EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0368

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fil-meded tas-sajd : rapport dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 u dwar valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu, b’mod partikulari, tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil għaċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku kif mitlub mir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005

/* KUMM/2009/0368 finali */

52009DC0368

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fil-meded tas-sajd : rapport dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 u dwar valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu, b’mod partikulari, tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil għaċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku kif mitlub mir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 /* KUMM/2009/0368 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.7.2009

KUMM(2009) 368 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fil-meded tas-sajd: Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 u dwar valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu, b’mod partikulari, tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil għaċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku kif mitlub mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fil-meded tas-sajd: Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 u dwar valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu, b’mod partikulari, tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil għaċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku kif mitlub mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005

L-ISFOND

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004[1] jistabbilixxi miżuri mmirati sabiex ikunu mmitigati l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji mill-bastimenti tas-sajd. Ir-Regolament jidentifika l-meded tas-sajd li fihom wieħed huwa obbligat juża apparat akustiku deterrenti, magħruf ukoll bħala “pinger”, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ dan l-apparat, u l-meded tas-sajd li fihom iridu jitwettqu l-iskemi tal-osservaturi fuq il-baħar. L-Istati Membri huma responsabbli biex jimplimentaw l-apparat akustiku, biex jimmonitorjaw l-effiċjenza tiegħu, u biex jimplimentaw skemi tal-monitoraġġ skont il-linji ta' gwida skont dan ir-Regolament.

L-obbligi ta’ rrappurtar

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport annwali komprensiv lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament, inklużi “stimi tal-qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji komplessivi f’kull waħda mill-meded tas-sajd ikkonċernata”.

F’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, wara li tirċievi t-tieni rapport annwali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jissejjes fuq valutazzjoni tar-rapporti tal-Istati Membri mwettqa mill-ICES (il-Kunsill internazzjonali għall-esplorazzjoni tal-baħar) u mill-iSTECF (il-Kumitat xjentifiku, tekniku u ekonomiku għas-sajd).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005[2] jinkludi miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-baħar Baltiku.

L-obbligi ta’ rrappurtar

Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005, “sal-1 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu b’mod partikolari tal-għeżuli, pariti u xbieki tat-tħabbil fuq ċetaċji u li l-konklużjonijiet tagħha jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill”.

Il-ġbir flimkien taż-żewġ rapporti

It-tagħrif meħtieġ għall-valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu, b’mod partikulari, tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil għaċ-ċetaċji skont ir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 jixbah ferm lit-tagħrif dwar il-qabdiet inċidentali li joħroġ mill-“Iskemi tal-osservaturi fuq il-baħar” u li l-Istati Membri jiġbruh skont ir-Regolament (KE) Nru 812/2004. B’mod partikulari, ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 ta’ dan l-aħħar Regolament għandu jissejjes fuq ir-rapporti mibgħuta mill-Istati Membri, li għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, stimi tal-ammont kumplessiv tal-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji f’kull waħda mill-meded tas-sajd ikkonċernati. Barra minn hekk, ir-rapporti mibgħuta mill-Istati Membri għandhom jinkludu valutazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapporti tal-osservaturi, kif ukoll kwalunkwe tagħrif xieraq ieħor, inkluża kwalunkwe riċerka li tkun twettqet fl-Istati Membri sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fil-meded tas-sajd. Għaldaqstant, b’mod parzjali, iż-żewġ rapporti se jkunu qed ikopru l-istess tagħrif dwar il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji permezz tal-irkaptu tas-sajd. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tgħaqqad iż-żewġ rapporti mitluba lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’wieħed.

Wara li l-Kummissjoni għamlet valutazzjoni preliminari tar-rapporti tal-Istati Membri, u sabiex tittejjeb l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni pproponiet li tkun organizzata laqgħa ta’ ħidma dwar il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji (mill-24 sal-25 ta’ Marzu 2009 fi Brussell). Intlaħaq qbil li l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta’ ħidma kellhom ikunu inklużi fir-rapport magħqud sabiex dan ikun kemm jista’ jkun sħiħ abbażi tat-tagħrif kollu disponibbli. Minħabba dan u minħabba li r-rapporti ta’ xi Stati Membri damu ma waslu, ma kienx possibbli li r-rapport meħtieġ jinħareġ fil-ħin hekk kif mitlub mir-Regolament (KE) Nru 2187/2005.

