Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0428

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Dwar l-applikazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) nru 1798/2003 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud {SEC(2009) 1121}

    /* KUMM/2009/0428 finali */

    52009DC0428

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Dwar l-applikazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) nru 1798/2003 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud {SEC(2009) 1121} /* KUMM/2009/0428 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 18.8.2009

    KUMM(2009) 428 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1798/2003 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    {SEC(2009) 1121}

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1798/2003 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    1. INTRODUZZJONI

    Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1798/2003 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT, kull tliet snin il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fl-imgħoddi, kien hemm ħames rapporti li jiddeskrivu l-funzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, iżda dan huwa l-ewwel rapport mill-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1798/2003 tal-1 ta’ Jannar 2004.

    Ir-Regolament kien imfassal biex ikun titjib konsiderevoli fil-qafas legali għall-kooperazzjoni amministrattiva u għodda importanti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. B’mod partikolari, ir-Regolament introduċa titjib fir-rigward ta’;

    - Regoli aktar ċari u li jorbtu li jirregolaw il-koperazzjoni bejn Stati Membri.

    - Kuntatti aktar diretti bejn is-servizzi bil-għan li l-kooperazzjoni tkun aktar effiċjenti u aktar veloċi.

    - Aktar skambji ta’ informazzjoni awtomatiċi u spontanji bejn l-Istati Membri sabiex ikun miġġieled il-frodi b’mod aktar effettiv.

    Ir-rapport jivvaluta l-funzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qafas legali attwali u jiffoka b’mod partikolari fuq l-użu li jsir minn dawn l-arranġamenti ġodda introdotti sabiex ikun evalwat jekk dawn it-tibdiliet kinux effettivi.

    Madanakollu, ir-rapport preżenti ma jistax jiġi disassoċjat mill-kuntest aktar wiesa’ fl-istrateġija kkoordinata biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT stabbilita fil-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni[1].

    Il-Komunikazzjoni tħabbar firxa ta’ miżuri li għandhom jaffettwaw sostanzjalment il-mod li bih għandha tiffunzjoni l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fil-futur.

    2. SORSI TA' INFORMAZZJONI UżATA GħALL-EVALWAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT 1798/2003.

    Il-Kummissjoni ġabret ħafna informazzjoni mid- diskussjonijiet relatati mal-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali li saru matul il-laqgħat numerużi tal-Istrateġija Kontra l-Frodi ta' Taxxa - Anti Tax Fraud Strategy meetings (ATFS) u l-Kumitat Permanenti dwar il-laqgħat ta’ Kooperazzzjoni Amministrattiva - Standing Committee on Administrative Cooperation meetings (SCAC), iżda minħabba l-użu prattiku tal-istrumenti differenti tal-kooperazzjoni amministrattiva hi kwistjoni għall-awtoritajiet nazzjonali dwar it-taxxi, konsegwentement din l-evalwazzjoni tista’ biss issir fuq il-bażi tal-kontribut sostanzjali mill-Istati Membri.

    Għalhekk, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-informazzjoni mitluba għal valutazzjoni komprensiva ta’ kooperazzjoni amministrattiva taħt ir-Regolament il-ġdid kient tinġabar l-aħjar permezz ta’ kwestjonarju mibgħut lill-Istati Membri. Id-dokument ta’ ħidma tal-Impjegati tal-Kummissjoni SEC (2009) 1121 tat-18/08/2009 jipprovdi analiżi dettaljati tat-tweġibiet mogħtija mill-Istati Membri[2].

    L-Istati Membri ġew mogħtija l-opportunità biex jelaboraw fuq ċertu tweġibiet mogħtija fil-kwestjonarju u, b’mod aktar ġenerali, biex jiskambjaw l-opinjonijiet dwar il-funzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT u b'mod partikolari dwar il-possibiltajiet li huma raw biex ikun hemm aktar titjib. Żewġ Stati Membri biss urew interess li jkun hemm diskussjoni miftuħa dwar din il-kwistjoni mal-Kummissjoni.

