Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0433

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Il-PDG u lil hinn : inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel

    /* KUMM/2009/0433 finali */

    52009DC0433

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Il-PDG u lil hinn : inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel /* KUMM/2009/0433 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 20.8.2009

    KUMM(2009) 433 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

    Il-PDG u lil hinn Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

    Il-PDG u lil hinnInkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel

    1. INTRODUZZJONI

    Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) huwa l-aħjar kejl magħruf tal-attività makroekonomika[1]. Il-PDG, li ġie żviluppat fit-tletinijiet, sar il-punt ta’ riferiment standard użat madwar id-dinja kollha minn dawk li jfasslu l-politika u jintuża fil-wisa’ fid-dibatti pubbliċi. Il-PDG jiġbor flimkien il-valur miżjud tal-attivitajiet ekonomiċi kollha bbażati fuq il-flus. Huwa bbażat fuq metodoloġija ċara li tippermetti li jsiru paraguni matul iż-żmien u bejn pajjiżi u reġjuni.

    Matul iż-żmien il-PDG beda jitqies ukoll bħala indikatur sostitut tal-iżvilupp u l-progress soċjali b'mod ġenerali. Madankollu, minħabba kif inhu magħmul u l-għan tiegħu, wieħed ma jistax jiddependi fuqu sabiex jibni dibatti politiċi fuq il-kwistjonijiet kollha. Essenzjalment, il-PDG ma jkejjilx is-sostenibbiltà ambjentali jew l-inklużjoni soċjali u dawn il-limitazzjonijiet jeħtieġ li jitqiesu meta jintuża fl-analiżi u d-dibatti politiċi[2].

    Il-ħtieġa li jitjiebu d-dejta u l-indikaturi biex jikkompletaw il-PDG qiegħda tiġi rrikkonoxxuta dejjem aktar u hija l-qofol ta' għadd ta' inizjattivi internazzjonali. Dawn l-inizjattivi jirriflettu wkoll prijoritajiet soċjali u politiċi ġodda. F'Novembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea (flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Klabb ta' Ruma, id-WWF u l-OECD) organizzaw il-konferenza Lil Hinn mill-PDG[3]. Il-konferenza żvelat appoġġ qawwi min-naħa ta' dawk li jfasslu l-politika, l-esperti ekonomiċi, soċjali u ambjentali u s-soċjetà ċivili, għall-iżvilupp ta' indikaturi li jikkompletaw il-PDG u jimmiraw li jipprovdu informazzjoni aktar komprensiva ħalli jgħinu d-deċiżjonijiet politiċi.

    Din il-Komunikazzjoni għalhekk tidentifika għadd ta' azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-medda qasira sa medja taż-żmien. L-għan ġenerali huwa li jiġu żviluppati indikaturi aktar inklużivi li jipprovdu bażi ta' għarfien aktar affidabbli għad-dibatti pubbliċi u t-tfassil ta' politika aħjar. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tikkoopera mal-partijiet interessati u mas-sħab sabiex jiġu żviluppati indikaturi li huma rikonoxxuti u implimentati internazzjonalment.

    2. INKEJLU L-PROGRESS F'DINJA LI DEJJEM TINBIDEL

    2.1. Indikaturi mtejba li jirriflettu kuntest politiku u tekniku ġdid

    L-UE tibbaża diversi deċiżjonijiet u strumenti politiċi fuq il-PDG. Fil-kriżi ekonomika attwali, ir-restawr tat-tkabbir ekonomiku huwa ta' interess ewlieni, u t-tkabbir tal-PDG huwa indikatur prinċipali sabiex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-pjanijiet tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali għall-irkupru.

    Meta l-Kunsill Ewropew approva l-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku[4], irrikonnoxxa li l-kriżi għandha titqies ukoll bħala opportunità biex l-ekonomija tagħna titqiegħed b'mod aktar sod fid-direzzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u b'użu effikaċi tar-riżorsi. Ir-reazzjoni għall-kriżi għandha tfittex li tipproteġġi lil dawk l-aktar milquta ħażin u l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Dawn l-isfidi juru l-ħtieġa għal indikaturi aktar inklużivi milli sempliċiment it-tkabbir tal-PDG; għal indikaturi li jinkorporaw fil-qosor il-kisbiet soċjali u ambjentali (bħall-koeżjoni soċjali akbar, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-oġġetti u s-servizzi bażiċi, l-edukazzjoni, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-arja) u t-telfiet (eż. iż-żieda fil-faqar, aktar kriminalità, riżorsi naturali li dejjem jonqsu). Ir-riflessjonijiet dwar l-indikaturi li jinsabu f'din il-Komunikazzjoni jistgħu jikkontribbwixxu biex jiġu stabbiliti miri strateġiċi għall-Istrateġija ta' Liżbona wara l-2010.

