EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0519

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Investiment fl-Iżvilupp ta’ Teknoloġiji b’livell baxx ta’ Karbonju (SET-Plan) {SEG(2009) 1295} {SEG(2009) 1296} {SEG(2009) 1297} {SEG(2009) 1298}

/* KUMM/2009/0519 finali */

52009DC0519




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.10.2009

KUMM(2009) 519 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Investiment fl-Iżvilupp ta’ Teknoloġiji b’livell baxx ta’ Karbonju(SET-Plan)

{SEG(2009) 1295}{SEG(2009) 1296}{SEG(2009) 1297}{SEG(2009) 1298}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Investiment fl-Iżvilupp ta’ Teknoloġiji b’livell baxx ta’ Karbonju(SET-Plan)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. Daħla

Sfida kritika

Waħda mill-ambizzjonijiet ewlenin tal-Ewropa trid tkun l-iżvilupp ta’ ekonomija b'livell baxx ta’ karbonju. L-UE stabbiliet qafas komprensiv tal-politika, li fost l-oħrajn tinkludi: il-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2020 u prezz għall-karbonju permezz tas-Sistema tal Iskambju tal-Emissjonijiet. Qed naħdmu wkoll biex in-negozjati internazzjonali fuq it-tibdil tal-klima li se jsiru f'Kopenħagen[1] fi tmiem l-2009 jintemmu b'suċċess. Issa rridu naslu, kemm f’termini tal-miri tal-2020 u kemm għal iktar tul ta’ żmien, bl-għan li sal-2050 jinqatgħu 80 % mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’paragun mal-livelli tal-1990.

Il-ħolqien mill-ġdid tas-sistema tal-enerġija tagħna fuq mudell b’livell ta’ karbonju baxx huwa wieħed mill-isfidi kritiċi tas-seklu 21. Illum, fl-UE, il-provvista prinċipali tal-enerġija tagħhna hija 80 % dipendenti fuq il-fjuwils fossili. Tul għexieren ta’ snin in-netwerks u l-ktajjen tal-provvisti ġew imtejba sabiex l-enerġija minn dawn is-sorsi titwassal lis-soċjetà tagħna. It-tkabbir ekonomiku u l-prosperità nbnew fuq iż-żejt, il-faħam u l-gass. Madankollu, għamluna wkoll vulnerabbli għall-interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija minn barra l-UE, għall-volatilità fil-prezzijiet tal-enerġija u għat-tibdil fil-klima.

Hemm alternattivi differenti kif nistgħu naslu għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Bla dubju, l-ebda miżura jew teknoloġija waħda mhi biżżejjed, u t-taħlit f’kull pajjiż se jiddependi fuq il-kombinazzjoni partikulari ta’ għażliet politiċi, qawwiet tas-suq, disponibbiltà ta’ riżorsi u aċċettazzjoni pubblika.

L-istruttura teknoloġija taħt pressjoni

Lanqas ma hemm dubju li t-teknoloġija u l-użu effiċjenti tar-riżorsi huma l-qofol tal-isfida. Hemm bżonn nistimulaw l-aqwa mħuħ tagħna sabiex imorru lil hinn mill-barrieri tax-xjenza, fil-materjal, fil-kimika u fil-fiżika, fin-nanoteknoloġija u fil-bijoteknoloġija, sabiex isibu modi ġodda u aħjar għall-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija. Fl-istess ħin, iżda, ma nistgħux noqogħdu b’idejna fuq żaqqna u nistennew li dawn l-avvanzi li jistgħu jittrasformaw il-qagħda attawli joħorġu mil-laboratorji u jirnexxilhom jaslu, permezz tas-soltu triq twila u diffiċli sas-suq. Irridu naġixxu issa, naċċeleraw l-iżvilupp ta’ dawk it-teknoloġiji li għandhom l-ikbar potenzjal. Dan ipoġġi l-istruttura tax-xjenza u t-teknoloġija tagħna taħt pressjoni sabiex noħorġu bis-soluzzjonijiet fil-ħin.

Is-swieq weħedhom mhux se jirnexxu

Ma tantx hemm ċans li s-swieq u l-kumpaniji tal-enerġija li jaġixxu weħedhom jirnexxilhom iwettqu l-iżviluppi teknoloġiċi fi żmien qasir biżżejjed biex jissodisfaw il-miri tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE. L-investimenti blokkati, l-interessi personali, kif ukoll ir-riskji għoljin u l-ħtieġa għal investimenti sinifikanti f’alternattivi inqas ta’ profitt, jindikaw li l-bidla se tkun bil-mod sakemm ma tingħatax imbuttatura qawwija. L-uniku mod kredibbli li bih jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tagħna huwa permezz tal-politika pubblika u tal-assoċjazzjoni tal-investiment pubbliku mas-settur privat, fl-interess nazzjonali.

Il-Pjan SET huwa l-pilastru teknoloġiku tal-politika tal-enerġija tal-klima tal-UE

Bl-istess mod, l-Istati Membri weħedhom ma tantx għandhom rieda jew kapaċità li jaċċeleraw l-iżvilupp teknoloġiku f'portafoll wiesa' biżżejjed ta' teknoloġiji. Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan)[2] huwa r-rispons tal-UE quddiem l-isfida biex jiġi aċċelerat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju li jwassal għall-kummerċjalizzazjoni wiesgħa tagħhom. Dan il-pjan jistabbilixxi viżjoni ta' Ewropa li tkun minn ta’ quddiem fid-dinja f’firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji nodfa, effiċjenti u b'livelli baxxi tal-karbonju bħala mutur tal-prosperità u kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impiegi. Il-pjan jipproponi ppjanar strateġiku konġunt u implimentazzjoni iktar effettiva tal-programmi. Issa jeħtieġ jiġi implimentat.

Kwistjoni globali

Madankollu, it-tranżizzjoni tal-Unjoni Ewropea għal ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju ma jkollha l-ebda tifsira mingħajr tranżizzjoni globali. Huwa għalhekk li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali huwa parti integrali fin-negozjati dwar il-klima u għaliex il-G8 qabel li jiffaċilita l-iżvilupp, it-tħaddim u d-diffużjoni ta’ teknoloġiji avvanzati f’ekonomiji li qed jitwieldu u jiżviluppaw, kif ukoll il-ftehim tal-Forum tal-Ekonomiji Ewlenin li tiġi stabbilita Sħubija Globali għal ħidma flimkien fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji trasformattivi b’livelli baxxi ta’ karbonju. Politika tal-kummerċ internazzjonali attiva se tippromwovi wkoll it-tkabbir tas-swieq ġewwa u barra l-Ewropa u żżid l-aċċettazzjoni ta' teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.

