Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0647

    Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni - Konsultazzjoni dwar l-istrateġija futura "UE 2020"

    /* KUMM/2009/0647 finali */

    52009DC0647

    Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni - Konsultazzjoni dwar l-istrateġija futura "UE 2020" /* KUMM/2009/0647 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 24.11.2009

    KUMM(2009)647 finali

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI

    KONSULTAZZJONI DWAR L-ISTRATEĠIJA FUTURA "UE 2020"

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI

    KONSULTAZZJONI DWAR L-ISTRATEĠIJA FUTURA "UE 2020"(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    Dan huwa żmien ta' tibdil profond għall-Ewropa

    L-agħar kriżi ekonomika u finanzjarja li kellna fl-aħħar deċennji laqtet lill-Ewropa b'kontrazzjoni ekonomika qawwija. Ir-rata tal-qgħad mistennija titla' għal ċifri ta' bi tnejn fl-2010, li huwa livell li ilna ma naraw bħalu għaxar snin.

    Azzjoni kollettiva li ttieħdet biex issalva s-sistema finanzjarja u biex tagħti spinta lid-domanda u lill-fiduċja permezz ta' intervent pubbliku għenet biex l-ekonomija ma titfarrakx. Madankollu, il-kriżi dgħajfet il-kapaċità tagħna li nirkupraw. Jeħtieġ li issa l-UE tagħmel sforz iktar qawwi biex naħdmu flimkien sabiex noħorġu b'suċċess mill-kriżi u nfasslu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' politiki pubbliċi f'sett ta' ċirkustanzi differenti ħafna.

    Jeħtieġ li l-ħruġ mill-kriżi jkun il-punt tad-dħul f'ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli, li tkun ekonomija iktar smart u li tikkaġuna inqas ħsara lill-ambjent, fejn il-prosperità tagħna se tiġi mill-innovazzjoni u tal-użu aħjar tar-riżorsi, u fejn l-input ewlieni se tkun il-konoxxenza. Dawn il-muturi ġodda għandhom jgħinuna nfittxu u nutilizzaw għejun ġodda ta' tkabbir sostenibbli u noħolqu postijiet ġodda tax-xogħol biex jikkumpensaw għal-livell ogħla ta' qgħad li s-soċjetajiet tagħna x'aktarx se jkollhom iħabbtu wiċċhom miegħu fis-snin li ġejjin. Madankollu, se nirnexxu biss jekk infasslu u nwettqu rispons politiku kuraġġuż. Inkella nirriskjaw li nidħlu f'perjodu ta' tkabbir baxx li jista' biss jagħmilha iktar iebsa għall-Ewropa biex tindirizza l-isfidi ewlenin li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum.

    Biex naslu għal dan it-tkabbir sostenibbli jeħtieġ li jkun hemm qbil dwar aġenda li tpoġġi lin-nies u lir-responsabbiltà fuq quddiem. Hemm ir-riskju li l-kriżi xxejjen l-isforzi li saru tul deċennju sħiħ u li rriżultaw fi tnaqqis tal-qgħad fl-UE minn 12% għal 7%. Għandna bżonn ta' għejun ġodda ta' tkabbir biex jagħmlu tajjeb għall-postijiet tax-xogħol li ntilfu fil-kriżi.

    Jeħtieġ li dan il-mod ġdid kif nagħmlu l-affarijiet jieħu vantaġġ minn dinja ta' globalizzazzjoni u interdipendenza li l-kriżi kompliet tenfasizza aktar. Jeħtieġ li l-UE taħdem kemm fi ħdanha stess kif ukoll f'fora internazzjonali bħall-G20 biex taħtaf l-opportunitajiet ġodda li huma essenzjali biex naslu għall-objettivi 2020 tagħna.

    L-UE 2020 qed titfassal bħala s-suċċessur tal-Istrateġija ta' Liżbona, li qiegħda fis-seħħ bħalissa u li serviet bħala l-istrateġija ta' riforma tal-UE fl-aħħar deċennju, u li għenet lill-UE tegħleb id-diffikultajiet tal-kriżi ta' dan l-aħħar. L-UE 2020 tibni fuq il-kisbiet tagħha bħala sħubija għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi, u ġġeddidha biex tindirizza l-isfidi l-ġodda. Tibni wkoll fuq il-benefiċċji li rriżultaw mir-rispons koordinat kontra l-kriżi fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeħtieġ li l-UE 2020 tiffoka fuq oqsma politiċi importanti fejn il-ħidma flimkien bejn l-UE u l-Istati Membri tkun tista' tagħti l-aħjar riżultati, u fuq riżultati mtejbin permezz ta' użu aħjar tal-istrumenti li jeżistu.

    L-iskop ta' dan id-dokument ta' konsultazzjoni huwa li l-Istituzzjonijiet l-oħrajn u dawk li għandhom interessi jgħidu tagħhom dwar dan il-mod ġdid kif isiru l-affarijiet. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tadotta Komunikazzjoni formali indirizzata lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa kmieni fl-2010. It-twettiq b'suċċess tal-viżjoni 2020 jserraħ fuq sħubija għall-progress, li żżewweġ l-impenn tal-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fil-livell nazzjonali mal-isfruttament tal-istrumenti Komunitarji sabiex jiksbu l-aħjar li jistgħu mill-potenzjal li jeżisti fil-livell tal-UE. Għalhekk, fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni se tippreskrivi kemm l-azzjoni li tqis li jeħtieġ li tittieħed fil-livell nazzjonali kif ukoll il-proposti dettaljati għal azzjoni li se tipproponi fil-livell Komunitarju.

    Nagħrfu r-restrizzjonijiet u naffrontaw l-isfidi ġodda

    Strateġija UE 2020 li tirnexxi trid tkun mibnija fuq analiżi tajba tar-restrizzjonijiet li fis-snin li ġejjin se jorbtu jdejn dawk li jfasslu l-politiki u fuq l-identifikazzjoni korretta tal-isfidi li jridu jiġu indirizzati.

    Il-kriżi finanzjarja u ekonomika laqtet b'mod ħażin ħafna lill-finanzi pubbliċi, lin-negozji, lix-xogħol u lill-familji. Fil-livelli kollha, dawk li jfasslu l-politiki se jkollhom isibu modi kif iġiegħlu li jkun hemm dinamiżmu ekonomiku meta f’idejhom se jkollhom marġni baġitarju limitat biex jimmanuvraw. Hekk kif id-defiċits tas-settur pubbliku jinġiebu lura taħt kontroll, jeħtieġ li n-nefqa pubblika tissawwar mill-ġdid b'modi li jippermettulna nwettqu l-viżjoni 2020. It-tnaqqis tal-infiq f'oqsma orjentati lejn il-ġejjieni bħalma huma l-edukazzjoni u r-riċerka jagħmluha iktar diffiċli biex naslu għal dan.