    It-tekniki tal-statistika u t-teknoloġiji tal-kompjuter ukoll żviluppaw tant li ma għadhomx jintgħarfu minn meta nħolqu l-kontabbiltà nazzjonali u l-PDG. L-UE tiffinanzja diversi proġetti ta' riċerka fuq indikaturi ġodda li jirriflettu interessi pubbliċi usa' minn dawk li attwalment ikopri l-PDG. Ma hemmx ostakli tekniċi li mhumiex superabbli fl-iżvilupp ulterjuri tal-kwalità u l-għan tal-indikaturi tagħna ħalli d-deċiżjonijiet politiċi jkunu jistgħu progressivament jiġu bbażati fuq viżjoni aktar integrata, bilanċjata u f'waqtha tal-fatti soċjali, ekomoniċi u ambjentali.

    2.2. Nibnu fuq l-isforzi internazzjonali u tal-Istati Membri

    Riflessjoni dwar kif jista' jiġi kkompletat il-PDG mhijiex xi ħaġa ġdida. Qegħdin jiġu esplorati diversi direzzjonijiet mill-istituti internazzjonali u nazzjonali. Il-UNDP żviluppa Indiċi tal-Iżvilupp Uman (HDI) ibbażat fuq kejl imħallat ta' PDG, is-saħħa u l-edukazzjoni bħala punt ta’ riferiment sabiex jitkejlu l-pajjiżi. Il-Bank Dinji bil-kalkoli tiegħu ta' tifdil ġenwin (genuine savings) kien minn tal-ewwel li inkluda aspetti soċjali u ambjentali fil-valutazzjoni tal-ġid tan-nazzjonijiet. L-OECD qiegħed iħaddem Proġett Globali dwar il-Kejl tal-Progress tas-Soċjetajiet li jrawwem l-użu ta' indikaturi ġodda b'mod parteċipattiv. Diversi NGOs ikejlu "il-marka ekoloġika" - kejl li ġie rrikonoxxut formalment bħala mira għall-progress ambjentali minn xi awtoritajiet pubbliċi. Ir-riċerkaturi ppubblikaw indiċijiet pilota għall-benessri u s-sudisfazzjon bil-ħajja. L-UE u l-Istati Membri żviluppaw u jużaw firxa wiesgħa ta' indikaturi soċjali u ambjentali, li ta' spiss jinġabru f'settijiet ta' indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli. L-UE tippromwovi u ssostni wkoll l-użu ta' indikaturi rrikonnoxxuti internazzjonalment fil-pajjiżi ġirien u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-kontabbiltà ekonomika u ambjentali integrata qiegħda dejjem iżjed tipprovdi bażi kbira ta' informazzjoni bbażata fuq metodoloġija soda.

    F'dan il-kuntest qegħdin jintfittxu soluzzjonijiet għat-titjib, l-aġġustament jew l-kompletar tal-PDG. L-aktar riċenti, Franza stabbiliet Kummissjoni ta' livell għoli għall-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali, ippreseduta minn Joseph Stiglitz, sabiex "tidentifika l-limiti tal-PDG bħala indikatur tal-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali" u "biex tqis x'informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa sabiex tingħata stampa aktar rilevanti". Ir-rapport tagħha għandu jkun lest aktar tard din is-sena.

    Il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u ħafna drabi tikkontribwixxi għal dawn l-iżviluppi ħalli tiżgura l-komparabbiltà internazzjonali bejn l-indikaturi.

    2.3. Indikaturi mtejba li jilħqu l-interessi taċ-ċittadini

    Dawn l-inizjattivi huwa konformi mal-opinjoni pubblika hekk kif iċ-ċittadini jaspiraw lejn progress bilanċjat.

    Stħarriġ fl-2008 mill-Eurobarometer wera li aktar minn żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jħossu li l-indikaturi soċjali, ambjentali u ekonomiċi għandhom jintużaw indaqs meta jiġi evalwat il-progress. Huma biss anqas minn wieħed minn kull sitta li jippreferu evalwazzjoni bbażata prinċipalment fuq l-indikaturi ekonomiċi. Stħarriġ internazzjonali fl-2007 ta l-istess riżultati[5].

    Studji żvelaw ukoll li ċ-ċittadini jistgħu jħossuhom imbegħda mill-informazzjoni statistika. Il-PDG jista' jkun qiegħed jikber, imma d-dħul disponibbli u s-servizzi pubbliċi qegħdin jiġu pperċepiti li qegħdin jonqsu. Hekk kif qiegħda tiżdied id-diversità fis-soċjetajiet, l-indikaturi bbażati fuq il-medji jew "il-konsumatur tipiku" mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet informatiċi taċ-ċittadini u ta' dawk li jfasslu l-politika. Il-kompletar tal-PDG b'metriki addizzjonali qosra li jirriflettu l-interessi usa' tal-pubbliku jkun xhieda ta' rabta akbar bejn il-politika tal-UE u l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini.