Investiment fil-futur – opportunità u mhux xkiel

Huwa essenzjali approċċ Ewropew sabiex isseħħ l-ambizzjoni li teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju jiżviluppaw b’mod effettiv sabiex ikunu jistgħu jitgħiedu fis-suq: dan iressaq flimkien parteċipanti ewlenin fuq skala kontinentali; jgħin biex jiġu identifikati u ttrattati l-ostakli li jżommu l-prodotti innovattivi u s-servizzi fis-suq waħdieni; u jippermetti li sorsi differenti ta' finanzjament privat u pubbliku jinġiebu flimkien. Il-kalkoli tar-riżorsi f’din il-Komunikazzjoni mhumiex proposta għall-finanzjament mill-baġit tal-UE. Jirrappreżentaw sforz biex jiġu identifikati ż-żoni ewlenin fejn l-Ewropa teħtieġ tinvesti fis-snin li ġejjin biex tagħti espressjoni konkreta lill-viżjoni ta’ livelli baxxi ta’ karbonju tagħha. Il-figuri ppreżentati għandhom jiġu mifhuma bħala indikazzjoni tal-ordnijiet ta’ manjetudni. Il-biċċa l-kbira tal-fondi meħtieġa trid tiġi mis-settur privat u minn Stati Membri, filwaqt li parti żgħira minnu tiġi b’kontribut mill-baġit tal-UE. B’dan il-mod, ir-riżorsi limitati disponibbli mill-baġit tal-UE jistgħu jintużaw biex jamplifikaw stadju ta’ bidla fl-investiment ipprovdut għar-riċerka u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.

Filwaqt li wieħed japprezza l-limitazzjonijiet fuq il-baġits pubbliċi fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-Pjan SET, jekk ikollha biżżejjed riżorsi, tkun opportunità li mhux ta’ min tintilef. Investiment ġdid illum eventwalment jissarraf fi ffrankar għall-baġits pubbliċi u hekk il-ksib tal-għanijiet tal-politika tagħna jkun aktar possibbli u irħas.

2. X’għandna bżonn niffinanzjaw? Pjan tal-UE għal teknoloġija b’livelli baxxi ta’ karbonju għas-snin 2010-2010 u l-ispejjeż rilevanti

L-investimenti li se jsiru matul l-għaxar snin li ġejjin se jkollhom konsegwenzi profondi għas-sigurtà tal-enerġija, għat-tibdil fil-klima, u għat-tkabbir u l-impiegi fl-Ewropa. F’ħidma mal-partijiet konċernati, il-Kummissjoni fasslet Pjanijiet ta' Teknoloġija għas-snin 2010-2020 għall-implimentazzjoni tal-Pjan SET. Dawn il-pjanijiet u l-metodoloġija għat-tħejjija tagħhom huma spjegati fid-dettal f’Dokument ta’ Ħidma għall-Persunal mehmuż ma’ din il-Kommunikazzjoni[3]. Huma jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet differenti tat-teknoloġiji varji, skont l-istadju ta’ żvilupp u maturità tagħhom, u jibbilanċjaw il-ħtiġijiet għal perjodu qasir kontra l-potenzjal innovattiv għal perjodu itwal.

Il-pjanijiet u l-kalkoli tal-kost assoċjati huma bbażati fuq l-aqwa tagħrif disponibbli llum. Huma suġġetti għal reviżjoni u emenda perjodiċi fid-dawl tal-progress fuq l-implimentazzjoni u ċ-ċirkustanzi u l-prijoritajiet li jinbidlu. Il-kost jinkludi l-investiment privat u l-finanzjament pubbliku, kemm f'livell tal-UE u kemm dak nazzjonali. Dawn il-kosti jinkludu r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni u l-aċċettazzjoni bikrija fis-suq, iżda jeskludu l-ispejjeż tat-tħaddim u tal-inċentivi bbażati fuq is-suq, bħalma huma t-tariffi feed-in[4]. Filwaqt illi jgħinu fil-binja ta’ stampa globali tal-ħtiġijiet tal-finanzjament, ma għandhomx jittieħdu bħala proposta għal allokazzjoni futura tal-fondi tal-UE. Il-prijoritajiet tal-ġejjieni għall-baġit tal-UE jeħtieġ jiġu definiti bħala parti mir-reviżjoni tal-baġit u fil-kuntest tat-tħejjija tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

2.1 Inizjattivi Industrijali Ewropej

F'dinja b'restrizzjonijiet fuq il-karbonju, il-ħakma tat-teknoloġija kulma jmur sejra tiddetermina l-prosperità u l-kompetittività. Bil-qafas tal-politika tal-UE stabbilit, l-Industrija Ewropea għandha l-opportunità li tkun hi li tmexxi lid-dinja fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa u effiċjenti. L-Inizjattivi Industrijali Ewropej[5] għandhom l-għan li jbiddlu dik l-opportunità f’realtà billi jiffukaw l-isforzi fuq sfidi u ostakli ewlenin u jipproponu azzjonijiet konkreti għall-perjodu 2010-2020.

It-tnedija tal-inizjattivi nfushom se tkun akkompanjata minn pjanijiet dettaljati ta’ implimentazzjoni, u filwaqt li tibbaża fuq dawn il-pjanijiet tkompli tipprojiritizza l-azzjonijiet proposti skont ir-riżorsi disponibbli u l-loġika tal-intervent f’livelli differenti.

- L-Inizjattiva Ewropea tal-enerġija mir-riħ

Sabiex tisfrutta l-potenzjal kbir tagħha, l-enerġija mir-riħ trid taċċelera l-proċess tat-tnaqqis fl-ispejjeż, tkun dejjem iktar lil hinn mix-xtut ( offshore) u tirriżolvi l-kwistjonijiet assoċjati tal-integrazzjoni tan-netwerk tal-enerġija ( grid integration) . Sabiex inħeġġu l-espansjoni mgħaġġla tagħha, jeħtieġ li: jkollna stampa aħjar tar-riżorsi tar-riħ fl-Ewropa, permezz ta’ kampanji ta’ kejl koordinati; nibnu minn 5 sa 10 faċilitajiet ta’ ttestjar għal komponenti ġodda tat-turbini; sa 10 proġetti ta’ dimostrazzjoni għat-turbini tal-ġenerazzjoni li jmiss; mill-inqas 5 prototipi ta’ substrutturi ġodda lil hinn mix-xtut li jiġu ttestjati f’ambjenti differenti; nuru proċessi ġodda ta’ manifattura; u nittestjaw il-vijabbiltà ta’ strateġiji loġistiċi ġodda u tekniki ta’ bini f’kundizzjonijiet klimatiċi remoti u ta’ spiss ħżiena. Dan kollu jrid jissaħħaħ bi programm ta' riċerka komprensiv biex l-effiċjenza tal-konverżjoni tat-turbini tar-riħ titjieb.

L-investiment totali pubbliku u privat meħtieġ fl-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin huwa kkalkulat għal EUR 6 biljuni. Il-kumpens għandu jkun enerġija mir-riħ kompetittiva li kapaċi tikkontribwixxi sa 20 % tal-elettriku tal-UE sal-2020 u 33 % sal-2030. Għandhom jinħolqu iktar minn 250 000 impjieg għal nies kwalifikati.