    Jeħtieġ li waqt li niżviluppaw viżjoni u direzzjoni ġodda għall-politika tal-UE, nagħrfu li l-konservazzjoni tal-enerġija, tar-riżorsi naturali u tal-materja prima, l-użu aktar effiċjenti tagħhom u ż-żieda fil-produttività se jkunu l-muturi ewlenin tal-kompetittività tal-industrija u tal-ekonomiji tagħna fil-ġejjieni.

    Jeħtieġ ukoll li nagħrfu l-isfida li tippreżentalna d-demografija Ewropea: anki qabel ma faqqgħet il-kriżi, il-bidla fid-demografija tagħna, bi proporzjoni iċken ta' żgħażagħ fil-popolazzjoni inġenerali, kienet mistennija twassal għal tkabbir potenzjali mnaqqas sostanzjalment sal-2020. Il-kriżi ħarrxet l-isfidi soċjali fuq medda twila ta' żmien li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha magħhom illum, bħall-integrazzjoni ta' popolazzjoni ta' immigranti li qed tiżdied, l-esklużjoni soċjali u l-faqar fost it-tfal, u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet fil-kuntest ta' soċjetà li qed tixjieħ. Sabiex nirbħu dawn l-isfidi, ir-rati tan-nies li għandhom xogħol, kemm fil-każ tal-irġiel kif ukoll f'dak tan-nisa, se jkollhom jogħlew malajr u s-sistemi ta' ħarsien soċjali se jkollhom jiġu modernizzati sabiex jipprovdu rispons għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni tas-soċjetà tagħna li n-nefqa fuqu tkun konvenjenti.

    Dan jimplika li l-politiki l-ġodda jridu b'mod dimostrabbli jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali, b'mod li jiġi indirizzat il-qgħad u titħeġġeġ l-inklużjoni soċjali filwaqt li jiġi żgurat li s-swieq tax-xogħol jiffunzjonaw tajjeb. Dan jitlob li naħsbuha mill-ġdid dwar is-sistemi edukattivi u tas-swieq tax-xogħol, li ntejbu l-mobbiltà u li nagħtu spinta lid-dinamiżmu tal-Ewropa sabiex nippermettu li l-potenzjal innovattiv u kreattiv tagħna jaħdem.

    L-isfida li nsiru ekonomija aktar smart u li tikkaġuna inqas ħsara għall-ambjent se titlob għal aktar koordinazzjoni tal-politiki sabiex l-ekonomija ssir aktar kompetittiva. L-objettivi soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħna jridu jimxu id f'id jekk irridu niksbu r-riżultati rigward il-prijoritajiet tematiċi tagħna għall-2020. F'dan id-dokument, il-Kummissjoni qed tfittex li tisma' fehmiet dwar kif l-UE tista' tiffissa l-prijoritajiet tagħha għal medda ta' għaxar snin biex il-livell tal-UE u dak nazzjonali ikunu jistgħu jaħdmu flimkien sabiex jegħlbu l-kriżi ta' bħalissa u jimmobilizzaw għejun ġodda ta' tkabbir, b'mod li jiżgura l-koeżjoni soċjali u territorjali, b'konformità mal-prinċipji bażiċi tat-Trattat il-ġdid ta' Liżbona.

    Prijoritajiet ewlenin għall-UE 2020

    Sabiex naslu għal ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u għal ekonomija aktar smart u li tikkaġuna inqas ħsara lill-ambjent, jeħtieġ li l-Ewropa tippromwovi prijoritajiet ewlenin li jkun hemm qbil dawrhom u li taħdem biex tikseb ir-riżultati dwarhom fuq medda ta' snin. L-ebda Stat Membru individwali ma jista' jirnexxilu jindirizza dawn l-isfidi waħdu. Lanqas ma huwa l-każ li l-politika tal-UE hija sempliċiment 27 politika nazzjonali magħdudin flimkien. Billi naġixxu flimkien fuq viżjoni komuni, nistgħu nagħmlu l-ħaġa sħiħa ikbar mill-partijiet jagħmluha magħdudin flimkien. Din hija aġenda għall-Istati Membri kollha, il-kbar u ż-żgħar, il-qodma u l-ġodda, dawk żviluppati bil-kbir u dawk li għadhom qed jiżviluppaw: l-UE mkabbra tikkonsisti f'livelli differenti ta' żvilupp u, għaldaqstant, fi ħtiġijiet differenti. Iżda l-viżjoni UE 2020 hija rilevanti għal kollha kemm huma u tista' tiġi adattata għal punti tat-tluq differenti u għal speċifiċitajiet nazzjonali differenti sabiex tippromwovi t-tkabbir għal kulħadd.

    Jeżistu opportunitajiet kbar ħafna għan-nies u għan-negozji jekk ikollhom dak li hu meħtieġ biex jaħtfuhom. L-għan tal-Kummissjoni huwa li l-Ewropa tkun tmexxi, tikkompeti u tistagħna bħala ekonomija msejsa fuq il-konoxxenza, ikkumnikata, li tirrispetta iktar lill-ambjent u aktar inklużiva, u li tikber b'pass mgħaġġel u b'mod sostenibbli, biex b'hekk toħloq livelli għoljin ta' xogħol u ta' progress soċjali. Sabiex tasal għal dan, l-Ewropa teħtieġ bażi industrijali msaħħa u kompetittiva, settur modern tas-servizzi, kif ukoll biedja, ekonomija rurali u settur marittimu li jkunu sejrin tajjeb. Bħala "promotur ewlieni" fil-bini ta' din is-soċjetà tal-ġejjieni, l-Ewropa tista' tieħu benefiċċji importanti billi tiżviluppa prodotti kompetittivi u innovattivi, tintroduċi l-infrastrutturi tal-ġejjieni, tidħol fi swieq ġodda u toħloq postijiet tax-xogħol ġodda ta' kwalità għolja.

    Iżda l-benefiċċji huma ferm iktar minn hekk. Ewropa miftuħa għad-dinja se tissokta tkun xempju li oħrajn isegwu, billi tipprojetta l-valuri tagħha u tinkuraġġixxi standards ogħla tax-xogħol, tal-ħarsien ambjentali u tas-sikurezza madwar id-dinja. B'dan il-mod, l-UE tista' turi sens ta' tmexxija globali billi tagħti prova li – bil-qafas politiku t-tajjeb f'postu u bl-użu sħiħ tal-parteċipanti u l-istrutturi l-ġodda li jġib miegħu t-Trattat ta' Liżbona – huwa possibbli li jinġiebu flimkien il-ftuħ meħtieġ biex jiġi żgurat li d-dinamiżmu ekonomiku ma jaqta' xejn u r-rispett lejn it-tħassib soċjali u ambjentali taċ-ċittadini tagħna.