    3. ĦAMES AZZJONIJIET BIEX JITKEJJEL AħJAR IL-PROGRESS F'DINJA LI DEJJEM TINBIDEL

    F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni tal-ħames azzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jiġu rriveduti jew issupplimentati fid-dawl tal-eżami ppjanat fl-2012.

    3.1. Kompletar tal-PDG b'indikaturi ambjentali u soċjali

    L-indikaturi li jissinteżizzaw kwistjonijiet importanti f'ċifra unika huma għodda essenzjali tal-komunikazzjoni. Jixprunaw dibattitu politiku u jagħtu lill-pubbliku idea ta' jekk hux qed isir progress jew le. Il-PDG u r-rati tal-qgħad u l-inflazzjoni huma eżempji prominenti ta' dawn l-indikaturi ta' sinteżi. Imma mhumiex naħsuba biex jirriflettu fejn ninsabu fi kwistjonijiet bħall-ambjent jew l-inugwaljanzi soċjali. Sabiex jimtela dan il-vojt, is-servizzi tal-Kummissjoni bi ħsiebhom jiżviluppaw indiċi komprensiv tal-ambjent u jtejbu l-indikaturi tal-kwalità tal-ħajja.

    3.1.1. Indiċi komprensiv tal-ambjent

    Bħalissa ma hemm l-ebda indikatur komprensiv tal-ambjent li jista' jintuża fid-dibatti politiki flimkien mal-PDG. Kejl uniku bħal dan għall-ambjent jgħin biex jitrawwem dibattu pubbliku aktar bilanċjat dwar il-miri u l-progress soċjali. Kandidati li joqorbu lejn dan il-għan huma l-marka ekoloġika u l-marka tal-karbonju, iżda t-tnejn li huma għandhom ambitu limitat[6]. Peress li l-metodoloġiji għall-indiċijiet u d-dejta komposti issa mmaturaw biżżejjed[7], fl-2010 is-servizzi tal-Kummissjoni bi ħsiebhom jippreżentaw verżjoni pilota ta' indiċi tal-pressjoni ambjentali.

    Dan l-indiċi se jirrifletti t-tniġġis u l-ħsara oħra lill-ambjent fit -territorju tal-UE ħalli jiġu vvalutati r-riżultati tal-isforzi għall-ħarsien tal-ambjent. Waqgħa fil-valur tal-indiċi turi li qiegħed isir progress fil-ħarsien tal-ambjent. Se jinkludi l-elementi ewlenin tal-politika ambjentali:

    - it-tibdil fil-klima u l-użu tal-enerġija

    - in-natura u l-bijodiversità

    - it-tniġġis tal-arja u l-impatti fuq is-saħħa

    - l-użu tal-ilma u t-tniġġis

    - il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-użu tar-riżorsi

    L-indiċi inizjalment ser ikun ippubblikat darba fis-sena għall-UE u l-Istati Membri bl-għan li fil-medda twila taż-żmien - jekk jirnexxi - jiġi ppubblikat flimkien mal-PDG. L-informazzjoni komplimentari dwar it-temi sekondarji u l-miri relatati stabbiliti għall-ambjent fil-livell tal-UE u nazzjonali ser ikunu ppubblikata wkoll ħalli tkun possibbli l-interpretazzjoni korretta tal-indiċi. Meta jħarsu lejn din l-informazzjoni flimkien mal-PDG u l-indikaturi soċjali, iċ-ċittadini ser ikunu f'pożizzjoni li jivvalutaw jekk il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali - flimkien mal-isforzi taċ-ċittadini u n-negozju - hux qegħdin jilħqu l-livell ta' ħarsien ambjentali li jistennew u jekk hux qiegħed isir progress fid-direzzjoni tal-miri soċjali, ekonomiċi u ambjentali b'mod ibbilanċjat.

    Barra minn dan l-indiċi komprensiv tal- ħsara jew il- pressjoni fuq l-ambjent, hemm il-potenzjal li jiġi żviluppat indikatur komprensiv tal- kwalità ambjentali, eż., li juri l-għadd ta' ċittadini Ewropej li qegħdin jgħixu f'ambjent b'saħħtu. Ir-riċerka dwar dan se tiġi intensifikata.

    Il-Kummissjoni għandha wkoll tkompli taħdem fuq l-indikaturi li jindikaw l-impatt ambjentali lil hinn mit-territorju tal-UE (eż. indikaturi li jimmonitorjaw l-Istrateġija Tematika tal-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali) u se tkompli ssostni t-titjib tal-Marka Ekoloġika.