- L-inizjattiva Ewropa Solari

L-enerġija mix-xemx , inklużi l-enerġija fotovoltajka (PV) u l-qawwa konċentrata tax-xemx (CSP), trid issir iktar kompetittiva u iktar attraenti għas-suq tal-massa. Il-problemi li jirriżultaw min-natura distribwita u varjabbli tagħha għandhom jiġu solvuti. Sabiex inħeġġu l-iżvilupp tal-PV, neħtieġu: programm ta’ riċerka fit-tul li jiffoka fuq kunċetti u sistemi avvanzati tal-PV; sa 5 impjanti piloti għall-produzzjoni tal-massa awtomatika; u portafoll bi proġetti ta' dimostrazzjoni kemm għall-produzzjoni tal-PV diċentralizzata u kemm dik ċentralizzata. Għas-CSP, l-ikbar ħtieġa hija għat-tisħiħ industrijali tat-teknoloġiji dimostrati permezz tal-bini tal-ewwel għaxar impjanti tal-enerġija, appoġġjati minn programm ta’ riċerka biex jitnaqqsu l-ispejjeż u titjieb l-effiċjenza, b’mod partikulari permezz tal-ħżin tas-sħana.

L-investiment totali pubbliku u privat meħtieġ fl-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin huwa kkalkulat għal EUR 16 biljun. Mhux aktar minn 15 % tal-elettriku tal-UE jista' jkun iġġenerat mill-enerġija mix-xemx fl-2020 bħala riżultat ta' programm bħal dan flimkien ma' inċentivi bbażati fuq is-suq. Għandhom jinħolqu iktar minn 200 000 impjieg għal nies kwalifikati.

- Inizjattiva Ewropea dwar in-netwerk tal-elettriku

In-netwerks tal-elettriku għandhom iwieġbu għal tliet sfidi relatati ma' xulxin – biex jinħoloq suq intern reali; biex tiġi integrata żieda qawwija ta’ sorsi tal-enerġija intermittenti; u biex jiġu ġestiti interazzjonijiet kumplessi bejn il-fornituri u l-klijenti. Sabiex jiġi żgurat li n-netwerks tal-elettriku tagħna jkunu adattati għas-seklu 21, neħtieġu programm ta’ riċerka u ta’ dimostrazzjoni li jkun integrat tajjeb ħafna: riċerka biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda biex jimmoniterjaw, jikkontrollaw u joperaw in-netwerks kemm f’kundizzjonijiet normali kif ukoll ta’ emerġenza u biex jiġu żviluppati strateġiji mill-aqwa u diżinji tas-suq li jipprovdu lill-atturi b’inċentivi tajba biex jikkontribwixxu għall-effiċjenza u għall-kost-effiċjenza globali tal-katina tal-provvista tal-elettriku; mhux iktar minn 20 proġett ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira li jivvalidaw is-soluzzjonijiet u jagħtu valur lill-benefiċċji tas-sistema reali tagħhom, qabel ma jxerrduhom ’il barra mal-Ewropa.

L-investiment totali pubbliku u privat meħtieġ fl-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin huwa kkalkulat għal EUR 2 biljuni. L-għan hu li sal-2020, 50 % tan-netwerks fl-Ewropa jippermettu l-possibbiltà li l-enerġiji rinnovabbli jintegraw bla xkiel u joperaw bi prinċipji ‘intelliġenti’, ilaqqgħu il-provvista mad-domanda b’mod effettiv u jappoġġaw is-suq intern għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

- L-inizjattiva tal-Ewropa għall-bijoenerġija sostenibbli

Il- Bijoenerġija trid tressaq l-iktar teknoloġiji promettenti lejn il-maturità kummerċjali tagħhom sabiex tagħti lok għall-produzzjoni sostenibbli fuq skala kbira ta’ bijofjuwils avvanzati kif ukoll sħana u elettriku kkombinati u effiċjenti ġejjin mill-bijomassa. Diversi proċeduri ta’ bijoenerġija jinsabu fi stadji varji ta’ maturità. Għal bosta, l-iktar ħtieġa urġenti hija t-turija tat-teknoloġija fuq skala xierqa – impjanti piloti, dimostrazzjoni qabel l-istadju kummerċjali jew skala industrijali sħiħa. Sa 30 impjant se jkunu meħtieġa fl-Ewropa kollha sabiex jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi differenti kif ukoll il-limitazzjonijiet loġistiċi. Programm ta’ riċerka iktar fit-tul se jħeġġeġ l-iżvilupp tal-industrija tal-bijoenerġija sostenibbli lil hinn mill-2020.

L-investiment totali pubbliku u privat meħtieġ fl-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin huwa kkalkulat għal EUR 9 biljuni. Sal-2020, il-kontribut għat-taħlita tal-enerġija tal-UE mill-bijoenerġija kost-kompetittiva użata skont il-kriterji ta’ sostenibbiltà tad-Direttiva l-ġdida dwar l-RES[6] jista' jkun ta’ mill-inqas 14 %. Għandhom jinħolqu iktar minn 200 000 impjieg lokali.

- Inizjattiva Ewropea dwar il-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO2

It-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) għandhom jiġu kkummerċjalizzati fuq firxa wiesgħa jekk l-UE trid tikseb enerġija ġġenerata b’livell ta’ karbonju kważi żero sal-2050 u biex l-użu kontinwu probabbli tar-riżervi globali vasti tal-faħam ma jaggravax it-tibdil fil-klima. L-iktar ħtieġa urġenti hi li l-katina sħiħa CCS tintwera fuq skala industrijali għal portafoll rappreżentattiv ta’ alternattivi differenti ta’ qbid, trasport u ħżin. Fl-istess waqt, programm ta’ riċerka komprensiv jagħti komponenti mtejjba, sistemi u proċessi integrati sabiex is-CCS ikunu iktar kummerċjalment vijabbli fl-impjanti tal-enerġija tal-fjuwils fossili li se jibdew joperaw wara l-2020.

L-investiment totali pubbliku u privat meħtieġ fl-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin huwa kkalkulat għal EUR 13-il biljun. Il-mira hi li l-kost tas-CCS jitnaqqas għal bejn EUR 30-50 għal kull tunnellata ta’ CO2 imnaqqsa sal-2020, u b’hekk ikun iktar kost-effettiv fl-ambitu tal-ipprezzar tal-karbonju.

