal-UE “Flimkien għas-Saħħa u l-Benessri Mentali” li saret fi Brussell fit-12-13 ta' Ġunju 2008, li stabbiliet “Il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali”,

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali”, (COM(2005)0484),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar it-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali (1),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewropea tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-15 ta' Jannar 2005 dwar l-ittrattar tal-isfidi tas-saħħa mentali fl-Ewropa u l-bini ta' soluzzjonijiet,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Ġunju 2008, li enfasizzaw l-importanza li jitnaqqas id-distakk fis-saħħa u f’kemm jgħixu n-nies bejn l-Istati Membri u ġo fihom, u jenfasizza l-importanza ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni fil-qasam tal-mard kroniku ewlieni li ma jitteħidx,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007–2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (2),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 13 u 152 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0034/2009),

    A.

    billi s-saħħa u l-benessri mentali huma importanti ħafna għall-kwalità tal-ħajja tal-individwi u s-soċjetà u huma fatturi essenzjali fl-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona tal-UE u l-istrateġija riveduta dwar l-iżvilupp sostenibbli, u billi l-prevenzjoni, id-dijanjożi fi stadju bikri, l-intervent u t-trattament ta’ mard mentali jnaqqsu b’mod sinifikanti l-konsegwenzi personali, finanzjarji u soċjali tiegħu,

    B.

    billi ħafna dokumenti strateġiċi tal-UE enfasizzaw l-importanza tas-saħħa mentali sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-bżonn ta’ miżuri prattiċi f’dan ir-rigward,

    C.

    billi l-valur miżjud fl-istrateġija tas-saħħa mentali tal-Komunità jinstab primarjament fil-qasam tal-prevenzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ċivili tal-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali,

    D.

    billi l-problemi ta’ saħħa mentali huma mifruxa fl-Ewropa b’wieħed minn kull erba’ persuni jesperjenza problemi ta’ saħħa mentali tal-anqas darba f’ħajtu, filwaqt li ħafna oħrajn huma affettwati b’mod indirett u billi l-istandards tal-kura tas-saħħa mentali jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn Stati Membri differenti, speċjalment bejn l-Istati Membri l-qodma u wħud mill-Istati Membri l-ġodda,

    E.

    billi l-aspetti speċifiċi għas-sessi għandhom jitqiesu meta jiġi kkunsidrat is-suġġett tas-saħħa mentali, u billi aktar nisa minn irġiel jbatu minn diżordnijiet mentali u aktar irġiel minn nisa jikkommettu suwiċidju,

    F.

    billi s-suwiċidju għadu kawża sinifikanti ta' mwiet prematuri fl-Ewropa, b'aktar minn 50 000 mewt fis-sena fl-UE, u billi, f'disa' minn kull għaxar każijiet, qablu jkun żviluppa mard mentali, li ta' spiss ikun id-dipressjoni, u billi, barra minn hekk, ir-rata ta' suwiċidju u tentattivi ta' suwiċidji fost il-persuni li qegħdin il-ħabs jew f'detenzjoni hija ogħla minn dik fost il-popolazzjoni ġenerali,

    G.

    billi t-tifsil ta' politiki li jnaqqsu l-inċidenza tad-dipressjoni u s-suwiċidju jmur id f'id mal-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem,

    H.

    billi, anke jekk id-dipressjoni hija waħda mill-mard l-aktar frekwenti u serji, il-miżuri kontriha ta’ spiss għadhom inadegwati, u billi ftit Stati Membri biss implimentaw programmi ta’ prevenzjoni,

    I.

    billi, madankollu, għad hemm nuqqas ta' għarfien u investiment fil-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tal-mard u nuqqas ta’ appoġġ għar-riċerka medika u għall-individwi bi problemi mentali,

    J.

    billi l-ispejjeż finanzjarji, għas-soċjetà, marbuta mal-mard mentali huma stmati bejn 3 % u 4 % tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) tal-Istati Membri u billi fl-2006 l-ispiża għall-UE tal-mard mentali kienet ta' EUR 436 000 miljun, u billi l-parti l-kbira ta’ din l-ispiża tintefaq barra mis-settur tas-saħħa, primarjament minħabba assenza sistematika mix-xogħol, in-nuqqas ta’ kapaċità għax-xogħol jew l-irtirar kmieni u l-istima tal-ispejjeż f’ħafna każijiet ma tirriflettix il-piż finanzjarju addizzjonali ta’ komorbożità, li x'aktarx taffettwa aktar lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali,