    Sorsi interessanti ta’ informazzjoni huma l- istatistiċi annwali mibgħuta mill-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (KE) n° 1798/2003. Kienet ikkunsidrata informazzjoni relatata mal-istatistiċi għall-2006 u l-2007 biex jiġu sostnuti għadd ta’ konklużjonijiet.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri analizzat il-funzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva fl-2006, ibbażata l-aktar fuq żjarat f’seba’ Stati Membri. Ir- Rapport Speċjali tagħhom indika li "minkejja arranġamenti ġodda introdotti fl-2004, il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-VAT għadha mhix intensiva biżżejjed biex tkampa mal-evażjoni intrakomunitarja tal-VAT u l-frodi"[3]. Dan ir-rapport kien sors imprezzabbli ta’ kontribuzzjoni għall-Kummissjoni.

    L-awtoritajiet Ġermaniżi jikkontestaw il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri li twettaq verifiki f’dan il-qasam u b’mod partikolari biex tivverifika jekk il-Ġermanja stabbilixxietx l-istrutturi amministrattivi u organizzattivi meħtieġa għall-kooperazzjoni amministrattiva. Din il-kwistjoni hija s-suġġett ta’ kawża ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fir-rigward tiegħu, qed jiġi eżaminat rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    3. RIżULTATI EWLENIN

    3.1. Funzjoni prattika

    3.1.1. Skambju ta’ informazzjoni wara rikjesta

    Wieħed mill-fatturi prinċipali biex ikun hemm sistema mingħajr skossi għall-iskambju ta’ informazzjoni hija sistema b’saħħitha u ta’ amministrazzjoni interna effiċjenti u proċedurali fl-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ dan, ir-rapport kien identifika li ser jitfaċċaw problemi bħala tweġibiet tard għal din ir-rikjesta għall-informazzjoni, l-użu ħażin tal-forom standard, il-kwalità fqira tar-rikjesta u t-tweġiba, id-diffikultajiet biex jiġi identifikat id-dipartiment kompetenti ta’ kollegament u d-diffikultajiet fil-ġbir tad-dejta rilevanti u l-problemi tekniċi mal-posta tas-CCN[4].

    B’mod partikolari f’sistema diċentralizzata, l-Istati Membri li jagħmlu r-rikjesta għandhom diffikultajiet fl-identifikazzjoni tad-dipartiment ta’ kollegament (u l-persuni ta’ kuntatt) li għalihom għandha tkun indirizzata r-rikjesta. Mill-banda l-oħra, dawk l-Istati Membri li jimplimentaw sistema diċentralizzata tindika li din twassal għal użu aħjar tar-riżorsi.

    Tħassib kbir hu t-tempestività tat-tweġiba u l-istatistiċi wrew li l-għadd ta’ tweġibiet tard kienu laħqu livell mhux aċċettabbli. Barra minn hekk, għalkemm ir-Regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinformaw lil xulxin f’każ ta’ nuqqas ta’ rispett għall-iskadenzi, l-istatistiċi juri li fil-prattika dan jiġri rari ferm. Id-dewmien fit-tweġibiet għar-rikjesti għall-informazzjoni u biex ikunu informati l-Istati Membri dwar in-nuqqas ta’ rispett għall-iskadenzi, hu dovut għal għadd ta’ fatturi interni. l-iskambji ta’ informazzjoni li mhumiex meqjusa bħala prijorità, in-nuqqas ta’ riżors uman u problemi lingwistiċi. Il-formoli standard jikkontribwixxu għal aktar struttura u kjarezza u għal approċċ armonizzat u koerernti f’kooperazzjoni amministrattiva. B’mod ġenerali, jidher li għalkemm bosta Stati Membri għandhom jissuġġerixxu l-użu obbligatorju tal-formoli standard, jeżisti tħassib li dan jista’ jirriduċi l-effiċjenza tal-kooperazzjoni f'ċerti każi. L-Istati Membri jilmentaw ukoll li l-format XML għadu ma kienx applikat minn kulħadd fl-2008 għalkemm dawn qablu b’mod umanimu fl-2007 biex jużaw dan il-format.

    Il-Kummissjoni hi konvinta li l-aċċess awtomatiku għad-databases tal-Istati Membri l-oħra għandu jnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ rikjesti ta’ informazzjoni "standard". L-aċċess awtomatiku għalhekk għandu jiffaċilita u jħaffef il-kooperazzjoni amministrattiva, u għandu wkoll jiffranka l-ħin u r-riżorsi għal inkjesti profondi meħtieġa għal rikjesti aktar ikkumplikati.

