Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0016

    SWIFT Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Settembru 2009 dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji ghall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu

    ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 224/8


    Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2009
    SWIFT

    P7_TA(2009)0016

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji ghall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu

    2010/C 224 E/02

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 286 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 95 u 300 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 7 u 8 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 7, 8, 47, 48 u 49 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien tal-individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment ħieles ta' data ta' dan it-tip (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta' tali data (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop ta' ħasil ta' flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (3) u r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar min qed iħallas li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (4),

    wara li kkunsidra l-Ftehim tal-25 ta' Ġunju 2003 dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu dwar l-identifikazzjoni tal-informazzjoni bankarja (5),

    wara li kkunsidra l-Programm ta' Traċċar ta' Finanzi tat-Terroristi (TFTP) tal-Istati Uniti bbażat fuq l-Ordni Presidenzjali Eżekuttiva Nru 13224 (6) tal-Istati Uniti, li fil-każ ta' emerġenza nazzjonali tawtorizza partikolarment lid-Dipartiment tat-Teżor Amerikan biex jikseb permezz ta' “ċitazzjonijiet amministrattivi”, settijiet ta' data ta' messaġġi finanzjarji li jgħaddu fuq netwerks ta' komunikazzjoni finanzjarja bħal dawk ġestiti mis-Soċjetà għat-Telekomunikazzjoni Finanzjarja Interbankarja Dinjija (SWIFT),

    wara li kkunsidra l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti dwar l-aċċess għad-data tas-SWIFT (kif definit mir-rappreżentanzi tal-Istati Uniti (7)) u wara li kkunsidra l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni permezz tal-“persuna eminenti” dwar il-konformità mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti mar-rappreżentanzi msemmija hawn fuq,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fejn stieden lis-SWIFT biex tikkonforma strettament mal-qafas legali tal-UE b'mod partikolari meta t-tranżazzjonijiet finanzjarji Ewropej isiru fit-territorju tal-UE (8),

    wara li kkunsidra d-direttivi tan-negozjati għall-Presidenza tal-Kunsill u l-ftehima internazzjonali prevista bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar it-trasferiment tad-data tal-programm SWIFT, li ġie kklassifikat bħala “Ristretti għall-UE”,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-3 ta' Lulju 2009 li ġiet ikklassifikata bħala “Ristretta għall-UE”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

    A.

    billi f'Ottubru tal-2007, SWIFT ħabbret struttura ġdida ta' messaġġi li għandha tkun operattiva sa tmiem l-2009,

    B.

    billi din il-bidla fl-istruttura ta' messaġġi se jkollha l-konsegwenza li l-maġġoranza tad-data finanzjarja li SWIFT kienet awtorizzata titrasferixxi għall-programm TFTP tad-Dipartiment tat-Teżor American, mhux se tibqa' disponibbli għat-TFTP,

    C.

    billi fis-27 ta' Lulju 2009 il-Kunsill adotta b'mod unanimu u bl-għajnuna tal-Kummissjoni d-direttivi tan-negozjati għall-Presidenza, biex jinnegozja ftehima internazzjonali mal-Istati Uniti fuq il-bażi tal-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea ħalli jkompli jittrasferixxi d-data tal-programm SWIFT għall-programm TFTP tal-Istati Uniti,

    D.

    billi d-direttivi tan-negozjati flimkien mal-opinjoni legali dwar l-għażla tal-bażi legali mis-Servizzi Legali tal-Kunsill għadhom ma sarux pubbliċi, minħabba li huma kklassifikati bħala “Ristretti għall-UE”,

    E.

    billi l-ftehima internazzjonali għandha tipprovdi applikazzjoni proviżjorja u immedjata mill-waqt tal-iffirmar sad-dħul fis-seħħ tal-ftehima,

    F.

    billi l-UE nnifisha m'għandhiex TFTP fis-seħħ,

    G.

    billi l-aċċess għal data amministrata mis-SWIFT jagħmilha potenzjalment possibli li jistabu mhux biss trasferimenti marbuta ma' attivitajiet illegali, iżda wkoll informazzjoni dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-individwi u l-pajjiżi kkonċernati, u jista' għalhekk jintuża ħażin għall-forom ta' spjunaġġ ekonomiku u industrijali fuq skala kbira,

    H.

    billi SWIFT ikkonkludiet memorandum ta' ftehim mad-Dipartiment tat-Teżor Amerikan, sabiex iddejjaq aktar l-ambitu tad-data trasferita u l-ambitu ta' tfittxijiet għal data speċifika għall-każijiet kontra t-terroriżmu, u għamlitha soġġetta għal sorveljanza u verifika indipendenti, inkluż il-monitoraġġ f'ħin reali,

    I.

    billi kwalunkwe ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu jkun bil-kundizzjoni li tinżamm il-protezzjoni li teżisti fil-memorandum ta' ftehim u r-rappreżentanzi tat-Teżor tal-Istati Uniti, bħal dawk li japplikaw fil-każ ta' data mħarrka tat-Teżor tal-Istati Uniti miċ-ċentru operattiv ta' SWIFT,

    1.

    Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled lit-terroriżmu u fit-twemmin sod tiegħu fil-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn miżuri tas-sigurtà u l-ħarsien tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett akbar għall-privatezza u protezzjoni tad-data; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin li mingħajrhom il-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva;

    2.

    Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li kull trasferiment ta' data personali Ewropea lejn pajjiżi terzi li jsir għal finijiet ta' sigurtà għandu jirrispetta garanziji proċedurali u d-drittijiet tad-difiża u jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u Ewropew (9);

    3.

    Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li fil-qafas tranżatlantiku tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar assistenza legali, li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010, l-Artikolu 4 jipprovdi għal aċċess fuq talba għal data finanzjarja mmirata, bl-awtorizzazzjoni ta' awtoritajiet statali u nazzjonali u jista' jikkostitwixxi bażi legali aktar soda għat-trasferiment ta' data ta' SWIFT mill-ftehima interim proposta u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jispjegaw il-ħtieġa għal ftehima interim;

    4.

    Jilqa' d-deċiżjoni ta' SWIFT ta' Ġunju 2007 sabiex issir rilokazzjoni tad-data kollha ta' trasferimenti finanzjarji intra-UE għal żewġ ċentri operattivi Ewropej; jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill għall-fatt li din id-deċiżjoni ttieħdet bil-qbil tal-Awtorità Belġjana għall-Protezzjoni tad-Data, u mat-talba fl-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma tal-UE u b'konformità mal-opinjoni espressa mill-Parlament Ewropew;

    5.

    Jinnota li l-Kunsill adotta d-direttivi tan-negozjati biss kważi sentejn wara li SWIFT ħabbret il-bidla fl-istruttura tal-messaġġi;

    6.

    Jinsab imħasseb li fir-rigward tal-bażi legali magħżula għal dan il-ftehim maħsub, is-servizzi legali tal-istituzzjonijiet esprimew opinjonijiet diverġenti, u jinnota li s-Servizz Legali tal-Kunsill huwa tal-fehma li hija kompetenza tal-Komunità;

    7.

    Jemmen, sakemm ftehim internazzjonali huwa meħtieġ b'mod assolut, li għandu bħala minimu jiżgura:

    (a)

    li d-data tkun ittrasferita u pproċessata biss bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2002/475/JHA, tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (10) u li jkollha x’taqsam ma’ terroristi jew ma’ organizzazzjonijiet tat-terroristi li jkunu rrikonoxxuti bħala tali mill-UE;

    (b)

    li l-ipproċessar ta' data ta' dan it-tip fir-rigward tat-trasferiment tagħha (permezz tas-sistema “push” biss), tal-ħżin u tal-użu m'hux spoporzjonati apparagun mal-objettiv tat-trasferiment u mal-ipproċessar sussegwenti ta' din id-data;

    (c)

    li t-talba ta’ trasferiment hija bbażata fuq każi speċifiċi u mmirati, limitata fiż-żmien u soġġetta għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, u li kwalunkwe pproċessar sussegwenti huwa limitat għal data li tikxef xi konnessjoni ma’ persuni jew organizzazzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu mistħarrġa mill-Istati Uniti. Id-data li ma tikxef l-ebda konnessjoni bħal din hija mħassra;

    (d)

    li ċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-UE jingħataw l-istess livell ta' drittijiet ta' difiża u garanziji proċedurali u l-istess dritt tal-aċċess għall-ġustizzja li hemm fl-UE u li l-legalità u l-proporzjonalità tat-talbiet ta' trasferiment għandhom huma miftuħa għal evalwazzjoni amministrattiva fl-Istati Uniti;

    (e)

    li d-data trasferita hija soġġetta għall-istess riżarċiment ġudizzjarju li jkun japplika għad-data li tinżamm fl-UE, inkluż il-kumpens f'każ ta' pproċessar illegali ta' data personali;