    K.

    billi d-differenzi soċjali u ekonomiċi jistgħu jżidu l-problemi ta’ saħħa mentali u billi r-rati ta’ mard mentali huma ogħla fost gruppi vulnerabbli u emarġinati bħalma huma l-persuni qegħda, l-immigranti, priġunieri jew persuni li kienu priġunieri, persuni li jagħmlu użu minn sustanzi psikotropiċi, persuni b’diżabilità u b’mard li jtul fiż-żmien, u billi huma meħtieġa azzjonijiet speċifiċi u politiki xierqa biex jgħinu l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tagħhom,

    L.

    billi hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u fihom fil-qasam tas-saħħa mentali, inkluż fir-rigward tal-oqsma tat-trattament u kif ukoll tal-integrazzjoni soċjali,

    M.

    billi persuni bi problemi ta’ mard mentali huma aktar f’riskju mill-bqija tal-popolazzjoni, li jiżviluppaw marda fiżika u għandhom inqas ċans li jingħataw trattament għal dan il-mard fiżiku,

    N.

    billi, filwaqt li s-saħħa fiżika u mentali huma ta’ importanza ugwali u li jaffettwaw lil xulxin, is-saħħa mentali ta’ spiss tibqa’ ma tiġix dijanjostikata jew tiġi ssottovalutata u tingħata trattament inadegwat,

    O.

    billi fil-maġġoranza tal-Istati Membri kien hemm ċaqliq mill-kura istituzzjonali li ttul fiż-żmien lejn appoġġ għall-għajxien fil-komunità, u billi, madankollu, dan il-proċess sar mingħajr ippjanar u riżorsi kif suppost, mingħajr mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ spiss bi tnaqqis fil-baġit, li qegħdin jheddu li jikkawżaw ir-riistituzzjonalizzazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini b’mard mentali,

    P.

    billi l-Pjattaforma Ewropea għas-Saħħa Mentali u Fiżika twaqqfet fl-2008, u fiha tiġbor rappreżentanti ta’ livell għoli minn organizzazzjonijiet ewlenin,

    Q.

    billi l-bażi tas-saħħa mentali għal tul ħajjet il-bniedem hija stabbilita matul l-ewwel ftit snin tal-ħajja u billi l-mard mentali huwa komuni fiż-żgħażagħ, u li għalhekk huwa ta’ importanza assoluta li ssirilhom dijanożi bikrija u jingħataw it-trattament,

    R.

    billi l-proċess tat-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE jfisser li jkun hemm aktar spiss mard newrodeġenerattiv,

    S.

    billi d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali li jesperjenzaw il-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u l-familji tagħhom huma l-konsegwenzi mhux biss ta’ diżordni mentali iżda wkoll tal-istigma, it-twarrib u l-emarġinazzjoni li jiltaqgħu magħhom, u huma fatturi ta’ riskju li jfixkluhom milli jfittxu għall-assistenza u t-trattament,

    T.

    billi l-Unjoni Ewropea għażlet l-2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali,

    U.

    billi r-riċerka qed tipproduċi dejta ġdida dwar id-dimensjonijiet mediċi u soċjali tas-saħħa mentali, u billi, madankollu, xorta għad hemm differenzi sinifikanti u konsegwentement għandha ssir attenzjoni biex ma jinħoloqx xkiel għall-isforzi tar-riċerka medika pubblika jew privata billi jiġu imposti għadd ta’ rekwiżiti amministrattivi, ħafna drabi onerużi, jew restrizzjonijiet eċċessivi fuq l-użu ta’ mudelli rilevanti għall-iżvilupp ta' medikazzjoni sikura u effettiva,

    V.

    billi d-diżabilitajiet li jfixklu t-tagħlim (diżabilità mentali) għandhom ħafna mill-istess karatteristiċi u jikkawżaw l-istess ħtiġijiet bħall-mard mentali,

    W.

    billi huwa essenzjali li jsir ħafna titjib fit-taħriġ tal-professjonisti mediċi li jiltaqgħu ma’ persuni li jbatu minn mard mentali, inklużi t-tobba u l-membri tal-ġudikatura,

    X.

    billi l-mard mentali huwa l-ewwel wieħed ikklassifikat f’termini ta’ morbożità tal-bniedem,

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali u r-rikonoxximent tas-saħħa u l-benessri mentali bħala bażi prijoritarja għall-azzjoni;

    2.

