Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0527

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni u lill-Bank Ċentrali - Ewropew Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro 2009 {SEG(2009) 1313}

    /* KUMM/2009/0527 finali */

    52009DC0527




    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, 7.10.2009

    KUMM(2009) 527 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro 2009

    {SEG(2009) 1313}

    1. L-ekonomija taż-żona tal-euro 2009

    Wara l-iskoss tal-agħar kriżi sa mis-snin 30, qed jidhru sinjali ta' stabbilizzazzjoni ekonomika. Madwar id-dinja kollha interventi importanti fil-politika kisbu b'suċċess xi stabbiltà fis-sistema finanzjarja. Il-kundizzjonijiet finanzjarji tjiebu matul is-sajf, bir-ritorn ta' bosta indikaturi finanzjarji għal-livelli ta' qabel il-kriżi. L-indikaturi dwar il-fiduċja tan-negozji u l-konsumaturi wkoll tjiebu f'dawn l-aħħar xhur. Il-kummerċ dinji stabbilizza, u hemm indikazzjonijiet li ċ-ċiklu ta' tneħħija tal-istokk qed jisfaxxa. Ir-reżiljenza relattiva tal-konsum kien fattur ta' stabbilizzazzjoni waqt ir-riċessjoni, hekk kif miżuri ta' diżinflazzjoni u għajnuna inklużi fil-pakketti ta' stimolu fiskali appoġġjaw id-dħul tal-familji.

    Skont l-aħħar tbassir interim ippubblikat mis-servizzi tal-Kummissjoni f'Settembru 2009, it-tkabbir fiż-żona tal-euro huwa mistenni li jinżel b'4 % fl-2009, kif kien mistenni fil-previżjoni tal-Ħarifa 2009. Tnaqqis fl-attività iktar qawwi mill-mistenni fl-ewwel kwart tpatta bi stabbilizzazzjoni iktar bikrija milli mistenni fit-tieni kwart, speċjalment fil-Ġermanja u fi Franza.

    Madankollu, it-tisħiħ u r-reżiljenza tal-irkupru għadu jrid jiġi ttestjat bis-sħiħ. Filwaqt li l-banek jinsabu fil-proċess li jsaħħu l-proporzjonijiet ta' solvenza, megħjuna minn qagħda li takkomoda l-politika monetarja u l-pakketti ta' salvataġġ, l-istabbilizzazzjoni fis-swieq finanzjarji għadhom ma tawx riżultati konkreti għad-distribuzzjoni ta' kreditu lill-ekonomija, li ddeċellerat konsiderevolment matul l-ewwel nofs tal-2009. Il-prospetti ta' impjieg li kull ma jmorru iktar qed jonqsu huma sors ieħor ta' inċertezza u tħassib. Mil-lat pożittiv, il-biċċa l-kbira tal-istimolu ġej mill-politika li għadu ma ssarafx ma għandux jiġi injorat. Madankollu, is-sostennibbiltà tal-irkupru għad irid jiġi ttestjat.

    L-euro aġixxiet bħala lqugħ prezzjuż waqt il-kriżi L-euro ipproteġiet iż-żona tal-euro b'mod effiċjenti mir-rata tal-kambju u t-taqlib tar-rata tal-imgħax li fl-imgħoddi tant kienu ta' ħsara għall-Istati Membri f'episodji ta' stress fis-swieq finanzjarji. Kellha wkoll rwol prezzjuż bħala ankra għal politiki makroekonomiċi sodi għall-Istati Membri li attivament qed isegwu l-adozzjoni tal-euro, jew li l-muniti tagħhom huma marbuta mal-euro. Finalment, il-kapaċità taż-żona tal-euro biex taġixxi b'mod mgħaġġel f'koordinazzjoni ma' banek ċentrali oħra kkontribwixxiet għall-istabbiltà tas-sistema monetarja internazzjonali sħiħa.

    Il-kriżi finanzjarja żiedet il-faxxinu tal-euro għall-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro. B'mod partikolari, żewġ benefiċċji potenzjali tas-sħubija tal-euro sebqu fuq quddiem: l-ewwel nett, telimina r-riskju ta' movimenti f'daqqa u ta' sfrattu tar-rata tal-kambju; u, it-tieni nett għandha tagħti lill-istituzzjonijiet nazzjonali aċċess għal-likwidità tal-bank ċentrali tal-euro. Fl-istess waqt, madankollu, il-kriżi wriet li l-euro ma ssolvix l-isfidi ekonomiċi kollha - b'mod partikolari sfidi relatati mal-iżbilanċi interni u esterni, kif muri mill-fatt li xi pajjiżi taż-żona tal-euro bi żbilanċi ntlaqtu sew. Din l-esperjenza tirrinforza r-raġunament għall-ksib ta' konverġenza sostenibbli f'livell għoli qabel l-adozzjoni tal-euro, kif mitlub bit-Trattat. Il-kandidati tal-pajjiżi tal-euro għandhom jgħammru l-ekonomiji rispettivi tagħhom għall-ħajja bl-euro permezz tal-politiki biex isaħħu d-dixxiplina fiskali, jipprevjenu l-iżbilanċi makrofinanzjarji, u jkattru l-produttività, il-kompetittività u fl-aħħar mill-aħħar il-kapaċità għall-adattament tagħhom fl-UEM.