    Barra minn hekk, il-kwalità tat-tweġibiet mhux dejjem jissodisfaw l-istandards xierqa. Għaldaqstant, it-tweġibiet jistgħu jkunu fil-ħin iżda jkun bla valur għall-parti li tagħmel ir-rikjesta. L-Istati Membri nfushom indikaw li l-kwalità tal-informazzjoni skambjata trid tittejjeb u għalhekk, il-Kummissjoni daħlet fil-kwistjoni fi ġrupp speċifiku tal-proġett stabbilit taħt il-programm Fiscalis 2013[5].

    Iridu jiġu indirizzati ħafna problemi fuq livell ta' amministrazzjoni fl-Istati Membri bħal ma huma l-prijorità li trid tingħata fl-amministrazzjoni tat-taxxa biex tkun ipprovduta għajnuna lill-Istati Membri l-oħra. Fost il-mezzi biex tiġi mtejba s-sitwazzjoni attwali, l-amministrazzjoni trid tqajjem l-għarfien tal-uffiċjali lokali biex tingħata prijorità fl-ippjanar ta’ dawn ir-rikjesti, l-uffiċċji lokali għandhom jiġu inkoraġġiti li jagħmlu kuntatt dirett mal-punti ta' kuntatt fl-Istati Membri l-oħra meta jkun hemm il-ħtieġa biex jiġu ċċarati r-rikjesti, għandu jiġi allokat biżżejjed persunal għall-kooperazzjoni amministrattiva, u għandu jiġi implimentat il-format XML.

    3.1.2. Skambju ta’ informazzjoni mingħajr rikjesti minn qabel

    L-Artikolu 3 tar-Regolament 1925/2004 jiddefinixxi l-kategoriji li fihom l-Istati Membri jistgħu jindikaw jekk humiex ser jiskambjaw l-informazzjoni awtomatikament mingħajr rikjesta minn qabel. Huma biss ftit l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kategoriji kollha għall-iskambju ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, uħud mill-Istati Membri indikaw li huma jipparteċipaw fl-iskambju għal ċerti kategoriji iżda fil-prattika l-istatistiċi juru mod ieħor (pereżempju għal bejgħ ta’ distanza fl-2007 twettqu biss 5 skambji ta’ informazzjoni). L-Istati Membri jqisu uħud mill-kategoriji bħala aktar importanti minn oħrajn. Madanakollu, uħud mill-Istati Membri ma jipparteċipawx minħabba li ma għandhomx ġbir sistematiku u ħażna ċentralizzata tad-dejta neċessarja. Jeżisti għadd kbir ta’ raġunijiet għaliex ma għandhomx dawn l-affarijiet (nuqqas ta’ riżorsi tal-persunal, sforzi mhux proporzjonati, organizzazzjoni amministrattiva interna u diffikultà biex tinkiseb l-informazzjoni). Hu ta’ dispjaċir li uħud mill-Istati Membri għadhom mhumiex f’pożizzjoni li jiskambjaw ċerti kategoriji, minkejja li dan kien il-ħsieb meta r-Regolament kien adottat[6].

    Għaldaqstant, tista’ tkun prevista reviżjoni tal-artikolu 3 tar-Regolament 1925/2004 bil-għan li tiġi aġġornata l-lista attwali u/jew tkun introdotta lista ġdida inklużi tipi ta’ tranżazzjonijiet b’elementi transkonfinali fejn il-parteċipazzjoni fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tkun obbligatorja għall-Istati Membri kollha.

    Matul id-diskussjonijiet fil-laqgħat tal-ATFS għadd kbir ta’ Stati Membri ma kinux kontra li tkun imfassla lista speċifika bħal din. Kategoriji oħra li huma kkunsidrati bħala irrelevanti għall-Istati Membri għandhom jitneħħew. Madanakollu, kif indikat aktar ’il fuq, jidher li hemm kontradizzjoni bejn il-veduti ta’ politika espressi fl-ATFS u l-applikazzjoni fil-parattika tal-iskambji awtomatiċi ta’ informazzjoni.

