Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0016

Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni - Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea Anness mat-tielet Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar {KUMM(2009) 15 finali} {KUMM(2009) 17 finali}

/* KUMM/2009/0016 finali */

52009DC0016




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.1.2009

KUMM(2009) 16 finali

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI

Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea Anness mat-tielet Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar

{KUMM(2009) 15 finali}{KUMM(2009) 17 finali}

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI

Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea Anness mat-tielet Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar

1. INTRODUZZJONI

It-trażżin ta' piżijiet amministrattivi żejda huwa iktar importanti minn qatt qabel fi żminijiet ekonomiċi diffiċli, meta n-negozji tal-UE għandhom inqas riżorsi u jeħtieġu li jinvestu biex jibqgħu kompetittivi[1].

F'Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat approċċ iktar sistematiku billi ppreżentat Programm ta' Azzjoni ambizzjuż li għandu l-għan li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji fl-UE b'25 % sal-2012[2]. Il-Programm ta' Azzjoni kien appoġġjat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007[3], meta qabel speċifikament "li piżijiet amministrattivi li jiġu mil-leġiżlazzjoni tal-UE" (jiġifieri inklużi miżuri nazzjonali li jimplimentaw jew jittrasponu din il-leġiżlazzjoni) għandhom jitnaqqsu b'25% u stieden lill-Istati Membri biex "jistabbilixxu miri nazzjonali ta' ambizzjoni paragunabbli". Il-Parlament Ewropew ukoll esprima appoġġ qawwi għall-għanijiet tal-Programm ta' Azzjoni[4] u għamel baġit disponibbli għall-appoġġ ta' din l-attività.

L-għan tal-Programm ta' Azzjoni huwa li jkejjel l-ispejjeż imposti mill-obbligi tal-informazzjoni mitfugħa fuq in-negozji u jrażżan ir-rekwiżiti żejda. Dan għandu jtejjeb l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni mingħajr ma jimmina l-għan tagħha.

Dan id-Dokument ta' Ħidma jakkumpanja t-Tielet Reviżjoni Strateġika dwar Regolamentazzjoni Aħjar[5]. Huwa jagħti d-dettalji tal-progress miksub fl-2008 u jippreżenta l-perspettivi għall-2009 u wara.

2. TQABBIL U KEJL TAL-ISPEJJEż AMMINISTRATTIVI TA' ORIġINI MILL-UE - RIżULTATI EWLENIN

Parti ewlenija tal-Programm ta' Azzjoni tikkonsisti f'kejl bażi fuq skala kbira tal-ispejjeż amministrattivi mġarrba min-negozji biex jikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi li jipprovdu l-informazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi jew partijiet terzi (rappurtar, ispezzjoni, statistika, ...). Dan il-kejl ikopri l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE u minn miżuri nazzjonali li jimplimentawha jew jittrasponuha. Il-metodoloġija użata hija bbażata fuq il-"mudell standard tal-ispejjeż" tal-UE (SCM[6]), li jqis il-varjanti nazzjonali attwali użati f'20 Stat Membru[7].

L-ambitu u l-profondità tal-programm huwa bla preċedenti[8]. Il-kejl bażi tal-UE se jipprovdi stima tal-livell ta' spejjeż u piżijiet amministrattivi imposti minn 42 att ġuridiku[9] fi 13-il qasam prijoritajru f'Unjoni ta' 27 Stat Membru.

2.1. Ħarsa ġenerali tar-riżultati tat-tqabbil

Kumplessivament, il-monitoraġġ tat-42 att tal-UE fl-ambitu tal-programm irriżulta fl-identifikazzjoni ta' 356 dispożizzjoni tal-informazzjoni tal-UE[10]. Il-konsulenti li tqabbdu biex jagħmlu l-kejl bażi tal-UE sabu li l-implimentazzjoni jew it-traspożizzjoni ta' dawn l-obbligi tal-UE kienu wasslu għall-adozzjoni ta' iktar minn 9500 obbligu nazzjonali madwar is-27 Stat Membru. Ir-reviżjoni tagħhom uriet li iktar minn 700 kienu sejrin lil hinn minn dak mitlub mil-liġi tal-UE[11].

2.2. Ħarsa ġenerali tar-riżultati tal-kejl

Riżultati tal-kejl huma bbażati fuq statistika disponibbli (l-iktar fuq in-numru ta' intrapriżi affettwati minn obbligu ta' informazzjoni), madwar 3000 intervista individwali man-negozji, iktar minn 50 workshop ma' għaqdiet lokali tan-negozju u ministeri nazzjonali u xogħol għall-aġġustament tad-dejta b'mijiet ta' esperti settorjali[12].