IL-KONTENUT U L-METODOLOġIJA TA’ DAN IR-RAPPORT

Il-Kummissjoni rċeviet ir-rapporti nazzjonali għas-snin mill-2004 sal-2005 u għas-sena 2006 mingħand l-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 812/2004. Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-iSTECF) intalbu janalizzaw dawn ir-rapporti nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut xjentifiku tagħhom u mal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 812/2004. Dan ir-rapport jirrifletti l-konklużjonijiet tagħhom.

L-ICES intalab ukoll iwettaq valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu, b’mod partikulari, tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil għaċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku. Dan ir-rapport jinkludi r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni kif ukoll dejta disponibbli oħra dwar il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku.

Bħala parti mill-proċess tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 812/2004, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta’ ħidma fi Brussell mill-24 sal-25 ta’ Marzu 2009. Dan ir-rapport jippreżenta l-punti ewlenin li ħarġu minn din il-laqgħa ta’ ħidma kif ukoll it-triq proposta għall-ġejjieni.

ANALIżI TAR-RAPPORTI TAL-ISTATI MEMBRI DWAR IR-REGOLAMENT (KE) NRU 812/2004

L-analiżi tar-rapporti annwali nazzjonali mwettqa mill-ICES[3] u mill-iSTECF[4] uriet li “r-rapporti kienu jvarjaw b’mod konsiderevoli fis-sura u fil-kontenut tagħhom. Ftit hemm evidenza ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u ħafna mix-xogħol irrappurtat huwa frott sforzi nazzjonali indipendenti." F’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħrif dwar il-qabdiet inċidentali, “għall-ibħra Ewropej, ftit hemm stimi riċenti disponibbli dwar l-ammont totali tal-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji ż-żgħar fil-meded tas-sajd individwali”3.

Il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li r-rapporti annwali nazzjonali mibgħuta kważi qatt ma joffru stampa ċara tal-azzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 812/2004. Ftit Stati Membri biss setgħu jagħtu prijorità lill-mitigazzjoni tal-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji. Franza u r-Renju Unit huma l-uniċi Stati Membri li pprovdew tagħrif dwar il-qabdiet inċidentali annwali totali stmati.

Għall-Kummissjoni, huwa ċar li ħafna mill-Istati Membri jidhru li qed isibuha diffiċli li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 812/2004 u, b’mod partikulari, li għandhom diffikultà bir-rekwiżiti li ġejjin:

L-obbligu li jintuża apparat akustiku deterrenti; l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kundizzjonijiet tal-użu

Dawk l-Istati Membri li rrappurtaw dwar l-użu tal-apparat akustiku deterrenti, magħruf ukoll bħala “pinger”, waslu għall-konklużjoni li dan l-apparat iqum ħafna flus u li mhuwiex dejjem effettiv, jiġifieri li dak li jista’ jservi ta’ deterrent għal ċerti speċijiet taċ-ċetaċji, għal annimali oħra jista’ wkoll ikun sinjal li jattirahom. Kienu rrappurtati diffikultajiet bit-tqandil tal-apparat u kien irrappurtat ukoll li dan l-apparat huwa ta’ periklu għas-sikurezza tas-sajjieda. Madanakollu, ftit Stati Membri qed iwettqu proġetti tar-riċerka li għandhom l-għan li jiżviluppaw apparat akustiku deterrenti iktar effettiv.

Il-Kummissjoni taf bid-diffikultajiet fl-użu tal-“pingers” u tagħraf l-isforzi ta’ xi Stati Membri fir-riċerka tagħhom dwar il-“pingers”, inklużi dawk li mhumiex obbligati jużawhom. Fil-livell nazzjonali u internazzjonali, għadha għaddejja r-riċerka dwar kemm dan l-apparat u l-miżuri l-oħra ta’ mitigazzjoni huma effettivi. Għandhom jingħataw prijorità lir-riċerka u lit-tixrid tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri differenti.

Minħabba li l-Istati Membri rrappurtaw b’mod mhux sħiħ u mhux konklużiv dwar l-użu tal-“pingers” u minħabba li t-tagħrif disponibbli mhuwiex biżżejjed, mir-rapporti tal-Istati Membri l-Kummissjoni ma tistax tasal għal konklużjoni ċara dwar kemm huwa effettiv li wieħed juża l-“pingers” sabiex inaqqas il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji.