    Iżda l-kriżi qed tamplifika xi sfidi fiż-żona tal-euro. Il-kriżi qed tkun ta' piż fuq is-sostennibbiltà tal-finanzi pubbliċi u t-tkabbir potenzjali. Barra min hekk, filwaqt li l-aġġustament ġej mill-kriżi qed jgħin biex jitnaqqsu xi żbilanċi fiż-żona tal-euro, hemm ir-riskju li jiżdiedu d-diverġenzi fil-pożizzjonijiet tal-kompetittività jekk l-azzjoni tal-politika ma jiġux koordinati b'mod xieraq.

    Bħala konsegwenza tad-deterjorament f'daqqa fid-dħul, il-miżuri tal-istimolu fiskali skont il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (PERE), u t-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi, il-bilanċi tal-gvern iddeterjoraw f'daqqa. Grazzi għal azzjoni ta' politika effettiva sa mill-ħarifa tal-2008, kkoordinata fil-kuntest tal-PERE, ġie evitat il-kollass finanzjarju u t-telf ta' fiduċja ġenerali. It-tfassil tal-politika fiskali ġie mmirat b'suċċess għall-ħtieġa u l-urġenza biex l-ekonomija tinħareġ mir-riċessjoni. L-istimolu fiskali diskrezzjonarju u l-istabbilizzaturi awtomatiċi bla restrizzjonijiet ipprovdew protezzjoni għall-attività ekonomika u kkontribwixxew għas-sinjali riċenti ta' titjib, iżda wasslu għal deterjorament sostanzjali tal-kontijiet tal-gvern. Id-defiċits tal-baġits li kull ma jmorru dejjem jikbru u t-tkabbir dgħajjef jew negattiv, kif ukoll l-appoġġ li qed jingħata lis-settur bankarju qed jgħollu b'mod sinifikanti l-livelli tad-dejn pubbliku. B'riżultat ta' dan, id-defiċit medju tal-baġit taż-żona tal-euro huwa mistenni li jiżdied minn 2 % tal-PGD fl-2008 sa iktar minn 5 % tal-PGD fl-2009. Fuq il-bażi ta' pjanijiet u proġetti kurrenti, id-defiċit taż-żona tal-euro se jiżdied iktar sa 6,5 % tal-PGD fl-2010, filwaqt li d-dejn pubbliku jista' jilħaq l-84 % tal-PGD sal-2010, jiġifieri żieda ta' 18-il punt perċentwali sa mill-2007. Fl-2009, bl-eċċezzjoni possibbli ta' Ċipru u l-Lussemburgu, kważi l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro għandhom jirreġistraw proporzjon tad-defiċit ta' 'l fuq mil-limitu ta' 3 % tal-PGD, b'xi pajjiżi jaqbżu l-limitu b'marġini kbir. Fl-ewwel nofs tal-2009 u bl-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Kunsill nieda l-Proċeduri tad-Defiċit Eċċessiv (PDE) għall-Greċja, l-Irlanda, Franza, Malta, u Spanja fuq il-bażi tal-ksur tal-valur ta' referenza fl-2008 (2007 għall-Greċja)[1]. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li l-Kunsill jiftaħ l-PDE għal pajjiżi li huma mistennija li jiksru l-valur ta' referenza għall-2009. L-applikazzjoni flessibbli tal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv permessa skont il-Patt tipprovdi appoġġ u direzzjoni importanti għall-Istati Membri f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli. B'riżultat ta' dan, il-biċċa 'l kbira tat-toroq ta' konsolidazzjoni rrakkomandati skont il-PDE tfasslu f'perspettiva ta' terminu medju u, skont iċ-ċirkostanzi ta' ċerti pajjiżi individwali, ġew irrakkomandati skadenzi itwal għall-korrezzjoni ta' defiċits eċċessivi.