- Inizjattiva għall-enerġija mill-fissjoni nukleari sostenibbli

Il-fissjoni nukleari trid timxi lejn sostenibbiltà fit-tul b'tip ta' reattur ta' ġenerazzjoni ġdida – ir-reattur tal-Ġenerazzjoni-IV. Se jkun iddiżinjat biex jimmassimizza s-sikurezza inerenti, jżid l-effiċjenza, jipproduċi inqas skart radjuattiv u jimminimizza r-riskji ta’ proliferazzjoni. Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn ir-reatturi hija mbassra għall-2040 iżda biex tintlaħaq din il-mira, ix-xogħol irid jibda issa. Il-biċċa l-kbira tal-programm sal-2020 se jkun id-diżinn u l-kostruzzjoni tal-prototipi u tad-dimostraturi, workshops tal-fabrikazzjoni tal-fjuwil u faċilitajiet sperimentali kif ukoll programm ta’ riċerka biex jiġu żviluppati materjali u komponenti ġodda sabiex titjieb il-vijabbiltà industrijali u ekonomika tar-reatturi. Dan l-isforz se jinbena fuq bażi soda ta’ kompetenzi u esperjenza fit-teknoloġija nukleari kurrenti li qed tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan SET tal-2020.

L-investiment totali pubbliku u privat meħtieġ fl-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin huwa kkalkulat għal EUR 7 biljun. Sal-2020, l-ewwel prototipi tal-Ġenerazzjoni-IV għandhom ikunu qed joperaw. L-ewwel reatturi tal-ko-ġenerazzjoni jistgħu jidhru wkoll fl-għaxar snin li ġejjin bħala proġetti ta’ dimostrazzjoni biex jittestjaw it-teknoloġija għall-abbinament mal-proċessi industrijali.

- Ċellula kombustibbli u l-idroġenu

L-Inizjattiva Tekonoloġika Konġunta (ITK) dwar iċ-ċelluli kombustibbli u l-idroġenu ġiet stabbilita għall-perjodu 2008-2013 b’baġit ta’ EUR 470 miljun ta’ finanzjament mill-Komunità li miegħu, l-industrija trid tinvesti l-istess ammont jew aktar.

L-ITK għandha l-minimu tal-massa kritika meħtieġa biex jiġu żviluppati u vvalidati teknoloġiji effiċjenti u kost-kompetittivi għad-diversi applikazzjonijiet. Madankollu, biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tad-dħul fis-suq stabbiliti mill-industrija, jeħtieġ sforz sostanzjali addizzjonali. B’mod partikolari, se jkunu meħtieġa iktar dimostrazzjonijiet u attivitajiet ta’ tħaddim qabel l-istadju kummerċjali fuq skala ikbar għal applikazzjonijiet tat-trasport mobbli u stazzjonarji. Se jkunu meħtieġa wkoll riċerka fuq tul ta’ żmien u żvilupp teknoloġiku għall-bini ta’ katina kompetittiva ta’ ċelluli kombustibbli kif ukoll ta’ infrastruttura tal-idroġenu sostenibbli fl-Ewropa kollha. Attwalment il-finanzjament addizzjonali pubbliku u privat meħtieġ għall-perjodu 2013-2020 huwa kkalkulat għal EUR 5 biljun.

2.2 Effiċjenza fl-użu tal-enerġija – L-inizjattiva Bliet Intelliġenti

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija l-iktar mod sempliċi u rħis li jiggarantixxi tnaqqis tas-CO2. Fit-trasport, fil-bini u l-industrija, jeħtieġ li l-opportunitajiet disponibbli tat-teknoloġija jinbidlu f'opportunitajiet għall-azjendi. Din l-inizjattiva Ewropea ġdida – Bliet Intelliġenti – għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet li jagħtu spinta lis-suq tal-massa tat-teknoloġiji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

L-inizjattiva se tappoġġa bliet ambizzjużi u pijunieri (eż. mill-Patt tas-Sindki) li lesti jittrasformaw il-bini, in-netwerks tal-enerġija u s-sistemi tat-trasport tagħhom f'bini, netwerks u sistemi tal-ġejjieni, filwaqt li juru kunċetti u strateġiji ta’ tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjoni baxxa ta' karbonju. Il-bliet u r-reġjuni li qed jieħdu sehem huma mistennija jittestjaw u juru l-prattiċità li wieħed imur lil hinn mill-għanijiet attwali tal-enerġija u tal-klima tal-UE – jiġifieri lejn tnaqqis ta’ 40 % ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet tas-serra permezz sal-2020 ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u użu tal-enerġija sostenibbli.

L-investiment totali pubbliku u privat meħtieġ fl-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin huwa kkalkulat għal EUR 11-il biljun. Sal-2020, l-inizjattiva Bliet Intelliġenti għandha tpoġġi minn 25 sa 30 belt Ewropea fuq quddiem tat-tranżizzjoni lejn ġejjieni b’livell baxx ta’ karbonju. Dawn il-bliet se jkunu n-nuklei li minnhom netwerks intelliġenti, ġenerazzjoni ġdida ta’ bini u trasport b’livell baxx ta’ karbonju se jiżviluppaw f’realtajiet fl-Ewropa kollha li se jbiddlu s-sistema tal-enerġija tagħna.

2.3 Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija

L-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA) qed iżżid l-kooperazzjoni bejn istituti nazzjonali ta’ riċerka għal livell ġdid – minn partiċipazzjoni ad-hoc fi proġetti konġunti mhux ikkoordinati għat-tfassil u l-implimentazzjoni kollettivi ta’ programmi konġunti. Sabiex l-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju ikun iktar mgħaġġel, hemm bżonn nżidu mal-momentum tal-Alleanza u nagħtu spinta lill-iskala tal-programmi konġunti tagħha permezz ta’ investiment addizzjonali. It-teħid ta’ ideat mil-laboratorju u l-iżviluppar tagħhom sal-punt fejn jistgħu jintużaw mill-industrija huwa stadju li jeħtieġ jiqsar sew. L-involviment tal-universitajiet fl-Alleanza permezz ta’ pjattaforma mwaqqfa mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet se jgħin biex jiġi żgurat li l-aħjar imħuħ jistgħu jiġu mobilizzati.

Fis-sentejn li ġejjin, l-Alleanza se tniedi u timplimenta programmi konġunti li jindirizzaw l-isfidi ewlenin tal-Pjan SET b’għanijiet teknoloġiċi konkreti. Se jiġu żviluppati rabtiet b’saħħithom mal-Inizjattivi Industrijali biex jiżguraw ir-relevanza industrijali. Abbażi tal-progress attwali, nikkalkulaw li l-Alleanza tista' tespandi l-attivitajiet tagħha biex tiġġestixxi b'mod effikaċi investiment pubbliku addizzjonali, kemm tal-UE u kemm nazzjonali, ta’ EUR 5 biljuni f’għaxar snin.