    Fir-rigward tal-iskambji spontanji ta’ informazzjoni, l-Istati Membri għandhom izidu l-għarfien tal-awdituri tagħhom dwar l-importanza tal-iskambji ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ ġbir ta’ taxxi għall-Istati Membri l-oħra. Uħud mill-Istati Membri jikkunsidraw li Eurocanet[7] hu approċċ tajjeb għall-iskambju spontanju, minħabba li dan toħloq kuntatti diretti bejn l-uffiċċjali li jispeċjalizzaw f’ċertu suġġett u jippermetti li tkun skambjata informazzjoni b’mod rapidu. B’dan il-mod tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-persunal lokali dwar l-importanza ta’ ċerta informazzjoni li tista’ tiġi skambjata u timmotivahom biex jużaw din l-għodda b’mod attiv. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-twaqqif ta’ EUROFISC, ibbażat fuq il-linja gwida approvati mill-Kunsill f’Ottubru 2008, ikun jista’ jipprovdi qafas solidu biex jittejjeb dan l-iskambju ta’ informazzjoni.

    Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw proċeduri effiċjenti biex tinġabar id-dejta li għandha tkun skambjata awtomatikament, minħabba li l-maġġoranza tal-Istati Membri jikkunsidraw l-informazzjoni rċevuta bħala utli u ta’ benefiċċju fil-prattika. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni għandha ttejjeb it-taħriġ tal-awdituri sabiex dawn isiru konxji dwar l-importanza li l-informazzjoni spontanja tal-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jkollha potenzjalment għal skop ta’ taxxa fi Stati Membri l-oħra.

    3.1.3. Mekkaniżmu ta’ rispons

    Bosta Stati Membri m'għandhom l-ebda sistema ta' rispons u għalhekk ma jistgħux jikkumentaw dwar jekk l-informazzjoni trażmessa kinitx użata b'mod effettiv. Tali mekkaniżmu u t-titjib tal-kwalità ta’ informazzjoni skambjata jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-amministrazzjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-proċeduri u biex jimmotivaw l-awdituri tat-taxxa biex jiżdied l-użu ta' dan l-istrument.

    L-Istati Membri indikaw n-nuqqas ta’ rispons bħala dgħjufia u l-Kummissjoni eżaminat it-tfassil possibbli ta’ sistema xierqa ta’ rispons fi Grupp tal-Proġett u taħt il-programm Fiscalis 2013.

    3.1.4. Titjib fit-tħaddim tas-Sistema ta’ Skambu ta’ Informazzjoni tal-VAT (VIES)

    In-nuqqas ta’ validità tan-numri tal-VAT u d-dewmien biex tiġi kkoreġuta d-dejta huma ta’ spiss ikkwotati bħala problemi f’rabta mal-kwalità tal-informazzjoni li tinsab fid-database, biex b’hekk tiġi pperikolata l-affidabilità tad-database infisha.

    Jinsab għaddej xogħol tekniku biex tiġi modernizzata l-VIES, bħal ma hu l-iċċekjar tal-isem u l-indirizz ta’ dawk li jħallsu t-taxxi man-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tiegħu, biex tiġi kkonfermata din d-dejta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta dwar l-istandards minimi għar-reġistrazzjoni/tneħħija ta’ reġistrazzjoni tan-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT, sabiex tissaħħaħ l-eżatezza u l-kompletezza tad-dejta fil-VEIS.

    3.1.5. Preżenza tal-uffiċjali fl-uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni fl-inkjesti amministrattivi fi Stat Membri ieħor

    L-istatistiċi sottomessi kull sena juru li l-użu tal-istrumenti msemmija fl-artikolu 11 hu limitat, għalkemm hu kkunsidrat bħala għodda siewja fir-reġjuni mal-fruntieri. L-aktar raġunijiet importanti u rikorrenti għal dan l-użu limitat huma: Il-problema tal-ilsien, in-nuqqas tal-bażi legali nazzjonali biex jippermetti l-parteċipazzjoni f’inkjesti nazzjonali, u l-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi biex jiġi applikat dan l-istrument. Madanakollu, il-kundizzjonijiet nazzjonali ma għandhomx ixekklu l-użu ta’ dan l-istrument.

    Hemm il-ħtieġa li titqajjem il-kuxjenza tal-uffiċċjali u li tinkoraġġihom biex jużaw dan l-istrument. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi għandu jiġi ttrattat fuq livell nazzjonali.

