EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0025

Is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża

ĠU C 46E, 24.2.2010, p. 100–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 46/100


Is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża

P6_TA(2009)0025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża

(2010/C 46 E/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża (1), tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani (2), tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża (3) u tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Sitwazzjoni f'Gaża (4),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 tat-22 ta' Novembru 1967 (S/RES/242(1967)), 338 tat-22 ta' Ottubru 1973 (S/RES/338(1973)) u 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 (S/RES/1860(2000)) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-12 ta' Awissu 1949 dwar il-Protezzjoni ta' Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

wara li kkunsidra l-posponiment tal-vot dwar l-assent għall-aktar parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-programmi tal-KE,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

filwaqt illi fis-27 ta' Diċembru 2008 l-Iżrael nieda offensiva militari fuq Gaża b'ritaljazzjoni għall-attakki bil-missili tal-Ħamas fin-nofsinhar tal-Iżrael minn mindu l-Ħamas ħa l-kontroll tal-Medda u wara l-falliment tal-waqfien mill-isparar u r-rifjut ta' tiġdid tal-ftehima ta' waqfien mill-isparar,

B.

billi skont l-aħħar rapport l-operazzjoni tal-Iżrael s'issa qatlet madwar elf ruħ f'Gaża, ħafna minnhom nisa u tfal, u kkawżat eluf ta' midrubin u l-qerda ta' djar, skejjel u strutturi oħrajn ta' importanza ċentrali għall-infrastruttura ċivili, minħabba l-użu tal-forza mill-armata Iżraeljana,

C.

billi l-fruntieri li minnhom tista' toħroġ jew tidħol f'Gaża ilhom magħluqin għal tmintax-il xahar u l-imblokk fuq iċ-ċaqliq tal-persuni u l-prodotti affettwa l-ħajja ta' kuljum tal-abitanti u kompla pparalizza l-ekonomija fil-Medda ta' Gaża u llimita kull għamla ta' titjib sostanzjali fil-qagħda tax-Xatt tal-Punent; billi l-imblokk fuq il-Medda ta' Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali,

D.

billi t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Palestinjani li joqogħdu fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent, flimkien mal-qawmien mill-ġdid tal-proċess tal-paċi u mat-twaqqif ta' istituzzjonijiet Palestinjani li jiffunzjonaw f'Gaża, huma aspetti ewlenin fl-isforzi biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani,

E.

billi l-appoġġ finanzjarju konsiderevoli tal-Unjoni Ewropea lill-Palestinjani kellu rwol importanti fi sforz biex jiġi prevenut diżastru umanitarju fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent; billi l-Unjoni Ewropea għada tagħti, anki permezz tal-Aġenzija ta' l-Għajnuna u x-Xogħol għar-Refuġjati Palestinjani tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Lvant mhux imbiegħed (UNWRA), assistenza umanitarja fil-Medda ta' Gaża,

1.

Jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u juri d-dispjaċir tiegħu li s'issa kemm l-Iżrael kif ukoll Ħamas ma rnexxielhomx jilqgħu t-talba tan-NU li jkun hemm waqfien fl-ostilitajiet; jitlob li jkun hemm waqfien mill-isparar immedjat u permanenti li għandu jinkludi l-waqfien tal-attakki bil-missili mill-Ħamas u t-tmiem tal-azzjoni militari tal-Iżrael f'Gaża;

2.

Jaqbel dwar in-neċessità li b'mod urġenti jipprovdi, kif titlob ir-Riżoluzzjoni 1860 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-arranġamenti u l-garanziji f'Gaża biex jinżamm waqfien mill-isparar li jtul u li jkun jinkludi fl-istess waqt l-irtirar tat-truppi Iżraeljani, li ftuħ mill-ġdid iżda sostnut tal-punti ta' passaġġ, it-tneħħija tal-imblokk u l-prevenzjoni tal-kutrabandu u t-traffikar illeċitu fl-armi u l-munizzjoni;

3.

Jitlob waqfien mill-ġlied negozjat, li għandu jkun iggarantit minn mekkaniżmu, li għandu jitwaqqaf mill-komunità internazzjonali kkordinat mill-Kwartett u l-Lega Għarbija, li jkun jinkludi li tintbagħat preżenza multinazzjonali, b'mandat ċar, sabiex iġġib lura s-sigurtà u r-rispett sikur għall-waqfien mill-isparar għall-poplu fl-Iżrael u f'Gaża, b'riferiment speċjali għall-monitoraġġ tal-fruntiera bejn l-Eġittu u Gaża, li jimplika rwol importanti għall-Eġittu; jitlob lill-Kunsill iżid il-pressjoni li qed jeżerċita biex iwaqqaf il-vjolenza li għaddejja bħalissa; jinkoraġġixxi l-isforzi diplomatiċi li saru s'issa mill-komunità internazzjonali, l-aktar mill-Eġittu u mill-Unjoni Ewropea;

4.

Ifisser ix-xokk tiegħu għas-sofferenza tal-popolazzjoni ċivili f'Gaża; jiddeplora bil-qawwa, in partikolari l-fatt li ntlaqtu objettivi ċivili u tan-NU matul l-attakki; jesprimi s-simpatija tiegħu għall-popolazzjoni ċivili affettwata mill-vjolenza f'Gaża u fin-nofsinhar tal-Iżrael;

5.

Jitlob fl-isħaħ termini lill-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu l-aċċess mingħajr xkiel lill-assistenza u l-għajnuna umanitarja fil-Medda ta' Gaża u li jiggarantixxi fluss kontinwu u xieraq ta' għajnuna matul il-kurituri umanitarji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jippermettu lill-istampa internazzjonali jsegwu dak li qed iseħħ;

6.

Jistieden lill-Iżrael biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u l-liġi umanitarja internazzjonali; jistieden lill-Ħamas biex iwaqqaf l-attakki missilistiċi u biex jassumi r-responsabilitajiet tiegħu billi jimpenja ruħu favur proċess politiku bil-għan li jerġa' jinbeda d-djalogu inter-Palestinjan kif ukoll li jagħti kontribut lill-proċess ta' negozjati li għaddej bħalissa;

7.

Jitlob li l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni politika aktar b'saħħitha u magħquda u jistieden lill-Kunsill biex jieħu l-opportunità ħalli jikkopera mal-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti sabiex jintemm il-kunflitt bi ftehima bbażata fuq is-soluzzjoni ta' żewġ Stati, bil-għan li tinbena struttura reġjonali ġdida ta' paċi u sigurtà fil-Lvant Nofsani;

8.

Jisħaq fuq l-importanza kbir tar-rinnovament tal-isforzi għar-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana bejn il-komponenti kollha tas-soċjetà Palestinjana, ibbażata fuq il-Ftehima ta' Mekka tat-8 ta' Frar 2007, li kienet timplika aċċettazzjoni tal-ftehimiet preċedenti, inkluż il-jedd tal-Iżrael li jeżisti; u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' konnessjoni ġeografika peramanenti bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent, u r-riunifikazzjoni politika paċifika u fit-tul tagħhom it-tnejn;

9.

Jisħaq li huwa progress reali favur il-paċi u l-iżvilupp sostenibbli fix-Xatt tal-Punent u f'Gaża li jista' jsaħħaħ il-leġittimità tal-Awtortità Palestinjana;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern tal-Iżrael, lill-Knesset, lill-Gvern u lill-Parlament u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega ta' Stati Għarab.


(1)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 324.

(2)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 579.

(3)  ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 138.

(4)  Testi adottati: P6_TA(2008)0064.


Top