EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0669

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas 2004/757/ĠAI li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi [SEC(2009)1661]

/* KUMM/2009/0669 finali */

52009DC0669

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas 2004/757/ĠAI li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi [SEC(2009)1661] /* KUMM/2009/0669 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.12.2009

KUMM(2009)669 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

dwar l-implimentazzjon i tad-deċiżjoni qafas 2004/757/ĠAI li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi [SEC(2009)1661]

METODU

L-għan tad-deċiżjoni qafas 2004/757/ĠAI[1] huwa l-implimentazzjoni tar-regoli minimi dwar l-elementi kostitwenti tar-reati tat-traffikar tad-droga u tal-prekursuri, li jippermettu li jiddefinixxu approċċ komuni fuq il-livell tal-UE fil-ġlieda kontra dan it-traffikar[2].

L-effiċjenza tal-isforzi mwettqa jiddependu essenzjalment mill-allinjament tal-miżuri nazzjonali tal-implimentazzjoni[3], li l-Kummissjoni hi responsabbli li tivvaluta f'dan ir-rapport[4]. Għal dan l-għan, hi użat il-kriterji ta' valutazzjoni li normalment huma użati biex tiġi analizzata l-implimentazzojni tad-deċiżjonijiet qafas (effiċjenza, ċarezza u sigurtà ġuridika, applikazzjoni sħiħa, traspożizzjoni fit-tul ta' żmien mitlub)[5], kif ukoll il-kriterji speċifiċi, b'mod partikolari l-effettività (implimentazzjoni prattika) u l-effiċjenza (fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali ) tad-deċiżjoni qafas.

Fl-1 ta' Ġunju 2009, il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba ta' 21 Stat Membru[6]. B'konsegwenza, dawn is-sitt Stati Membri li ġejjin ma kkonformawx mal-obbligu ta' komunikazzjoni maħruġ mill-Artikolu 9(2) tad-deċiżjoni qafas u mhux se jkunu kkunsidrati mir-rapport: Ċipru, Spanja[7], il-Greċja[8], l-Italja, Malta, ir-Renju Unit.

ANALIżI TAL-MIżURI NAZZJONALI TA' IMPLIMENTAZZJONI

Definizzjonijiet (l-Artikolu 1)

Għad-definizzjoni tad-drogi u tal-prekursuri, l-Artikolu 1 jirreferi għall-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961, 1971 u 1988[9], ratifikati mill-Istati Membri kollha, kif ukoll għal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-prekursuri, ta' applikazzjoni diretta[10].

Barra minn hekk, minħabba l-fatt li ċerti Stati Membri ma bagħtux id-definizzjonijiet tagħhom (CZ, DE, HU, SI, BG), fuq il-bażi tal-elementi rċevuti tal-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li, għal dawk l-Istati Membri, l-Artikolu 1 ma jippreżenta l-ebda problema ta' implimentazzjoni, u li hu soġġett ta' miżuri nazzjonali xierqa li huma diġà fis-seħħ.

Għat-terminu "persuna ġuridika", l-Artikolu 1(3) uża d-definizzjoni standard użata mid-diversi deċiżjonijiet qafas. Seba' Stati Membri ma bagħtux din l-informazzjoni (CZ, DE, LU, PT, SE, SI, SK)[11].

Reati marbuta mat-traffikar tad-drogi u l-prekursuri (l-Artikolu 2)

Il-komportamenti deskritti skont it-termini tal-Artikolu 2 jinkludu dawk imniżżla mill-Artikolu 3 tal-konvenzjoni tal-1988. Madankollu hemm differenza ta' daqs: id-deċiżjoni qafas teskludi mill-ambitu tagħha ta' applikazzjoni l-imġieba maħsuba għall-konsum personali (Artikolu 2(2)).

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prekursuri tad-drogi, ir-rapport jillimita ruħu għar-reati marbuta mat-traffikar; għalhekk ma janalizzax is-sanzjonijiet tar-reati għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Komunitarji f'dan il-qasam.