    3.1.6. Kontrolli simultanji – kontrolli multilaterali (MLC)

    L-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur miżjud tal-istrument imsemmi fl-artikolu 12 tar-Regolament 1798/2003. Minbarra dan, saru sforzi biex ikun promoss u ffaċilitat l-użu ta’ dan l-istrument, speċjalment bit-twaqqif tal-pjattaforma MLC u l-aġġornment tal-gwida MLC Dawn l-isforzi jidher li laħqu l-għanijiet tagħhom minħabba li qed jiżdied l-għadd ta’ MLCs mibdija. Madankollu għad jista’ jsir ħafna titjib. Għadd ta’ intoppi qed inaqqsu r-ritmu tal-proċedura: in-nuqqas ta’ żmien u ta’ riżorsi, l-għarfien tal-ilsna, in-nuqqas ta’ esperjenza, l-ebda kuntatt dirett fuq livell altar ’l isfel, u l-ebda delega mill-awtorità kompetenti lill-awditur tat-taxxa responsabbli. Madanakollu, diġà jeżisti t-tħaddim tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali tat-taxxa fis-CCNmail phase II bis, iżda jidher li mhux implimentat fl-Istati Membri kollha. Sakemm ikun possibbli, l-iskambju tal-informazzjoni, għandu dejjem ikun direttament bejn l-awdituri tat-taxxa involuti.

    L-Istati Membri jikkunsidraw li l-proċeduri interni tagħhom huma flessibbli biżżejjed biex jippermettu reazzjoni veloċi f’każi ta’ frodi. Minkejja dan, jidher li għad tista’ tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-Unità ta’ Kontra l-Frodi u il-koordinazzjoni MLC.

    3.1.7. Skema speċjali għall-persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jissupplixxu s-servizzi elettroniċi lill-persuni li ma jkunux taxxabbli (kapitolu VI tar-Regolament 1798/2003)

    Ma kien hemm l-ebda intoppi fl-amministrazzjoni tal-iskema speċjali, minħabba l-għadd tal-persuni taxxabbli mhux stabbiliti (NETP's) u l-ammonti ta’ taxxa mħallsa mhumiex għolja b’mod sinifikattiv. Minkejja dan, din hi taxxa li kieku ma kinitx tinġabar fl-assenza tal-iskema speċjali. Barra minn hekk, bħala konsegwenza tal-introduzzjoni tal-iskema speċjali, għadd ta’ fornituri stabbilixxew irwieħhom fl-UE għat-tranżazzjonijiet B2C tagħhom u jħallsu l-VAT fl-Istati Membri ta’ identifikazzjoni.

    Fir-rigward tal-qasam tal-e-commerce, l-Istati Membri jikkunsidraw li hu diffiċli li jitwettqu verifiki tal-NETP’s. Minkejja dan, hu essenzjali li jitwettqu dawn il-verifiki peress li din hi l-unika għodda li tippermetti lill-Istati Membri li jivverifikaw li n-negozji qed japplikaw b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-iskema speċjali. L-Istati Membri li wettqu b’suċċess il-verifiki huma inkoraġġiti biex jiskambjaw l-esperjenzi tal-verifiki u l-prassi fil-qafas tan-NETP's (pereżempju l-indirizz ta’ riskji kkunsidrati, l-identifikazzjoni tal-konformità u l-iżbalji tad-dħul, li tinżera’ l-fiduċja li n-negozji remoti u barra mill-UE stabbiliti jistgħu jiġu vverifikati). L-iskambju ta’ dawn l-esperjenzi u l-prassi jistgħu isiru permezz tal-pjattaforma MLC jew tal-pjattaforma ta’ kontra l-frodi.

    3.1.8. Arranġamenti tal-evalwazzjoni nazzjonali

    L-Artikolu 35 tar-Regolament jiddikjara li l-Istati Membri ser jeżaminaw u jevalwaw kif qed jaħdmu l-arranġamenti għall-kooperazzjoni amministrattiva. Fil-prattika, jidher li l-maġġoranża vasta tal-Istati Membri ma jagħmlux b’mod sistematiku evalwazzjoni interna izda pjuttost jidhru li jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom stess unikament fuq l-istatistiċi annwali li jridu jipprovdu lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

