Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0022(01)

    Qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja

    ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 224/27


    Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2009
    Qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja

    P7_TA(2009)0022

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja

    2010/C 224 E/07

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, u b’mod partikolari dawk tal-25 ta’ Ottubru 2006 dwar il-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya (1) u tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar attakki fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-proċess dwar il-qtil ta' Anna Politkovskaya (2),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill f’isem l-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Awissu 2009 dwar il-qtil tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Ċeċena Zarem Sadulayeva u żewġha Alik Dzhabrailov,

    wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u li ġiet estiża sa ma tinbidel bi ftehima ġdida,

    wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejin bħalissa għal ftehima ġdida li tkun tagħti qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, id-Dikjarazzjoni tan- Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jedd u r-Responsabilità tal-Individwi, ta' Gruppi u ta' Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Magħrufa Universalment,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), ir-Russja kkommettiet ruħha għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundametnali u l-istat ta’ dritt,

    B.

    billi l-kooperazzjoni mtejba u r-relazzjonijiet tajba bejn ġirien bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza fundamentali għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa kollha,

    C.

    billi l-UE timmira lejn sħubija strateġika mar-Russja bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt,

    D.

    billi hemm deterjorament allarmanti tal-qagħda tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-aktar fil-Kawkasu ta’ Fuq,

    E.

    billi l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħalma huma Memorial u Demos huma essenzjali għall-ħolqien ta' soċjetà stabbli u libera; billi l-Gvern Russu għandu għalhekk ikun kburi bl-irwol importanti milgħub minn tali istituzzjonijiet,

    F.

    billi l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Stanislav Markelov, li kien ukoll irrappreżenta lill-ġurnalista maqtula Anna Politkovskaya, safa maqtul fil-20 ta’ Jannar 2009 flimkien mal-ġurnalista Anastasia Barburova, li mietet hi u tipprova tipproteġi lis-Sur Markelov,

    G.

    billi fil-10 ta’ Lulju 2009, instab il-kadavru tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Andrei Kulagin f'barriera f' Petrozavodsk, xahrejn wara l-għajbien tiegħu,

    H.

    billi Natalia Estemirova, kap ta’ Memorial fiċ-Ċeċnja, sfat maħtufa, fil-15 ta’ Lulju 2009 fi Grozny u nstabet mejta f’Ingushetia, lokalità fil-qrib; billi l-Parlament Ewropew żamm minuta silenzju b'tifkira ta’ Natalia Estemirova matul is-sessjoni tas-16 ta' Lulju 2009; billi wara dan il-qtil ix-xogħol ta’ Memorial fiċ-Ċeċnja ġie sospiż,

    I.

    billi mistenni jibda ġuri għal diffamazzjoni f’Settembru 2009 f’Moska, abbażi ta' ilment magħmul mill-President Ċeċen Ramzan Kadyrov kontra Oleg Orlov, Kap taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, għal libell wara l-istqarrija tas-Sur Orlov ippubblikata fuq is-sit elettroniku ta' Memorial fil-15 ta’ Lulju 2009 li fiha xela lill-President Kadyrov li kien imdaħħal fil-qtil ta’ Natalia Estemirova,

    J.

    billi fil-10 ta’ Awissu 2009, l-attivisti tas-soċjetà ċivili Ċeċeni Zarema Sadulayeva u żewġha Alik Dzhabrailov, li kienu qed jaħdmu għall-organizzazzjoni umanitarja ‘Save the Generation’, sfaw maħtufa fl-uffiċju tagħhom fi Grozny u nstabu maqtulin l-għada,

    K.

    billi fit-4 ta’ Diċembru 2008, l-uffiċju ta’ San Pietruburgu tar-Research and Information Centre Memorial sfaw imfittxija minn irġiel mgħammda mill-Uffiċju tal-Prosekutur Ġenerali Russu, u ttieħdu hard drives u CDs li kien fihom il-ġabra ta' data sħiħa li tkopri eluf ta' vittmi tar-repressjoni Stalinista; billi l-ġabra ta' data ingħatat lura wara ordni tal-qorti,

    L.

    billi fit-3 ta’ Settembru 2009, il-blokk ta' appartamenti fejn Oleg Orlov, Kap taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, u l-kollaboratur tiegħu Alexander Tcherkassov għandhom ir-residenzi privati tagħhom, ġew spezzjonati minn investigaturi tal-gvern li għamlu tabirruħhom li jaħdmu għall-awtorità tat-taxxa,

    M.

    billi fit-3 ta’ Settembru 2009, xahrejn wara li ordnat ritrattazzjoni tat-tliet suspettati misjuba mhux ħatja fi Frar ta’ din is-sena, il-Qorti Suprema Russa ordnat investigazzjoni ġdida fil-qtil ta’ Anna Politkovskaya li kien seħħ fl-2006,

    N.

    billi saru bosta ilmenti minn ċittadini Russi fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu,

    1.