2.4 Attivitajiet u inizjattivi kumplimentari

- Alternattivi teknoloġiċi oħra

Fuq talba tal-Kunsill u tal-Parlament, il-Kummissjoni[7] qed teżamina alternattivi oħra li għandhom potenzjal qawwi bħalma huma sorsi oħra ta’ enerġija li tiġġedded lil hinn mix-xtut[8], il-ħżin tal-enerġija u t-tisħin u t-tkessiħ permezz tal-enerġija rinnovabbli. Fis-settur nukleari, biex isostni l-kontribut attwali tiegħu għall-elettriku ġġenerat b’livell baxx ta’ karbonju, hemm bżonn li jiġu trattati żewġ sfidi ewlenin identifikati fil-Pjan SET – l-estensjoni tal-ħajja utli tal-faċilitajiet u s-soluzzjonijiet għall-iskart nukleari.

- Enerġija mill-fużjoni

Il-fużjoni hija sors promettenti tal-enerġija għal tul ta’ żmien. Euratom, bħala membru li jospita tal-Ftehim Internazzjonali ITER, jibqa’ totalment impenjat lejn is-suċċess tal-proġett ITER, fejn l-investiment b’kapital għoli huwa meħtieġ għall-fażi ta’ kostruzzjoni.

- Innovazzjonijiet xjentifiċi

Il-karburant prodott direttament mid-dawl tax-xemx, sorsi tad-dawl (diġitali) fi stat solidu li jdumu jservu għexieren ta’ snin, batteriji li jaħżnu l-elettriku għaxar darbiet iktar mid-densità kurrenti. Dawn huma uħud mit-teknoloġiji tal-ġejjieni. Iżda biex ikollna għarfien tajjeb tagħhom irridu nesploraw livelli ġodda ta' kumplessità fil-fenomeni fiżiċi u kimiċi li jikkontrollaw kif il-materjali jipprestaw irwieħhom u jinteraġixxu[9].

Ir-riċerka bażika hija kronikament nieqsa mill-fondi fl-UE. Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka qed jibda jindirizza din il-problema, iżda ma jipprevedix programm speċifiku relatat mal-enerġija. B’kuntrast għal dan, l-Istati Uniti dan l-aħħar ħabbret il-ħolqien ta' 46 Ċentru għar-Riċerka tal-Enerġijaa fil-Fruntieri, b'baġit ta' $ 777 miljun (EUR 555 miljun) fil-ħames snin li ġejjin. Mingħajr sforz bħal dan, l-Ewropa se tibqa' lura hekk kif skoperti ġodda se jieħdu post teknoloġiji kurrenti. Sabiex il-kompetittività tagħna fil-ġejjieni jkollha bażi tajba meta tiġi biex tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni internazzjonali ħarxa, għandu jsir investiment ieħor ta’ EUR 1 biljun għar-riċerka bażika fl-għaxar snin li ġejjin.

- L-attivar tal-poli tax-xjenza u tar-riċerka

Flimkien mal-Alleanza għar-Riċerka dwar l-Enerġija, poli oħra tax-xjenza u tar-riċerka jridu jiġu attivati biex jaħdmu fuq sfidi relatati mal-enerġija u mal-klima. Il-politika ta’ koeżjoni tipprovdi investiment sinifikanti biex issaħħaħ u tiżviluppa iktar il-kapaċità ta’ riċerka tal-UE, biex tippromwovi l-bidu ta’ ċentri ġodda ta’ eċċellenza u biex terġa’ ssaħħaħ il-potenzjal kapitali uman. L-għarfien ta’ setturi oħra jista' jintuża wkoll biex jappoġġa l-politika dwar l-enerġija tal-UE. Ngħidu aħna, l-Aġenzija Spazjali Ewropea tista’ tgħin fit-trasferiment ta’ materjali ta’ insulazzjoni avvanzati kif ukoll sistemi ta’ enerġija ultra-effiċjenti lejn is-settur tal-enerġija terrestri, jew tagħmel użu mill-applikazzjonijiet spazjali biex timmonitorja u tiġġestixxi sistemi tal-enerġija u biex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni.

Il-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KIC) dwar l-enerġija sostenibbli u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tagħha proposti mill-Istitut Ewopew tat-Teknoloġija (EIT) se jkollhom spirtu intraprenditorjali, u se jħeġġu t-talent ġdid u jisfruttaw bis-sħiħ opportunitajiet ta’ innovazzjoni ġodda. Il-baġit annwali ta’ kull KIC huwa mistenni li jkun ta’ EUR 50-100 miljun, bi kwart minnu ġej mill-EIT. Il-parteċipazzjoni tal-atturi tal-KIC fl-inizjattivi tal-Pjan SET għandha tgħin fl-iżgurar tal-kumplimentarjetà u tevita d-duplikazzjonijiet.

- Il-kooperazzjoni internazzjonali

Il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp teknoloġiku se jkun element ewlieni tan-negozjati ta’ Kopenħagen u l-ispiża assoċjata u d-dispożizjonijiet għall-implimentazzjoni se jkunu parti min-negozjati. Il-G20 impenja ruħu biex jistimula l-investiment f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif ukoll biex jipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku għal proġetti bħal dawn f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan jinkludi t-teħid ta’ passi għall-iffaċilitar tad-diffużjoni jew tat-trasferiment ta’ teknoloġija ta’ enerġija bla tniġġis filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

L-UE hija lesta tagħti s-sehem tagħha f’dan l-appoġġ internazzjonali, permezz ta’ strumenti multilaterali u billi ssaħħaħ u tespandi l-attivitajiet tagħha ta' kooperazzjoni bilaterali fir-rigward tat-teknoloġija b’livell baxx ta’ karbonju.

Il-Kummissjoni diġà qed taħdem mill-qrib mal-Istati Uniti u mal-Ġappun biex tiddefinixxi pjanijiet ta’ azzjoni konkreti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-riċerka dwar l-enerġija. Aħna se nibnu fuq din l-esperjenza sabiex intejbu l-kooperazzjoni ma’ sħab strateġiċi ewlenin oħra. Fl-istess ħin, se nkomplu ntejbu l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ Stati Membru u tal-KE sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika mas-sħab fid-dinja kollha. Il-Forum Strateġiku tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali Xjentifika u Teknoloġika[10]se jkun strumentali fit-titjib tal-kundizzjonijiet ġenerali li bihom issir ir-riċerka internazzjonali.

Iċ-ċirkustanzi diversi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu azzjonijiet u livelli ta’ ambizzjoni ddivrenzjati. Matul il-ftit snin li għaddew, għadd ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, fosthom iċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel u l-Brażil, fasslu strateġiji nazzjonali għat-tibdil fil-klima. L-UE qed tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jagħżlu żvilupp b’livell baxx ta’ karbonju. Il-proġett tal-UE u taċ-Ċina għall-Faħam b’Emissjonijiet kważi Żero (NZEC) huwa eżempju konkret ta’ kooperazzjoni teknoloġika u f’dan il-każ juri l-qbid u l-ħżin tal-karbonju. Il-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF)[11] se jinvesti fil-fondi għall-enerġija rinnovabbli u għall-infrastruttura sostenibbli tal-enerġija u strutturi ta’ investiment simili magħmulin għall-bżonnijiet u l-kundizzjonijiet reġjonali. Inizjattivi oħra jinkludu l-Pjan Solari għall-Mediterran u s-Sħubija għall-Enerġija bejn l-Afrika u l-UE.