    3.1.9. Uffiċċju Ċentrali ta’ Kollegament (UĊK)

    Fil-maġġoranza vasta tal-Istati Membri l-UĊK hu l-punt ta’ kuntatt għall-informazzjoni rikjesta. L-Istati Membri kollha jiddikjaraw li għandhom sistema ta’ sorveljanza biex tkun ta’ segwitu fit-trattament ta' rikjesti. L-UĊK jistabbilixxi l-iskadenzi interni għar-rispons, iżda jidher li dawn l-iskadenzi mhumiex jintlaħqu, għaliex ma hemmx inċentivi biex jappellaw lill-uffiċċjal responsabbli li jwieġeb fil-ħin jew biex jispjega għaliex ma jistax jagħmel dan. B’mod partikolari f’sistema deċentralizzata mal-uffiċċji ta’ kollegament, hu neċessarju li tkun imwaqqfa sistema effiċjenti ta’ sorveljanza, mhux biss biex jintlaħqu l-iskadenzi, iżda wkoll biex jiġu żgurati l-istandards ta' kwalità tal-informazzjoni skambjata. Barra minn hekk, jidher li uħud mill-Istati Membri jibagħtu rikjesta unika lid-dipartimenti kollha ta’ kollegament, li imbagħad jiġu meqjusa bħal aktar minn rikjesta waħda. Din hi waħda mir-raġunijiet għad-differenza fl-istatistika bejn ir-rikjesti rċevuti u dawk mibgħuta.

    Id-differenzi fl-ilsna użati jnaqqsu r-ritmu tal-proċedura. Tista’ tkun l-aħjar prassi kieku l-Istati Membri jaqblu dwar l-ilsien li bih issir il-ħidma li bih ikunu jridu jikkomunikaw għal skop tal-UĊK. Madanakollu, fil-fehma tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta' ftehim ma għandux ikompli jxekkel il-kooperazzjoni mingħajr skossi izda minflok wieħed jista' jipprevedi li l-ilsien Ingliż jista’ jintuża bħala soluzzjoni f'kaz li ma jintlaħaq l-ebda ftehim. In-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwi hu problema li qed tiġri l-aktar fuq il-livell lokali tal-amministrazzjoni. Il-kuntatti diretti (it-telefown jew il-posta CNN) li jitolbu kjarifika jistgħu jevitaw it-traduzzjoni peżanti. Għall-MLCs, jista’ jgħin ħafna s-sostenn ta’ interpreti. L-għodda ta’ sostenn lingwistiku kien fil-fatt stabbilit taħt il-programmi Fiscalis 2007 u Fiscalis 2013.

    3.2. Qafas Legali

    L-Istati Membri jikkunsidraw li r-Regolament tejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva. B’mod ġenerali, il-qafas legali jipprovdi lill-awtoritajiet tat-taxxa b’bażi solida għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-ħidma flimkien billi jintużaw l-istrumenti disponibbli differenti biex tinkiseb informazzjoni prezzjuża għall-ġlieda kontra l-frodi.

    Madanakollu, l-Istati Membri ltaqgħu ma’ għadd ta’ regoli li għandhom nuqqas ta’ ċarezza u ma' żbalji fl-applikazzjoni tar-regoli. Għalhekk, il-qafas legali jrid jiġi aġġornat fl-oqsma elenkati hawn taħt.

    3.2.1. Preżenza fl-uffiċċji amministrattivi, parteċipazzjoni għal inkjesti amministrattivi u kontrolli simultanji (Artikolu 11-12-13)

    L-Istati Membri ndikaw li interpretazzjoni fuq livell Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-artikolu 11 kellha tkun siewja u li l-ebda ftehimiet internazzjonali ulterjuri jew leġiżlazzjoni domestika ma tkun imbagħad meħtieġa (li jillimitaw l-użu tal-istrument).

    Xi diffikultajiet kienu fil-fatt indikati mir-riżultat tad-differenzi fl-interpretazzjoni tal-artikolu rilevanti.

    Madanakollu, wara konsiderazzjoni bir-reqqa s-servizzi Kummissjoni huma tal-fehma li l-artikoli msemmija hawn fuq jeħtieġu emendi limitati peress li l-iskop ewlieni hu pjuttost li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet preżenti b'moħħ miftuħ.

    3.2.2. Skambju ta’ informazzjoni mingħajr rikjesta minn qabel (Artikolu 17 sa 21)

    L-Artikolu tar-Regolament jipprovdi li l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni mingħajr talba minn qabel. Din tispeċifika li kull Stat Membru għandu jgħaddi l-informazzjoni lil kwalunkwe Stat Membru kkonċernat fi tliet sitwazzjonijiet, li tirrapreżenta obbligazzjoni ferm wiesgħa.

    L-Artikolu 3 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1925/2004 jiddefinixxi l-(sotto) kategoriji li għalihom l-Istati Membri ser jiskambjaw l-informazzjoni b'mod awtomatiku jew b'mod awtomatiku strutturat.