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeħtieġ li l-muturi ewlenin tal-UE 2020 jkunu tematiċi, u li jkunu ffukati fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

    1. Il-ħolqien tal-valur billi nsejsu t-tkabbir fuq il-konoxxenza. F'dinja fejn l-innovazzjoni tagħmel id-differenza kemm fil-każ tal-prodotti kif ukoll f'dak tal-proċessi, l-opportunità u l-koeżjoni soċjali se jitjiebu b'mod li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-ekonomija diġitali;

    2. L-għoti tas-setgħa lin-nies f'soċjetajiet inklużivi. Il-ksib ta' abbiltajiet ġodda, l-inkuraġġiment tal-kreattivita u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-intraprenditorija u tranżizzjoni bla skossi bejn impjieg u ieħor se jkunu kruċjali f'dinja li se toffri aktar postijiet tax-xogħol u titlob lura aktar adattabilità;

    3. Il-ħolqien ta' ekonomija kompetittiva, ikkumnikata u li tikkaġuna inqas ħsara lill-ambjent. Jeħtieġ li l-UE tikkompeti b'mod aktar effettiv u żżid il-produzzjoni tagħha permezz ta' konsum inqas u aktar effiċjenti ta' enerġija u riżorsi li ma jiġġeddux f'dinja fejn l-enerġija u r-riżorsi għandhom prezzijiet għoljin, u fejn teżisti kompetizzjoni ikbar għall-enerġija u r-riżorsi. Dan se jistimula t-tkabbir u jgħinna nilħqu l-miri ambjentali tagħna. Minnu se jibbenefikaw is-setturi kollha tal-ekonomija, mill-manifattura tradizzjonali sal-impriżi ġodda tat-teknoloġija għolja. It-titjib u l-interkumnikazzjoni tal-infrastruttura, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u t-tkabbir tar-rata li biha s-suq jassorbi l-innovazzjonijiet se jikkontribwixxu b'mod ugwali għal dan il-għan.

    Dawn il-prijoritajiet se jiggwidaw lit-tfassil tal-politiki tal-UE kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra minnha. Il-promozzjoni tal-koperazzjoni internazzjonali u l-iggvernar multilaterali, inklużi kummerċ u sistemi finanzjarji internazzjonali effiċjenti, ġusti u msejsin fuq ir-regoli, se tkun parti integrali mill-UE 2020. Il-Kummissjoni qed tfittex li tisma' fehmiet dwar il-prijoritajiet li ġejjin, li hi tqis bħala l-muturi ewlenin tal-UE 2020.

    1. Il-ħolqien tal-valur billi nsejsu t-tkabbir fuq il-konoxxenza

    Il-konoxxenza hija l-magna għat-tkabbir sostenibbli. F'dinja li qed tinbidel bil-ħeffa, huma l-edukazzjoni u r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kreattività li jagħmlu differenza.

    It-tisħiħ tal- edukazzjoni huwa wieħed mill-iktar modi effettivi kif nissieltu kontra l-inugwaljanza u l-faqar. Jeħtieġ li l-problema tal-għadd kbir ta' persuni li fl-iskola ma jirnexxux fil-ħiliet bażiċi (il-qari, il-matematika u x-xjenza) tiġi indirizzata b'urġenza sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu aktar isibu xogħol u jiddaħħlu fid-dinja tax-xogħol meta jtemmu l-iskola. Il-prevenzjoni tal-waqfien kmieni mill-iskola tnaqqas l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni u t-theddida tal-esklużjoni soċjali fil-ġejjieni. Jeħtieġ li jsir enfasi ikbar fuq il-gruppi vulnerabbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-koeżjoni soċjali sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jkun eskluż mill-konoxxenza.

    L-Ewropa għandha wħud mill-aqwa universitajiet fid-dinja. Iżda jeħtieġ li l-ambizzjoni tagħna tkun li jkollna ħafna iżjed u li nibdluhom f'magna li tabilħaqq twassal għall-konoxxenza u għat-tkabbir. Dan mhux se jirrikjedi biss investiment iżda wkoll riformi u, fejn meħtieġ, konsolidament u koperazzjoni aktar mill-qrib, inkluż man-negozji, u attitudni aktar miftuħa lejn il-bidla. Sabiex jassisti f'dan il-proċess ta' bidla, l-universitajiet Ewropej jeħtieġ li jitqabblu mal-aqwa universitajiet tad-dinja. Jeħtieġ li t-titjib tal-kwalità tal-universitajiet tal-Ewropa u tar-riċerka tagħhom timxi id f'id ma' mobbiltà ikbar tal-istudenti sabiex jiksbu konoxxenza u ilsna ġodda, jakkwistaw esperjenza tal-ħajja u l-istudju barra minn pajjiżhom u jibnu n-netwerks. Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata fażi ġdida fil-programmi eżistenti Erasmus, Leonardo u Erasmus Mundus, li tkun kumplimentata minn inizjattivi nazzjonali, b'mod li ż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa jingħataw il-possibbiltà li jqattgħu parti mill-mixja edukattiva tagħhom fi Stati Membri oħrajn.

    Spazju Ewropew tar- Riċerka effiċjenti, effettiv u b'riżorsi xerqin huwa parti indispensabbli mill-viżjoni tal-UE 2020. Jeħtieġ li l-UE żżid l-isforzi tagħha fir-riċerka billi tpoġġi r-riżorsi għal-użu komuni, tiżviluppa b'mod konġunt infrastrutturi ewlenin għar-riċerka madwar l-UE u tgħolli l-kwalità tar-riċerka għal standards li jkunu fuq quddiem nett fid-dinja. Jeħtieġ ukoll li timmassimizza u tgħaġġel il-ksib tal-benefiċċji prattiċi tar-riċerka għan-negozji u l-IŻM (Impriżi Żgħar u Medji - SMEs) Ewropej – inluż permezz ta' sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat. Kemm l-Ewropa se tkun attraenti u kemm se tikseb riżultati bħala post ta' riċerka jiddependi wkoll fuq il-ħolqien ta' suq intern u ta' prospetti attraenti biex ir-riċerkaturi jiżviluppaw il-karrieri tagħhom. It-triq 'il quddiem hija sħubija dwar ir-riċerka bejn l-UE u l-Istati Membri li timmassimizza s-sinerġija ma' oqsma oħrajn tal-politika, speċjalment l-innovazzjoni u l-edukazzjoni. Jeħtieġ li l-UE tipprovdi kundizzjonijiet qafas aktar attraenti għall-innovazzjoni u l-kreattività , inkluż permezz ta' inċentivi għat-tkabbir ta' impriżi msejsin fuq il-konoxxenza. L-aċċess għall-kreditu huwa problema partikulari, mhux biss wara l-kriżi iżda wkoll minħabba li xi għejun ġodda ta' tkabbir, bħall-industriji kreattivi, jeħtieġu tipi ġodda ta' finanzjament li jkunu adattati għall-mudelli tagħhom tan-negozju. Jeħtieġ li l-impriżi innovattivi jkun jista' jkollhom aċċess għal għejun miġburin għall-użu komuni pubbliċi u privati ta' kapital għat-tkabbir, ngħidu aħna kapital ta' riskju; jeħtieġ li dan ikun akkumpanjat minn simplifikazzjoni amministrattiva u minn sostenn tekniku sabiex jiġu promossi l-inkubazzjoni u t-tkabbir ta' impriżi innovattivi żgħar.

    Sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-kreattività, tal-konoxxenza u tar-riċerka fl-Ewropa, hemm bżonn ta' sistema li taħdem tajjeb tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tippermetti li jkun hemm protezzjoni effiċjenti u effettiva meta mqabbla man-nefqa, tippermetti li jinħolqu negozji innovattivi ġodda, tipptovdi lill-awturi b'ġestjoni trasparenti ta' jeddijiethom, u tgħin lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet tar-riċerka jibnu l-kapital permezz tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ideat u tal-invenzjonijiet tagħhom.

    Jeħtieġ li l-Ewropa tutilizza b'mod sħiħ il-potenzjal tal- ekonomija diġitali , billi tibni fuq il-punti sodi tagħha fit-teknoloġija u l-konoxxenza. L-ekonomija diġitali toffri opportunitajiet kbar għall-IŻM, kemm fis-settur tal-produzzjoni kif ukoll f'dak tas-servizzi, bħala tali u bħala fornituri ta' kumpaniji ikbar. Impriżi innovattivi ġodda li jinbdew jiġġeneraw postijiet tax-xogħol ġodda, li spiss ikunu ta' valur għoli, fl-UE kollha kemm hi. Jistgħu jkollhom sehem importanti fl-iżvilupp reġjonali. Huwa għal din ir-raġuni li Aġenda Diġitali Ewropea ambizzjuża li tieħu miżuri konkreti lejn l-ikkompletar ta' Suq Wieħed Online se tkun element ewlieni fl-irkupru ekonomiku u fl-iżvilupp soċjali sostenibbli tal-Ewropa. Il-kisbiet fil-produttività involuti se jistimulaw l-innovazzjoni u l-kreattività; jagħmlu s-servizzi governattivi eħfef u aktar effiċjenti biex jingħataw u jżidu l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni u għall-espressjoni demokratika. L-aċċess għall-Internet qed isir neċessarju biex iċ-ċittadini jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja ta' kuljum. L-Ewropa għandha bżonn ta' politiki effettivi dwar l-inklużjoni u l-abbiltajiet diġitali, u li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva u l-espressjoni fuq l-Internet.

    L-għan għall-2020 huwa li naslu għal Spazju Ewropew ta' Konoxxenza awtentiku, sostnut mill-aqwa infrastruttura ta' konoxxenza fid-dinja, fejn il-parteċipanti kollha (studenti, għalliema, riċerkaturi, istituzzjonijiet edukattivi u tar-riċerka u impriżi) igawdu miċ-ċirkulazzjoni ħielsa tan-nies, tal-konoxxenza u tat-teknoloġija (il-5 libertà).

    2. L-għoti tas-setgħa lin-nies f'soċjetajiet inklużivi

    Fl-ekonomija ta' wara l-kriżi, ħafna mill-postijiet tax-xogħol li ntilfu mhux se jinħolqu oħrajn minflokhom. Il-bidla tal-UE għal ekonomija aktar smart, li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent, u aktar kompetittiva se tagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u tirreaġixxi għal-livelli għoljin ta' qgħad. Iżda filwaqt li sseħħ din it-tranżizzjoni, se jkun meħtieġ li jsiru sforzi kbar ħafna biex ma jitħalliex li jkun hemm nies li jaqgħu 'l barra mis-sistema jew jiġu esklużi, u biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali. Fil-fatt, qed jiżviluppaw xejriet ġodda fejn matul il-ħajja tax-xogħol qed ikun hemm aktar minn dħul wieħed fis-suq tax-xogħol u wkoll aktar minn ħruġ wieħed, minflok is-sekwenza tradizzjonali (edukazzjoni, xogħol u rtirar), u dan joffri aktar opportunitajiet lin-nies. Dan jitlob qafas sabiex dawn it-tranżizzjonijiet jiġu organizzati u sostnuti, possibbilment billi wieħed jibni fuq uħud mill-miżuri adottati matul il-kriżi (e.g. inqas sigħat ta' xogħol imħalltin mat-taħriġ).

    Se jinħolqu postijiet ġodda tax-xogħol li jirrikjedu abbiltajiet ġodda. Se jkollha tiġi ġestita t-tranżizzjoni bejn impjieg u ieħor, u bejn it-taħriġ u l-impjiegi. Dan hu fejn jeħtieġ li jsir użu bis-sħiħ mill- flessigurtà . L-isfida hi li nsibu l-aħjar mod biex intejbu min-naħa l-waħda l-flessibbilta tas-swieq tax-xogħol, kemm fl-organizzazzjoni tax-xogħol kif ukoll fir-relazzjonijiet industrijali, u min-naħa l-oħra s-sigurtà pprovduta mit-tagħlim tul il-ħajja kollha u l-ħarsien soċjali xieraq. Hemm bżonn li t-tagħlim tul il-ħajja kollha jkun ħafna iktar aċċessibbli u jeħtieġ li l-universitajiet ikunu iktar miftuħin għal nies li qed jitgħallmu u li mhumiex tipiċi.

    L-abbiltajiet huma l-element ewlieni għat-tkabbir tal-ekonomija u tal-produttività tal-Ewropa u għall-ħolqien tax-xogħol. It-tagħlim tul il-ħajja kollha huwa l-element ewlieni biex tiġi żgurata tranżizzjoni tajba bejn il-postijiet tax-xogħol u l-impjiegi, u biex jiġi evitat il-qgħad għal żmien twil li jwassal għal telf ta' kapital uman. L-ekonomija diġitali toffri wkoll opportunitajiet ġodda għall-istudju mill-bogħod bħala parti minn mod ta' kif wieħed iħares lejn l-affarijiet fejn it-tagħlim huwa f'loku tul il-ħajja kollha u għal għamliet ta' komunikazzjoni li qed jibdlu d-dinja tax-xogħol, iċekknu d-distanzi u jagħmlu x-xogħol mill-bogħod ħafna possibbiltà reali f'għadd li qed jikber ta' xogħlijiet.

    L-iżgurar li l-ħaddiema tagħna jkollhom l-abbiltajiet biex jikkontribwixxu għall-ekonomija msejsa fuq il-konoxxenza huwa kundizzjoni meħtieġa, iżda mhux biżżejjed. Jeħtieġ li l-provvista u d-domanda jkunu mqabblin aħjar. Il-mobbiltà tax-xogħol għandha tiġi promossa sabiex jiġi żgurat li n-nies ikunu jistgħu jaħtfu opportunitajiet ġodda billi jiċċaqilqu lejn fejn ikunu l-aktar meħtiġin l-abbiltajiet tagħhom. Jeħtieġ li nħarsu fil-bogħod u nqabblu aħjar l-abbiltajiet tal-ġejjieni mal-ħtiġijiet tal-ġejjieni, partikularment għal tipi ġodda ta' xogħol bħalma huma l-impjiegi "favur l-ambjent" u oqsma oħrajn ta' tkabbir, bħal fil-qasam tas-saħħa. Fl-aħħar nett, minkejja l-kontribut sostanzjali tagħha għat-tkabbir, il-potenzjal tal-migrazzjoni m'aħniex nagħtu kasu għal kollox fit-tfassil tal-politiki fil-livell tal-UE jew f'dak nazzjonali. Ir-rati tal-immigranti li għandhom xogħol jistgħu jitjiebu, partikolarment għal kategoriji speċifiċi bħall-immigranti b'livelli baxxi ta' edukazzjoni, in-nisa u dawk li jkunu għadhom kif waslu.