L-obbligu li jitfasslu u jkunu implimentati skemi tal-osservaturi fuq il-baħar u li jkunu mmonitorjati l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji

F’dak li għandu x’jaqsam mat-twaqqif tal-iskemi tal-osservaturi fuq il-baħar, jidher li l-miżura mhix qed tiġi applikata biżżejjed. Xi Stati Membri jsostnu li m’għandhomx biżżejjed riżorsi (finanzjarji u umani) sabiex jimplimentaw dawn il-programmi u/jew li ma jistgħux ikopru l-oqsma kollha u t-tagħrif dwar l-iskemi adottati u r-rapporti tal-osservaturi ħafna drabi mhumiex sħaħ. Sitta mit-tnejn u għoxrin Stat Membru rrappurtaw li l-attività tas-sajd tagħhom ma kinitx tidħol fl-ambitu tar-Regolament. Xi Stati Membri ressqu tagħrif imsejjes fuq studji tar-riċerka li qed jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali jew permezz ta’ sħubiji internazzjonali. Stati Membri oħra ġabru t-tagħrif mingħand l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom tal-portijiet jew permezz ta’ intervisti mas-sajjieda. Ftit Stati Membri biss irrappurtaw il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji. B’hekk, il-Kummissjoni qed tasal għall-konklużjoni li t-tagħrif skars ma jagħtix stampa ċara tal-interazzjoni bejn il-meded tas-sajd u l-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji. Għalhekk, il-Kummissjoni mhix f'pożizzjoni li tagħmel analiżi komprensiva u oġġettiva tal-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fl-ibħra tal-UE.

Id-diskussjoni

Ir-rappurtar dwar il-miżuri implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 812/2004 juri li huma biss ftit l-Istati Membri li qed jagħmlu biżżejjed sforzi sabiex jinfurzaw dan ir-Regolament. Huwa ċar li l-implimentazzjoni tiegħu teħtieġ impenn u sforz ikbar min-naħa tal-Istati Membri, u li ħafna minnhom ma setgħux ikunu konformi miegħu minħabba r-raġunijiet spjegati hawn fuq. Il-Kummissjoni tista’ tasal għall-konklużjoni li t-tnaqqis tal-kunflitti bejn iċ-ċetaċji u l-attivitajiet tas-sajd għadu fi stadju ta’ impenn bikri.

Il-fatt li Stati Membri differenti kellhom japplikaw dan ir-Regolament f’perjodi differenti għal żoni differenti jista’ jispjega d-differenza fir-riżultati. Barra minn hekk, xi Stati Membri dewmu l-applikazzjoni tal-“pingers” minħabba l-problemi marbutin minnhom infushom mal-użu tagħhom, u minflok ikkoordinaw jew ħadu sehem fi proġetti tar-riċerka differenti nazzjonali u internazzjonali mmirati sabiex jittejbu l-apparat u t-tekniki tal-mitigazzjoni.

Permezz tal-istrument finanzjarju tal-UE msejjaħ “LIFE”, li jagħti appoġġ lill-proġetti ambjentali u lil dawk għall-konservazzjoni tan-natura, il-Kummissjoni tikkofinanzja diversi proġetti, li xi wħud minnhom jagħtu kontribut għall-implimentazzjoni tan-netwerk tan-Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar. Ħafna drabi, f’dawn il-proġetti tal-istrument “LIFE”, huma indirizzati l-modi kif wieħed jista’ jevita, inaqqas jew jimmitiga b’xi mod ieħor il-qabdiet inċidentali tal-mammali tal-baħar.

Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 812/2004 jindika l-attivitajiet tas-sajd li l-Istati Membri għandhom jagħtuhom attenzjoni speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt fuq il-qabdiet u l-qtil inċidentali taċ-ċetaċji, ta’ min jinnota wkoll li l-miżuri sabiex jitnaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ispeċi taċ-ċetaċji ma jinstabux biss f’dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, id-Direttiva dwar il-Ħabitati, l-Istati Membri diġà għandhom l-obbligu li jagħmlu riċerka jew li jieħdu miżuri ta’ konservazzjoni sabiex jiżguraw li l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq l-ispeċi. Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitati, l-ispeċijiet kollha taċ-ċetaċji jgawdu minn sistema ta’ ħarsien strett fiż-żona naturali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-istat ta’ konservazzjoni taċ-ċetaċji, u għandhom ukoll iwaqqfu sistema sabiex ikunu mmonitorjati l-qabdiet u l-qtil inċidentali tagħhom. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex, fiż-żoni speċjali tal-konservazzjoni, ikun evitat li l-ħabitati tal-ispeċi jiddeterjoraw, kif ukoll li l-ispeċijiet li għalihom ikunu ntgħażlu dawk iż-żoni jkunu ddisturbati b’mod sinifikanti. Għall-ispeċijiet Phocoena phocoena u Tursiops truncatus intgħażlu għadd ta’ żoni ta’ dan it-tip.