    3.1.2. Kwalità tal-ħajja u l-benessri

    Iċ-ċittadini jimpurtahom mill-kwalità tal-ħajja u l-benessri tagħhom. Id-dħul, is-servizzi pubbliċi, is-saħħa, il-ħin liberu, il-ġid, il-mobbiltà u l-ambjent nadif huma mezzi biex jinkisbu u jiġu sostnuti dawn l-għanijiet. Indikaturi għal dawn il-fatturi "input" huma għalhekk importanti għall-gvernijiet u l-UE. Barra minn dan, ix-xjenzi soċjali qegħdin dejjem iżjed jiżviluppaw kejl dirett u robust tal-kwalità tal-ħajja kif ukoll tal-benessri u dawn l-indikaturi tal-"outcome" jistgħu jkunu kompliment utli għall-indikaturi tal-"input".

    Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u x-Xogħol qiegħda taħdem fuq din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni nediet ukoll studji dwar il-fattibbiltà tal-indikaturi tal-benessri u dwar l-għoti ta' setgħa lill-konsumaturi u, mal-OECD, dwar il-perċezzjoni tal-benessri tan-nies.

    3.2. Informazzjoni fi kważi ħin reali għat-teħid tad-deċiżjonijiet

    Fatturi li jinkludu l-globalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima qegħdin iġibu dejjem aktar tibdiliet mgħaġġla fl-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent. It-tfassil tal-politika jeħtieġ informazzjoni ekwivalenti dwar dawn l-aspetti kollha - anki jekk dan iseħħ għal skapitu tal-eżattezza - peress li għandha tirreaġixxi malajr għall-iżviluppi ġodda. Attwalment, hemm differenzi konsiderevoli fil-tħejjija f'waqtha tal-istatistika fl-oqsma differenti. Il-PDG u ċ-ċifri tal-qgħad jiġu ppubblikati ta' sikwit fi żmien ftit ġimgħat mill-perjodu li jkunu qegħdin jivvalutaw u dan jista’ jippermetti teħid ta' deċiżjonijiet fi kważi ħin reali. B'kuntrast, id-dejta ambjentali u soċjali f'ħafna każijiet tkun antika wisq biex tipprovdi informazzjoni operazzjonali eż. dwar il-kwalità tal-arja u l-ilma jew ir-ritmu tax-xogħol, li jinbidlu b'rata għolja. Il-Kummissjoni għalhekk se timmira li ttejjeb it-tħejjija f'waqtha tad-dejta ambjentali u soċjali ħalli dawk li jfasslu l-politika madwar l-UE kollha jkunu magħrfa aħjar.

    3.2.1. Indikaturi ambjentali mħejjija aktar f'waqthom

    Is-satelliti, l-istazzjonijiet awtomatiċi tal-kejl u l-internet qegħdin jagħmlu l-monitoraġġ tal-ambjent f'ħin reali dejjem iżjed possibbli. Il-Kummissjoni qiegħda tintensifika l-isforzi sabiex tatwalizza dan il-potenzjal. Kellhom jittieħdu passi ewlenin bid-Direttiva INSPIRE[8] u l-GMES[9] sabiex jitħaddmu dawn it-teknoloġiji. Is-sena l-oħra l-Kummissjoni ppreżentat is-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS), viżjoni ta' kif jistgħu jintrabtu onlajn is-sorsi tradizzjonali tad-dejta ma' dawk ġodda u jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-akbar ħeffa possibbli. Eżempju bikri ta' dan ir-"rappurtar fi kważi ħin reali" hija l-web tal-ożonu tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) li tipprovdi dejta dwar il-konċentrazzjonijiet fil-livell tal-art li jagħmlu ħsara lill-ożonu, sabiex tgħin fid-deċiżjonijiet ta' kuljum dwar jekk għandekx tuża l-karozza jew it-trasport pubbliku, jew jekk timpennjax ruħek f'attivitajiet ta' barra[10].

    Dejta aktar f'waqtha tista' wkoll tiġi pprovduta permezz tal-"tbassir f'qasir żmien" (now-casting), li juża tekniki statistiċi bħal dawk użati fil-previżjonijiet biex isiru stimi affidabbli. Pereżempju, l-EEA bi ħsiebha tħejji stimi għall-medda qasira ta' żmien tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bbażati fuq l-istatistika eżistenti tal-enerġija għall-medda qasira taż-żmien. L-Eurostat bi ħsiebha testendi l-użu li tagħmel mit-tbassir f'qasir żmien għall-kontabbiltà ambjentali.