Il-kejl bażi tal-UE huwa magħmul minn dejta prodotta minn riċerka fil-qasam, billi tinkiseb dejta minn kejl bażi nazzjonali u b'estrapolazzjoni. Il-ġbir oriġinali tad-dejta sar simultanjament f'sitt Stati Membri differenti għal kull qasam prijoritarju, sabiex jiġi ddeterminat kemm ħin u flus jonfqu n-negozji biex jikkonformaw mal-obbligi tal-informazzjoni. Għal ħames Stati Membri oħra, madwar 40% tad-dejta tista', bħala medja, tinġabar mill-kejl bażi nazzjonali tagħhom[13]. Ir-riżultati għall-pajjiżi tal-"kejl tal-UE" u l-pajjiżi tal-"kejl bażi nazzjonali" jipprovdu bażi aħjar għall-analiżi tal-ispejjeż amministrattivi. Id-dejta għas-16-il Stat Membru li jifdal huma r-riżultat ta' estrapolazzjoni bbażata fuq il-mudelli żviluppati speċifikament għal kull qasam prijoritarju. L-approċċ SCM m'għandux l-għan li jipproduċi riżultati statistikament validi, imma stimi bbażati fuq l-esperti li jgħinu biex tinftiehem in-natura tal-problema u jivvalutaw il-progress tat-tnaqqis f'termini relattivi. Jekk isir mod ieħor ma jkunx effiċjenti fl-infiq (meta tqis il-livell ta' dettall u n-numru ta' parametri kkonċernati).

Il-fażi tal-kejl qiegħed jiġi ffinalizzat. Indikazzjonijiet bikrin juru li, b'kollox, it-42 att tal-UE jimponu spejjeż amministrattivi ta' madwar €115 biljun għal €130 biljun. Fost it-13-il qasam prijoritarju koperti mill-programm, it-Tassazzjoni u d-Dwana kif ukoll il-Liġi tal-Kumpaniji jidhru li għandhom l-ogħla potenzjal għat-tnaqqis, peress li huma responsabbli għal madwar 60% u 20% tal-ispejjeż amministrattivi totali. Is-Sikurezza fl-ikel, l-Ambjent tax-xogħol, l-Agrikultura u s-sussidji agrikoli u t-Trasport jiġu eżatt wara fil-lista, b'kull wieħed minnhom ikun responsabbli għal spejjeż amministrattivi ta' madwar €5.7 biljun u €3 biljun[14].

2.3. Analiżi preliminari tad-dejta

Il-punti ewlenin li joħorġu mill-analiżi tar-riżultati tat-tqabbil huma, fost l-oħrajn, li:

- il-proporzjon tar-regoli tal-UE li jittrasponu l-obbligi internazzjonali huwa sinifikantement ogħla fl-oqsma speċifiċi tal-liġi tal-kumpaniji u l-ambjent tax-xogħol[15]; iż-żmien tal-pjanijiet ta' tnaqqis f'dawk is-setturi se jkollu għalhekk jiġi aġġustat kull darba li ftehim bejn is-sħab internazzjonali tkun prekondizzjoni għall-bidliet fil-livell tal-UE;

- proporzjon sinifikanti ħafna tal-piżijiet amministrattivi jidhru li huma r-riżultat ta' prattiċi amministrattivi pubbliċi u privati ineffiċjenti (bejn 30 u 40%).

Rigward l-analiżi tar-riżultati tal-kejl, is-sejbiet preliminari jindikaw li:

- il-livell ta' tnaqqis possibbli tal-piżijiet amministrattivi mhu strettament korrelatat mal-livell ta' spejjeż amministrattivi : f'għadd ta' oqsma, il-kumpaniji xorta jagħmlu xi attivitajiet meħtieġa mill-obbligi ta' tagħrif anke fl-assenza ta' obbligu legali[16];

- fil-parti l-kbira tal-oqsma prijoritarji, "kooperazzjoni mal-verifiki u l-ispezzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi" hija l-iktar attività għalja għan-negozji; kooperazzjoni bħal din spiss timmobilizza persunal bi kwalifiki għolja għal żmien pjuttost twil; filwaqt li l-verifiki u l-ispezzjonijiet huma neċessarji biex jintlaħqu l-miri pubbliċi, piżijiet amministrattivi jistgħu jitnaqqsu b'mod verament sinifikanti l-iktar billi tittejjeb il-valutazzjoni tar-riskju li l-attivitajiet ta' infurzar huma bbażati fuqha;

- irritazzjoni kkawżata mil-liġi tal-UE tvarja ħafna bejn l-Istati Membri imma anke bejn ir-rekwiżiti legali.