    Li wieħed ikollu xogħol huwa x'aktarx l-aħjar salvagwardja kontra l-faqar u l-esklużjoni . Iżda waħdu dan ma jiggarantixxix tnaqqis fil-livelli tal-faqar jew tal-inklużjoni soċjali. Is-sistemi moderni tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni, li ġew adattati għall-kriżi u għall-fatt li l-popolazzjoni Ewropea qed tixjieħ, se jkunu meħtiġin biex jipprovdu livell xieraq ta' sostenn għad-dħul finanzjarju u kopertura għal dawk li temporanjament ikunu bla xogħol. L-indirizzar tas-segmentazzjoni ineffiċjenti tas-suq tax-xogħol huwa wkoll mod kif tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali.

    Sabiex jinħolqu aktar impjiegi jeħtieġ li l-Ewropa tinħakem minn kultura aktar intraprenditorjali, b'attitudni aktar pożittiva lejn it-teħid tar-riskji u kapaċita li wieħed iħaddan l-innovazzjoni. Jeħtieġ li dawk li spiċċaw bla xogħol dan l-aħħar jkollhom possibbiltà reali li jaħdmu għall-rashom . Iżda dan se jitlob it-tneħħija ta' diżinċentivi, bħat-trattament inugwali ta' dawk li jaħdmu għal rashom taħt il-biċċa l-kbira tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u d-diżinċentivi biex wieħed jiċċaqlaq lejn Stati Membri oħrajn minħabba li ma jkunux jistgħu jġorru magħhom id-drittijiet soċjali u tal-pensjoni.

    L-għan għall-2020 huwa aktar impjiegi, rati ogħla ta' impjiegi tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, impjiegi aħjar bi kwalità għolja u bi produttività mkabbra, u ta' sens ta' ġustizzja, sigurtà u opportunitajiet, permezz ta' ċans reali għal kulħadd li jidħol fis-suq tax-xogħol, joħloq kumpaniji ġodda u jiġġestixxi t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol permezz ta' sistemi soċjali u assistenzjali moderni u finanzjarjament sostenibbli.

    3. Il-ħolqien ta' ekonomija kompetittiva, ikkumnikata u li tikkaġuna inqas ħsara lill-ambjent

    Jeħtieġ li l-Ewropa tibqa' kompetittiva fid-dinja tal-ġejjieni fejn il-prezzijiet tal-enerġija se jkunu relattivament għoljin, se jkun hemm restrizzjonijiet fuq l-użu tal-karbonju u l-kompetizzjoni għar-riżorsi se tkun ikbar b'mod sinifikanti. L-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, inkluża l-enerġija, u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent, se jistimulaw it-tkabbir, joħolqu impjiegi u servizzi ġodda u jgħinu lill-UE kemm biex iżżomm bażi b'saħħitha tal-manifattura u settur qawwi tas-servizzi kif ukoll biex tilħaq il-miri ambjentali u klimatiċi tagħha. L-iżgurar ta' swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol li jaħdmu tajjeb huwa kundizzjoni minn qabel biex nirnexxu. It-tibdil tal-ekonomija biex tagħmel inqas ħsara lill-ambjent m'għandux x'jaqsam biss mal-ħolqien ta' industriji ġodda. Daqstant ieħor huwa importanti li ngħaġġlu l-modernizzazzjoni tas-setturi industrijali eżistenti tal-Ewropa, li bosta minnhom se jkunu diġà qed jirristrutturaw wara l-kriżi. Il-ksib ta' dawn l-objettivi se jkun essenzjali jekk l-UE trid tikkompeti f'dinja fejn il-pajjiżi kollha se jkunu qed jgħarrxu għal soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi.

    Dan ifisser li l-inputs materjali fl-ekonomija jintużaw b'mod aktar effiċjenti, u nsiru aktar produttivi billi nnaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi. Dan ifisser li mmexxu l-ekonomija tagħna, permezz ta' regolazzjoni mmirata (e.g. il-promozzjoni ta' prodotti u sistemi li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti), permezz ta' tpartit ta' emissjonijiet, riformi tat-taxxa, permezz ta' għotjiet, sussidji u self, permezz ta' politiki dwar l-investiment pubbliku u l-akkwist pubbliku, u permezz tal-immirar tal-baġits tagħna għar-riċerka u l-innovazzjoni għal dan il-għan.

    It-titjib u l-interkumnikazzjoni tal-infrastrutturi u l-iżgurar ta' kompetizzjoni effettiva tal-industriji tan-netwerks fis-suq wieħed huwa importanti, biex titjieb il-kompetittività u fl-istess ħin inwasslu biex il-konsumaturi jgawdu minn bnefiċċji tanġibbli. Huwa kruċjali li l-Ewropa tinvesti f'netwerks sostenibbli ta' ħeffa kbira. L-Ewropa teħtieġ kopertura 100% tal-faxx wiesa' kemm jista' jkun malajr, u jeħtieġ li tasal sal-punt fejn l-Internet b'ħeffa kbira jkun twassal kullimkien permezz ta' programm massiv ta' investiment fin-netwerks tal-fibra ottika u fil-faxx wiesa' mingħajr fil.

    Flimkien mal-introduzzjoni tal-Internet b'ħeffa kbira, l-iżvilupp ta' infrastrutturi smart u mtejbin tat-trasport u tal-enerġija jikkontribwixxi għal aktar minn objettiv wieħed, inklużi t-tneħħija tal-karbonju, is-sikurezza tat-trasport, is-sigurta tal-enerġija, u l-kompetittività tal-ekonomija tagħna tan-netwerks.

    Se jkun meħtieġ li naħsbuha mill-ġdid dwar il-politika dwar it-trasport sabiex naslu għal tali ċaqliqa komprensiva. Elementi essenzjali se jkunu integrazzjoni aħjar tan-netwerks tat-trasport, l-iżvilupp ta' alternattivi għat-trasport bit-toroq, il-promozzjoni ta' teknoloġiji ndaf u t-titjib tal-infrastruttura. Proġetti Ewropej kbar bħall-Galileo, il-GMES, u l-ġestjoni smart tat-traffiku tat-toroq, tal-ferroviji (l-ERTMS) u tal-ajru (is-SESAR) se jkollhom rwol ewlieni fl-integrazzjoni tan-netwerks tat-trasport.