    3.2.2. Indikaturi soċjali aktar fil-waqt

    Id-dejta soċjali attwalment tinġabar minn stħarriġiet permezz ta' intervisti wiċċ imb wiċċ ma' kampjuni kbar ta' parteċipanti jew bl-użu ta' sorsi ta' dejta amministrattiva (eż. reġistri tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali). Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, qegħda taħdem biex tissimplifika u ttejjeb l-istħarriġiet u tnaqqas l-intervall bejn il-ġbir tad-dejta u l-pubblikazzjoni. L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea jiġbor dejta dwar l-impjiegi kull tliet xhur u r-riżultati jiġu ppubblikati fi żmien sitt xhur. Tinġabar u titqassam ukoll kull sena dejta dwar is-Snin ta' Ħajja b'Saħħitha. Kull meta possibbli u ekonomikament effikaċi, it-tħejjija f'waqtha tad-dejta se tittejjeb, eż. bis-Sistema Ewropea ġdida tal-Moduli tal-Isħarriġ Statistiku u Soċjali.

    3.3. Rappurtar aktar preċiż dwar il-firxa u l-inugwaljanzi

    Il-koeżjoni soċjali u ekonomika huma għanijiet ġenerali tal-Komunità. L-għan huma li jitnaqqsu d-differenzi bejn ir-reġjuni u l-gruppi soċjali. Ma' dan, riformi estensivi - bħal dawk meħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew għall-promozzjoni ta' ritmi ġodda tal-konsum - jistgħu jintlaħqu biss jekk l-isforzi u l-benefiċċji jidhru li qegħdin jinqasmu ekwament bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-gruppi ekonomiċi u soċjali.

    Huwa minħabba f'hekk li l-kwistjonijiet tal-firxa qegħdin jiġbdu attenzjoni dejjem akbar. Pereżempju, anki jekk iċ-ċifra tal-PDG ras għal ras ta' pajjiż qiegħda tiżdied, l-għadd ta' persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar jista' jkun qiegħed jikber. Dejta eżistenti mill-kontabbiltà nazzjonali, eż. dwar id-dħul tal-familji, jew l-istħarriġiet soċjali bħall-EU-SILC[11], diġà jippermettu analiżi tal-kwistjonijiet ewlenin tal-firxa. Il-politiki li jaffettwaw il-koeżjoni soċjali jeħtiġilhom ikejlu d-differenzi kif ukoll l-aggregati bħall-PDG jew il-PDG ras għal ras.

    Fl- Aġenda Soċjali Mġedda tagħha: Opportunitajiet, Aċċess u Solidarjetà [12] , il-Kummissjoni tenniet l-impenn tagħha li tiġġieled il-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni . Sabiex trawwem il-bdil tal-esperjenzi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tirrapporta fuq sett ta' indikaturi mifthema mal-Istati Membri, biex tgħarraf lil dawk li jfasslu l-politika dwar id-differenzi fil-dħul u partikolarment dwar is-sitwazzjoni fin-naħa t'isfel tal-iskala tad-dħul. L-analiżi tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri tħares ukoll lejn l-edukazzjoni, is-saħħa, l-għomor mistenni, u diversi aspetti, mhux marbuta mal-flus, tal-esklużjoni soċjali. Qegħdin jiġu żviluppati indikaturi tal-aċċess ugwali għall-akkomodazzjoni ta' kwalità, it-trasport u s-servizzi oħrajn u l-infrastruttura li huma essenzjali għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà - u għalhekk biex jikkontribbwixxu għall-progress ekonomiku u soċjali.

    Barra minn dan, ir-rabta bejn l-esklużjoni soċjali u l-privazzjoni ambjentali bdiet tiġbed l-attenzjoni. Arja u ilma nodfa, pajsaġġi mhux mittiefsa u bijodiversità għanja fuq naħa u tniġġis u storbju fuq in-naħa l-oħra mhumiex mifruxa l-istess. Studju riċenti[13] kkuntrattat mill-Kummissjoni kkonferma li dawk ifqar, fil-waqt li jniġġsu anqas, jgħixu f'żoni ta' kwalità ambjentali aktar baxxa, li tikkontribwixxi għal saħħa aktar ħażina, stress u vulnerabbiltà għad-diżastri naturali.

    Dawn l-analiżijiet ser ikunu aġġornati regolarment u r-riżultati tagħhom ippubblikati.

    3.4. Niżviluppaw tabella Ewropea ta' Valutazzjoni tal-Iżvilupp Sostennibbli

    L-Iżvilupp Sostennibbli (SD) huwa għan ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-mira hija li kontinwament tittejjeb il-kwalità tal-ħajja kif ukoll il-benessri fid-dinja kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll għal dawk tal-ġejjieni. L-Indikaturi tal-Iżvilupp Sostennibbli tal-UE (SDIs)[14] ġew żviluppati flimkien mal-Istati Membri għall- monitoraġġ tal-progress fil-multitudni tal-għanijiet tal-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostennibbli tal-UE (SDS) u huma riflessi fir-Rapport biennali dwar il-Progess li tħejji l-Kummissjoni.