IL-VALUTAZZJONI XJENTIFIKA TAL-EFFETT TAL-GħEżULA, TAL-PARITI U TAX-XBIEKI TAT-TħABBIL FUQ Iċ-ċETAċJI FIL-BAħAR BALTIKU

Iċ-ċetaċju li s-soltu jinstab fil-Baħar Baltiku huwa l-foċena ( Phocoena phocoena ). Huwa stmat li għandu popolazzjoni ta’ inqas minn 1 000 ruħ[5]. Skont ir-rapporti tal-Istati Membri, ma nqabdu l-ebda ċetaċji b’mod inċidentali fil-Baħar Baltiku mill-attivitajiet tas-sajd osservati fl-2005 u fl-2006. F'April tal-2008, l-ICES irrappurtat lill-Kummissjoni li d-dejta mibgħuta mill-Istati Membri ma kinitx biżżejjed biex tkun tista’ ssir valutazzjoni xjentifika tal-effett tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil fuq iċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku.

Naturalment hemm ukoll nuqqas ta’ iktar tagħrif dwar il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fl-irkaptu tas-sajd fil-Baħar Baltiku. Is-sorsi disponibbli huma l-iktar dwar l-annimali li jispiċċaw jinġarru u jibqgħu l-art, bil-marki fuqhom jagħtu ’l wieħed x’jifhem li l-annimali jkunu mietu fix-xbieki. Studju li sar dan l-aħħar il-Ġermanja irrapporta dwar iktar minn 150 foċena li spiċċaw inġarru u baqgħu l-art fl-2007 max-xatt Baltiku tal-Ġermanja, b’47 % minnhom meqjusa bħala qabdiet inċidentali jew issuspettati li kienu qabdiet inċidentali[6]. Madanakollu, id-dejta dwar il-ħut li jispiċċa jinġarr u jibqa’ l-art mhijiex biżżejjed sabiex issir valutazzjoni sħiħa tal-effett tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil fuq il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji tal-Baħar Baltiku, għax ma tagħtix tagħrif dwar fejn ikunu nqabdu l-annimali u f’liema tip ta’ rkaptu jkun seħħ dan. Minħabba f’hekk, f’dan l-istadju wieħed ma jista’ jasal għall-ebda konklużjoni dwar l-effett tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil fuq iċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku.

Id-diskussjoni

Il-popolazzjoni attwali tal-foċeni tal-Baħar Baltiku hija baxxa ħafna, b’mod allarmanti – baqa’ inqas minn 1 000 foċena5. Rakkonti storiċi kemm fuq il-popolazzjoni kif ukoll fuq il-livell ta’ qabdiet inċidentali juru li, sa ftit ilu, l-ispeċi kienet iktar numeruża u kienet mifruxa iktar lejn it-Tramuntana tal-Baħar Baltiku[7], [8]. Minbarra r-riskju ta’ diversità ġenetika mnaqqsa li tillimita l-possibbiltà li l-popolazzjoni tadatta ruħha għat-tibdil fl-ambjent, il-popolazzjonijiet imnaqqsa huma wkoll iktar vulnerabbli għall-qabdiet inċidentali mill-popolazzjonijiet b’saħħithom.

F’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ dejta dwar il-qabdiet inċidentali tal-foċena fil-Baħar Baltiku, probabbli dan hu marbut mar-raġunijiet li ġejjin:

1. Il-popolazzjoni żgħira tal-foċena tal-Baħar Baltiku.

2. In-nuqqas ta’ rrappurtar min-naħa tas-sajjieda meta jinqabdu ċ-ċetaċji. Ir-rapporti ta’ ċetaċji li jispiċċaw jinġarru u jibqgħu l-art b’marki tax-xbieki fuqhom max-xatt Baltiku jservu ta’ indikazzjoni dwar foċeni li jinqabdu b’mod inċidentali u li jerġgħu jintefgħu l-baħar[9], [10].