    Sal-2030 l-UE se jkollha tibdel nofs l-impjanti tal-enerġija eżistenti tagħha. Jekk nieħdu issa d-deċiżjonijiet it-tajbin dwar l-investiment strateġiku, żewġ terzi tal-ġenerazzjoni tagħna tal-elettriku jistgħu, sal-ewwel ftit tas-snin 20, ikunu qed jipproduċu livelli baxxi ta' karbonju u fl-istess waqt ikunu iktar żguri. F'dan il-kuntest, l-iżvilupp ta' supergrilja Ewropea tal-elettriku se jippermetti li jkun hemm żieda konsiderevoli fis-sehem tal-elettriku li jiġġedded u tal-ġenerazzjoni deċentralizzata. Se jkun vitali wkoll li ntejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, minħabba li dan huwa l-orħos mod biex innaqqsu l-emissjonijiet u, fl-istess ħin, biex inkabbru l-indipendenza tal-Ewropa fejn tidħol l-enerġija.

    Minħabba l-kontribut importanti tagħha għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol, u għall-iżvilupp tal-innovazzjoni, jeħtieġ li nadottaw metodu ġdid rigward il-politika industrijali sabiex insostnu lill-industrija billi nitfgħu l-enfasi fuq is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-abbiltajiet umani li huma meħtiġin biex l-industrija tal-UE tibqa' kompetittiva fis-swieq dinjin. Jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet qafas stabbli u prevedibbli biex jgħinu lill-industrija tindirizza l-isfidi kompetittivi tal-ġejjieni. Hekk kif tgħaddi l-kriżi, impriżi f'diversi setturi se jkollhom jindirizzaw il-kapaċitajiet eċċessivi strutturali u l-UE se jkollha tiffaċilita r-ristrutturazzjoni b'mod li jkun soċjalment aċċettabbli filwaqt li żżomm kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd. Dan jitlob għal politika industrijali integrata li tippromwovi mekkaniżmi kompetittivi tas-suq u li tiżviluppa għejun ġodda ta' tkabbir sostenibbli b'enfasi fuq il-kapaċità li wieħed jiġġedded, l-ekoinnovazzjoni, it-teknoloġiji ġodda li jagħmluha possibbli li l-innovazzjoni sseħħ, u l-abbiltajiet. Din it-trasformazzjoni se tipprovdi wkoll opportunità biex intejbu l-ambjent regolatorju, inkabbru l-koeżjoni territorjali u nippromwovu kundizzjonijiet aħjar għall-intraprenditorija, ninkuraġġixxu l-iżvilupp tal-IŻM u nsostnu l-potenzjal ta' tkabbir u ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom.

    Fi żmien ta' ristrutturazzjoni industrijali, il-politika dwar l-għajnuniet mill-Istat se jkollha sehem importanti fis-sostenn tal-qalba għal ekonomija aktar smart u li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent. F'dawn l-aħħar snin ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat inbidlu. Il-kumpaniji Ewropej żiedu l-produzzjoni u gawdew mill-ekonomija fil-kobor billi ħatfu l-opportunitajiet li joffri s-Suq Wieħed – issa li hemm bżonn ta' aġġustament f'xi setturi l-Kummissjoni se tkun attenta biex tiżgura li s-Suq Wieħed jibqa' jkun il-bażi tat-tkabbir tal-UE u li jiġi missielet ir-riskju li ningħalqu f'fortizzi nazzjonali.

    L-għan għall-2020 hu li nilħqu l-objettivi maqbulin tagħna dwar il-bidla fil-klima u l-enerġija, li nsaħħu l-bażi industrijali tagħna, li niżblukkaw għal kollox il-potenzjal tal-IŻM, u li nirreaġixxu għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni, billi nkabbru l-produttività u nnaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi.

    Kif dan iseħħ: nibdew billi jirnexxilna noħorġu mill-kriżi

    L-ewwel biċċa xogħol għall-UE ovvjament hija li jirnexxilha toħroġ mill-kriżi, billi tippromwovi strateġiji ġenerali għal dan il-għan li jkunu mfasslin biex jiżguraw tkabbir ibbilanċjat u sostenibbli u politiki finanzjarji għaqlin. Ir-riċessjoni u t-tensjoni finanzjarja kellhom impatt ikbar fuq dawk il-pajjiżi li kienu diġa qed ibatu minn żbilanċi kbar ħafna jew minn dgħjufijiet fil-qasam tal-politiki meta faqqgħet il-kriżi. Din is-sitwazzjoni diversa titlob għall-rispons divrenzjat, u b'hekk tqajjem kwistjonijiet dwar koordinazzjoni. L-effetti tar-riperkussjonijiet tar-risponsi differenti f'pajjiżi u f'oqsma ta' politika differenti jitolbu għal koordinazzjoni effettiva fl-UE. B'mod partikulari, hemm bżonn li fis-setturi tal-finanzi u tan-negozju jinżammu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, u jeħtieġ li fl-istrateġija kkoordinata tal-UE għall-ħruġ mill-kriżi jingħata kas tal-effetti makroekonomiċi tar-riperkussjonijiet.

    B'riżultat tal-kriżi, ir-riżorsi finanzjarji kienu taħt pressjoni. Jeħtieġ għalhekk li l-problemi li fadal fis-sistema finanzjarja jissolvew malajr sabiex jiġi sostnut l-irkupru. L-aċċess għall-krediti u s-superviżjoni effiċjenti tas-suq finanzjarju se jkunu kruċjali għall-irkupru u t-tranżizzjoni għall-ekonomija tal-valuri se tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-kapital biex jiffinanzja l-innovazzjoni. Jeħtieġ li l-prijoritajiet il-ġodda jiġu riflessi fil-politiki baġitarji.

    L-isfida ewlenija hija kif se nibbilanċjaw il-ħtieġa ma taqta' xejn għal sostenn fiskali lid-domanda fuq medda qasira ta' żmien mal-ħtieġa li jerġa' jkollna finanzi pubbliċi sostenibbli u stabbiltà makroekonomika. Hemm riskju li l-irkupru jkun bil-mod u li ma jiġġenerax biżżejjed tkabbir ta' postijiet tax-xogħol biex ibaxxi l-livelli għoljin tal-qgħad.