3. TħEJJIJA TA' KONTRIBUTI TA' TNAQQIS SETTORJALI

Il-pass li jmiss huwa li jiġi identifikat iktar tnaqqis[17] għal kull wieħed mit-42 att tal-UE. Ir-riżultati finali tal-eżerċizzju tal-kejl bażi tal-UE se jgħinu sew fit-twaqqif ta' prijoritajiet ta' tnaqqis u fit-tfassil ta' proposti għat-tnaqqis.

Il-valutazzjoni tal-piżijiet amministrattivi ma tgħidx direttament x'hemm bżonn u x'ma hemmx, imma kejl bażi dettaljat jiżvela x'inhu l-iktar għali u/jew irritanti għan-negozji[18]. Hija tindika wkoll min jimponi piż amministrattiv u b'hekk ikun jista' jħaffu. Kuntrarjament għall-programmi ta' tnaqqis stabbiliti b'reazzjoni għal ilmenti ġenerali, dan jippermetti biex jiġi ddeterminat malajr fejn għandu jinbeda x-xogħol ta' tnaqqis biex isir l-ikbar tħaffif.

Li jkollok dejta għal għadd daqshekk kbir ta' obbligi ta' informazzjoni u pajjiżi jipprovdi wkoll bażi għanja għal analiżi komparattiva. Differenzi kbar fil-piż impost mill-istess tip ta' obbligu fost setturi b'karatteristiċi simili jistgħu jkunu r-riżultat ta' differenzi f'possibilitajiet tekniċi[19]. Similarment jekk in-negozji jirnexxilhom jikkonformaw mal-obbligu tal-informazzjoni iktar malajr f'pajjżi wieħed, jista' jkun minħabba li huma iktar effiċjenti jew minħabba li l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE hija mfassla aħjar f'dak il-pajjiż. It-tqabbil tal-miżuri nazzjonali jipprovdi l-ewwel indikazzjoni, li madankollu hija waħda kruċjali, dwar dan.

L-identifikazzjoni tal-miżuri biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fl-ikbar żewġ oqsma prijoritarji tlestiet jew tinsab f'fażi avvanzata biżżejjed għall-identifikazzjoni taċ-ċifri tat-tnaqqis settorjali: jiġifieri xi €18-il biljun għat-tassazzjoni[20] u €8 biljun għal-liġi tal-kumpanija. Iċ-ċifri għall-oqsma prijoritarji l-oħra se jsegwu, flimkien ma' pjanijiet settorjali dettaljati[21] li jelenkaw miżuri ta' tnaqqis diġà adottati, pendenti u li qed jitħejjew. Se jsir kull sforz biex dawn il-proposti jiġu ppreżentati qabel tmiem il-mandat ta' din il-Kummissjoni.

4. KISBIET FIT-TNAQQIS TAL-PIżIJIET AMMINISTRATTIVI

Kif tħabbar fil-Programm ta' Azzjoni, il-Kummissjoni ma stennietx għar-riżultati tal-eżerċizzju ta' kejl biex tressaq l-ewwel proposti konkreti biex in-negozju jinħelsu minn piżijiet amministrattivi bla bżonn. Xi wħud minn dawk il-proposti ġew inklużi fil-pakketti ta' "azzjonijiet mgħaġġlin", filwaqt li oħrajn ġew preżentati b'mod awtonomu. Il-Kunsill u l-Parlament huma mistednin jadottaw il-proposti pendenti kollha malajr kemm jista' jkun[22].

4.1. Azzjonijiet mgħaġġlin għat-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi

Azzjonijiet mgħaġġla (FTA) huma definiti bħala miżuri immedjati li huma x'aktarx li jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti jew inaqqsu l-irritazzjoni permezz ta' bidliet tekniċi għar-regoli eżistenti. B'kollox, il-21 FTA mressqa fl-2007 u l-2008[23] joffru ffrankar stmat ta' €2.3 biljun għan-negozji tal-UE.

Minħabba n-natura tal-bidliet meħtieġa, għandu jkun possibbli li dawn il-miżuri jiġu adottati pjuttost malajr. Dan ikun normalment il-każ għal miżuri eżekuttivi: l-adozzjoni ta' sitta mis-seba' FTA li jaqgħu f'din il-kategorija fl-2007 u l-2008 ħadet medja ta' ħames xhur.

Min-naħa l-oħra, erbgħa mis-sitt proposti leġiżlattivi ppreżentati f'Marzu 2007 ġew adottati s'issa u waħda biss minn sebgħa mill-pakkett tal-2008. L-FTA għall-ittikkettjar tal-batteriji (id-Direttiva 2006/66/KE) li tressqu fl-2008 jippruvaw madankollu li jista' jintlaħaq ftehim politiku taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni fi żmien ħames xhur (esklużi btajjel parlamentari).