    Il-kriżi tista' taċċellera l-pressjonijiet 'l-isfel fuq it-tkabbir tat-tendenzi Il-Kummissjoni kienet ipproġettat li t-tkabbir potenzjali tal-PGD fiż-żona tal-euro għandu jonqos fuq medda twila ta' żmien minħabba l-popolazzjoni li kull ma tmur dejjem qed tixjieħ. Għadd ta' fatturi rrelatati mal-kriżi jistgħu jamplifikaw dan il-fenomenu. L-ewwel nett, il-qgħad, jekk jibqa' jkompli fit-tul, se jġib miegħu telf ta' ħiliet għal żmien twil u forsi anki għalkollox. It-tieni nett, l-istokk tat-tagħmir u tal-infrastruttura se jonqos u jista' jiġi obsolet minħabba fl-investiment dgħajjef u l-bidla settorali. It-tielet, l-innovazzjoni tista' tixxekkel billi l-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp huwa normalment fost l-ewwel infiq li n-negozji jaqtgħu waqt riċessjoni. Il-primjums tar-riskju l-għoli fil-futur jistgħu jżidu l-valur tal-finanzjament tar-Riċerka u l-Iżvilupp. It-telf fit-tkabbir potenzjali huwa mistenni jkun ogħla f'pajjiżi li qed jesperjenzaw riċessjonijiet qawwija.

    Huwa tajjeb li jkun hemm tnaqqis ta' diverġenzi fiż-żona tal-euro immedjatament wara l-kriżi. Għalkemm fi proporzjonijiet differenti, immedjatament wara l-kriżi finanzjarja, it-tkabbir niżel f'daqqa fil-pajjiżi kollha tal-euro. Il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni turi li t-trajettorji tat-tkabbir qed jibdew jinfirxu fiż-żona tal-euro. Pereżempju, fl-2009, it-tkabbir ġie rrivedut 'il fuq għall-Ġermanja u Franza, filwaqt li l-Italja u Spanja rreġistraw reviżjonijiet 'l isfel. Għad-diverġenzi fil-kontijiet kurrenti, il-korrezzjoni kontinwa tas-suq tad-djar u l-impatt tagħha fuq d-domanda domestika x'aktarx li għandha tgħin xi ftit biex jitnaqqsu d-disparitajiet; pass tajjeb lejn tendenzi ta' tkabbir iktar ibbilanċjati. Madankollu, il-konverġenza hija mmoderata u mhijiex konsistenti fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro.

    2. L-Iżbilanċi akkumulati fl-imgħoddi wasslu lil xi stati membri taż-żona tal-euro biex ikunu iktar vulnerabbli meta faqqgħet il-kriżi

    Il-kriżi tefgħet enfasi fuq xi żbilanċi li kienu jeżistu minn qabel il-kriżi Fuq livell globali, il-veloċità u l-intensità tal-kontaġju pprovokat mill-falliment tal-Lehman Brothers ġew bħala sorpriża. Il-kollass fid-domanda u l-PGD f'xi Stati Membri taż-żona tal-euro kien kbir daqs f'xi ekonomiji oħra, li kienu potenzjalment iktar esposti. Anki jekk in-natura globali u interkonnessa tas-sistema bankarja u finanzjarja kienet il-kawża prinċipali tal-kontaġju, id-diffikultajiet li esperjenzaw xi Stati Membri enfasizzaw l-għadd ta' vulnerabbiltajiet fiż-żona tal-euro nnifisha.

    L-iżbilanċi akkumulati fiż-żona tal-euro esponew għal xi xokkijiet uħud mill-ekonomiji iżjed minn oħrajn. Kundizzjonijiet makroekonomiċi pożittivi kkaratterizzati bi tkabbir makroekonomiku qawwi, rati baxxi ta' inflazzjoni, rati ta' imgħax imnaqqsa u livelli baxxi ta' volatilità fis-suq finanzjarju wasslu lill-atturi tal-ekonomija biex jissottovalutaw xi riskji fis-sistema finanzjarja fil-livell globali u ffaċilitaw l-espansjoni tal-kreditu madwar id-dinja kollha. F'xi Stati Membri taż-żona tal-euro, l-istess ambjent ekonomiku pożittiv ippermetta l-finanzjament tat-tkabbir mgħaġġel iżda dan bil-konsegwenza ta' akkumulazzjoni ta' defiċits notevoli ta' kontijiet kurrenti (primarjament fil-Grecja, Spanja, il-Portugall u Ċipru, iżda wkoll fl-Irlanda, Malta, is-Slovenja u s-Slovakkja), filwaqt li xi Stati Membri oħra rreġistraw bilanċi pożittivi dejjem ogħla tal-kontijiet kurrenti (il-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, l-Olanda u l-Finlandja). Fiż-żona tal-euro, it-tixridi tal-bilanċi tal-kontijiet kurrenti bejn dawn iż-żewġ gruppi kienu żdiedu sew sa min-nofs is-snin 90 u laħqu livell rekord immedjatament qabel il-kriżi. Mill-pożizzjoni bbilanċjata fl-1999, il-bilanċi pożittivi akkumulaw b'mod konsistenti u laħqu s-7,7 % tal-PGD fl-2007, filwaqt li d-defiċits telgħu minn 3,5 % tal-PGD fl-1999 sa 9,7 % fl-2007.

