Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0023(01)

    Il-Każakistan : il-każ ta' Yevgeny Zhovtis Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan

    ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 224/30


    Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2009
    Il-Każakistan : il-każ ta' Yevgeny Zhovtis

    P7_TA(2009)0023

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan

    2010/C 224 E/08

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan u r-Repubbliki tal-Asja Ċentrali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (1),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal-sħubija ġdida mal-Asja Ċentrali li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta' Ġunju 2007,

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Kummissjoni għall-Għajnuna lill-Asja Ċentrali 2007-2013,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-għaxar laqgħa tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Każakistan,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-tmien laqgħa tal-Kumitat ta' Koperazzjoni Parlamentari UE-Każakistan li saret fi Brussell fil-31 ta' Marzu 2008,

    wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn il-KE u l-Każakistan (2) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi r-relazzjonijiet u l-koperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Każakistan qegħdin jikbru kontinwament fil-livelli kollha; billi l-Każakistan għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-istabilità u s-sigurtà tal-Asja Ċentrali kif ukoll tal-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun kollu,

    B.

    billi fl-2010 l-Każakistan se jieħu f'idejh il-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE); billi dik il-pożizzjoni ser tagħti lill-pajjiż profil akbar u aktar responsabilità fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-OSCE ħeġġet lill-Każakistan biex iżid ir-riformi demokratiċi qabel ma jieħu f'idejh il-presidenza,

    C.

    billi, minkejja dak il-kompitu internazzjonali importanti, matul ix-xhur li għaddew is-sitwazzjoni interna tal-Każakistan marret għall-agħar minħabba żjieda fir-restrizzjonijiet fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni u għadd ta' prosekuzzjonijiet kontroversjali,

    D.

    billi fit-3 ta' Settembru 2009 Yevgeny Zhovtis, direttur tal-Bureau Internazzjonali tal-Każakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt u difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, instab ħati ta' qtil involontarju talli laqat u qatel persuna miexja fit-triq bil-karozza tiegħu, fis-26 ta' Lulju 2009 u ngħata sentenza ta' erba' snin f'komunità penali,

    E.

    billi fis-27 ta' Lulju 2009 infetħet l-investigazzjoni tal-pulizija u Yevgeny Zhovtis kien innominat bħala xhud; billi fit-28 ta' Lulju 2009, l-istatus tas-Sur Zhovtis fl-investigazzjoni nbidel għal dak ta' suspettat, iżda, bi ksur tal-liġi Każakija, it-tim legali tiegħu ma kienx infurmat dwar dan l-iżvilupp sal-14 ta' Awissu 2009,

    F.

    billi l-Uffiċċju tal-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara li “proċeduri dubjużi setgħu kisru d-dritt ta' Zhovtis għal proċess ġust kif iggarantit mill-kostituzzjoni tal-Każakistan, l-impenji tal-pajjiż fir-rigward tal-OSCE kif ukoll standards internazzjonali fundamentali”,

    G.

    billi f'laqgħat tal-OSCE fl-imgħoddi, Yevgeni Zhovtis kien ta dettalji dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżu, li jqajmu dubji dwar kemm huwa floku li l-Każakistan jippresiedi organizzazzjoni ddedikata għall-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi,

    H.

    billi, fl-imgħoddi, tfissru preokkupazzjonijiet serji dwar il-proċessi u t-tfigħ il-ħabs sussegwenti ta' attivisti Każakin oħra għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Ramazan Yesergepov u Sergei Duvanov,

    I.

    billi f'Ġunju tal-2008 u mbagħad f'Mejju tal-2009, b'rabta mal-fatt li pajjiżu wasal biex jieħu f'idejh il-presidenza tal-OSCE, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Każakistan, Marat Tahzin, wiegħed t-tisħiħ u t-titjib tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan,

    J.

    billi l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan jirrikjedi li jintwera rispett għad-demokrazija, il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem,

    1.

    Filwaqt li ma jqajjimx dubji dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, li hija element ewlieni ta' kull demokrazija, jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-mod li bih twettqet l-investigazzjoni dwar l-inċident sfortunat tat-traffiku u l-proċess sussegwenti ta' Yevgeni Zhovtis, u jiġbed l-attenzjoni għal allegazzjonijiet li xhieda għad-difiża tas-Sur Zhovtis ma kinitx permessa matul il-proċess;

    2.

    Jistieden lill-awtoritajiet Każakin biex iwettqu minnufih u b'rispett sħiħ għat-trasparenza u l-istat tad-dritt investigazzjoni oħra sħiħa u ġusta dwar iċ-ċirkustanzi marbuta mal-inċident, kif ukoll biex janalizzaw kif xieraq il-kundanna u s-sentenza ta' Yevgeny Zhovtis;

    3.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakin biex jagħtu dettalji uffiċjali rigward il-każ ta' Yevgeny Zhovtis kif ukoll sabiex jiżguraw proċess ġust, inkluż id-dritt ta' appell skont il-liġi tal-Każakistan;

    4.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-riżervi qawwija mfissra minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-impenn veru tal-Gvern Każaki għall-progress meta fl-2007 l-OSCE ħabbret id-deċiżjoni li l-pajjiż jingħata l-presidenza tagħha, u jistenna li l-awtoritajiet Każakin jagħmlu kull sforz biex isir progress tanġibbli fit-titjib tad-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem qabel ma jieħdu l-presidenza tal-OSCE;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżżid l-għajnuna tal-UE lill-Każakistan u l-koperazzjoni mal-Każakistan f'dawn l-oqsma, sabiex jippreparaw lill-Gvern Każaki b'mod aħjar biex iwettaq dan il-kompitu internazzjonali importanti;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu pożizzjoni soda u jqajjem din il-kwistjoni mal-awtoritajiet Każakin u, b'mod partikulari, biex jittratta l-każ ta' Yevgeni Zhovtis fi ħdan il-qafas tad-djalogu bejn l-UE u l-Każakistan dwar id-drittijiet tal-bniedem, li t-tieni parti tiegħu huwa skedat għall-21 ta' Ottubru 2009, u l-laqgħa tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Każakistan f'nofs ix-xahar ta' Novembru 2009;

    7.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-proġetti u l-programmi tagħha fil-Każakistan fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

    8.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, lill-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll lill-Parlament, lill-Gvern u lill-President tal-Każakistan.


    (1)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 49.

    (2)  ĠU L 196, 28.7.1999, p. 3.


    Top