4.2. Miżuri waħedhom

Minbarra l-FTA, il-Kummissjoni diġà ppreżentat proposti għall-emenda ta' 26 att mit-42 attwalment koperti mill-Programm ta' Azzjoni. Minn dawn il-proposti, 16 diġà ġew adottati sa Diċembru 2008.

Il-miżuri jinkludu ġestjoni mal-Komunità kollha ta' proċeduri tad-dwana u ambjent bla karti, li jistgħu jiġġeneraw benefiċċji għall-kummerċjanti stmati għal €2.5 biljun fis-sena. Fil-qasam tal-istatistika, il-proposti ta' tnaqqis jikkonċernaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-merkanzija (Intrastat) adottati sa mill-2004 jew pendenti qabel ma l-leġiżlaturi jeżentaw stima ta' 370 000 kumpanija (b'mod partikolari SMEs) mill-obbligu ta' rappurtar, sakemm l-Istati Membri kollha jistabbilixxu l-limiti ta' rappurtar għal-livelli permess mil-leġiżlazzjoni Ewropea. Dan jirrappreżenta tnaqqis potenzjali tal-popolazzjoni mistħarrġa tal-intrapriżi ta' madwar 52% fuq sitt snin (mill-2004 sal-2010) jew iktar minn €100 miljun iffrankati fis-sena sal-2010 u iktar minn €200 miljun iffrankati fis-sena mill-2010 'il quddiem. Sar ukoll progress fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Ġew adottati bosta proposti sa mill-2005 u bosta għadhom pendenti quddiem il-leġiżlaturi. Il-proposta li tirrigwarda l-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni ta' kumpaniji waħedha għandha potenzjal ta' ffrankar ta' piż amministrattiv ta' 'l fuq minn EUR 600 miljun[24].

L-identifikazzjoni ta' miżuri ta' tnaqqis futuri hijaa avvanzata sew għal żewġ oqsma prijoritarji ewlenin. Fil-każ tal-liġi tal-kumpaniji, il-Kummissjoni tippjana li tipproponi li tħalli lill-Istati Membri jeskludu mikrointrapriżi mill-ambitu tad-direttivi tal-kontabilità tal-UE. Il-"prinċipju l-ewwel aħseb fiż-żgħir" qiegħed jiġi applikat fl-oqsma kollha ta' dawn id-direttivi biex is-sistema tkun adatta għall-bżonnijiet tal-SMEs[25]. Dawn iż-żewġ reviżjonijiet jistgħu jwasslu l-iffrankar totali għal €8 biljun. Il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva tal-VAT biex jitneħħew l-ostakli għal ħruġ ta' fatturi b'mod elettroniku u biex jiġu modernizzati r-regoli tal-fatturi. Il-potenzjal ta' tnaqqis massimu ta' nofs it-terminu tat-tneħħija tal-ostakli tal-VAT għall-ħruġ ta' fatturi b’mod elettroniku kien stmat għal sa €18-il biljun kieku l-fatturi kollha kienu ntbagħtu elettronikament.

L-aħħar eżempju juri li komunikazzjonijiet elettroniċi huma għodod kruċjali għat-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi għan-negozji, sakemm ikunu adattati sew għall-bżonnijiet tan-negozji kif ukoll tal-awtoritajiet. Il-Kummissjoni b'hekk se tkompli tnaqqas il-piżijiet amministrattivi billi tippromwovi l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, b'konformità mal-istrateġija tal-e-Kummissjoni 2006-2010[26] tagħha u l-istrateġija i-2010[27] tagħha għal e-gvern fl-Ewropa.

S'issa, miżuri ta' tnaqqis ippreżentati jew imbassra jirrappreżentaw iffrankar li jaqbeż it-€30 biljun[28].

5. IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

It-tnaqqis ta' piżijiet mhix xi ħaġa li l-Unjoni tista' twettaq waħedha. Fil-fatt il-leġiżlazzjoni Komunitarja hija implimentata fil-biċċa l-kbira fil-livell ta' Stat Membru. Għalhekk il-Programm ta' Azzjoni jeħtieġ għarfien espert estern, sabiex l-esperjenza konkreta tal-partijiet interessati tiġi kompletament ikkunsidrata. L-involviment tal-partijiet interessati huwa strutturat l-iktar madwar tliet pilastri: konsultazzjoni estensiva bbażata fuq bosta kanali ta' komunikazzjoni, l-organizzazzjoni ta' avvenimenti deċentralizzata u x-xogħol tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi (HLG).