    Fil-pajjiżi b'defiċit, it-tendenza ta' diverġenza rriflettiet l-akkumulazzjoni tal-iżbilanċi domestiċi. Dawn immaterjalizzaw permezz ta' pressjonijiet ġejjin minn domanda domestika eċċessiva, qabża fil-prezzijiet tad-djar u l-isplużjoni tas-settur tal-kostruzzjoni. Dan il-fenomenu kien evidenti b'mod partikolari fl-Irlanda, Spanja u l-Greċja, li waqt id-deċennju rreġistraw b'mod konsistenti tkabbir u inflazzjoni ogħla mill-bqija tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Id-defiċits għoljin tal-kontijiet kurrenti – u l-influssi ta' kapital barrani assoċjat – huma ammissibbli f'xenarju li qed jipprova jirkupra sakemm dawn jgħinu lill-ekonomija żżid l-istokk kapitali tagħha u tħejji l-bażi għal prospetti ta' tkabbir sostenibbli fil-medda medja ta' żmien. Madankollu, il-kapital mhux dejjem intuża fl-iktar mod produttiv fil-pajjiżi b'defiċit. B'riżultat ta' dan sehem sinifikanti tal-forza tax-xogħol ġie attirat lejn setturi b'sensittività ċiklika għolja, bħall-bini, li issa jeħtieġ aġġustament sostanzjali.

    Għal kuntrarju ta' dan, pajjiżi li kellhom bilanċ pożittiv sfruttaw il-punti tas-saħħa tradizzjonali tagħhom, b'mudell ta' tkabbir iċċentrat fuq is-settur diġà kompetittiv ta' esportazzjoni. F'dawn il-pajjiżi, id-domanda domestika qatt ma ssostitwixxiet b'mod effettiv il-mekkaniżmu tal-esportazzjoni. L-impatt tal-kriżi wera l-vulnerabbiltà ta' dan il-mudell ta' tkabbir għaċ-ċaqliq fid-domanda globali, b'implikazzjonijiet għat-tkabbir fiż-żona kollha tal-euro.

    Sors ieħor ta' żbilanċi jinsab fit-tkabbir mgħaġġel tas-settur finanzjarju. L-Irlanda kienet każ klassiku, minħabba li s-sehem tas-settur finanzjarju fil-valur miżjud totali tela' għal 10,6 % fl-2007, meta mqabbel ma' 5 % biss fuq medja fiż-żona tal-euro. Wara l-kriżi, l-assi deprezzati li kull ma jmorru dejjem jiżdiedu dgħajfu s-settur bankarju u qiegħdu taħt pressjoni l-awtoritajiet pubbliċi, li kienu qed jaġixxu bħala s-selliefa tal-aħħar miżuri, taħt pressjoni.

    Żbilanċi bħal dawn jispjegaw għaliex il-kriżi laqtet xi Stati Membri iktar b'saħħa minn oħrajn. Mindu l-akkumulu tar-responsabbiltajiet esterni kbar żiedu l-esponiment għall-iskossi finanzjarji, il-pajjiżi f'defiċit soffrew minn nuqqas ta' aptit għar-riskju fis-swieq finanzjarji. L-adattament tas-setturi ta' kostruzzjoni mneffħa wkoll kien ta' piż kbir fuq it-tkabbir u l-impieg mill-bidunett tal-kriżi. B'mod parallel, il-pajjiżi b'bilanċ pożittiv intlaqtu kważi mill-ewwel bin-nuqqas fid-domanda globali u raw it-tkabbir jonqos f'daqqa. Il-pajjiżi b'setturi bankarji ikbar huma fir-riskju li jġarrbu responsabbiltajiet fiskali sinifikanti. B'mod ġenerali, l-Istati Membri b'mudelli ta' tkabbir żbilanċjati soffrew minn tnaqqis ekonomiku partikolarment sever.

    L-impatt tal-kriżi juri l-ħtieġa għall-azzjoni. Dawn l-iżbilanċi u r-riskji marbuta magħhom ilhom li ġew identifikati diversi snin, u setgħu ġew riżolti minn ħafna żmien qabel, iżda dawk li jfasslu l-politika tal-Istati Membri ġeneralment injorawhom fi żminijiet ekonomiċi tajbin. Dawn ma għandhomx jiġu injorati iktar.