Il-konklużjonijiet fl-aħħar pjan ta’ rkupru għall-foċeni tal-Baħar Baltiku maħruġ mill-ASCOBANS5 (il-konservazzjoni taċ-ċetaċji ż-żgħar tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana) jikkonfermaw dawn is-suppożizzjonijiet. “Minħabba d-densità baxxa ferm tal-foċeni, is-sajjieda rari jaraw jew jaqbdu lill-annimali … u (s-sajjieda) ma jkunux iridu jaċċettaw malajr dak li jsostnu x-xjenzati u dawk favur il-konservazzjoni li l-qabdiet inċidentali huma theddida serja għall-popolazzjoni tal-foċeni. Għalhekk, jekk ma jkunux immitigati l-qabdiet inċidentali, il-foċeni se jibqgħu skarsi (u b’hekk ikun diffiċli li wieħed jikseb stimi aħjar tal-abbundanza), il-qabdiet inċidentali se jibqgħu ftit (u b’hekk ikun diffiċli li wieħed jikkwantifika t-tneħħijiet) u s-sajjieda se jibqgħu ma jemmnux li l-qabdiet inċidentali tas-sajd huma problema għall-konservazzjoni tal-foċeni”. Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa pjuttost perikoluż li wieħed jikkonkludi li l-fatt li mhemmx irrappurtar tal-qabdiet inċidentali jfisser li mhemmx problema bil-qabdiet inċidentali.

LAQGħA TA’ ħIDMA DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 812/2004

Il-Kummissjoni taf bid-diffikultajiet li hemm fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 812/2004 u qed timmira li ttejjeb din is-sitwazzjoni. Għalhekk, nhar l-24 u l-25 ta’ Marzu 2009, organizzat laqgħa ta’ ħidma dwar dan fi Brussell. Il-laqgħa ta’ ħidma kellha l-għan li tiġbor tagħrif u tifforma bażi għar-riflessjoni u li tiddefinixxi s-segwitu għar-Regolament (KE) Nru 812/2004. Il-programm kopra l-punti li ġejjin:

- Preżentazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta’ erba’ snin t’implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 812/2004;

- L-istat tal-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji fl-ibħra tal-UE;

- Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament fir-reġjuni differenti tal-baħar tal-UE;

- L-aħħar żviluppi xjentifiċi u tekniċi dwar l-apparat akustiku deterrenti u miżuri oħrajn ta’ mitigazzjoni.

Fil-laqgħa ta’ ħidma ħadu sehem, fost l-oħrajn, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, ir-rappreżentanti tal-Kumitati konsultattivi reġjonali u tal-Kumitat konsultattiv dwar is-sajd u l-akkwakultura, xjenzati u ż-żewġ dipartimenti tal-Kummissjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-suġġett.

Xi wħud mir-riżultati li ħarġu mil-laqgħa ta’ ħidma kienu li:

- Hemm bżonn ta’ għarfien imtejjeb dwar l-abbundanza taċ-ċetaċji u tal-firxa tagħhom fl-ibħra kollha tal-UE. Il-laqgħa ta’ ħidma wriet ukoll li l-okkorrenza taċ-ċetaċji tvarja.

- Dawk li ħadu sehem qablu li l-“pingers” iservu ta’ deterrent effettiv għall-foċeni. Madanakollu, jeħtieġ li jsiru iktar żviluppi sabiex jittejbu l-applikazzjoni teknika u prattika tagħhom, mingħajr ma titqiegħed f’periklu s-sikurezza tas-sajjieda. Is-sajjieda għandhom ikunu involuti minn meta dan l-apparat ikun qed jiġi ttestjat sa meta jiġi applikat fil-prattika. Għaddejja wkoll riċerka dwar apparat u tekniki oħra tal-mitigazzjoni. Jekk dawn ikunu effiċjenti, għandhom jitqiesu l-alternattivi għall-“pingers”.

- Għandu jitqies l-użu ta’ apparat tal-mitigazzjoni u ta’ skemi tal-osservaturi għal bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru u ta’ inqas minn 15-il metru.

- Xi Stati Membri rnexxilhom jimplimentaw skemi tal-monitoraġġ fuq il-baħar skont l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa bir-Regolament (KE) Nru 812/2004. Ir-riżultati wrew li l-livell ta’ eżattezza tad-dejta meħtieġ mir-Regolament huwa ambizzjuż ferm u li, xi kultant, ma jista’ jinkiseb bl-ebda mod għal speċijiet rari maqbudin b’mod inċidentali.