5.1. Konsultazzjoni onlajn u offlajn mal-partijiet interessati

In-negozji tal-UE għandhom il-possibilità li jleħħnu t-tħassib tagħhom u jippreżentaw suġġerimenti konkreti direttament lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' konsultazzjoni onlajn fi 22 lingwa uffiċjali tal-UE [29]. Fl-2008 il-Kummissjoni rċeviet 148 sottomissjoni fil-websajt iddedikat apposta tagħha. Iktar minn nofshom kienu minn kumpaniji privati, inklużi mikroentitajiet[30].

Intbagħtu wkoll b'kollox 237 idea ta' tnaqqis f'rapporti u ittri. Dawn is-suġġerimenti offlajn oriġinaw, fost l-oħrajn, mill-awtoritajiet pubbliċi Brittaniċi, Daniżi, Olandiżi u Żvediżi kif ukoll minn ħafna għaqdiet tan-negozju (settorjali) fil-livelli nazzjonali u tal-UE - b'mod partikolari Business Europe u l-UEAPME[31].

B'kollox tressqu 27 idea u 250 qegħdin jiġu kkunsidrati attivament[32]. Parti sinifikanti minn dawn is-sottomissjonijiet jindikaw kwistjonijiet li jikkonċernaw kummerċ transkonfinali, il-VAT, is-suq intern, l-ambjent u s-sikurezza fl-ikel. Il-Kummissjoni tispera li tirċievi iktar suġġerimenti, preċiżi u operattivi kemm jista' jkun.

5.2. Sforzi ta' komunikazzjoni

Fl-2008 l-Kummissjoni għamlet sforzi partikulari biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-piżijiet amministrattivi. Dan għamlitu permezz ta' sensiela ta' avvenimenti pubbliċi koorganizzati mal-Istati Membri, kampanji bl-email u mezzi elettroniċi oħra[33] kif ukoll billi ospitat konferenza ewlenija dwar "Tnaqqis ta' Burokrazija għall-Ewropa" fi Brussell fl-20 ta' Ġunju li attirat mijiet ta' rappreżentanti tan-negozju u esperti nazzjonali[34].

5.3. Il-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi

L-HLG twaqqaf fl-2007 b'reazzjoni għal suġġeriment mill-Parlament Ewropew[35]. Huwa jagħti pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Programm ta' Azzjoni, b'mod partikolari dwar il-miżuri biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Il-Grupp huwa presedut minn Dr Edmund Stoiber u huwa kompost minn 14-il espert ta' grad għoli ta' sfondi differenti li jvarjaw mill-komunità tan-negozju għal entitajiet rappreżentattivi għal NGOs u għal politiki nazzjonali u reġjonali. Huwa kellu tmien laqgħat fl-2008[36]. Huwa l-ewwel ittratta l-pakkett tal-FTA approvat mill-Kummissjoni f'Marzu 2008; ta opinjonijiet kruċjali għal bosta politiki, kemm dawk li jappoġġjaw inizjattivi li għaddejjin għat-tnaqqis u għall-promozzjoni ta' oħrajn ġodda. B'mod partikolari, huwa appoġġja ideat dwar il-liġi tal-kumpaniji u l-kontijiet annwali, il-ħruġ ta' fatturi elettroniċi (leġiżlazzjoni dwar il-VAT) u l-akkwist pubbliku, flimkien ma' għadd ta' suġġerimenti onlajn u offlajn mill-partijiet interessati. Barra minn hekk, l-HLG beda t-tnedija tal-kompetizzjoni tal-UE għall-"Aqwa Idea għat-Trażżin tal-Burokrazija".[37] Fl-2009, l-HLG se jmexxi l-proċess 'il quddiem fl-oqsma prijoritarji kollha li jifdal u jkompli jqis mill-qrib is-suġġerimenti li jaslu direttament min-negozji u partijiet interessati oħra.

6. ESTENSJONI TAL-AMBITU TAL-PROGRAMM TA' AZZJONI

Il-Komunikazzjoni ta' Jannar 2007 fl-oriġini tal-Programm ta' Azzjoni[38] jipprovdi li "l-kopertura tal-Programm tista' tiġi estiża fil-funzjoni tal-identifikazzjoni ta' iktar obbligi ta' informazzjoni eliġibbli għat-tnaqqis."

L-ambitu tal-Programm ta' Azzjoni se jiġi estiż għal 30 att elenkati fl-Anness 9 sabiex jitqiesu l-ideat tal-partijiet interessati, jiġi vvalutat l-ammont tal-isforzi għat-tnaqqis, u jkomplu jiżdiedu l-benefiċċji għan-negozji. Il-Kummissjoni diġà ressqet proposti dwar xi wħud minn dawn l-atti.