Reati marbuta mat-traffikar tad-droga (l-Artikolu 2(1) a) b) c))

B'mod ġenerali, it-termini kollha stabbiliti mill-Artikolu 2 qatt ma ġew inkorporati kollha mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Jidher illi fejn meħtieġ, l-użu ta' termini ġeneriċi mil-liġi jew interpretazzjoni wiesgħa jippermetti li jingħelbu dawn in-nuqassijiet formali. Pereżempju, jidher li t-termini "produzzjoni" u "manifattura" fil-prattika spiss jistgħu jieħdu post xulxin, jew li mġieba mhux prevista mil-liġi tkun sanzjonata permezz tal-interdizzjoni ta' "pussess", li huwa prerekwiżit għal kull tip ta' traffikar.

Għaxar Stati Membri (AT, BE, FI, HU, IE, LV, LU, NL, PT, RO) inkorporaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom l-imġieba kkonċernata kollha jew kważi kollha. Erba' Stati Membri (DE, EE, FR, SE) inkorporaw biss parti, iżda jirrispettaw id-deċiżjoni qafas permezz tal-użu tat-termini ġeneriċi. Seba' Stati Membri (BG, CZ, DK, LT, PL, SI, SK) għandhom leġilazzjoni iktar ambigwa[12], li ma tagħtix garanzija għall-applikazzjoni sħiħa tad-deċiżjoni qafas b'mod ċar jew preċiż biżżejjed.

Reati marbuta mat-traffikar tad-droga (l-Artikolu 2(1) d))

Il-liġi diġà fis-seħħ fil-maġġoranza tal-Istati Membri hija konformi mal-Artikolu 2(1)(d), kemm f'li titratta bl-istess mod it-traffikar tal-prekursuri u t-traffikar tad-droga, billi tissanzjona l-istess imġieba (BE, BG, CZ, DE, SI, SK), kemm f'li tirrikonoxxi reati speċifiċi għat-traffikar tal-prekursuri, li l-ambitu ta' applikazzjoni tagħhom huwa iktar wisa' mingħajr ma jkun direttament kumparabbli mat-traffikar tad-droga (AT, EE, FI, HU, IE, LT, LU, LV, NL, PL, PT). Barra minn hekk, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-pussess huma ħafna drabi inklużi fl-ambitu tar-reat (HU, IE, LU, LV, PT).

Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, żewġ Stati Membri biss (RO, SE) emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 2(1)(d).

Żewġ Stati Membri (DK, FR) ddikjaraw li t-traffikar tal-prekursuri per se mhuwiex kopert fil-liġi kriminali tagħhom, iżda jista' jkun sanzjonat bħala tentattiv jew kompliċità tat-traffikar tad-droga. Il-Kummissjoni għandha dubji serji dwar il-konformità ta' dawn is-sistemi, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3[13]: fil-fatt, il-biża tal-Kummissjoni hi li n-nuqqas ta' reat awtonomu fil-qasam tat-traffikar tal-prekursuri ma jikostitwixxix ostaklu għall-kunsiderazzjoni effettiva ta' dan it-traffikar, speċjalment fil-qasam ta' tentattiv, inċitazzjoni jew kompliċità.

Barra minn hekk, jekk l-imġieba projbita mid-deċiżjoni qafas fil-qasam tal-prekursuri huma wkoll projbiti fil-liġi nazzjonali, wieħed għandu jinnota li d-deċiżjoni qafas għandha inqas impatt.

Inċitazzjoni, kompliċità u tentattiv (Artikolu 3)

L-Artikolu 3 ma kkawżax problemi kbar ta' implimentazzjoni: Il-Kummissjoni tqis illi, mill-21 Stat Membru li bagħtu l-informazzjoni mitluba, 18-il Stat Membru għandu leġiżlazzjoni konformi[14]. Minn dawn it-18-il Stat Membru, tnejn minnhom emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom għal dan l-għan (FI, SE) u tnejn oħra (DE, SE) jagħmlu użu wkoll tal-possibbiltà offruta mill-Artikolu 3(2).

Sanzjonijiet (l-Artikolu 4)

Reati standard (Artikolu 4(1))

Il-leġiżlazzjonijiet ta' ħames Stati Membri (BG, LT, LV, NL, SE) iqajmu problemi ta' interpretazzjoni, speċjalment minħabba nuqqas ta' informazzjoni. Jekk il-limitu ta' sena jibqa' rispettat, il-pieni massimi huma fir-realità ħafna iktar fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Barra minn hekk, tnax-il Stat Membru (BG, FR, HU, IE, LT, LV, NL, PL, PT, RO, SI, SK) għandhom sanzjonijiet ekwivalenti għal iktar mid-doppju tal-firxa proposta mid-deċiżjoni qafas, jiġifieri pieni massimi ta' sitt snin jew iktar, u li xi drabi jkunu ta' għoxrin sena jew għomor il-ħabs. Id-differenzi leġiżlattivi bejn l-Istati Membri jidhru li ma nbidlux.