3. Il-kondiviżjoni tar-riskji u l-ġbir tar-riżorsi

Bil-livell ta’ għarfien ta’ llum, il-Kummissjoni temmen li l-investiment fl-UE għandu jiżdied mit-EUR 3 biljun attwali kull sena għal madwar EUR 8 biljuni fis-sena sabiex l-azzjonijiet tal-Pjan SET javvanzaw b’mod iktar effettiv[12]. Dan għandu jirrappreżenta investiment pubbliku u privat addizzjonali ta’ EUR 50 biljun fl-għaxar snin li ġejjin.

Ir-riskju kontinwu li jħabbtu wiċċhom miegħu t-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju fi stadji differenti taċ-ċiklu ta’ żvilupp iwassal għal approċċ ta’ kondiviżjoni tar-riskju fejn l-atturi rilevanti kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, jieħdu fuqhom dik il-parti tar-riskju li tikkorrispondi għas-settur ta’ attività tagħhom u għal-loġika ta’ intervent tagħhom. F’termini ġenerali, iktar ma l-inċertezzi teknoloġiċi jkunu kbar, l-appoġġ pubbliku jkun meħtieġ aktar u bi proporzjon ikbar ta' għotjiet. Meta r-riskju tas-suq ikun predominanti minħabba l-fallimenti tas-suq, l-appoġġ pubbliku huwa ġġustifikat ukoll biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali – u r-regolament jista’ jgħin ukoll biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq. Mingħajr dan, is-settur privat għandu jkun kapaċi jfendi għal rasu.

L-industrija teħtieġ tkun lesta li taċċelera l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u jitħaddmu rapidament. Il-banek u l-investituri privati jkollhom jiffinanzjaw u jinvestu bil-goff fil-kumpaniji li se jieħdu ħsieb it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Dan jirrappreżenta sfida kbira fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja fejn l-istmerrija għar-riskju hija ogħla u l-investiment f’teknoloġiji ġodda u iktar riskjużi ma jiġix l-ewwel prijorità għall-investituri. Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu ppreparati biex joffru l-iktar inċentivi xierqa u sinjali ta’ politika konsistenti, u – skont il-ħtieġa - biex ikunu lesti jżidu l-finanzjament pubbliku għall-iżvillupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju[13].

It-tqassim globalital-finanzjament tar-riċerka għall-enerġija non-nukleari fl-2007 kien 70 % privat u 30 % pubbliku. Minħabba n-natura ta’ politika pubblika tat-tranżizzjoni tal-enerġija u tas-sitwazzjoni ekonomika kurrenti, trid tiġi vvalutata żieda sinifikanti fis-sehem pubbliku tal-piż fi żmien qasir lejn livell ta’ impenn iktar indaqs.

Attwalment, 80 % tal-investiment pubbliku fir-riċerka għall-enerġija non-nukleari kien f’livell nazzjonali u 20 % f’livell Komunitarju. Minħabba l-ħtieġa għall-implimentazzjoni rapida ta’ programmi ffukati u integrati dwar teknoloġiji li għandhom potenzjali wiesgħa ta’ appikazzjoni fl-UE kollha, żieda fil-proporzjon tal-investiment pubbliku f’livell Komunitarju trid li tkun waħda mill-alternattivi esplorati fir-reviżjoni tal-baġit.

Il-livell meħtieġ ta’ finanzjament mill-Komunità għandu jiddependi, fost l-oħrajn, mill-interess ta’ Stati Membri biex jikkofinanzjaw inizjattivi tal-Pjan SET, permezz ta’ Programmazzjoni Konġunta[14] abbażi ta’ ġeometrija varjabbli. Proċess bħal dan jagħti l-possibiltà lil sħubijiet differenti ta’ Stati Membri biex jikkooperaw f’dawk it-teknoloġiji tal-ikbar interess għalihom, skont it-taħlita ta’ enerġija ppreferuta minnhom, tar-riżorsi bażi indiġeni tagħhom u tal-potenzjal għall-isfruttament.

Il-loġika ta' intervent fuq livell Komunitarju

Fl-UE, ix-xena ta’ riċerka ffinanzjata pubblikament tikkonsisti prinċipalment minn ‘borma komuni’ ġestita mill-Kummssjoni, mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka, u programmi nazzjonali ġestiti indipendentement minn Stati Membri. Kull wieħed irid jikkapitalizza fuq is-saħħiet u l-opportunitajiet tiegħu.

L-azzjoni f’livell tal-UE tista’ tinvolvi programmi ta’ riskju għoli, ta' kost għoli u għal żmien twil li jmorru lil hinn milli jistgħu jagħmlu Stati Membri individwali, jaqsmu bejniethom ir-riskju u jiġġeneraw ambitu u ekonomiji ta’ skala li ma jistgħux jinkisbu mod ieħor. Tista' tgħin biex tiġġenera l-aħjar programm ta' attivitajiet u tkabbar il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tixrid tal-informazzjoni, billi tbaxxi l-kost globali fil-ksib ta’ għan partikulari. Tista’ tindirizza sfidi transkonfinali u timmobilizza rapidament ġabra usa’ ta’ talent, kompetenzi u multi-dixxiplinarjetà minn dawk disponibbli f’livell nazzjonali. U jista’ jkollha effett qawwi ta’ amplifikazzjoni fuq l-industrija, kif ukoll fuq l-isforzi nazzjonali ta’ koordinazzjoni, permezz tal-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament li jippromwovu ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

4. Sorsi possibbli ta’ finanzjament pubbliku

Is-Sistema Ewropea tal-Iskambji tal-Emissjonijiet[15] tippermetti, mill-2013 ’il quddiem, il-ħolqien ta’ ċiklu ta’ dħul mill-irkanti li jerġa’ jiġi investit f’livell nazzjonali fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji li ma jniġġsux, iktar effiċjenti u b’kost iktar baxx. L-użu tad-dħul huwa ddeterminat mill-Istati Membri, iżda mill-inqas 50 % għandu jintuża għal attivitajiet relatati mat-tibdil fil-klima, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

It-300 miljun kwota tal-UE merfugħa mir-Riżerva għall-Entrati Ġodda tal-Iskema ta’ Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) se tintuża għall-appoġġ tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju u ta’ sorsi ta' enerġija li tiġġedded innovattivi. Dawn il-kwoti se jkunu disponibbli permezz ta’ Stati Membri għall-finanzjament ta’ proġett ta’ dimostrazzjoni magħżula abbażi tal-kriterji definiti f’livell Komunitarju. Madankollu, din l-iskema ma tkoprix riskji teknoloġiċi, iżda sempliċiment tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji eżistenti billi tikkumpensa għal spejjeż addizzjonali fuq teknoloġiji konvenzjonali.