    L-Artikolu 18, madankollu, jillimita l-obbligazzjoni fl-Artikolu 17, li tiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw jekk dawn jiskambjawx ċerti kategoriji ta' informazzjoni mingħajr talba minn qabel.

    It-tweġibiet għall-kwestjonarju għamluha ċara li l-Istati Membri jifhmu u japplikaw l-interazzjoni bejn l-Artikoli 17 u 18 b'mod diverġenti. Dan iwassal għal inkonsistenza fl-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-definizzjoni tal-kategoriji ma laħqitx l-għanijiet kollha tagħha. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ skambji "awtomatiċi" u "awtomatiċi stutturati" joħolqu konfużjoni.

    Għalhekk il-Kummissjoni ser tipproponi li temenda l-interazzjoni bejn l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament. Barra minn hekk, kif inhu indikat hawn fuq, fir-Regolament tal-Kummissjoni 1925/2004 il-lista attwali tista’ tiġi aġġornata jew tista’ tiġi introdotta lista ġdida b’tipi ta’ tranżazzjonijiet li għaliha jkun obbligatorju l-iskambju ta’ informazzjoni għall-Istati Membri kollha (għall-inqas għal ċertu kategoriji).

    3.2.3. Relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi (Artikolu 36)

    Teżisti ftit esperjenza fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni li tkun ġejja minn pajjiżi terzi. L-Istati Membri kkunsidraw li l-informazzjoni li tkun ġejja minn pajjiżi terzi tista’ tkun ferm utli biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tat-taxxa jew li tinkixef il-frodi, iżda jridu jiġu applikati regoli stretti (il-prinċipju tas-segretezza). Mhux l-Istati Membri kollha kkonkludew trattati dwar it-taxxa inklużi kwistjonijiet dwar il-VAT u b’hekk mhux possibbli għalihom kollha li jgħaddu l-informazzjoni mill-pajjiżi terzi.

    Il-maġġoranza tal-Istati Membri mhumiex kontra li l-informazzjoni li tkun ġejja minn pajjiżi terzi tgħaddi għand Stati Membri oħra interessati b'mod obbligatorju. Jista’ jkun li jitwessa’ l-ambitu tad-dispożizzjoni tar-Regolament, sabiex ma jkunx eskluż b’mod espliċitu li titwassal l-informazzjoni.

    Il-Kummissjoni għadha konvinta li fuq medda twila ta’ żmien, approċċ ikkoordinat fuq livell tal-UE għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-VAT għandu jkun l-aħjar pass ’l quddiem.

    4. KONKLUżJONI

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2006 dwar il-ħtieġa li tkun żviluppata strateġija kkoordinata biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi fiskali (COM (2006)254finali tal-31.5.2006) kienet diġà esprimiet l-opinjoni tagħha li l-qafas legali għal kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT kienet rinfurzata, iżda li l-Istati Membri ma jagħmlux użu biżżejjed minn din il-kooperazzjoni u l-livell ta’ kooperazzjoni amministrattiva mhux proporzjonat mad-daqs tal-kummerċ intra-Komunitarju. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri waslet kważi għall-istess konklużjoni fir-Rapport Speċjali fl-2007.

    Ir-rapport ma għandux konklużjonijiet differenti; L-arranġamenti l-ġodda introdotti fl-2004 mar-Regolament 1798/2003 offrew possibiltajiet imtejba, iżda l-intensità tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex ilaħħqu mal-evażjoni u l-frodi intra-Komunitarju tal-VAT għadha mhix sodisfaċenti.

    Minħabba l-funzjonijiet prattiċi, ir-rieda li tittejjeb l-applikazzjoni tal-arranġamenti għall-kooperazzjoni amministrattiva għandha tkun riflessa fis-sostenn amministrattiv u fl-organizazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa permezz tal-azzjonijiet segwenti:

    - Għadd xieraq ta’ riżorsi għandhom jiġu allokati għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-kontroll tat-taxxa;

    - Għandu jiġi pprovdut taħriġ lill-uffiċċjali tat-taxxa biex iqajmu kuxjenza fir-rigward tal-istrumenti disponibbli (rikjesti, preżenza fl-uffiċċji amministrattivi, parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi, kontrolli simultanji) u l-iskambju spontanju tal-informazzjoni;

    - Għandu jiġi adottat approċċ proattiv u b’moħħ miftuħ lejn l-applikazzjoni tal-istrumenti disponibbli u għandhom jiġu evitati l-ostakli fuq livell nazzjonali li jistgħu jfixklu l-funzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva u jimminaw l-użu effiċjenti tal-istrumenti;

    - Uffiċċjali lokali għandhom jingħataw istruzzjonijiet dwar kif jingħataw prijorità r-rikjesti għall-informazzjoni;

    - Is-softwer għandu jiġi aġġustat biex jintuża l-format XML biex jintbagħtu r-rikjesti.