Fl-istess żmien, il-pieni massimi jagħmlu sens biss fil-kuntest tal-proċedimenti li huma attwalment mibdija u l-pieni attwalment imposti mill-imħallef: paragun tal-prattika ġudizzjarja f'kull Stat Membru tippermetti valutazzjoni tal-punt sa fejn l-għan tal-allinjament tas-sistemi nazzjonali kien milħuq fil-prattika.

F'dan il-kuntest, il-kumplessità tas-sistema Olandiża u l-kontroversji marbuta mal-coffee-shops jeħtieġu attenzjoni speċjali. Il-bejgħ tad-drogi ħfief fil-coffee-shops huwa r-riżultat ta' politika ta' toleranza –regolamentata ħafna– fir-rigward ta' prattika li baqgħet ikkunsidrata mil-liġi bħala reat. Il-linji gwida tal-Ministeru pubbliku, fil-qafas tal-coffee-shops, jistabbilixxu 5 grammi ta' kannabis għal kull persuna bħala l-limitu li għalih ma jkunx hemm prosekuzzjoni. B'konsegwenza, jekk il-leġiżlazzjoni Olandiża hija konformi mal-Artikolu 4(1), il-politika ta' toleranza fir-rigward tal-coffee-shops tiddependi speċjalment mill-prinċipju tal-opportunità tal-prosekuzzjonijiet, li dwarhom il-Kummissjoni ma tesprimiex ruħha. Madankollu, id-deċiżjoni qafas hi maħsuba għat-tipi l-iktar serji ta' reati, u l-Kummissjoni għandha tħassib partikolari dwar il-problema ta' provvista ta' tali coffee-shops min-netwerks kriminali ta' skala kbira.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota l-konformità formali tal-leġiżlazzjonijiet kollha nazzjonali li ntbagħtu[15], iżda tesprimi dispjaċir dwar l-eteroġeinità ta' dawn il-leġiżlazzjonijiet u għandha tħassib dwar l-applikazzjoni prattika tagħhom.

Reati aggravati fil-qasam tat-traffikar tad-droga (l-Artikolu 4(2))

Għoxrin Stat Membru mill-21 li wieġbu[16] jissodisfaw il-livell ta' sanzjoni meħtieġ mill-Artikolu 4(2). Madankollu, il-firxa ta' sanzjonijiet hija bejn 10 u 15-il sena. Fil-fatt, għaxar Stati Membri jistabilixxu piena massima ta' għaxar snin (AT, BE, CZ, DK, EE, FI, HU, LT, LU, SE), u tmien Stati Membri jistabilixxu piena massima ta' 15-il sena (BE, CZ, DK[17], DE, HU, LT, LV, SK). Sitt Stati Membri għandhom sanzjonijiet ħafna iktar ogħla (FR, HU, IE, LU, RO, SE), filwaqt li erba' Stati Membri biss jistabilixxu pieni massimi li jvarjaw bejn ħames u tmien snin (AT, LT, NL, PL).

Tmien Stati Membri jikkunsidraw l-elementi ta' kwantità u ta' ħsara għas-saħħa (AT, CZ, DK, DE, FI, NL, SE, SK), filwaqt li tmienja oħra jikkunsidraw wieħed miż-żewġ elementi biss (BE, EE, HU, LT, LU, LV, PL, RO). Fl-aħħar, il-leġiżlazzjonijiet ta' ħames Stati Membri ma jagħmlux referenza għal dan (BG, FR, IE, PT, SI). Fejn il-piena massima prevista għar-reat bażiku f'dawn l-Istati Membri hija diġà ekwivalenti jew hi iktar mil-livell meħtieġ mill-Artikolu 4(2), din in-nuqqas eventwali ta' differenza mhijiex importanti.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-livell tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(2) huwa sodisfaċenti sakemm l-iskala tal-pieni hija rispettata. Ta' min jinnota wkoll li dawn tal-aħħar huma ta' spiss iktar stretti, u li tlettax-il Stat Membru ma integrawx fil-leġiżlazzjoni tagħhom l-elementi tal-kwantità u/jew tal-ħsara għas-saħħa.