    3. L-inizjattivi li ma tlestewx ukoll xekklu l-kapaċità taż-żona tal-euro biex tirrispondi għall-kriżi

    L-integrazzjoni finanzjarja iktar profonda fiż-żona tal-euro ma kinitx tikkorrispondi b'tisħiħ parallel ta' arranġamenti ta' superviżjoni. L-arranġamenti superviżorji eżistenti fiż-żona tal-euro naqsu milli jippromwovu kultura superviżorja komuni, biex jifhmu r-rabtiet sistematiċi bejn is-swieq finanzjarji u l-ekonomija reali u biex jipprovdu qafas sod għal rispons rapidu u kkoordinat meta faqqgħet il-kriżi. Ir-reazzjonijiet inizjali kienu skoordinati u l-biċċa l-kbira mfassla skont il-ħtiġijiet domestiċi. Per eżempju, l-inizjattivi dwar skemi ta' garanzija tad-depożitu u d-dekonsolidazzjoni urġenti ta' istituzzjoni finanzjarja kbira transkonfinali wrew l-assenza ta' proċeduri effikaċi ta' maniġment tal-kriżijiet. L-ewwel samit tal-Eurogroup fil-livell ta' Kapijiet ta' Stat u Gvern, li sar f'Pariġi f'Ottubru 2008, għen biex jikkatalizza reazzjoni mill-UE.

    Il-Kummissjoni aġixxiet b'mod effettiv biex timla din il-lakuna. Hi pprevediet qafas komuni għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' salvataġġ għall-banek nazzjonali, f'konformità mar-regoli tal-għajnuna tal-istat li rċieva wkoll l-appoġġ tal-BĊE. Minn dakinhar, wara l-konklużjonijiet tal-Group Larosière, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti legali formali għal arkitettura ġdida ta' superviżjoni Ewropea finanzjarja. Il-proposti għandhom isaħħu s-superviżjoni ġenerali prudenti kemm tal-istituzzjonijiet finanzjarji individwali kif ukoll tas-sistema finanzjarja kollha. B'mod parallel, l-UE hija minn ta' quddiem fir-riforma regulatorja tas-swieq finanzjarji, billi tfassal l-inizjattivi u l-impenji tal-G20.

    Filwaqt li d-dar fiskali kienet il-biċċa l-kbira b'saħħitha meta faqqgħet il-kriżi, xi Stati Membri kellhom ftit spazju għall-manuvrar meta waslu biex jirrispondu għall-kriżi. Bis-saħħa ta' bosta snin ta' konsolidazzjoni fiskali ta' suċċess kbir konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro kienu f'pożizzjoni ħafna aħjar biex jirreżistu l-kriżi milli kienu qabel. Madankollu, minkejja ż-żminijiet ekonomikament tajbin, il-konsolidazzjoni fiskali ma kinitx tlestiet f'xi pajjiżi taż-żona tal-euro. Il-livelli tad-dejn pubbliku baqgħu għoljin fil-Greċja, l-Italja u l-Belġju, filwaqt li l-konsolidazzjoni fiskali kienet kajmana u indeċiża fi Franza, il-Greċja u l-Portugall. F'pajjiżi oħra, il-finanzi pubbliċi kienu dipendenti fuq id-dħul fiskali li ġej jew mis-settur finanzjarju jew mill-isplużjoni tas-settur tal-kostruzzjoni. Il-falliment ta' dawn is-setturi kkontribwixxa għad-deterjorazzjoni tal-finanzi pubbliċi u naqqas sew l-marġini ta' manuvrar fil-livell fiskali għal reazzjoni għall-effetti tal-kriżi. B'konsegwenza ta' dan, bosta Stati Membri kellhom jillimitaw jew iżommu lura l-kontribut tagħhom għall-istimolu konġunt kif stabbilit fil-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku. Kieku l-konsolidazzjoni ġiet miksuba, ir-reazzjoni fil-livell fiskali taż-żona tal-euro setgħet tkun anki iktar deċiżiva.

    Globalment, il-gvernijiet taż-żona tal-euro kkontribwixxew b'mod ekwu, fil-qafas ta' koordinazzjoni previst fil-livell tal-UE mill-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (PERE) fl-isforz kbir globali biex tinżamm id-domanda. Huma applikaw firxa wiesgħa ta' miżuri sinifikanti ta' politika fiskali u strutturali. L-appoġġ fiskali globali jammonta għal madwar 4,6 % tal-PGD taż-żona tal-euro (madwar 5 % jekk titqies l-UE kollha); Dan jinkludi l-effetti mill-istabbilizzaturi awtomatiċi u l-istimolu fiskali diskrezzjonarju tal-Istati Membri kollha matul l-2009 u l-2010 li jammontaw għal madwar 1,8 % tal-PGD taż-żona tal-euro. Mill-590 miżura nazzjonali kkomunikati mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, 22 % huma ddestinati li jżidu l-poter ta' akkwist tal-familji, b'mod partikolari dawk l-iktar vulnerabbli; 25 % huma ddestinati li jsostnu l-investimenti; 32 % jipprovdu appoġġ settorali jew lin-negozji; u 21 % huma ddestinati li jtejbu t-tħaddim tas-swieq tax-xogħol. Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2009, il-biċċa l-kbira tal-miżuri huma f'waqthom u effikaċi, f'konformità mal-prinċipji tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku. Madankollu, id-dubji dwar ir-riversibbiltà ta' ċerti miżuri huma ta' tħassib billi jagħmlu l-politiki espansjonarji inqas effettivi.