    Madankollu, din l-għodda ta' monitoraġġ ma tiġborx bis-sħiħ l-iżviluppi riċenti f'oqsma importanti li għadhom mhumiex koperti sew mill-istatistika uffiċjali (bħalma hija l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli u l-kwistjonijiet tal-governanza). Minħabba diversi raġunijiet l-SDIs mhux dejjem jistgħu jkunu bbażati fuq l-aktar dejta riċenti. Konsegwentament, mhux bil-fors jirrifflettu l-isforzi li n-negozji, is-soċjetà ċivili jew il-gvernijiet fil-livell lokali jew nazzjonali jkunu qegħdin jagħmlu biex jaffrontaw dawn l-isfidi.

    Tabella ta' Valutazzjoni tal-Iżvilupp Sostenibbli

    Sabiex jiġi stimulat il-bdil tal-esperjenzi bejn l-Istati Membri u fost il-partijiet interessati dwar ir-reazzjonijiet politiċi, għandna bżonn sett ta' dejta aktar fil-qosor kif ukoll aktar aġġornat. Il-Kummissjoni għalhekk tesplora l-possibbiltajiet għall-iżvilupp, flimkien mal-Istati Membri, ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Iżvilupp Sostennibbli. It-Tabella ta' Valutazzjoni, abbażi tas-sett tal-SDI tal-UE, tista' wkoll tinkludi informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva pubblikament disponnibbli oħra, pereżempju dwar miżuri tan-negozju u politiċi. Fl-2009 is-servizzi tal-Kummissjoni bi ħsiebhom jippreżentaw verżjoni pilota tat-tabella ta' valutazjzoni SD.

    Limiti għas-sostenibbiltà ambjentali

    L-SDS jistipula bħala għan ewlieni r-rispett tal-limiti tar-riżorsi naturali tal-pjaneta. Dawn jinkludu l-kapaċità limitat tan-natura biex tipprovdi riżorsi rinnovabbli u tassorbi t-tniġġis. Ix-xjenzati qegħdin ifittxu li jidentifikaw il-valuri tal-limiti fiżiċi ambjentali relatati u jenfasizzaw il-konsegwenzi irriversibbli potenzjali jew fil-medda twila taż-żmien jekk jinqabżu. Għat-tfassil tal-politika huwa importanti li jkunu magħrufa ż-"żoni ta' periklu" qabel ma attwalment jintlaħqu l-punti tal-limiti u b'hekk ikunu identifikati l-livelli ta' twissija. Il-kooperazzjoni tar-riċerka u l-istatistika uffiċjali se tiġi intensifikata sabiex jiġu identifikati - u aġġornati regolarment - dawn il-valuri ta' limitu għall-pollutanti ewlenin u r-riżorsi rinnovabbli sabiex jiġi infurmat id-dibattitu politiku u sostnut l-istipular tal-miri u l-valutazzjoni tal-politika.

    3.5. Nestendu l-Kontabbiltà Nazzjonali għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali

    Is-Sistema Ewropea tal-Kontabbiltà hija l-għodda prinċipali użata mill-istatistika ekonomika tal-UE kif ukoll minn ħafna indikaturi ekonomiċi (fosthom il-PDG). Bħal bażi għal tfassil ta' politika koerenti, għandna bżonn qafas ta' dejta li konsistentament jinkludi l-kwistjonijiet ambjentali u soċjali flimkien ma' dawk ekonomiċi. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2006, il-Kunsill Ewropew talab lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jestendu l-kontabbiltà nazzjonali għall-aspetti ewlenin tal-Iżvilupp Sostenibbli. Il-kontabbiltà nazzjonali għandha għalhekk tiġi kkompletata b'kontabbiltà ambjentali ekonomika integrata li tipprovdi dejta li tkun konsistenti bis-sħiħ. Hekk kif ikun hemm qbil dwar il-metodi u ssir disponnibbli d-dejta din għandha tiġi kkompletata, fil-medda twila taż-żmien, b'kontabbiltà addizzjonali dwar aspett soċjali.

    Dan għandu jipprovdi bażi ta' evidenza integrata li ssostni l-analiżi politika, tgħin biex jiġu identifikati s-sinerġiji u l-kompromessi bejn il-miri politiċi differenti, li tintuża, pereżempju, fil-valutazzjonijiet ex-ante tal-impatt tal-proposti politiċi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din il-ħidma tiġi żviluppata aktar fir-reviżjonijiet futuri tas-Sistema Internazzjonali tal-Kontabbiltà Nazzjonali u s-Sistema Ewropea tal-Kontabbiltà. Fil-medda twila taż-żmien huwa mistenni li kontabbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika aktar integrati għandhom jipprovdu l-bażi għal indikaturi ġodda tal-ogħla livell. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom ikomplu jesploraw - permezz tal-kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, id-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-proġetti ta' riċerka- kif dawn il-makroindikaturi jistgħu jitfasslu u jintużaw bl-aħjar mod.