Reati aggravati mwettqa fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali (l-Artikolu 4 paragrafi 3 u 4)

1. Reati aggravati mwettqa fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali / drogi (l-Artikolu 4(3))

Il-kunsiderazzjoni tar-rwol tal-kriminalità organizzata mil-leġiżlazzjonijiet kriminali fil-qasam tat-traffikar tad-droga hija mifruxa madwar l-UE. Fil-fatt, sbatax-il Stat Membru (AT, BE, CZ, DE, EE, FI, FR, HU, LT, LU, LV, NL, PL, PT, RO, SI, SK) japplikaw pieni massimi ta' mhux inqas minn 10 snin meta r-reat twettaq fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali. Apparti d-dispożizzjoni ġenerali tal-kodiċi kriminali f'dan il-qasam, l-Olanda emendat il-liġi tagħha dwar in-narkotiċi b'mod li tinkludi speċifikament ir-reat relatat mal-parteċipazzjoni ma' organizzazzjoni kriminali. DK, IE u SE m'għandhomx dispożizzjoni speċifika għall-kriminalità organizzata iżda jirrispettaw il-livell ta' pieni preskritti. Fl-aħħar, għal tliet Stati Membri (BE, LU, SI) il-Kummissjoni ma kellhiex elementi meħtieġa biex tanalizza l-kwistjoni tal-organizzazzjoni kriminali.

Madankollu, jeħtieġ li jkun enfasizzat li l-Istati Membri ma jirrikjedux, għall-kuntrarju tad-deċiżjoni qafas, li r-reat jinvolvi kwantità kbira ta' droga jew drogi li l-iktar jagħmlu ħsara għas-saħħa[18].

Madankollu, diversi Stati Membri għandhom firxa ta' sanzjonijiet differenti skont l-irwol tal-awtur tar-reat fi ħdan l-organizzazzjoni kriminali (parteċipazzjoni, direzzjoni, finanzjament...). Għal reat standard (parteċipazzjoni), jidher illi l-pieni massimi huma ġeneralment iktar minn għaxar snin. Fil-fatt, fi tmien Stati Membri (BE, CZ, DE, LT, LV, NL, PT, SI) il-piena massima hija ta' 15-il sena jew iktar, filwaqt illi f'sitt Stati Membri (EE, FR, LU, PT, RO, SK) il-piena hija 20 sena jew iktar. Ir-reati relatati mat-traffikar tad-droga fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali huma wkoll soġġetti għall-pieni ħafna iktar stretti minn dawk stabbiliti mid-deċiżjoni qafas, u li għalhekk il-livell ta' sanzjoni tagħha huma rispettati.

2. Reati aggravati mwettqa fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali / Prekursuri (l-Artikolu 4(4))

Il-kunsiderazzjoni tal-irwol tal-kriminalità organizzata mil-leġiżlazzjonijiet kriminali fil-qasam tal-prekursuri hija mifruxa madwar l-UE iżda b'mod kemxejn iktar differenti mill-qasam tad-drogi.

Tlettax-il Stat Membru (CZ, DE, FI, HU, LT, LU, LV, NL, PL, PT, RO, SI, SK) għandhom leġiżlazzjoni kontra t-traffikar tal-prekursuri u jikkunsidraw l-irwol tal-kriminalità organizzata. Fil-qasam tas-sanzjonijiet, wieħed jinnota wkoll li huma iktar stretti. Fil-fatt, ħames Stati Membri (CZ, FI, HU, LV, PL) jistabbilixxu pieni massimi ta' bejn 6 u 10 snin, filwaqt li tmien Stati Membri (DE, LT, LU, NL, PT[19], RO, SI, SK) jistabbilixxu pieni massimi ta' 15-il sena jew iktar[20].

Ta' min jinnota li seba' Stati Membri (AT, BE, DK, EE, FR, IE, SE) m'għandhomx leġiżlazzjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni kriminali applikabbli għall-prekursuri, jew naqsu milli kkomunikawha[21]. Madankollu, is-sanzjonijiet applikabbli għar-reati bażiċi marbuta mat-traffikar tal-prekursuri fl-Istati Membri msemmija hawn fuq huma diġà pieni massimi ta' ħames snin jew iktar. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikoli 4(4) hija sodisfaċenti.