- L-iskemi tal-monitoraġġ għandhom isiru iktar effiċjenti, jiġifieri permezz ta’ monitoraġġ marbut ma’ diversi regolamenti u billi jinġabru flimkien is-settijiet tad-dejta nazzjonali. Għall-monitoraġġ għandhom jitqiesu wkoll iż-żoni fejn wieħed bilfors għandu juża l-“pingers”.

- Jeħtieġ li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-industrija tas-sajd, l-iktar sabiex jiżdied it-tagħrif dwar l-użu tal-miżuri tal-mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji u ta’ kwalunkwe grupp ieħor ta’ annimali mingħajr ebda interess kummerċjali.

IL-KONKLUżJONIJIET U T-TRIQ GħALL-ġEJJIENI

Il-konklużjonijiet huma msejsa fuq analiżi tar-rapporti nazzjonali, fuq ir-riżultati tal-laqgħa ta’ ħidma dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 812/2004 (ara l-punt nru 5) u fuq il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni xjentifika tal-effetti tal-użu tal-għeżula, tal-pariti u tax-xbieki tat-tħabbil fuq iċ-ċetaċji fil-Baħar Baltiku . Għalkemm ħafna mill-Istati Membri rrappurtaw rata baxxa ta’ qabdiet inċidentali fl-ibħra tal-UE jew ma rrappurtaw l-ebda qabdiet inċidentali, l-evidenza xjentifika li toħroġ mill-iskemi ta’ monitoraġġ fuq il-baħar u mill-analiżi ta’ wara l-mewt tal-annimali li jispiċċaw jinġarru u jibqgħu l-art tkompli turi li hemm kunflitti bejn iċ-ċetaċji u l-attivitajiet tas-sajd. It-tagħrif dwar il-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji huwa frammentat u l-istat tal-popolazzjoni għadu mhux ċar.

Il-Kummissjoni tagħraf li xi Stati Membri għamlu sforzi konsiderevoli sabiex jimplimentaw sewwa r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 812/2004, imma tammetti wkoll li xi Stati Membri għadhom lura ferm f’dan. Għalkemm il-Kummissjoni tagħraf li jista’ jkun hemm raġunijiet sabiex ir-Regolament jiġi emendat iktar tard, għadha ma nkisbitx l-implimentazzjoni sħiħa fl-Istati Membri kollha u, għaldaqstant, ma kienx possibbli li wieħed jivvaluta l-impatt tal-miżuri eżistenti sabiex ikunu mmitigati l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji. L-aqwa prattiki ppreżentati waqt il-laqgħa ta’ ħidma juru li wieħed jista’ jikseb riżultati tajbin fiċ-ċirkustanzi attwali. Ir-Regolament jipprovdi għall-flessibbiltà, ħaġa li għandha tintuża bis-sħiħ.

Minħabba l-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt tas-sajd fuq il-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji fl-ibħra tal-UE, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex itejbu l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 812/2004. Il-Kummmissjoni tixtieq tenfasizza l-obbligi tal-Istati Membri li jimmonitorjaw il-qabdiet u l-qtil inċidentali tal-balieni u taċ-ċetaċji kollha skont id-Direttiva dwar il-Ħabitati u li jiżguraw li l-qabdiet u l-qtil inċidentali ma jkollhomx impatt sinifikanti fuq il-popolazzjonijiet. F’dan ir-rigward, għal attivitajiet oħra tas-sajd u għal żoni oħra fejn il-qabdiet inċidentali qed jikkawżaw problema u li mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 812/2004, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri x-xierqa sabiex jissalvagwardjaw il-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji.

Madanakollu, bħala segwitu għal-laqgħa ta’ ħidma, il-Kummissjoni se tqis b’attenzjoni l-punti ewlenin li ġejjin:

- l-użu sħiħ tal-flessibbiltà li hemm fir-Regolament (KE) Nru 812/2004, bħala tweġiba għall-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-iskemi tal-monitoraġġ, mal-irkaptu tas-sajd u maż-żoni;

- l-inklużjoni tal-Baħar l-Iswed fir-Regolament (KE) Nru 812/2004;

- it-tħeġġiġ tal-Istati Membri biex iwessgħu l-iskemi attwali tal-monitoraġġ, sabiex jinkludu wkoll l-osservazzjonijiet dwar il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji, bħalma għamlu diġà xi Stati Membri;

- it-tħeġġiġ tad-dibattitu mal-industrija dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni fi ħdan il-Kumitati konsultattivi reġjonali;

- l-identifikar ta’ għanijiet li jistgħu jitkejlu f’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli massimi aċċettabbli ta’ qabdiet inċidentali għall-popolazzjonijiet differenti taċ-ċetaċji.