    3.5.1. Kontabbiltà ambjentali ekonomika integrata

    Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel strateġija tagħha għall-"kontabbiltà ekoloġika" fl-1994[15]. Minn dak inhar l-Eurostat u l-Istati Membri - f'kollaborazzjoni man-NU u l-OECD - żviluppaw u ttestjaw metodi tal-kontabbiltà sal-punt fejn diversi Stati Membri issa qegħdin regolarment jipprovdu l-ewwel settijiet ta' kontabbiltà ambjentali.

    L-aktar komuni huma kontabbiltà tal-flussi fiżiċi dwar l-emissjonijiet fl-arja (fosthom il-gassijiet serra) u dwar il-konsum materjali u l-kontabbiltà monetarja dwar n-nefqa u t-taxxi għall-ħarsien ambjentali. Għall-pass li jmiss, il-Kummissjoni qiegħda tippjana li testendi l-ġbir tad-dejta f'dawn l-oqsma fl-Istati Membri kollha. Fl-istadju li jmiss, il-kontabbiltà tal-ambjent fiżiku tista' tiġi stipulata għal-konsum tal-enerġija, il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart, u l-kontabbiltà monetarja għas-sussidji relatati mal-ambjent. Il-Kummissjoni timmira li jkollha din il-kontabbiltà disponibbli bis-sħiħ għall-analiżi politika sal-2013. Sabiex tiżgura li l-kontabbiltà tkun komparabbli l-Kummissjoni qiegħda tippjana li tipproponi qafas legali għall-Kontabbiltà Ambjentali kmieni s-sena d-dieħla.

    Tip ieħor ta' kontabbilità ambjentali huwa marbut mal-kapital naturali, partikolarment il-bidliet fl-istokkijiet, li minnhom l-aktar avvanzati huma l-kontabbiltà tal-forestrija u l-istokkijiet tas-sajd. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi fil-ħidma li għaddejja bħalissa fil-livell tan-NU.

    Sfida oħra fl-iżvilupp tal-kontabbiltà ambjentali hija l-kompletar tal-kontabbiltà tal-ambjent fiżiku b'ċifri monetarji, abbażi ta' valutazzjoni tal-ħsara kkaġunata u pprevenuta, bidliet fl-istokkijiet tar-riżorsi naturali u l-oġġetti u s-servizzi tal-ekosistema ħalli jinkiseb kejl monetarju rappreżentattiv, robust, komparabbli u affidabbli fil-livelli nazzjonali u tal-UE[16]. Il-valorazzjoni monetarja tal-ispejjeż tal-ħsara ambjentali u tal-benefiċċji tal-ħarsien ambjentali tista' tgħin biex id-dibattitu politiku jikkonċentra fuq kemm il-prosperità u l-benessri tagħna jiddipendu fuq oġġetti u servizzi pprovduti min-natura. Fil-livel mikro din il-valorazzjoni hija kunċettwalment soda. Hija sostnuta minn diversi studji, l-aktar l-inizjattiva TEEB (L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità), valorazzjoni kontinwa u b'firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema, li qiegħda ssir b'mod konġunt mal-UNEP, diversi pajjiżi u l-Kummissjoni. Il-valorazzjoni tintuża ħafna fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni[17]. L-EEA qiegħda tippjana li tkompli ħidmietha fuq il-valorazzjoni u l-kontabbiltà tal-oġġetti u s-servizzi tal-ekosistema, bil-ħsieb li tistabblixxi metodi aċċettati internazzjonalment. Madankollu, l-użu ta' dawn l-istudji fil-livell makro b'mod utli jeħtieġ aktar riċerka u ttestjar. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tintensifika l-ħidma fuq il-valorazzjoni monetarja u l-iżvilupp ulterjuri tal-oqfsa kunċettwali.

    3.5.2. Inżidu l-użu tal-indikaturi soċjali eżistenti mill-kontabbiltà nazzjonali

    Is-Sistema Ewropea tal-Kontabbilità eżistenti diġà tinkludi indikaturi li jenfasizzaw kwistjonijiet soċjali rilevanti, bħad-dħul disponibbli tal-familji u ċifra tad-dħul disponibbli aġġustata li tqis id-differenzi fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali fil-pajjiżi differenti. Dawk iċ-ċifri[18] jirriflettu x'jistgħu jikkunsmaw u jfaddlu in-nies aħjar milli jista' l-PDG ras għal ras. Is-servizzi tal-Kummissjoni bi ħsiebhom iżidu l-użu ta' dawn l-indikaturi.