Konfiska (l-Artikolu 4§5)

Tlettax mill-21 Stat Membru li wieġbu (AT, DE, DK, EE, FI, FR, LU, LV, PL, PT, RO, SE, SK) bagħtu d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-konfiska speċifikament previsti mil-liġi tagħhom dwar in-narkotiċi, filwaqt li sitt Stati Membri (CZ, HU, IE, LT, NL, SI) kkomunikaw id-dispożizzjonijiet mill-kodiċi penali. Il-Belġju u l-Bulgarija ma taw l-ebda dispożizzjoni. Is-sustanzi li huma soġġetti ta' reat huma ġeneralment konfiskati. Għall-konfiska ta' strumenti, prodotti u beni li l-valur tagħhom huwa ekwivalenti, il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport tagħha[22] dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI[23] tal-24 ta' Frar 2005 dwar il-konfiska ta' prodotti, strumenti u beni b'rapport mal-kriminalità.

Ċirkustanzi partikolari (l-Artikolu 5)

L-Artikolu 5 jippermetti lill-Istati Membri biex jipprevedu sistema ta' tnaqqis ta' pieni fir-rigward ta' dawk li ġeneralment jikkooperaw mal-awtoritajiet. L-Istati Membri kollha pprovdew informazzjoni dwar is-sistema nazzjonali tagħhom ta' tnaqqis ta' pieni, bl-eċċezzjoni ta' BG, FI, NL et SI. Sitt Stati Membri (AT, HU, LU, LV, PT, RO) għandhom ukoll sistema ta' tnaqqis ta' piena speċifikament prevista mil-liġi tagħhom dwar in-narkotiċi għal dawk li jikkooperaw mal-awtoritajiet. Diversi Stati Membri jagħmlu distinzjoni skont jekk diġà sarietx il-prosekuzzjoni jew le, u uħud xi drabi jipprevedu, apparti tnaqqis, eżenzjoni tal-pieni. Madankollu ebda pajjiż ma emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu wara d-deċiżjoni qafas.

Responsabbiltà u sanzjonijiet kontra l-persuni ġuridiċi (l-Artikoli 6 u 7)

Fir-rigward tal-Artikolu 6, l-ostaklu l-kbir prinċipali jinsab fir-rikonoxxenza tar-responsabbiltà passiva tal-persuna ġuridika (l-Artikolu 6(2)). Fil-fatt, għaxar Stati Membri (AT, DE, DK, FI, HU, IE, LT, NL, PL, RO) għandhom leġiżlazzjoni konformi mal-Artikolu 6, iżda tmien Stati Membri (BE, BG, EE, FR, LU, LV, PT, SI) ma pprovdux biżejjed informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 6(2). Barra minn hekk, żewġ Stati Membri m'għandhomx qafas ġuridiku li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (CZ, SK), filwaqt li l-interpretazzjoni stretta tal-kwistjoni tar-responsabbiltà passiva mill-Iżvezja ma jippermettilhiex li tkun f'konformità bis-sħiħ mal-Artikolu 6(2). L-Artikolu 6(3) ma jqajjimx problemi kbar fl-Istati Membri.

Fir-rigward tal-Artikolu 7, barra ż-żewġ Stati Membri (CZ, SK) li jiddikjaraw li għad m'għandhomx qafas ġuridiku f'dan il-qasam, il-Lussemburgu jipprevedi forma ta' responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi li ma twassalx għall-sanzjoni finanzjarja, għall-kuntrarju tal-Artikolu 7(1). Għaxar Stati Membri (AT, BE, DE, FI, FR, LT, LV, PL, RO, SE) bagħtu leġiżlazzjoni li hija konformi b'mod formali mal-Artikolu 7, għall-kuntrarju ta' tmien Stati Membri oħra (BG, DK, EE, HU, IE, NL, PT, SI), li ma pprovdux informazzjoni jew taw informazzjoni mhux biżżejjed, prinċipalment fir-rigward tal-livell ta' multi.

Tliet Stati Membri biss (FI, RO, SE) emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex ikunu konformi mal-Artikoli 6 u 7. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri dwar il-livell dgħajjef ta' informazzjoni rċevuta dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi.