F’livell tal-UE, il-Programmi tal-Komunità attwali, bħalma huma l-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa, u l-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru [16] (għas-CCS u l-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut), huma strumenti naturali għal dan l-iskop, iżda r-riżorsi attwali mhumiex fuq l-iskala meħtieġa biex jindirizzaw l-azzjonijiet kollha proposti fil-Pjan SET..

Il-proposti konkreti tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Pjan SET huma bbażati fuq il-ħtieġa għal azzjoni rapida, approċċ koordinat fl-UE kollha u x-xewqa biex jitnaqqsu l-ispejjeż globali billi l-portafoll ta' proġetti ffinanzjati jkun dejjem aħjar. L-approċċ huwa bbażat fuq it-twemmin li l-azzjoni tal-UE tista’ toffri valur miżjud reali, b’enfażi fuq il-ksib ta’ għanijiet speċifiċi, l-implimentazzjoni effettiva u l-użu aktar effikaċi ta’ riżorsi skarsi.

5. It-titjib tal-koerenza u l-immobilizzar tal-komunità finanzjarja

Il-finanzjament huwa biss nofs l-istorja. Irridu wkoll nonfquh tajjeb – biex nimmassimizzaw l-inċentiv u l-effett ta’ amplifikazzjoni tal-iffinanzjar pubbliku u niżguraw l-aħjar benefiċċji għas-soċjetà.

Il-‘kaxxa tal-għodda’ tal-istrument ta’ finanzjament hija kompluta mhux ħażin. Din tinkludi: Programmi RTD u innovattivi f’livell nazzjonali u tal-UE; iffinanzjar ibbażat fuq id-dejn; fondi ta’ kapital għar-riskju; fondi għall-infrastruttura; u strumenti bbażati fis-suq. Madankollu, l-insuffiċjenza tar-riżorsi, il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ sinerġija joħolqu problema. Il-fornituri tal-għotjiet, tas-sussidju, tas-self u tal-ekwità għandhom tendenza li jaġixxu individwalment mingħajr strateġija globali ta’ gwida jew proċess ta’ perfezzjonament. Il-Pjan SET għandu jgħin f’dan billi jħeġġeġ approċċ ta’ sħubija iktar koerenti.

It-titjib tal-koerenza tal-programmi pubbliċi

Sabiex jiżdiedu l-effikaċja u l-effiċjenza, il-Kummissjoni se tiffoka fuq il-fażi tal-implimentazzjoni tal-Pjan SET u tkompli ttejjeb il-koordinazzjoni tal-Programmi tal-Komunità eżistenti fil-qasam tal-enerġija ta’ inizjattivi oħra tal-Komunità, bħalma huma l-Programm Ewropew għall-Irkupru tal-Enerġija u l-użu tat-300 miljun Kwota tal-UE merfugħa taħt l-ETS għal proġetti ta’ dimostrazzjoni.

Fl-implimentazzjoni tal-Pjan SET, aħna se niċċaqalqu progressivament mill-paradigma attwali tal-iffinanzjar ta’ proġetti individwali għal ko-investiment fil-programmi. L-ikkombinar tar-riżorsi pubbliċi b’mod effettiv u l-ħolqien ta’ Sħubijet Pubbliċi-Privati flessibbli mal-industrija għandu jkun il-mudell tal-ġejjieni għall-kooperazzjoni pan-Ewropea fir-riċerka dwar l-enerġija.

Approċċ bħal dan iħeġġeġ Sħubijiet Pubbliċi-Privati effettivi li, waqt illi jħarsu bis-sħiħ l-interessi finanzjarji pubbliċi, jibbilanċjaw tajjeb bejn il-kontroll u r-riskju u huma flessibbli biżżejjed biex jippermettu kooperazzjoni effikaċji mal-parteċipanti privati.

Fl-istess waqt, sabiex jiġu mobilizzati biżżejjed riżorsi għall-iffinanzjar ta’ dimostrazzjonijiet fuq skala kbira, aħna se nfittxu modi ġodda biex nikkombinaw ir-riżorsi minn atturi u strumenti differenti bħalma huma l-għotjiet, is-self u l-garanziji ta’ self. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) jista’ jkun il-qofol fit-titjib tal-koordinazzjoni u tal-kontinwità tal-finanzjament disponibbli, kif turi l-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF) li tikkombina r-riżorsi mill-baġit FP7 ma’ dawk tal-EIB sabiex tiffinanzja proġetti R&D ta’ riskju akbar, inkluż is-settur tal-enerġija.

Fil-perjodu medju u f’dak itwal, l-UE għandha tiżviluppa qafas biex tiżgura approċċ ta’ finanzjament iktar sinifikanti, prevedibbli u stabbli għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Dan għandu: jtejjeb il-koerenza bejn azzjonijiet eżistenti u oħrajn ġodda; jżid l-effikaċja tal-politiki tagħna; jikkonċentra fuq l-għanijiet u jittrattahom adegwatament; iżid it-trasparenza u jevita d-duplikazzjonijiet; kif ukoll jiffaċilita l-komprensjoni tal-azzjonijiet tagħna minn partijiet konċernati u ċittadini Ewropej.

Azzjonijiet mal-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) – l-immobilizzar tal-komunità finanzjarja

Il-Bank Ewropew tal-Investiment jista’ jimmobilizza u jamplifika riżorsi f’setturi pubbliċi u privati oħra. Fil-qafas tar-rispons tiegħu għall-kriżi finanzjarja u kif stabbilit fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru tal-Ekonomija[17], il-Bank Ewropew tal-Investiment żied l-ammont ta’ self tiegħu fil-qasam tal-enerġija għal EUR 9.5 biljuni fl-2009 u EUR 10.25 biljuni fl-2010. Din hija żieda sinifikanti meta mqabbla mal-mira ta' EUR 6.5 biljuni fl-2008.

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment qed jaħdmu flimkien fuq l-inizjattivi li ġejjin sabiex il-Bank ikun jista’ juża s-self miżjud biex jiffinanzja lill-Pjan SET:

- Biex tissaħħaħ l-RSFF sabiex din tkun tista’ tappoġġja lill-Pjan SET. B’mod partikulari, se jkun meħtieġ li jiġi vvalutat il-bażi tal-kapital għar-riskju sabiex tinħareġ l-iskala ta’ finanzi meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjanijiet dwar it-teknoloġiji sal-2020. Din il-valutazzjoni għandha tiġi inkluża fir-reviżjoni ta’ nofs il-perjodu tal-RSFF.

- Biex jiżdiedu r-riżorsi sostanzjalment għall-"Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura" (il-Fondi Marguerite), stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet pubbliċi ta’ finanzjament għal perjodu twil oħra mill-Istati Membri.