    4. KONKLUżJONI

    Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) huwa indikatur qawwi u aċċettat fil-wisa’ għall-monitoraġġ, fil-medda qasira u medja taż-żmien, taċ-ċaqliq fl-attività ekonomika, speċjalment fir-riċessjoni attwali. Minkejja n-nuqqasijiet kollha tiegħu, xorta waħda għadu l-aħjar kejl uniku tal-prestazzjoni tal-ekonomija tas-suq. Iżda l-PDG mhux maħsub biex ikun indikatur preċiż tal-progress ekonomiku u soċjali fil-medda itwal taż-żmien u speċjalment tal-ħila ta' soċjetà li tindirizza l-kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza tar-riżorsi jew l-inklużjoni soċjali. Jidher ċar li jenħtieġ li l-PDG jiġi kkompletat bi statistika li tkopri kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali oħra, li fuqhom jiddipendi b'mod kritiku l-benessri tan-nies.

    Il-ħidma biex l-PDG jiġi kkompletat ilha sejra s-snin, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tintensifika l-isforzi u l-komunikazzjoni tagħha f'dan il-qasam. L-għan huwa li tipprovdi indikaturi li jagħmlu dak li n-nies verament iriduhom jagħmlu, jiġifieri jkejlu l-progress fl-ilħiq tal-miri soċjali, ekonomiċi u ambjentali b'mod sostenibbli. Fl-aħħar mill-aħħar il-politiki nazzjonali u tal-UE ser ikunu ġġudikati fuq jekk humiex jirnexxilhom jilħqu dawn il-miri u jtejbu l-benessri tal-Ewropej. Għal din ir-raġuni, il-politiki tal-ġejjieni għandhom ikunu ibbażati fuq dejta li tkun eżatta, f'waqtha u aċċettata pubblikament u tkopri l-kwistjonijiet essenzjali kollha . Il-Kummissjoni bi ħsiebha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-azzjonijiet ppreżentati b'din il-Komunikazzjoni sal-2012 l-aktar tard.

    [1] PDG = il-konsum privat + l-investment + il-konsum tal-gvern + (l-esportazzjonijiet l-importazzjonijiet). Il-qafas u r-regoli dwar kif għandu jiġi kkalkulat huma stabbiliti fis-Sistema Ewropea tal-Kontabbiltà li hija ġeneralment konsistenti mas-Sistema tan-NU għall-Kontabbiltà Nazzjonali.

    [2] Għal studju riċenti dwar il-limitazzjonijiet tal-PDG ara Stiglitz/Sen/Fitoussi (2008) Issues Paper, Commission on the Measurement of Economic Performance and Social Progress (http://www.stiglitz-sen-fitoussi.fr/documents/Issues_paper.pdf).

    [3] www.beyond-gdp.eu

    [4] COM (2008) 800 finali

    [5] Eurobarometer speċjali 295/Marzu 2008; stħarriġ simili mwettaq f'10 pajjiżi f'ħames kontinenti wera appoġġ anke akbar biex immorru lil hinn mill-PDG, bi tliet kwarti mill-parteċipanti jaqblu.

    [6] Il-marka tal-karbonju tħares biss lejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Marka Ekoloġika teskludi xi impatti, eż. fuq l-ilma. Madankollu l-Kummissjoni qiegħda tittestjaha, fost indikaturi oħra, għall-monitoraġġ tal-istrateġija Tematika tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali u l-Bijodiversità.

    [7] Il-Manwal dwar il-Bini ta' Indikaturi Komposti tal-OECD, il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka: Metodoloġija u Gwida għall-Utenti, 2008.

    [8] Id-Direttiva 2007/2/KE

    [9] Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà

    [10] http://www.eea.europa.eu/maps/ozone/map

    [11] L-istatistka tal-UE dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien

    [12] COM(2008) 412

    [13] "Addressing the social dimensions of environmental policy", l-istudju kkummissjonat mid-DĠ EMPL, Lulju 2008; ara http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=88&langId=mt&eventsId=145.

    [14] Qabbel mal-Ktieb tal-Istatistika tal-Eurostat "Measuring progress towards a more sustainable Europe – 2007".

    [15] COM(1994) 670

    [16] Il-proġett ta' riċerka EXIOPOL, qiegħed jaħdem biex jistabbilixxi qafas estensiv tal-Input-Output għall-istima tal-impatti ambjentali u l-ispejjeż esterni tas-setturi ekonomiċi, il-konsum finali u r-riżorsi użati għall-pajjiżi tal-UE; http://www.feem-project.net/exiopol/.

    [17] Ara wkoll: Handbook on estimation of external costs in the transport sector, Frar 2008 http://ec.europa.eu/transport/sustainable/doc/2008_costs_handbook.pdf.

    [18] Madankollu, dawn l-indikaturi xorta ma jirriflettux l-ispiża biex jintlaħaq dak il-livell ta' dħul eż. fil-forma ta' divertiment jew attivitajiet li twarrbu li ma jżidux realment il-possibbiltajiet tal-konsum bħal prevenzjoni jew it-tiswija tal-ħsara kkaġunata mill-attività ekonomika.

    Top