    L-effett kumplessiv tar-reazzjoni mil-livell ta' politika ekonomika miż-żona tal-euro seta' kien iktar rapidu u forsi iktar b'saħħtu kieku l-koordinazzjoni nbdiet minn qabel u kieku kienet iktar eżawrjenti. Il-koordinazzjoni hija importanti għall-UE kollha iżda l-iktar għal dawk l-Istati Membri miż-żona tal-euro, minħabba r-rabtiet ekonomiċi u finanzjarji li jeżistu bejniethom u l-fatt li huma għandhom munita komuni u politika monetarja unika. Kollox ma' kollox, il-mekkaniżmu stabbilit tal-koordinazzjoni ta' politika fiż-żona tal-euro ma ħadimx sew waqt il-kriżi. Filwaqt li ħadem fuq din l-evidenza, il-Eurogroup impenja ruħu li jtejjeb il-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta' rkupru sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi mhux mixtieqa u biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-qafas ta' sorveljanza ddefinit bil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Iktar minn qatt qabel, iż-żona tal-euro għandha tieħu t-tmun f'idejha f'dawn iż-żminijiet diffiċli.

    4. It-triq 'il quddiem: Garanzija ta' adattament intern effiċjenti u tkabbir sostenibbli f'kuntest problematiku

    Il-kriżi wriet biċ-ċar li għall-Istati Membri taż-żona tal-euro hemm l-urġenza għal progress rapidu fil-programm ta' riforma tal-UEM@10: l-amplifikazzjoni u l-approfondiment tas-sorveljanza makroekonomika. UEM li taħdem sew tirrappreżenta karta rebbieħa għall-UE kollha. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-UEM@10[2] f'Mejju 2008, il-Kummissjoni pproponiet aġenda bi tliet pilastri biex ittejjeb it-tħaddim tal-UEM f'ambjent dinji li qed jinbidel rapidament, popolazzjonijiet li qed jixjieħu u tħassib dwar l-enerġija u l-bidla tal-klima. Fuq il-bażi tal-programm ta' politika interna, is-sorveljanza makroekonomika fl-UEM għandha toħroġ lil hinn mill-ambitu tal-politika fiskali biex tinkludi aspetti ta' stabbiltà makroeconomika u tendenzi tal-kompetitività, kif ġie stabbilit fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u x-Xogħol, u tiggarantixxi integrazzjoni aħjar tar-riformi strutturali fil-koordinazzjoni politika ġenerali prevista fil-UEM. Dan jipprevedi wkoll koordinazzjoni aħjar tal-politika fiskali u iktar sorveljanza. L-aġenda esterna tal-UEM@10 argumentat li ż-żona tal-euro għandha jkollha rwol iktar importanti fil-governanza ekonomika globali. Il-kriżi enfasizzat il-ħtieġa biex din l-aġenda ta' riforma tiġi implimentata bis-sħiħ.

    Hija meħtieġa sorveljanza makroekonomika usa biex tixpruna reazzjoni ta' politika kkoordinata għall-isfida ta' kompetittività. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu adottati b'determinazzjoni u urġenza inizjattivi politiki, minħabba li d-diverġenzi strutturali jkunu jistgħu jikkompromettu l-koeżjoni taż-żona tal-euro. Minkejja t-twissijiet ripetuti, l-iżbilanċi taż-żona tal-euro ma ġewx trattati fi żmien meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi kienu favorevoli. Issa l-kriżi qed tisforza l-aġġustament tal-bilanċi tal-kontijiet permezz tal-kollass fid-domanda domestika u ż-żieda qawwija tal-qgħad. Dan qed iseħħ l-iktar notevolment - iżda mhux esklussivament - fil-pajjiżi b'defiċit , bħal Spanja u l-Irlanda. Barra minn hekk, il-ksib tal-bilanċ mill-ġdid tat-tendenzi fil-kompettitività jista' jieħu iktar żmien milli previst minħabba: (i) in-natura globali tal-kriżi, li tostakola strateġija bbażat fuq l-esportazzjonijiet; (ii) tkabbir potenzjali iktar dgħajjef, li jillimita l-marġini ta' manuvrar disponibbli biex jinkiseb bilanċ mill-ġdid fid-diverġenzi tal-ispejjeż akkumulati fil-pagi u l-infiq; (iii) u l-fatt li, bil-konsolidazzjoni tal-irkupru, il-pajjiżi bi tkabbir dgħajjef jistgħu jiffaċċjaw rati ogħla ta' interess reali minn dawk ta' pajjiżi oħra fiż-żona tal-euro. Fi sforz biex titkabbar is-sorveljanza makroekonomika, fl-2008 l-Eurogroup qabel li jirrevedi regolarment it-tendenzi fil-livell ta' kompetittività fiż-żona tal-euro u li jħeġġeġ l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni biex jadattaw irwieħhom. L-ittrattar tal-kawżi tal-oriġini tal-evoluzzjoni tal-kompetittività negattiva fiż-żona tal-euro hija kwistjoni ta' interess komuni u għandha tikkostitwixxi parti integrali mill-istrateġija biex noħorġu mill-kriżi.