Eżempju ta' qasam li l-programm se jiġi estiż għalih huwa l-formalitajiet imposti fuq il-kumpaniji tat-trasport li jittrasportaw il-merkanzija bil-baħar fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tipproponi fl-2009 Spazju għat-Trasport Marittimu Ewropew mingħajr Fruntieri sabiex jiġu minimizzati l-formalitajiet sistematiċi fuq il-merkanzija ttrasportat bil-baħar bejn portijiet tal-UE, l-iktar bl-għajnuna ta' teknoloġiji ġodda.

7. IL-PROGRAMMI NAZZJONALI GħAT-TNAQQIS TAL-PIżIJIET AMMINISTRATTIVI

7.1. Miri nazzjonali

L-istedina tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007 u l-Programm ta' Azzjoni kkontribwew b'mod sinifikanti biex iżidu l-momentum, bl-għadd ta' Stati Membri li stabbilew miri nazzjonali għat-tnaqqis jitilgħu minn sebgħa fi tmiem l-2006, għal 14 fi tmiem l-2007 u 21 fi tmiem l-2008[39]. Maġġoranza kbira allinjaw l-għanijiet tagħhom mal-mira ta' tnaqqis ta' 25% stabbilita għal-livell tal-UE. Għadd ta' Stati Membri li stabbilew mira nazzjonali fi stadju bikri diġà implimentaw bidliet maġġuri għall-miżuri li jimplimentaw jew jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-KE f'pajjiżhom u għal-leġiżlazzjoni purament nazzjonali tagħhom[40]. L-Istati Membri kollha issa għandhom iħejju u jimplimentaw attivament il-miżuri għat-tnaqqis.

7.2. Il-bżonn ta' sforzi koordinati fil-livelli tal-UE u nazzjonali

Bosta eżempju juru li hemm bżonn ta' sforzi koordinati kemm fil-livell tal-UE u kemm f'tal-Istati Membri biex jiġu żgurati inqas piżijiet għal aktar riżultati. Dan jimplika li l-progress bit-tnaqqis li sar fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri hemm bżonn li jiġu monitorizzati b'mod parallel. L-Istati Membri huma mistednin ukoll, bħala parti mill-programmi nazzjonali, biex ikomplu jidentifikaw x'bidliet jista' jkun hemm bżonn fil-livell tal-UE biex ikunu jistgħu jneħħu piżijiet amministrattivi żejda.

Il-Kummissjoni żviluppat ukoll "starter kit"[41] biex tgħin lill-Istati Membri jkejlu u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Filwaqt li jibni fuq l-aqwa prassi, dan il-kit se jinkludi dokumenti lesti għall-użu (mudelli li jservu ta' gwida għall-intervisti, dokumenti ta' ppjanar, mudelli ta' rrappurtar, rotot ta' semplifikazzjoni, eċċ.) bażi ta' dejta ġenerika għall-ħażna ta' dejta nazzjonali dwar il-piżijiet amministrattivi u kalkulatur tal-piżijiet amministrattivi. Dawn l-għodod tal-IT huma magħmula biex ikunu addattati faċilment għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali. L-istarter kit se jkun disponibbli mill-bidu tal-2009, flimkien ma' appoġġ tekniku inizjali. L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu vantaġġ sħiħ minnu sabiex iżidu l-armonizzazzjoni u t-tqabbil tad-dejta.

7.3. Skambju tal-aħjar prassi

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex tinxtered il-prassi tajba li kapaċi jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi malajr inkluż fil-livell settorjali. Il-Kummissjoni diġà taħdem mal-Istati Membri biex tiffaċilita l-implimentazzjoni jew it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-KE, pereżempju permezz ta' gruppi ta' traspożizzjoni fejn l-Istati Membri jistgħu jqabblu u jiddiskutu abbozzi ta' approċċi u għażliet. Fl-2009, l-istess metodu se jintuża f'kull qasam prijoritarju abbażi tar-rakkomandazzjonijiet dettaljati għat-tnaqqis.

8. IL-PASSI LI JMISS

Il-Kummissjoni se:

- tidentifika, fuq il-bażi l-iktar tal-kejl bażi tal-UE, it-tnaqqis speċifiku li jrid isir f'kull wieħed mit-13-il qasam prijoritarju u se jagħmel kull sforz biex jippreżenta l-proposti kollha li ġejjin mill-Programm ta' Azzjoni preżenti biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni tal-UE qabel ma jispiċċa l-mandat tagħha;

- sistematikament tfittex tnaqqis ulterjuri f'piżijiet amministrattivi kull darba li leġiżlazzjoni tal-UE tgħaddi minn reviżjoni (lejn tmiemha);

- issaħħaħ il-parti tal-linji gwida tal-istima tal-impatt ikkonċernata mill-piżijiet amministrattivi billi fl-2009 ikollha għodod tal-IT maħsuba biex jiffaċilitaw il-kalkolu ta' dawn il-piżijiet;

- iżżid l-isforzi biex ixxerred il-prassi tajba li kapaċi tnaqqas il-piżijiet amministrattivi malajr, billi taħdem iktar mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; u

- tipprovdi starter kit għall-kejl u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-livell tal-Istati Membri fil-bidu tal-2009.