    (f)

    li l-ftehima tipprojbixxi l-użu tad-data tal-programm SWIFT mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għal finijiet oħra li ma jkollhomx x'jaqsmu mal-finanzjament tat-terroriżmu; hu pprojbit ukoll it-trasferiment ta' data bħal din lil partijiet terzi li ma jkunux awtoritajiet pubbliċi responsabbli mill-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

    (g)

    li għandu jkun hemm konformità ma’ mekkaniżmu ta’ reċiproċità li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti li jittrasferixxu data ta' messaġġi finanzjarji lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE, jekk issir talba;

    (h)

    li l-ftehima għandha tkun imwaqqfa b'mod ċar għal perjodu intermedjarju permezz ta' klawsola ta' estinzjoni (sunset clause) li m'għandux jaqbeż it-12-il xahar, u bla ebda preġudizzju għall-proċedura li għandha tiġi segwita skont it-Trattat ta' Liżbona għall-konklużjoni possibli tal-ftehima ġdida f'dan il-qasam;

    (i)

    li l-ftehima interim tipprovdi li b' mod ċar l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jkunu mgħarrfa minnufih wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona u li l-ftehima l-ġdida tkun innegozjata skont il-qafas legali l-ġdid tal-UE li jinvolvi bis-sħiħ il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

    8.

    Jitlob li l-Kunsill u l-Kummissjoni jikkjarifikaw l-irwol preċiż tal-“awtorità pubblika” li se tingħata r-responsabbiltà li tirċievi talbiet mid-Dipartimant tat-Teżor tal-Istati Uniti, filwaqt li jqisu b'mod partikolari n-natura tas-setgħat mogħtija lil “awtorità” ta' dan it-tip u l-mod kif dawn is-setgħat jistgħu jkunu infurzati;

    9.

    Jitlob li l-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonfermaw li l-lottijiet u l-fajls kbar bħal transazzjonijiet marbuta maż-Żona Waħdanija ta' Pagament Ewropea (SEPA) huma barra mill-ambitu tad-data li tkun mitluba mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jew trasferita lejh;

    10.

    Jenfasizza li SWIFT hija infrastruttura ewlenija għas-saħħa tas-sistemi ta' pagament u s-swieq tat-titoli tal-Ewropa u m'għandhiex tiġi żvantaġġata b'mod inġust fir-rigward tal-fornituri li jikkompetu fil-qasam tal-messaġġ finanzjarji;

    11.

    Jenfasizza l-importanza taċ-ċertezza u tal-immunità legali għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet privati li jkunu soġġetti għal trasferimenti ta' data skont arranġamenti bħal dawn proposti mill-ftehima ta' bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti;

    12.

    Jinnota li jista' jkun utli għall-Kummissjoni li tevalwa l-ħtieġa li jitwaqqaf TFTP Ewropew;

    13.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Presidenza biex jiżguraw li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kollha jingħataw aċċess sħiħ għad-dokumenti tan-negozjati u d-direttivi;

    14.

    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati membri u tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, u lill-Gvern tal-Istati Uniti u liż-żewġ Kmamar tal-Kungress.


    (1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (3)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

    (4)  ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.

    (6)  L-Ordni Eżekuttiva Nru 13224 inħarġet mill-President Bush fit-23 ta' Settembru, 2001, skond l-International Emergency Economic Powers Act (IEEPA), 50 U.S.C., taqsimiet1701-1706. Il-President iddelega l-awtorità tiegħu skont l-Ordni Eżekuttiva lis-Segretarju tat-Teżor. It-Teżor ħareġ iċ-ċitazzjonijiet lil SWIFT skont l-Ordni Eżekuttiv 13224 u r-regolamenti implimentattivi tagħha.

    (7)  L-ipproċessar mid-Dipartiment tat-Teżor American ta' Data Personali li toriġina mill-UE għall-finijiet Kontra t-Terroriżmu - SWIFT, (ĠU C 166, 20.7.2007, p. 18).

    (8)  Riżoluzzjoni tal-14 ta' Frar 2007 dwar SWIFT, il-Ftehima PNR u d-djalogu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet (ĠU C 287 E, 29.11.2007, p.349); riżoluzzjoni tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-interċezzjoni tat-trasferiment ta' data bankarja mis-sistema SWIFT mis-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti (ĠU C 303 E, 13.12.2006, p.843).

    (9)  Notament il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 5,6, 7 u 8 tagħha, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikoli 7,8, 47 u 49 tagħha, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali, id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    (10)  ĠU L 164, 22.6.2002, p.3.


    Top