    Kif dan iseħħ: Nutilizzaw l-istrumenti eżistenti f'metodu ġdid

    Biex jirnexxilna noħorġu mill-kriżi u niksbu r-riżultati rigward l-objettivi tagħna tal-UE 2020, il-Kummissjoni hija tal-fehma li għandna bżonn ta' strateġij għall-konverġenza u l-integrazzjoni li tagħraf b'mod aktar espliċitu l-interdipendenza avvanzata tal-UE:

    - Interdipendenza bejn l-Istati Membri fil-forma ta' effetti tar-riperkussjonijiet (pożittivi jew negattivi) tal-azzjonijiet nazzjonali, partikularment fiż-Żona tal-Ewro;

    - Interdipendenza bejn livelli differenti ta' gvern (l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, is-sħab soċjali – iggvernar f'aktar minn livell wieħed);

    - Interdipendenza bejn politiki differenti, bejn politiki u strumenti u l-importanza tal-integrazzjoni tal-politiki sabiex naslu għall-objettivi ġenerali;

    - Interdipendenza fil-livell globali – l-ebda wieħed mill-Istati Membri tagħna m'hu kbir biżżejjed biex ilaħħaq mal-ekonomiji li qed jitfaċċaw jew biex iwettqu din it-taqliba waħedhom.

    L-isfida li nsiru ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli, i.e. ekonomija inklużiva, aktar smart, u li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent se titlob għal aktar koordinazzjoni tal-politiki, sinerġiji aħjar permezz ta' sussidjarjetà effettiva, u sħubija msaħħa bejn l-UE u l-Istati Membri fit-tfassil u t-twettiq tal-politiki pubbliċi. L-integrazzjoni ta' strumenti differenti ta' politika huwa neċessarju, biex jintrabtu flimkien ir-riformi istituzzjonali, ir-regolazzjoni aħjar, l-inizjattivi ġodda u l-investiment pubbliku.

    ( Nisfruttaw bis-sħiħ is-suq wieħed

    Il-qafas tas- suq wieħed jagħtina d-daqs u l-iskala neċessarji biex niksbu dawn l-objettivi. Huwa l-għodda tal-qalba li tiżgura li ċ-ċittadini jgawdu mill-benefiċċji reali li jirriżultaw minn aktar kompetizzjoni u li l-kumpaniji joperaw b'kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd – dment li r-regoli tas-suq wieħed ikunu implimentati kif suppost, anki fil-politiki settorjali. Iżda l-UE għadha mhix tisfrutta l-benefiċċji kollha tas-suq wieħed tagħha, li ilu maħsub aktar għoxrin sena: għad baqa' xkiel għall-attività li taqsam il-fruntieri, u dan inaqqas l-għażla tal-konsumatur, il-kompetizzjoni tal-prezzijiet u l-produttivita potenzjali. Sabiex tħejji lis-suq wieħed biex jaqdi l-miri tal-UE 2020, l-UE għandha bżonn ta' swieq li jiffunzjonaw tajjeb, fejn il-kompetizzjoni u l-aċċess għall-konsumatur jistimulaw it-tkabbir u l-innovazzjoni. Li nagħtu s-setgħa lin-nies ifisser ukoll li nagħmlu lis-swieq jaħdmu għan-nies. Iċ-ċittadini għandhom jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq wieħed. Dan jitlob li jissaħħu l-abbiltà u l-fiduċja tagħhom biex jixtru prodotti u servizzi min-naħa l-oġra tal-fruntiera ta' pajjiżhom, partikularment online.

    Is-suq wieħed evolva b'mod konsiderevoli minn mindu ġie varat oriġinarjament. Ġie maħsub qabel ma wasal l-Internet, qabel ma t-TIK (it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni) saret wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir u qabel ma s-servizzi saru parti daqstant dominanti tal-ekonomija Ewropea. It-tfaċċar ta' servizzi ġodda (e.g. servizzi online, bħas-saħħa elettronika) juri potenzjal kbir ħafna. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-UE 2020, hemm bżonn urġenti li negħlbu l-frammentazzjoni li bħalissa qed timblokka l-fluss ta' kontenut online u l-aċċess għall-konsumaturi u għall-kumpaniji, u li jeħtieġ li s-suq wieħed jiġi aġġornat biex jirrispondi għad-domanda tal-ekonomija ta' għada.

    ( Inqiegħdu lill-UE 2020 f'kuntest globali

    Din l-aġenda l-ġdida hija mfassla fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, li se tibqa' wieħed mill-muturi ewlenin tad-dinamiżmu Ewropew fid-deċennju li ġej. L-UE mhix l-unika li qed tagħraf l-opportunitajiet li ekonomija smart u li tagħmel anqas ħsara lill-ambjent toffri għall-kompetittivita mtejba u għall-prosperità. pajjiżi oħrajn identifikaw prijoritajiet simili u qed jinvestu b'mod massiv fit-teknoloġiji li jagħmlu inqas ħsara lill-albjent, fit-TIK u fi grilji smart. Biex iżżomm postha fuq quddiem, l-UE jeħtieġ li ma titlifx ħin biex taħtaf l-opportunitajiet u biex tbassar ix-xejriet tal-ġejjieni u tadatta għalihom. Il-kriżi emfasizzat sa liema punt tasal id-dipendenza tal-wieħed fuq l-ieħor fl-ekonomija Ewropea u f'dik dinjija. Sabiex nilħqu l-objettivi tagħna għall-2020, jeħtieġ li naġixxu b'mod deċiżiv fil-G20 u f'fora internazzjonali sabiex immexxu 'l quddiem il-prinċipji li jsejjsu l-ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli fil-kuntest dinji.

    Il-kummerċ dinji huwa wieħed mill-muturi tat-tkabbir, tax-xogħol u tal-investiment fl-UE. Jeħtieġ li naġixxu kemm taħt il-WTO kif ukoll permezz tal-koperazzjoni bilaterali biex niżguraw li x-xkiel għall-flussi initernazzjonali ta' kummerċ u investiment jitnaqqas, u biex nippromwovu kummerċ dinji li jkun miftuħ u msejjes fuq ir-regoli. Jeħtieġ ukoll li napprofondixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi tagħna mas-sħab strateġiċi ewlenin, filwaqt li nagħtu enfasi partikulari lill-aċċess għas-suq, lill-aċċess għall-enerġija u għall-materja prima, u lill-progress rigward objettivi ambjentali u soċjali.

    ( Insostnu t-tkabbir permezz tal-użu sħiħ tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

    Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, flimkien ma' strumenti multilaterali oħrajn ta' sorveljanza, se jkollu sehem importanti biex jiggwida lill-politiki baġitarji sabiex naslu għal konsolidament fiskali u fl-istess ħin nagħtu l-mezzi baġitarji biex niksbu tkabbir sostenibbli u postijiet tax-xogħol. Jeħtieġ li l-Istati Membri, filwaqt li jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi, jiddirezzjonaw in-nefqa pubblika lejn l-objettivi tematiċi tal-UE 2020 sabiex ikunu jistgħu jsiru l-investimenti neċessarji fil-ġejjieni tal-Ewropa. Fi żmien ta' restrizzjonijiet fiskali importanti, huwa aktar u aktar importanti li ninvestu r-riżorsi skarsi fit-tkabbir sostenibbli. Investimenti u riformi strutturali mfasslin biex iwasslu għal ekonomij aktar smart, ikkumnikata u li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent se jiġġeneraw aktar dħul u se jillaxkaw il-konsolidament tal-finanzi pubbliċi.