    L-amplifikazzjoni tas-sorveljanza għandha tinkludi wkoll l-evoluzzjoni tas-swieq finanzjarji. Id-dejn eċċessiv mis-settur privat wassal għal tendenzi ekonomiċi li mhumiex sostenibbli. Jeħtieġ li jiġu lokalizzati u ffaċċjati żbilanċi finanzjarji bħal dawn fil-fażi inizjali tagħhom. Il-komunikazzjoni tal-UEM@10 tenfasizza li 'filwaqt li l-integrazzjoni tas-suq, b’mod partikolari dik tas-swieq finanzjarji, kienet ta’ benefiċċju globali għall-UEM, din tista’ wkoll, ikollha l-effett li tkabbar id-diverġenzi fost il-pajjiżi parteċipanti jekk ma tkunx akkumpanjata minn politiki xierqa.' Il-kriżi turi kif l-iskossi finanzjarji f'daqqa jistgħu jolqtu l-ekonomija reali u kemm jistgħu jkunu qawwija r-riperkussjonijiet. Għalhekk huwa essenzjali mhux biss li titkabbar is-sorveljanza makroekonomika għall-iżviluppi tal-kompetittività fiż-żona, iżda wkoll l-iskoperta bikrija tal-isplużjoni fil-prezzijiet tal-assi finanzjarji, biex fil-futur jiġu evitati korrezzjonijiet tal-iżbilanċi fiskali u esterni li jiswew ħafna flus.

    Tinħtieġ sorveljanza iktar profonda biex tiggarantixxi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Wara l-kriżi, bl-effett globali tat-tkabbir dgħajjef u ż-żieda tad-dejn hemm ir-riskju li s-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi ssir prekarja, proprju meta jibda jinħass l-impatt tal-popolazzjoni li kull ma tmur qiegħda tixjieħ. Jekk il-politiki jibqgħu ma jinbidlux, id-dejn pubbliku fiż-żona tal-euro se jilħaq il-100 % tal-PGD fl-2014. Fl-ambitu ta' koordinazzjoni fiskali iktar profonda fiż-żona tal-euro, hemm bżonn ta' impenn sod għal strateġija fiskali li tista' tibbilanċja b'mod xieraq il-kunsiderazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni u s-sostennibbiltà, f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki fiskali fiż-żona tal-euro, il-Ministri tal-Finanzi taż-żona tal-euro, f'Ġunju 2009 qablu dwar il-linjigwida biex jipprovdu l-orjentazzjonijiet lejn it-tfassil tal-baġits tal-gvern għall-2010 (Reviżjoni Baġitarja ta' Nofs it-Terminu). B'mod partikolari ddeċidew li hekk kif l-irkupru jiġi kkonsolidat, u jonqsu iktar ir-riskji ta' kollass ekonomiku ieħor, il-bilanċ tal-politiki fiskali għandhom jagħmlu iktar enfasi fuq il-konsolidazzjoni. Barra minn hekk, huma qablu li r-ritmu tal-konsolidazzjoni għandu jvarja fid-diversi pajjiżi, mhux biss fuq il-bażi tal-velocità tal-irkupru, il-pożizzjonijiet fiskali u l-livelli tad-dejn, iżda wkoll fuq il-bażi tan-nefqa proġettata għax-xjuħija, l-iżbilanċi esterni u r-riskji fis-settur finanzjarju.

    Il-konsolidazzjoni għandha ttejjeb ukoll il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u twaqqaf iż-żieda fid-dejn filwaqt li tikkontribwixxi għal tkabbir fit-tul, billi tikkonsolida l-ispejjeż li mhumiex produttivi u ssaħħaħ l-inċentivi maħsuba biex ikabbru l-kapaċità produttiva tal-ekonomija. Barra minn hekk, jeħtieġ li jissaħħu l-oqfsa fiskali nazzjonali biex ikunu kapaċi għal konsolidazzjoni effettiva fiż-żminijiet favorevoli. Kollox ma' kollox, il-lezzjoni minn din il-kriżi hija li s-sorveljanza makroekonomika għandha tikkunsidra s-sostennibbiltà bħala pern biex jitkabbru l-istrateġiji ekonomiċi.