- Il-Parlament u l-Kunsill huma mistiedna:

- jadottaw proposti ta' tnaqqis pendenti malajr kemm jista' jkun;

- jikkunsidraw l-impatt tal-emendi tagħhom f'termini ta' piżijiet amministrattivi;

- jistabbilixxu proċeduri biex iħaffu l-adozzjoni ta' miżuri ta' semplifikazzjoni kif previst fil-Ftehim Inter-Istituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġi 2003.

L-Istati Membri huma mistiedna:

- fejn ikun xieraq, jippreżentaw il-miri nazzjonali tagħhom qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2009;

- iqisu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Programm ta' Azzjoni meta jnaqqsu l-piżijiet li joħorġu mit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

- jidentifikaw liema bidliet hemm bżonn fil-livell tal-UE biex ikunu jistgħu jaqtgħu piż amministrattiv żejjed;

- jintroduċu miżuri ta' tnaqqis konkreti fil-livell tagħhom u jirrappurtaw dwarhom bħala parti mir-rapporti ta' progress nazzjonali annwali fuq l-istrateġija ta' Liżbona;

- jieħdu vantaġġ sħiħ mill-istarter kit żviluppat mill-Kummissjoni għax-xogħol futur ta' kejl u tnaqqis, sabiex jiżdiedu l-armonizzazzjoni u l-komparabilità tad-dejta;

- jikkonkludu l-kejl bażi nazzjonali sa mhux aktar tard minn tmiem l-2010;

- jistabbilixxu prinċipji komuni għall-monitoraġġ tal-progress bit-tnaqqis li jsir fil-livelli tal-UE u l-Istati Membri.

[1] Għalkemm il-leġiżlazzjoni timponi tipi differenti ta' spejjeż fuq in-negozji, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jqisu l-piżijiet amministrattivi "l-iktar xkiel għal negozju individwali importanti" wara nuqqas ta' domanda fis-suq. Proporzjon kbir ta' SMEs iħossu wkoll "deterjorament ġenerali fit-termini tar-regolamenti amministrattivi". Ara r-riżultati tal-istħarriġ tal-2007 tal-Osservatorju tal-SMEs Ewropej (hemm 23 miljun SME fl-UE, li jammontaw għal 99.7% tal-intrapriżi kollha):http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/analysis/observatory_en.htm.

[2] COM(2007) 23.

[3] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (7/8 ta' Marzu 2007), p. 10:http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/93135.pdf.

[4] Ara, pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew T6-0493/2008 dwar "Tfassil aħjar tal-liġijiet 2006" skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-pronċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tal-21 ta’ Ottubru 2008.

[5] COM(2009) 15 .

[6] Ara l-Anness 10 tal-Linji Gwida tal-Istima tal-Impatt:http://ec.europa.eu/governance/impact/docs/key_docs/sec_2005_0791_anx_en.pdf, kif ukoll l-Anness 6.

[7] Ara l-websajt tan-Netwerk tal-Mudell Standard tal-Ispejjeż: http://www.administrative-burdens.com/.

[8] L-ikbar studju kumparattiv preċedenti sar mill-OECD fl-2006. Huwa kejjel obbligi ta' informazzjoni imposti fuq is-settur tal-ġarr tal-merkanzija fit-toroq għall-"impjegar ta' ħaddiem" u l-"operazzjoni ta' vettura matul sena" fi 11-il pajjiż (OECD, Cutting Red Tape – Comparing Administrative Burdens across Countries , 2007).

[9] Il-lista inkluża f'COM(2007) 23 fiha 41 att (leġiżlattiv) oriġinali kif ukoll miżura eżekuttiva waħda (komitoloġija), li huma preżunti li flimkien jgħoddu iktar minn 80% tal-piżijiet amministrattivi ta' oriġini mill-UE. Ara l-Anness 1.

[10] Testi ġuridiċi tal-UE jinkludu tipi differenti ta' dispożizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal obbligi ta' informazzjoni fil-livell nazzjonali: xi wħud jimponu obbligu fuq in-negozji (314); oħrajn joffru l- possibilità lill-Istati Membri biex jimponu obbligu fuq in-negozji (42).