- Biex jiġi żviluppat strument konġunt għall-effikaċja tal-enerġija u għall-enerġija li tiġġedded għall-finanzjament tal-aċċettazzjoni inizjali ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Bħala inizjattiva konġunta pilota tal-Kummissjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, fl-2009 se jiġi mniedi strument ta’ EUR 15-il miljun li jipprovdi għajnuna teknika lill-awtoritajiet lokali għall-iżvilupp ta’ proġetti tal-bank taħt il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli tagħhom[18].

- Biex jiżdied l-appoġġ tal-UE għal swieq ta’ kapital b’riskju, partikularment biex jitħeġġeġ iktar investiment fit-teknoloġiji b’livell ta’ karbonju baxx permezz tal-Faċilità għat-Tkabbir Għoli u l-Innovazzjoni għall-SMEs (GIF) taħt il-Programm ta’ Kompetizzjoni u Innovazzjoni (CIP).

- Biex jiġu vvalutati l-aħjar pakketti finanzjarji għal proġetti ta’ dimostrazzjoni jew ta’ replikazzjoni kummerċjali kbar, inkluż it-taħlit potenzjali tal-għotjiet b'self jew prodotti għall-kondiviżjoni b’riskju.

- Biex jiġu stabbiliti rabtiet iktar b’saħħithom bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Grupp Pilota tal-Komunità Ewropea fuq it-Teknoloġiji Strateġiċi tal-Enerġija, billi jiġi mistieden il-Bank Ewropew tal-Investiment biex jieħu sehem fix-xogħol tiegħu jekk ikun meħtieġ.

6. Konklużjonijiet

It-triq lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju teħtieġ li t-teknoloġija ġdida tiġi mnissla, ttestjata u mbagħad imħaddma. Biex jiġri dan, l-UE tat direzzjoni tal-politika permezz tal-qafas komprensiv tal-politika propost fil-pakkett tal-enerġija u tal-klima. Il-pjan SET huwa l-pilastru tal-iżvilupp teknoloġiku. Issa, is-settur privat irid jilqa’ l-isfida, jiżgura l-għarfien li se jkollhom l-appoġġ pubbliku meta r-riskji jkunu kbar wisq minħabba l-importanza li jipproduċu ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju.

Issa ma hemmx dubju li l-investiment pubbliku u privat fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-enerġija jrid jiżdied sostanzjalment – minn issa. Injezzjoni tal-finanzi pubbliċi hija ġġustifikata bis-sħiħ biex jinkisbu għanijiet ta’ politika pubbliċi u tgħin biex jingħelbu l-fallimenti tas-suq. L-intervent iktar b’saħħtu f’livell tal-UE jista’ jkun wieħed mill-iktar modi effettivi biex javvanza l-portafoll wiesa’ ta’ teknoloġiji mixtieq.

Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex:

- Jappoġġjaw il-Pjanijiet Teknoloġiċi għall-2010-2020, u, abbażi ta’ dan, jistiednu lill-Kummissjoni biex tniedi l-Inizjattivi Industrijali Ewropej fl-2010.

- Jiftiehmu li jiffukaw fuq programmi tal-Komunità eżistenti biex jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Pjan SET.

- Jistiednu lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom għall-appoġġ tal-finanzjament ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, inkluż permezz ta’ konċentrazzjoni xierqa ta’ strumenti ta’ appoġġ; u biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-Pjan SET skont approċċ ta’ programmazzjoni konġunta abbażi ta' ġeometrija varjabbli fejn tinżamm is-sovranità fuq il-finanzjament nazzjonali għar-riċerka.

- Jilqgħu t-tisħiħ propost tal-istrumenti finanzjarji li jinvolvi l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, bħalma huma l-RSFF, il-Fond Marguerite u Faċilità għal Tkabbir Għoli u Innovattiv tal-SME (GIF), biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-Pjan SET.

- Jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jivvalutaw l-aħjar pakketti finanzjarji għal proġetti kbar ta' dimostrazzjoni u ta' replikazzjoni tas-suq; u biex jiġi żviluppat strument konġunt għall-effikaċja tal-enerġija u għall-enerġija li tiġġedded għall-finanzjament tal-aċċettazzjoni inizjali ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju; u jilqgħu l-ideat tal-Kummissjoni għall-perjodu medju biex jitmexxa ’il quddiem il-finanzjament ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.

- Jiftiehmu biex isaħħu inizjattivi internazzjonali kurrenti jew ġodda orjentati lejn it-teknoloġija.

[1] COM(2009) 475 tistabbilixxi l-proposta tal-Kummissjoni għall-pjan Ewropew għan-negozjati ta’ Kopenħagen

[2] COM (2007) 723 tat-22.11.2007

[3] SEC (2009) 1296 tas-7.10.2009

[4] Ħtiġijiet oħra ta’ finanzjament, prinċipalment għat-tħaddim, biex tinkiseb il-mira ta’ 20 % tal-enerġiji li jiġġeddu fl-2020 se jiġu indirizzati f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-2010.

[5] Kif ġie propost fil-Komunikazzjoni tal-Pjan SET ta’ Novembru 2007 u approvat fit-28 ta’ Frar 2008 mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fid-9 ta’ Lulju 2008 (ir-rapport Buzek).

[6] Direttiva 2009/28/KE tat-23.4.2009

[7] Permezz ta’ SETIS, is-sistema ta’ informazzjoni tal-Pjan SET.

[8] Inklużi l-enerġija mill-mewġ, l-enerġija mill-marea, l-enerġija mill-kurrenti, u mill-gradjenti termali.

[9] COM(2009)512 tat-30.9.2009 tistabbilixxi bażi għal strateġija komuni għat-teknoloġiji ewlenin neċessarji fl-UE.

[10] Il-Forum ġie stabbilit minn CREST, il-Kumitat għar-Riċerka Xjentifika u Teknika, korp konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-UE.

[11] Stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Ġermanja u min-Norveġja. http://www.eif.org/about/geeref.htm

[12] Spjegazzjoni dettaljata ta’ dawn il-figuri tinsab fil-Valutazzjoni tal-Impatt SEC(2009)1297 mehmuża tas-7.10.2009.

[13] Il-finanzjament pubbliku li jikkostitwixxi Għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jeħtieġ ikun notifikat lill-Kummissjoni u f'konformità mar-regoli tal-Għajnuna għall-Istat eżistenti.

[14] COM (2008) 468 tal-15.07.2008

[15] Direttiva 2003/87/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tat-23/4/2009

[16] Regolament (KE) Nru 663/2009 tat-13.7.2009; ĠU L200/31 tal-31.7.2009

[17] COM(2008) 800 26.11.2008.

[18] L-Inizjattiva għall-Finanzjament tal-Enerġija Sostenibbli tal-Pjan Ewropew tal-Irkupru Ekonomiku, iffinanzjat permezz tal-Programm tal-Enerġija Intelliġenti Ewropa II.

Top