    Fl-istess ħin, ma nistgħux nagħmlu taqliba kbira mingħajr ma ninvestu fin-nies u fil-kapaċità produttiva. Sabiex niżviluppaw il-potenzjal tal-ekonomija, jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ riformi strutturali sabiex jinħolqu għejun ġodda ta' tkabbir. Aġenda rinfurzata dwar ir-riforma strutturali msejsa fuq miżuri li jkabbru t-tkabbir potenzjali jtejbu l-produttività se tgawdi wkoll jekk ikun hemm koordinazzjoni, fit-tfassil u l-implimentazzjoni, fil-livell tal-UE, mhux l-inqas biex nisfruttaw bis-sħiħ it-tħaddim tas-suq wieħed.

    Anki fi żmien ta' konsolidament fiskali neċessarju, il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jippermetti spazju biex ninvestu fil-ġejjieni. Dan jinkludi l-prijoritizzazzjoni tal-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp u f'teknoloġiji ġodda, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u żvilupp tal-abbiltajiet ta' kwalità għolja, u f'netwerks 'smart'; dan ifisser li nżewġu l-investimenti mal-modernizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti, inkluż it-titjib tal-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u permezz ta' riforma regolatorja.

    ( Nirriflettu l-prijoritajiet politiċi fil-baġits pubbliċi tagħna

    Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, jeħtieġ li dawn il-prijoritajiet il-ġodda jiġu riflessi fil-politiki baġitarji. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tinkludihom fir-reviżjoni baġitarja li se tippubblika s-sena d-dieħla u fil-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju plurijennali li jmiss. Bl-istess mod, jeħtieġ li l-Istati Membri wkoll jirrevedu n-nefqiet pubbliċi tagħhom sabiex itejbu l-kwalita u l-effiċjenza u, minkejja restrizzjonijiet fiskali importanti, isibu l-ispazju biex jinvesti fit-tkabbir sostenibbli. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġu mistħarrġin mudelli ġodda ta' finanzjament (bħas-SPP, bl-użu ta' finanzjamenti mill-UE jew mill-BEI) sabiex is-settur pubbliku u dak privat ipoġġu r-riżorsi tagħhom għall-użu komuni bejniethom u sabiex jiġu mmassimizzati l-impatti.

    ( Nistabbilixxu ggvernar ċar sabiex l-istrateġija l-ġdida nagħmluha effettiva.

    Se naħdmu fuq din l-istrateġija permezz ta' metodu ta' sħubija sabiex nilħqu għadd limitat ta' objettivi ewlenin. Huwa biss permezz ta' sħubija li l-azzjonijiet u l-objettivi speċifiċi tagħha jistgħu jinkisbu ġaladarba huwa essenzjali li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali, u permezz tal-ħidma flimkien bejn dawn il-livelli li se tippermetti li l-istrateġija twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Min-naħa tal-Kunsill, il-punt fokali tal-istrateġija tal-ġejjieni jeħtieġ li jkun il-Kunsill Ewropew, minħabba li dan huwa l-entità li tiżgura l-integrazzjoni tal-politiki u tiġġestixxi l-interdipendenza bejn l-Istati Membri u l-UE. Għalhekk, għandu jmexxi l-istrateġija, b'mod li jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin u jiffissa l-objettivi, billi jirrikorri għad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Liżbona. Formazzjonijiet tal-Kunsill bħall-Kunsill ECOFIN kif ukoll il-Kunsilli tematiċi rilevanti mbagħad jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet b'mod integrat, billi kull wieħed minnhom jaġixxi fil-qasam ta' kompetenza toegħu sabiex iwassal għall-ksib tar-riżultati fejn jidħlu l-miri fuq meda itwal ta' żmien tal-viżjoni UE 2020.

    Il-Kummissjoni tixtieq tara lill-Parlament Ewropew jagħti sehem li jkun ikbar b'mod sinifikanti fl-istruttura l-ġdida tal-iggvernar. Lil hinn mill-irwol tradizzjonali tiegħu fuq il-linji gwida integrati dwar ix-xogħol, il-Parlament jista' jiġi mħeġġeġ biex jesprimi fehmietu dwar l-istrateġija tal-UE 2020 qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

    Il-viżjoni UE 2020 se jkollha bżonn tal-appoġġ attiv ta' dawk li għandhom interessi fil-qasam bħas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili. Biex tirnexxi, se jkun kruċjali wkoll li tiġi adottata fir-reġjuni kollha tal-UE u l-Kummissjoni tixtieq tara lill-parlamenti nazzjonali jieħdu interess partikulari f'din l-istrateġija l-ġdida waqt li tkun qed tiġi żviluppata.

    Jeħtieġ li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fl-2010 iqabbad lill-istrateġija t-triq għall-5 snin li ġejjin fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni li għandha titressaq kmieni fl-2010. Jeħtieġ li l-Kunsill Ewropew jiffissa għadd żgħir ta' objettivi ewlenin, u jiddefinixxi l-azjonijiet politiċi korrispondenti li jridu jiġi segwiti fil-livell tal-UE u f'dak tal-Istati Membri fi sħubija flimkien. B'dan il-mod il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, bl-orjentazzjonijiet korrispondenti għall-politiki tal-UE u tal-Istati Membri jsiru l-ankra għal-linji gwida integrati li jipprovdi għalihom it-Trattat.

    Għal kull wieħed minn dawn l-objettivi, l-Istati Membri jiġu mistednin jiffissaw objettivi nazzjonali, għal perjodu ta' 5 snin, li jkunu jikkorrispondu mas-sitwazzjonijiet differenti tagħhom u mal-punti tat-tluq tagħhom. Kull sena l-Kummissjoni u l-Kunsill Ewopew se jimmoniterjaw il-progress fil-livell tal-Istati Membri u f'dak tal-UE.

    Kummenti

    Il-Kummissjoni tilqa' kummenti u suġġerimenti dwar l-ideat ippreżentati fil-qosor f'dan id-dokument. Dawn għandhom jintbagħtu lil EU2020@ec.europa.eu sal-15 ta' Jannar 2010.

    Il-kontributi rċevuti se jiġu pubblikati fuq l-internet, sakemm l-awtur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tad-dejta personali għar-raġuni li tali pubblikazzjoni tkun ta' dannu għall-interessi leġittimi tiegħu jew tagħha. F'dan il-każ, il-kontribut jista' jiġi ppubblikat f'forma anonima. Organizzazzjonijiet professjonali li jirreaġixxu għal din il-konsultazzjoni huma mħeġġin jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni għar-Rappreżentanti tal-Interessi ( http://ec.europa.eu/transparency/regrin/ ), jekk dan għadhom m'għamluhx. Dan ir-Reġistru nbeda fil-qafas tal-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza bil-ħsieb li jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-pubbliku inġenerali b'tagħrif dwar l-objettivi, il-finanzjament u l-istrutturi tar-rappreżentanti tal-interessi.

    Top