Kompetenza u prosekuzzjoni (l-Artikolu 8)

Billi l-Istati Membri kollha jaċċettaw il-prinċipju tal-kompetenza territorjali (l-Artikolu 8(1)(a)), l-analiżi se tikkonċentra fuq il-punti b) u c), sakemm ir-reat twettaq barra t-territorju nazzjonali. Barra minn hekk, il-paragrafu 3 m'għadux jgħodd mid-dħul fis-seħħ tal-mandat ta' arrest Ewropew.

Minkejja n-nuqqas ta' informazzjoni dwar ir-reati mwettqa parzjalment fit-territorju nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li ħdax-il Stat Membru (AT, CZ, DE, DK, EE, FI, FR, LT, NL, PL, SE) għandhom leġiżlazzjoni konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 8. Għaxar Stati Membri (BE, BG, HU, IE, LU, LV, PT, RO, SI, SK) ma bagħtux l-informazzjoni meħtieġa.

B'mod partikolari, skont l-Artikolu 8(4), sitt Stati Membri (AT, DE, DK, EE, FR, SE) informaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħhom li japplikaw il-paragrafu 2, u b'mod speċjali ddikjaraw li se jeskludu jew jillimitaw il-kompetenza tagħhom f'każijiet fejn ir-reat twettaq barra t-territorju tagħhom u li twettaq għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tagħhom (8(1)(c)).

Minkejja dan, il-livell ta' implimentazzjoni baqa' mhux ċar minħabba li sitt Stati Membri (BE, BG, HU, IE, PT, RO, SI, SK) ma pprovdu l-ebda informazzjoni biżżejjed jew dikjarazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ittra c), filwaqt li din tal-aħħar hija konformi biss f'ħames Stati Membri (CZ, FI, LT, NL, PL).

TħADDIM U EFFETTI FUQ IL-KOOPERAZZJONI ġUDIZZJARJA

Id-diffikultà tal-istudju tat-tħaddim u l-effetti tad-deċiżjoni qafas fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja tinstab primarjament fil-ġabra ta' dejta maħruġa mill-prattika ġudizzjarja fi ħdan l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ibbażat fuq informazzjoni li ġejja mill-Eurojust u minn Netwerk ġudizzjarju Ewropew (minn hawn 'il quddiem "NĠE"). Fl-14 ta' Novembru, il-Eurojust bgħat dokument ta' sinteżi dwar l-istatistiċi dwar il-kwistjonijiet tat-traffikar tad-droga rreġistrati fi ħdan il-Eurojust bejn l-1 ta' Jannar 2004 u t-12 ta' Novembru 2008. L-NĠE kien solliċitat mill-Kummissjoni permezz ta' kwestjonarju mibgħut lill-punti ta' kuntatt kollha[24].

Kontribuzzjoni tal-Eurojust

Matul il-perjodu msemmi hawn fuq, 771 każ tat-traffikar tad-droga kienu rreġistrati fi ħdan il-Kulleġġ tal-Eurojust, fejn kien hemm żieda sinifikanti : minn 77 każ fl-2004 għal 207 każ fl-2007. Il-kwistjonijiet tad-droga jirrappreżentaw 20% tal-kwistjonijiet trattati mill-Eurojust bejn l-2004 u l-2008.

L-Istati Membri li bagħtu l-ikbar numru ta' każijiet tat-traffikar tad-droga lill-Eurojust huma l-Italja (81 każ), Franza (72 każ), u l-Olanda (71 każ), filwaqt li l-Istati Membri l-inqas implikati huma Malta (każ 1), Ċipru (każ 1), l-Irlanda (2 każijiet) u s-Slovakkja (2 każijiet).

L-Istati Membri l-iktar solliċitati huma l-Olanda (264 darba), Spanja (243 darba) u l-Italja (171 darba), filwaqt li l-Istati Membri l-inqas solliċitati huma Malta (3 darbiet), Ċipru (8 darbiet), is-Slovakkja (9 darbiet), u l-Latvja (9 darbiet).