[11] Ara l-Anness 2.

[12] Kull Stat Membru waqqaf "Punt ta' Kuntatt Uniku" li jikkoordina l-feedback nazzjonali dwar il-Programm ta' Azzjoni. Dan in-netwerk ta' esperti governattivi kkontribwixxa sinifikantement għat-titjib tal-valutazzjoni tal-obbligi tal-informazzjoni nazzjonali. Il-"Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Regolatorji Nazzjonali" li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' regolamentazzjoni aħjar għen ukoll l-iktar fi kwistjonijiet (metodoloġiċi) ġenerali.

[13] Dawk il-pajjiżi huma AT, DE, DK, NL u UK. Minħabba, b'mod partikolari, id-differenzi fit-tqabbil tal-obbligi tal-informazzjoni, kellhom isiru xi aġġustamenti lil xi dejta.

[14] Ara l-Anness 3. Peress li l-bosta żoni prijoritarji ma jinkludux l-istess numru u tip ta' atti tal-UE, dan it-tqabbil għandu jiġi ttrattat b'kawtela.

[15] L-Istandards ta' Rappurtar Finanzjarju Internazzjonali żviluppat mill-Bord tal-Istandards tal-Kontabilità Internazzjonali, pereżempju, huma integrati fil-qafas ġuridiku tal-UE.

[16] Dawn l-ispejjeż "regolari" huma ta' madwar 30% u 50% fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-liġi tal-kumpaniji, kontra medja ġenerali ta' 18%.

[17] Għadd ta' miżuri ta' tnaqqis diġà ġew ippreżentati jew adottati (ara t-taqsima 4).

[18] Għadd ta' minuti, tip ta' tagħmir u/jew livell ta' għoti ta' kuntratti barra meħtieġa għall-konformità ma' ċerti tipi ta' obbligi ta' informazzjoni u biex isiru ċerti ħidmiet.

[19] Pereżempju, twaqqfu sistemi ta' traċċabilità mill-UE għal setturi differenti fi żminijiet differenti. Xi wħud jeħtieġu li jinżammu d-dokumenti filwaqt li oħrajn jużaw teknoloġija bbażata fuq il-bar-codes, li normalment tkun inqas għalja.

[20] Ara t-taqsima 4.2. għal aktar dettalji.

[21] COM(2007) 23 u COM(2008) 35.

[22] Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tennew l-impenn tagħhom li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi f'bosta okkażjonijiet (ara b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar "Tfassil aħjar tal-liġijiet 2006" (2008/2045(INI)) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività adottati fit-2 ta’ Diċembru 2008).

[23] Ara l-Annessi 5 u 6.

[24] Tagħrif addizzjonali dwar il-miżuri ta' semplifikazzjoni fis-setturi tal-agrikultura u s-sajd se jkun ippreżentat mill-Kummissjoni fir-rebbiegħa tal-2009, fil-forma ta' Rapport ta' Progress u Komunikazzjoni rispettivament.

[25] Il-piż imqiegħed fuq l-SMEs li mhumiex involuti f'attivitajiet transkonfinali għandhom b'mod partikolari jibqgħu proporzjonati.

[26] http://ec.europa.eu/dgs/informatics/ecomm/index_en.htm.

[27] http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm.

[28] Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tikkwantifika l-kisbiet ta' tnaqqis ulterjuri. Dan il-proċess huwa mistennija li jitlesta sal-aħħar tal-2009.

[29] http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/online_consulation_mt.htm.

[30] Ara l-Anness 7 u r-rapporti ta' kwart is-sena f' http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/reports_mt.htm .

[31] L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Intrapriżi tal-Artiġjanat, Żgħar u ta' Daqs Medju.

[32] Wara r-reviżjoni dovuta, jidher li s-sottomissjonijiet l-oħra kienu qed itennu ideat li diġà qegħdin jiġu kkunsidrati, ideat ġenerali wisq biex jiġu pproċessati jew ideat barra mill-ambitu. Dawn tal-aħħar intbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali.

[33] .

[34] Proċedimenti fi http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/redtape_conference_en.htm.

[35] Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew A6-0257/2007: Rapport dwar il-minimizzazzjoni ta' spiża amministrattiva imposta mil-leġiżlazzjoni tal-10 ta’ Lulju 2007

[36] Ara l-Anness 8. http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/highlevelgroup_en.htm

[37] http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/competition_mt.htm jew www.best-idea-award.eu.

[38] Ara COM(2007) 23.

[39] Ara l-Anness 10.

[40] Ara l-Anness 12.

[41] Ara l-Anness 13.

Top