    Jikkundanna mingħajr riżerva u jiddeplora bil-qawwa l-persekuzzjoni u l-attakki fuq ħajjet difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u ġurnalisti fir-Russja;

    2.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jagħmlu kulma hu f'setgħethom biex jiżguraw il-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif jingħad fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jedd u r-Responsabilità tal-Individwi, ta' Gruppi u ta' Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Magħrufa Universalment; jistieden b’mod partikolari lill-awtoritajiet responsabbli joħolqu ċirkostanzi li jippermettu lil Memorial u organizzazzjonijiet oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem li jerġgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom fiċ-Ċeċnja f'ambjent sigur; jilqa’ r-ritorn tal-arkivju kkonfiskat ta’ Memorial f’San Pietruburgu wara l-perkwiżizzjoni tal-4 ta’ Diċembru 2008;

    3.

    Jistieden lill-awtoritajiet federali Russi jinvestigaw, malajr, sew u b'mod effettiv, kull qtil msemmi aktar ’il fuq u jressaq kemm lil dawk reponsabbli għal dawn l-atti brutali kif ukoll lil dawk involuti quddiem il-ġustizzja;

    4.

    Jisħaq li l-impunità fiċ-Ċeċnja twassal għad-destabilizzazzjoni fir-reġjun kollu tal-Kawkasu ta’ Fuq;

    5.

    Jieħu nota tat-telegramma li f’Lulju l-President Russu Dmitry Medvedev bagħat lill-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem Memorial li fiha wiegħed l-impenn tiegħu għal investigazzjoni sħiħa tal-qil ta’ Natalia Estemirova;

    6.

    Jilqa’ l-inizjattiva meħuda mill-President Medvedev li jemenda l-liġi dwar l-NGOs bil-ħsieb li jtaffi ċerti restrizzjonijiet u kumplikazzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni għall-NGOs Russi, u jistenna titjib sostanzjali;

    7.

    Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Russa tat-3 ta’ Settembru 2009 li tniedi investigazzjoni ġdida dwar il-qtil ta’ Anna Politkovskaya u li tittratta l-investigazzjonijiet kontra t-tlitt irġiel li instabu mhux ħatja fl-ewwel proċess f'każ wieħed mal-allegat assassin Rustam Makhmudow u dawk li sponsorjawh; jitlob li dan il-proċess jinbeda mill-aktar fis possibbli, u jsir permezz ta' proċedura ta' ġuri u li l-proċess ikun miftuħ għall-ġurnalisti u l-mezzi kollha tax-xandir;

    8.

    Jitlob li jogħla l-livell tal-konsultazzjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja u jħeġġeġ li dan il-proċess ta' konsutazzjoni jkun miftuħ għal kontribuzzjoni effettiva tal-Parlament Ewropew, tad-Duma tal-Istat, tal-awtoritajiet ġudizzjarji Russi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha bħala membru tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż ir-rispett għall-jedd tal-assoċjazzjoni u l-jedd tad-dimostrazzjoni paċifika; jisħaq il-pożizzjoni tiegħu li l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun punt privileġġjat fuq l-aġenda tal-laqgħa għolja li ġejja bejn l-UE u r-Russja u għandu jsir parti integranti mill-ftehima l-ġdida bejn l-UE u r-Russja;

    9.

    Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jimxu mad-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jirratifikaw l-Protokoll Addizzjonali 14 għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dwar ir-riforma tas-sistema ta' kontroll tagħha, mingħajr dewmien;

    10.

    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-OSCE u lill-Kunsill tal-Ewropa.


    (1)  ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 271.

    (2)  ĠU C 58 E, 12.3.2009, p. 180.


    Top