B'mod ġenerali, l-istatistiċi juru impenn speċjali mill-Olanda, l-Italja, Franza u l-Ġermanja, kemm bħala pajjiżi applikanti kif ukoll bħala pajjiżi ta' eżekuzzjoni. L-Iżvezja u l-Portugall bagħtu numru relattivament importanti ta' każijiet tat-traffikar tad-droga (rispettivament 64 u 57), filwaqt li Spanja u r-Renju Unit kienu ssolliċitati ħafna minn pajjiżi oħra (rispettivament 243 u 102 darba). L-Istati Membri l-inqas implikati, kemm bħala pajjiżi applikanti jew pajjiżi ta' eżekuzzjoni, huma Malta, Ċipru, il-Latvja u s-Slovakkja.

Fl-aħħar, huwa interessanti li wieħed jinnota li minn 151 każ tat-traffikar ta' droga assoċjati ma' reat wieħed jew iktar, 65 minnhom huma assoċjati mal-parteċipazzjoni ma' organizzazzjoni kriminali.

Din l-informazzjoni turi li permezz tal-Eurojust, kien hemm żieda ċara fil-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-traffikar tad-droga mill-2004. Madankollu, f'dan l-istadju huma impossibbli li jkun identifikat kif id-deċiżjoni qafas affettwat din il-kooperazzjoni jew li jitkejjel l-impatt. Il-kwestjonarju lill-NĠE iffoka fuq din il-kwistjoni.

Kontribuzzjoni tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew

Il-punti ta' kuntatt tal-NĠE f' għaxar Stati Membri CZ, DE, FI, FR, HU, IE, LV, LU, PL, PT) wieġbu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni.

L-idea ġenerali mogħtija mill-kontribuzzjonijiet tagħhom hija li jekk id-deċiżjoni qafas hija magħrufa mill-ispeċjalisti, hija kkunsidrata bħala li għandha importanza żgħira għaliex hi tkun ġabet ftit tibdiliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. B'mod partikolari, peress li hi ma tikkonċernax direttament il-kooperazzjoni ġudizzjarja min-naħa, u li l-ebda pajjiż donnu ma għandu sistema ċentrali li jippermettielu li jkellel il-progress tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tat-traffikar tad-droga, il-kwistjoni tal-effett tad-deċiżjoni qafas fuq tali kooperazzjoni tibqa' miftuħa. It-tweġibiet ħafna drabi juru l-inċertezza tal-ispeċjalisti intervistati bħal pereżempju fil-Finlandja, Franza u l-Portugall.

Fil-Finlandja, il-punt ta' kuntatt iqis li min-naħa l-bidliet li seħħu wara d-deċiżjoni qafas kienu żgħar u li din id-deċiżjoni ma taffettwax il-kooperazzjoni ġudizzjarja, u li min-naħa l-oħra, minħabba n-nuqqas ta' perspettiva u n-nuqqas ta' monitoraġġ li jippermettu l-valutazzjoni ta' tali impatt, huwa impossibbli li jittieħdu konklużjonijiet objettivi.

Fi Franza, il-punt ta' kuntatt isemmi wkoll in-nuqqas ta' sistema li tippermetti lill-amministrazzjoni ċentrali li jkollha ħarsa ċara tat-talbiet kollha għall-għajnuna fil-qasam tan-narkotiċi. Il-ġurisdizzjonijiet Franċiżi qed jinnutaw titjib globali tal-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-talbiet tagħhom għall-għajnuna fil-qasam tat-traffikar ta' narkotiċi, iżda l-kwalità baqgħet ferm varjabbli skont il-pajjiż ikkonċernat. L-intervent tal-maġistrati ta' kollegament jew tar-rappreżentanti tal-Eurojust ħafna drabi jippermetti twassil ta' azzjonijiet kumplessi koordinati. Madankollu, il-punt ta' kuntatt jikkonkludi li hu diffiċli li jkun determinat jekk dan it-titjib huwiex il-konsegwenza tat-traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-deċiżjoni qafas, u li t-titjib ġenerali tal-kooperazzjoni minn dawn l-aħħar ħames snin jidher li hu attribwit iktar għall-akkwist ta' kultura ġudizzjarja Ewropea tal-maġistrati iktar milli għat-traspożizzjoni ta' dan l-istrument.

Fil-Portugall, skont il-punt ta' kuntatt, id-deċiżjoni qafas hija magħrufa iżda ftit użata peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija diġà fuq l-istess linji. Ma kien innutat l-ebda tibdil partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, u huwa rakkomandat użu iktar importanti tar-regoli diġà eżistenti mill-istrumenti l-ġodda ta' kooperazzjoni.