    Jappoġġa bis-sħiħ l-istedina biex ikun hemm koperazzjoni u biex titrawwem l-azzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-imsieħba soċjali dwar ħames oqsma ta’ prijorità għall-promozzjoni tas-saħħa u l-benessri mentali tal-popolazzjoni, inklużi l-gruppi ta’ kull età u l-ġeneri, l-oriġini etniċi u l-gruppi soċjoekonomiċi differenti, il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali, it-tisħiħ fl-azzjoni ta’ prevenzjoni u l-awtoassistenza u l-provvediment tal-għajnuna u t-trattament adegwat lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u lill-familji tagħhom u dawk li jagħtuhom il-kura; jenfasizza li koperazzjoni bħal din għandha tkun konformi b'mod sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    3.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw għarfien tal-importanza ta’ saħħa mentali tajba, b’mod partikulari fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u gruppi ta’ mira bħalma huma l-ġenituri, l-għalliema, dawk li jipprovdu s-servizzi soċjali u legali, min iħaddiem, dawk li jieħdu ħsieb lill-morda u, b’mod partikulari, il-pubbliku in ġenerali;

    4.

    Jistieden lill-Istati Membri, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Eurostat, biex itejbu l-għarfien dwar is-saħħa mentali u dwar ir-relazzjoni bejn is-saħħa mentali u s-snin ta’ ħajja bi stat tajjeb ta' saħħa, permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmi għall-iskambju u t-tixrid ta’ informazzjoni b’mod ċar, b’aċċessibilità faċli u li jinftiehem;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi indikaturi komuni għat-titjib fit-tqabbil tad-dejta u biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-promozzjoni tas-saħħa mentali;

    6.

    Jikkunsidra li l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni tal-mard mentali permezz ta’ intervent soċjali, b’attenzjoni partikulari fuq l-aktar gruppi vulnerabbli; jenfasizza li, f’każijiet fejn il-prevenzjoni mhijiex biżżejjed, l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-kura terapewtika għandu jiġi mħeġġeġ u ffaċilitat u li l-persuni bi problemi ta' saħħa mentali għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar forom innovattivi ta' trattament;

    7.

    Jistieden lill-UE biex tuża l-faċilitajiet ta’ ffinanzjar disponibbli fis-Seba’ Programm ta’ Qafas għal aktar riċerka fil-qasam tas-saħħa u l-benessri mentali u l-interazzjoni bejn il-problemi ta’ saħħa mentali u dawk fiżiċi; jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu sew lejn il-faċilitajiet ta' ffinanzjar għal inizjattivi favur is-saħħa mentali fil-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;

    8.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tal-Komunità u dawk nazzjonali disponibbli biex jippromwovu kwistjonijiet ta' saħħa mentali u jorganizzaw programmi ta’ għarfien u ta’ taħriġ għal kull min qiegħed f’pożizzjoni importanti biex tiġi promossa dijanjożi bikrija, intervent immedjat u mmaniġjar kif suppost tal-problemi tas-saħħa mentali;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tippubblika stħarriġ dwar is-servizzi għall-mard mentali u l-politiki ta’ promozzjoni tas-saħħa mentali madwar l-UE;

    10.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw ir-Riżoluzzjoni 46/119 tan-NU dwar “il-ħarsien ta’ persuni b’mard mentali u t-tijib fil-kura tas-saħħa mentali” mħejjija mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1991;

    11.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali d-dritt għal aċċess ugwali, sħiħ u xieraq għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, skont il-prinċipji tat-tagħlim matul il-ħajja, u biex jassiguraw li dawn jirċievu appoġġ adegwat għall-ħtiġijiet tagħhom;

    12.

    Jenfasizza l-bżonn ta' ppjanar ċar fuq żmien twil għall-forniment ta’ servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità u fl-isptarijiet, li jkunu ta’ kwalità għolja, effettivi, aċċessibbli u universali, u l-bżonn tal-adozzjoni ta’ kriterji għall-monitoraġġ minn entitajiet indipendenti; jitlob li jkun hemm koperazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa primarja u professjonisti tas-saħħa mentali biex jittrattaw b'mod effettiv il-problemi assoċjati mas-saħħa mentali u fiżika, billi jinkoraġġixxu approċċ olistiku li jqis il-profil ġenerali tal-individwi mil-lat tas-saħħa fiżika u mentali;

    13.

    Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu screening għal problemi ta' saħħa mentali fis-servizzi tas-saħħa ġenerali u għal problemi ta' saħħa fiżika fis-servizzi tas-saħħa mentali; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mudell komprensiv ta’ kura;

    14.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tfittex u tirreġistra l-esperjenzi tal-pazjenti dwar l-effetti kollaterali tal-medikazzjoni permezz tal-linji gwida tal-EMEA (l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini);

    15.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex testendi l-mandat taċ-Ċentru Ewropew għal Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard biex tkun inkluża s-saħħa mentali;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred ir-riżultati tal-konferenzi tematiċi li se jsiru sabiex jiġu implimentati l-għanijiet tal-Patt Ewropew u biex jiġi propost “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali taċ-Ċittadini u r-Riċerka Medika”;

    17.

    Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tal-UE dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew, li tkun tikkonsisti f’rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Presidenza tal-Kunsill, il-Parlament, id-WHO, dawk li jużaw is-servizzi, persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, il-familji, dawk li jipprovdu l-kura, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-industrija farmaċewtika, l-akkademiċi u partijiet interessati rilevanti oħra, filwaqt li jikkundanna n-nuqqas li tiġi adottata direttiva fil-livell Ewropew kif imħeġġeġ fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew hawn fuq imsemmija dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-saħħa mentali;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-proposta għal Strateġija Ewropea dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali bħala l-għan tagħha għall-futur imbiegħed;

    19.

    Jistieden lill-Istati Membri biex iħejju leġiżlazzjoni aġġornata dwar is-saħħa mentali li tkun konformi mal-obbligi internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem – l-ugwaljanza u l-eradikazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-invjolabilità tal-ħajja privata, l-awtonomija, l-integrità fiżika, id-dritt għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni – u li tikkodifika u tinkorpora l-prinċipji, il-valuri u l-għanijiet tal-politika dwar is-saħħa mentali;

    20.

    Jitlob li jiġu adottati linji gwida komuni Ewropej li jiddefinixxu d-diżabiltà skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà;

    Il-Prevenzjoni tad-dipressjoni u s-suwiċidju

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw programmi transsettorjali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, speċjalment fost iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti, li jippromwovu stil ta' ħajja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa, li jnaqqsu l-fatturi ta’ riskju bħalma huma l-aċċess faċli għall-farmaċewtiċi, id-drogi, sustanzi kimiċi ta’ ħsara u l-abbuż mill-alkoħol; jikkunsidra li huwa partikolarment meħtieġ li tkun iggarantita l-provvista ta' trattament għall-persuni li ppruvaw jikkommettu suwiċidju u ta' trattament psikoterapewtiku għall-familji tal-persuni li ppruvaw jikkommettu suwiċidju;

    22.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiffurmaw netwerks ta’ informazzjoni reġjonali bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, dawk li jużaw is-servizzi u persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, il-familji tagħhom, l-istabbilimenti edukattivi u l-postijiet tax-xogħol tagħhom, flimkien mal-organizzazzjonijiet lokali u l-pubbliku sabiex titnaqqas id-dipressjoni u l-aġir suwiċidali;

    23.

    Jitlob li l-informazzjoni dwar in-numru uniku Ewropew 112 għall-emerġenzi, bħalma huma tentattivi ta’ suwiċidju jew kriżijiet mentali, issir ħafna iktar disponibbli sabiex ikun possibbli intervent rapidu u l-provvista ta’ għajnuna medika ta’ emerġenza;

    24.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi għat-tobba u għall-persunal tas-servizzi psikjatriċi, inklużi t-tobba, il-psikologi u l-infermiera, dwar il-prevenzjoni u t-trattament ta’ diżordnijiet marbuta mad-dipressjoni u l-għarfien u l-ġestjoni tar-riskju ta’ suwiċidju;

    Is-saħħa mentali fiż-żgħażagħ u l-edukazzjoni

    25.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ lill-persunal tal-iskejjel biex jiżviluppaw ambjent b'saħħtu, u jibnu relazzjonijiet bejn l-iskejjel, il-ġenituri, dawk li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa u l-komunità sabiex tisaħħaħ l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ;