    Jeħtieġ li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-politiki u l-Istati Membri biex ikunu jistgħu jfasslu strateġiji adegwati għall-ħruġ mill-kriżi. Għaż-żona tal-euro huwa partikolarment importanti li jiġu stabbiliti strateġiji ta' ħruġ kredibbli u kkoordinati b'mod effikaċi biex jiżguraw tkabbir sostenibbli u jevitaw li jinfirxu t-trajettorji potenzjali ta' tkabbir hekk kif l-ekonomija terġa' tissaħħaħ. Il-koordinazzjoni essenzjalment għandha tieħu l-forma ta' ftehimiet komuni dwar iż-żminijiet, ir-ritmi u s-sekwenza tan-normalizzazzjoni tal-orjentazzjonijiet politiki xierqa. L-eventwali revoka tal-miżuri ta' sostenn għall-istimolu fiskali u għan-negozju, akkumpanjati mit-tfassil ta' proġetti kredibbli u pjanijiet ta' riformi strutturali, għandhom itejbu l-prospetti ta' stabbiltà tal-prezzijiet u b'hekk jiffaċilitaw it-tħaddim tal-politika monetarja. Jinħtieġ progress rapidu fil-livell ta' rkupru finanzjarju biex jiggarantixxi li s-sistema bankarja ma ddumx ma tirkupra u l-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet tal-politika monetarja ma jkunx f'kunflitt mal-għan tal-istabbiltà finanzjarja. Fl-istrateġiji nazzjonali tal-ħruġ mill-kriżi hemm bżonn li jiddaħħlu diversi politiki bl-iskop li jintlaħaq l-aħjar riżultat globali. F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill għaż-żona tal-euro fl-ambitu tal-Istrateġija ta' Liżbona, jinħtieġ progress għall-implimentazzjoni tar-riformi li jsaħħu t-tkabbir potenzjali u jiffaċilitaw l-adattament għall-kriżijiet.

    Lezzjonijiet għall-governanza. Il-kriżi enfasizzat il-ħtieġa biex jissaħħaħ il-qafas għas-sorveljanza u l-governanza taż-żona tal-euro. Fil-komunikazzjoni tal-UEM@10 tal-2008, il-Kummissjoni kienet diġà enfasizzat il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro juru b'mod iktar ċar volontà politika u kapacità ta' tmexxija biex jittrasformaw il-ftehim komuni f'azzjoni politika konċertata u stiednet lill-Istati Membri biex jagħmlu mezz li l-Eurogroup jikkostitwixxi minn entità politika vera għal dibattiti miftuħa u inizjattivi ddeterminati. It-Trattat ta' Liżbona jipprovdi l-pjattaforma meħtieġa għal iktar titjib tal-governanza ekonomika taż-żona tal-euro. Il-Protokoll il-ġdid mehmuż mat-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi formalment lill-Eurogroup u l-President tiegħu u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata koordinazzjoni dejjem iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi fiż-żona tal-euro. Barra min hekk, it-Trattat ta' Liżbona jsaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni fis-sorveljanza tat-tħaddim tal-UEM.

    Unita, iż-żona tal-euro tista' tinfluwenza l-aġenda globali. Billi l-G20 ħareġ bħala l-forum prinċipali biex jippromwovi r-riforma ta' governanza ekonomika u finanzjarja globali għolla l-aspettattivi għaż-żona tal-euro. Wara l-kriżi, l-ekonomija globali qed tiffaċċja l-isfida diffiċli tat-tmexxija tat-tranżizzjoni lejn mudell iktar ibbilanċjat u sostenibbli tat-tkabbir għall-ekonomiji prinċipali dinjin. Għal dan il-għan, huwa ġġustifikat rwol iktar importanti għas-sorveljanza globali taħt l-awspiċi tal-FMI. F'dan il-kuntest, iż-żona tal-euro trid titqies bħala entità ekonomika unika, li għandha tkompli tikber fl-importanza hekk kif jissieħbu iktar membri ġodda. Biex iż-żona tal-euro tkun tista' titkellem b'vuċi soda fil-livell globali, jinħtieġ it-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna tal-UE partikolarment fl-ambitu tal-FMI. Issa huwa l-mument, waqt li d-diskussjonijiet fuq il-kwoti u r-rappreżentazzjoni qed jiksbu l-momentum. Din hija r-raġuni għaliex il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif esposta fil-komunikazzjoni tal-UEM@10 is-sena li għaddiet illum hija iktar rilevanti minn qatt qabel.

    [1] Kull dokument rilevanti dwar il-proċedura tal-EDP huma disponibbli fi: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2

    [2] 'EMU@10: Is-suċċessi u l-isfidi wara 10 snin ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - COM(2008) 238, 7.5.2008.

    Top