KONKLUżJONI

L-implimentazzjoi tad-deċiżjoni qafas mhijiex kompletament sodisfaċenti. Bla dubju, il-maġġoranza tal-Istati Membri kienu ħafna drabi jirrispettaw diġà ċerti dispożizzjonijiet. Iżda ħafna wrew ukoll, fit-tweġibiet li ħafna drabi kienu parzjali, li mhux dejjem emendaw il-leġiżlazzjonijiet tagħhom fis-seħħ meta d-deċiżjoni qafas kienet teħtieġ. Sitt Stati Membri ma pprovdu l-ebda informazzjoni. L-allinjament tal-miżuri nazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga ma tantx għamel progress. L-impatt dgħajjef tad-deċiżjoni qafas hija kkonfermata mill-kontribuzzjonijiet tal-NĠE. F'dan l-istadju huwa diffiċli li tkun stabbilita rabta bejn id-deċiżjoni qafas u l-progress tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kif ippreżentata mill-Eurojust. Għalhekk il-Kummissjoni tistieden l-Istati Membri li ma pprovdux informazzjoni jew ipprovdu informazzjoni mhux kompluta biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom tal-Artikolu 9 tad-deċiżjoni qafas u biex jibagħtu malajr kemm jista' jkun, lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-miżura kollha ta' implimentazzjoni.

[1] ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8.

[2] It-tielet premessa.

[3] Id-disà premessa.

[4] L-Artikolu 9.

[5] COM(2001) 771, 13.12.2001, punt 1.2.2.

[6] Madankollu, fosthom il-Bulgarija bagħtet biss parzjalment it-testi tal-liġi li għalihom tagħmel referenza fit-tweġiba tagħha, b'hekk se tiġi kkunsidrata biss bħala indikazzjoni.

[7] Madankollu Spanja kkomunikat lill-Kummissjoni fl-2006 kif ukoll fl-2008 li l-miżuri ta' traspożizzjoni jagħmlu parti mill-proġett ta' riforma tal-Kodiċi kriminali li hu għaddej bħalissa.

[8] Madankollu l-Greċja kkomunikat lill-Kummissjoni fl-2008 li liġi ta' implimentazzjoni għandha tiġi diskussa dalwaqt fil-Parlament.

[9] Konvenzjoni Unika dwar drogi narkotiċi tal-1961 (kif emendata mill-protokoll tal-1972 li temenda l-konvenzjoni unika dwar drogi narkotiċi tal-1961); Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi; Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffiku illeċitu tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi tal-20 ta' Diċembru 1988.

[10] Regolamenti (KE) Nru 111/2005 u Nru 273/2004, ara d-dokument ta' ħidma p. 7.

[11] Il-Bulgarija ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni tagħha ma tinkludi l-ebda definizzjoni ta' persuna ġuridika.

[12] Ara d-dokument ta' ħidma, p. 9.

[13] Id-Danimarka ppreċiżat li t-tentattiv ta' tentattiv (sic) jew ta' kompliċità huwa punibbli, Franza ma kkumentatx.

[14] Tliet Stati Membri (BG, HU, RO) ma pprovdux informazzjoni biżżejjed.

[15] Ara d-dokument ta' ħidma dwar ir-riżervi marġinali fir-rigward ta' BG, LT, LV, SE.

[16] Minħabba nuqqas ta' informazzjoni speċifika, il-Bulgarija ma kinitx ikkunsidrata.

[17] 16-il sena.

[18] L-Estonja biss tassoċja r-reat mat-traffikar ta' kwantitajiet kbar ta' droga.

[19] Fil-każ tal-Portugall, il-piena massima ta' għaxar snin żdiedet b'terz, jiġifieri ftit inqas minn 15-il sena.

[20] Barra minn hekk, LT, LU, NL, RO u SK jipprevedu pieni massimi ta' 20 sena ħabs jew iktar.

[21] Għad-Danimarka u Franza, ara l-kummenti dwar l-Artikolu 2§1d).

[22] COM(2007) 805 finali, adottat fis-17 ta' Diċembru 2007.

[23] ĠU L 68, 15.3.2005.

[24] Dawn id-dokumenti huma ppreżentati fid-dokument ta' ħidma.

Top