    26.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jorganizzaw programmi ta’ appoġġ għall-ġenituri, b’mod partikulari għall-familji żvantaġġati, u biex jippromwovu l-allokazzjoni ta’ impjiegi bħala counsellors f’kull skola sekondarja biex jassistu l-ħtiġijiet soċjoemozzjonali taż-żgħażagħ, b’enfasi speċjali fuq programmi ta’ prevenzjoni bħalma huma t-tisħiħ tal-awtostima, u l-immaniġġjar tal-kriżijiet;

    27.

    Jenfasizza l-bżonn ta’ ppjanar tas-sistemi tas-saħħa li jissodisfa l-bżonn ta’ speċjalisti tas-servizzi tas-saħħa mentali għat-tfal u l-adoloxxenti, filwaqt li titqies il-bidla mill-kura istituzzjonalizzata fuq perjodu ta' żmien twil għal appoġġ lill-persuna biex tgħix ħajjitha fil-komunità;

    28.

    Jenfasizza l-bżonn li ssir djanjosi u li jingħata trattatament bikri fir-rigward ta' problemi tas-saħħa mentali fi gruppi vulnerabbli, b’referenza partikolari għall-persuni minorenni;

    29.

    Jipproponi li s-saħħa mentali għandha tkun inkorporata fi programmi ta’ studju tal-professjonisti kollha tal-kura tas-saħħa u li wieħed jaħseb għal edukazzjoni u taħriġ kontinwi f’dan is-settur;

    30.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea jikkoperaw biex iqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar tas-saħħa mentali tat-tfal li għandhom ġenituri emigranti, u biex jintroduċu programmi skolastiċi mmirati biex jgħinu lil dawn it-tfal jaffrontaw il-problemi psikoloġiċi b’rabta mal-assenza tal-ġenituri tagħhom;

    Is-saħħa mentali fil-postijiet tax-xogħol

    31.

    Jiddikjara li l-postijiet tax-xogħol għandhom rwol ċentrali fl-integrazzjoni soċjali tal-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u jitlob li jingħata appoġġ għar-reklutaġġ, iż-żamma, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn tagħhom għax-xogħol, b’enfasi fuq l-integrazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-komunitajiet li huma minoranzi etniċi;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu r-riċerka fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jżidu l-inċidenza tal-mard mentali, partikolarment fost in-nisa;

    33.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu u jimplimentaw korsijiet speċifiċi ta' taħriġ vokazzjonali għall-persuni bi problemi ta' saħħa mentali filwaqt li jiġu kkunsidrati l-abilitajiet u l-potenzjal tagħhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tal-impjiegi kif ukoll jiżviluppaw programmi ta' riintegrazzjoni fil-post tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ adattat għal min iħaddem u għall-impjegati tagħhom biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni bi problemi ta' saħħa mentali;

    34.

    Jistieden lil min iħaddem biex jippromwovi ambjent ta’ xogħol li jqis il-benessri tal-ħaddiema, joqgħod attent għall-istress ikkaġunat mix-xogħol, il-kawżi li huma responsabbli għall-mard mentali fuq il-post tax-xogħol, u jindirizza dawn il-kawżi;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikjedi li kull sena n-negozji u l-korpi pubbliċi jippubblikaw rapport dwar il-politika u x-xogħol tagħhom għas-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom fuq l-istess bażi li biha jirrapportaw dwar is-saħħa fiżika u s-sikurezza fuq ix-xogħol;

    36.

    Jinkoraġġixxi lil min iħaddem, bħala parti mill-istrateġiji tiegħu ta’ saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, biex jadotta programmi biex jippromwovu s-saħħa emozzjonali u mentali tal-impjegati tiegħu, jipprovdi opportunitajiet ta’ appoġġ li jkunu kunfidenzjali u li ma joħolqux stigma u jintroduċi politiki kontra l-bullying; jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred mudelli pożittivi billi tippubblika programmi bħal dawn fuq l-Internet;

    37.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-persuni li huma intitolati għall-benefiċċji tal-mard jew tad-diżabilità minħabba problemi ta’ saħħa mentali ma jkunux imċaħħdin mid-dritt tagħhom għall-aċċess għall-impjieg u li ma jitilfux il-benefiċċji relatati mad-diżabilità jew il-mard hekk kif isibu impjieg ġdid;

    38.

    Jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw b’mod sħiħ u effettiv, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (3);

    Is-saħħa mentali tal-anzjani

    39.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri xierqa biex itejbu u jżommu livell għoli tal-kwalità tal-ħajja għall-anzjani, u biex jippromwovu s-saħħa u tixjieħ attiv permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità, li tinkludi l-iżvilupp ta’ skemi flessibbli ta’ rtirar;

    40.

    Jenfasizza l-bżonn tal-promozzjoni tar-riċerka fil-prevenzjoni u l-kura fir-rigward ta’ mard newrodeġenerattiv u mard mentali ieħor marbut mal-età u għal kwalunkwe azzjoni jew proposta fil-ġejjieni min-naħa tal-Kummissjoni biex issir distinzjoni bejn il-marda ta' Alzheimer jew mard newrodeġenerattiv simili u forom oħra ta’ mard mentali;

    41.

    Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ qafas li fih jiltaqgħu r-riċerka u l-politika fil-qasam tas-saħħa u l-benesseri mentali;

    42.

    Jinnota l-bżonn li jevalwa l-komorbidità tal-anzjani u l-bżonn għat-taħriġ tal-impjegati tal-kura tas-saħħa biex iżidu l-għarfien dwar il-bżonnijiet tal-adulti bi problemi ta’ saħħa mentali;

    43.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni dwar il-protezzjoni u l-integrazzjoni soċjali, biex jieħdu miżuri li jappoġġjaw lill-carers u biex jiżviluppaw linji gwidi għall-ħarsien ta’ pazjenti u l-kura fuq perjodu twil sabiex jgħinu l-prevenzjoni tat-trattament ħażin lill-anzjani u biex jippermettulhom jgħixu b’dinjità f’ambjent adattat;

    Il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali

    44.

    Jitlob li jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni pubblika u ta’ għarfien permezz tal-midja, l-Internet, l-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol, sabiex jippromwovu s-saħħa mentali, iżidu l-għarfien dwar is-sintomi l-aktar komuni tad-dipressjoni u t-tendenzi suwiċidali, titneħħa l-istigma tal-mard mentali, iħeġġu lill-persuni jfittxu l-aħjar assistenza u l-aktar waħda effettiva u jippromwovu integrazzjoni attiva tal-persuni li qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali;

    45.

    Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-midja sabiex jinbidlu l-perċezzjonijiet dwar il-mard mentali u jitlob l-iżvilupp ta’ linji gwida Ewropej għar-rappurtar responsabbli tas-saħħa mentali mill-midja;

    46.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jħeġġu s-setgħa ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nies li jużaw is-servizzi u persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u lill-carers sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u fl-istadji kollha tar-riċerka fis-saħħa mentali;

    47.

    Iqis li t-tneħħija tal-istigma tal-mard mentali jinvolvi l-waqfien tal-użu ta' prattiki invażivi u mhux umani kif ukoll dawk il-prattiki bbażati fuq l-approċċ ta' kustodja;

    48.

    Jikkunsidra li huma meħtieġa l-promozzjoni u l-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ riabilitazzjoni psikoloġika u soċjali li jħejju ċentri residenzjali pubbliċi, privati u pubbliċi-privati żgħar li jipprovdu faċilitajiet ta' kura matul il-ġurnata jew kura kontinwa, huma simili fid-daqs u fl-etos għal unitajiet ta' familja u jinsabu f'kuntest urban, sabiex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni tar-residenti f’kull stadju tal-proċess terapewtiku u tar-riabilitazzjoni;

    49.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ġdida kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentament sesswali lilhinn mis-settur tal-impjiegi u jitlob l-adozzjoni immedjata ta’ din id-direttiva sabiex persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jkunu mħarsa b’mod effettiv, mid-diskriminazzjoni;

    50.

    Jitlob lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tal-Aja tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-Ħarsien Internazzjonali tal-Adulti (2000);

    *

    * *

    51.

    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Uffiċċju Ewropew tad-WHO.


    (1)  ĠU C 305 Ε, 14.12.2006, p. 148.

    (2)  Testi adottati, P6_TA(2008)0009.

    (3)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.


    Top