Sabiex tarmonizza t-tagħrif irrappurtat mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll il-format għar-rappurtar mibgħut mill-ICES[11] u rrevedut mill-iSTECF[12], u se tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri. B’hekk, sa mis-sena d-dieħla, il-Kummissjoni tistenna li tirċievi Rapporti Nazzjonali sħaħ mill-Istati Membri kkonċernati kollha bit-tagħrif kollu meħtieġ mir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe tagħrif xieraq ieħor kif mitlub fl-Artikolu 6(2).

Il-qagħda kritika tal-popolazzjoni tal-foċena tal-Baħar Baltiku wkoll jeħtieġ li tiġi indirizzata iktar mill-Komunità u jeħtieġ li jitqiesu azzjonijiet għal dan il-għan. Skont l-aħħar parir tal-ICES dwar iċ-ċetaċji, “Wisq probabbli, l-aqwa sforzi ta’ konservazzjoni se jkunu jinkludu l-involviment tal-partijiet interessati”3. Il-Kummissjoni taqbel ma’ dan l-approċċ u tixtieq tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati jinvestigaw modi kif jistgħu jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-foċeni fil-Baħar Baltiku. Sabiex tittejjeb il-bażi attwali tal-għarfien, il-Kummissjoni dan l-aħħar nediet sejħa għall-offerti sabiex jitwettaq studju dwar “il-ġbir tad-dejta dwar il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji fil-baħar Baltiku, fil-Kattegat u fis-“Sounds””.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 tas-26 ta’ April 2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta' ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KC) Nru 88/98.

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1434/98 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 88/98.

[3] Il-parir tal-ICES tal-2008. 1.5.1.2 L-istat taċ-ċetaċji ż-żgħar u l-qabdiet inċidentali fl-ibħra Ewropej (dokument li jinsab fuq l-internet).

[4] IR-RAPPORT TAT-28 LAQGĦA PLENARJA TAL-KUMITAT XJENTIFIKU, TEKNIKU U EKONOMIKU GĦAS-SAJD (PLEN-08-02) (dokument disponibbli biss jekk jintalab)

[5] Il-pjan ta’ rkupru għall-foċeni tal-Baħar Baltiku tal-ASCOBANS. Abbozz tat-8 ta’ April 2009.

[6] Rapport tal-2008 tal-WKFMMPA tal-ICES bin-numru ICES CM 2008/MHC:11, ir-rapport tal-laqgħa ta’ ħidma dwar il-ġestjoni tas-sajd fiż-żoni protetti tal-baħar.

[7] Koschinski, S (2002) “Current knowledge on harbour porpoises ( Phocoena phocoena ) in the Baltic Sea” [It-tagħrif attwali dwar il-foċeni ( Phocoena phocoena ) fil-Baħar Baltiku]. Ophelia.

[8] Lindroth, A (1962) “Baltic salmon fluctuations 2: porpoise and salmon” [Il-varjazzjonijiet tas-salamun tal-Baħar Baltiku 2: il-foċena u s-salamun.] Rapporti tal-istitut tar-Riċerka Żvediża tal-ilma ħelu ta’ Drottningholm.

[9] Siebert U. et al (2006) “A decade of harbour porpoise occurrence in German waters – analyses of aerial surveys, incidental sightings and strandings” [Deċennju tal-okkorrenza tal-foċeni fl-ibħra Ġermaniżi – analiżi ta’ stħarriġ mill-ajru, ta’ lemħ inċidentali u ta’ annimali li jispiċċaw jittellgħu u jibqgħu l-art]. Il-Ġurnal tar-riċerka dwar il-baħar.

[10] Il-Pjan ta’ azzjoni għall-konservazzjoni tal-foċeni għall-2008 sal-2013 tal-Aġenzija Federali Żvediża għall-konservazzjoni tan-natura u tal-Bord Żvediż għas-sajd tal-2008.

[11] Il-proposta tal-ICES tinsab fuq is-sit tal-internet tal-ICES.

[12] Dan jinsab fil-punt 3.6.6 tar-rapport tat-28 laqgħa plenarja tal-Kumitat xjentifiku, tekniku u ekonomiku għas-sajd (PLEN-08-02).

Top