    - Għandhom jiġu implimentati proċeduri effiċjenti biex tinġabar id-dejta li trid tiġi skambjata;

    - Għandhom jiġu inkoraġġiti kuntatti diretti bejn l-awdituri lokali tat-taxxa (permezz tas-CCN mail II bis).

    Fil-fatt dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex ġodda; dawn jistgħu jinsabu diġà fir-rapporti preċedenti ppreżentati diversi snin ilu. Il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet iridu jiġu repetuti hu sinjal ta’ tħassib fir-rigward tal-livell ta’ segwitu li ngħatalhom fil-passat.

    L-importanza politika mogħtija fi Stat Membru biex jiġi żgurat li servizz ta’ kwalità tajba jkun ipprovdut lill-awtoritajiet msieħba fl-Istati Membri l-oħra hi fattur prinċipali għal titjib sostanzjali.

    Il-Kunsill tal-ECOFIN matul l-aħħar sentejn kellu diversi diskussjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Il-konklużjonijiet li ġew stabbiliti f’dawn l-okkażjonijiet jindikaw il-bżonn għal approċċ komuni fuq livell tal-UE. L-enfasi ntefgħet fuq l-hekk imsejja "miżuri konvenzjonali" li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet tat-taxxa biex jikkumbattu l-frodi tal-VAT fil-kuntest tas-sistema attwali tal-VAT.

    Ir-rinforz tal-kooperazzjoni amministrattiva hu esenzjali f’dan il-kuntest u l-proposta għat-tfassil mill-ġdid tar-Regolament 1798/2003 li hu ppreżentat illum fiha tibdiliet sostanzjali bħall-aċċess awtomatiku għal databases u se tipprovdi l-bażi legali biex jiġi stabbilit l-EUROFISC. Ir-rapport preżenti juri l-bżonn għal emendi ulterjuri għall-qafas legali li qed jiddaħħlu f’din il-proposta.

    Madanakollu, it-titjib tal-funzjoni prattika hu ugwalment importanti u l-Kummissjoni qed torbot fuq ir-rieda politika tal-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi neċessarji għal dan il-għan.

    Ir-rieda trid tiġi mill-Istati Membri iżda l-Kummissjoni hi lesta li tipprovdi l-għajnuna tagħha għal dawn l-isforzi. Għadd ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu jistgħu jiġu kkoordinati fuq livell tal-UE u l-programm Fiscalis 2013 jipprovdi l-għodod xierqa biex isostni l-iżvilupp u l-implimetazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet.

    [1] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Strateġija kkoordinata biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fl-UE, COM(2008)807 finali, 1.12.2008

    [2] 25 Stat Membru wieġbu għall-kwestjonarju mibgħut mal-ittra D29096 tal-31.3.2008

    [3] Rapport speċjali tal-ECA 08/2007, ĠU C20, 25.1.2008,p1

    [4] Il-posta mibgħuta permezz tan-Network Komuni ta’ Komunikazzjoni (kaxxa postali sikura fl-Istati Membri kollha)

    [5] Il-programm Fiscalis 2013 (Deċiżjoni n°2235/2007/EC tal-11 ta’ Diċembru 2007) hu programm tal-Komunità stabbilit biex tiġi mtejba l-funzjoni proprja tas-sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern billi tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-pajjiżi parteċipanti. Grupp ta’ proġett hu grupp ta’ esperti nazzjonali li jkollhom laqgħat sabiex jipproponu soluzzjonijiet għal problema speċifika f’oqsma ddefiniti tajjeb, stabiliti u ffinanzjati taħt il-programm Fiscalis 2013.

    [6] Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-kapitolu 51 tar-Rapport Speċjali tal-ECA 08/2007, ĠU C20, 25.1.2008,

    [7] Eurocanet hija netwerk informali għal skambju rapidu ta’ informazzjoni dwar frodi ta’ kummerċjant li jisparixxi

    Top