Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0344

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2009-2010 – pajjiżi kandidati”

ĠU C 232, 27.8.2010, p. 36–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/36


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2009-2010 – pajjiżi kandidati”

(2010/C 232/06)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.   itenni li l-għan tal-UE hu li tippromovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-prosperità tal-popli tagħha. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Unjoni hija miftuħa għall-pajjiżi Ewropej kollha li jissodisfaw il-kriterji ta’ Kopenħagen;

2.   jinnota li l-proċess ta’ tkabbir huwa fattur importanti għall-garanzija tal-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew u jagħti liċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati opportunità addizzjonali sabiex jibbenfikaw mill-prosperità li tiżviluppa permezz tal-ispazju ekonomiku komuni;

3.   jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tikkonferma l-impenn assolut tagħha favur il-prospettiva ta’ integrazzjoni għall-pajjiżi Ewropej kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni;

4.   jinnota li s-suċċess tal-proċess ta’ adeżjoni jiddependi mill-mod kif il-pajjiż kandidat ikkonċernat iħejji l-adeżjoni tiegħu u jissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen;

5.   jenfasizza li huwa jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri u r-riformi implimentati mill-pajjiżi kandidati sabiex jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni;

6.   jiġbed l-attenzjoni għall-importanza essenzjali tar-rispett tal-prinċipju tar-relazzjoni tajba mal-pajjiżi ġirien u tal-kooperazzjoni reġjonali għall-proċess ta’ integrazzjoni; jistieden lill-pajjiżi kandidati isolvu b’mod li jkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet il-problemi li għandhom pendenti mal-pajjiżi ġirien tagħhom fil-qafas tal-prijoritajiet, prinċipji u valuri Ewropej;

7.   josserva li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jipparteċipaw minn kmieni fil-proċess ta’ integrazzjoni minħabba li dan huwa inizjattiva strutturali, profondament demokratika, li ma tistax titwettaq sew fil-livell ċentrali biss, mingħajr parteċipazzjoni attiva tal-livelli governattivi kollha u mingħajr ir-rispett sħiħ tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-prossimità;

IL-KROAZJA

Progress miksub mill-Kroazja fil-proċess ta’ adeżjoni

8.   jifraħ lill-Kroazja għall-progress kontinwu li din wettqet sabiex tirrispetta l-kriterji tal-adeżjoni tal-Unjoni kif ukoll l-obbligi implikati f’din l-adeżjoni;

9.   juri s-sodisfazzjoni tiegħu għall-ftehim bilaterali li ġie konkluż sabiex jissolva l-argument relatat mal-fruntieri tas-Slovenja u li wassal għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ partijiet fir-rigward ta’ din il-kwistjoni;

10.   iħeġġeġ lill-Kroazja tintensifika l-isforzi tagħha biex tirrispetta l-kriterji u l-għanijiet ta’ referenza meħtieġa, b’mod speċjali l-kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja (TKIJ) fir-rigward tal-każijiet li għadhom pendenti, kif ukoll biex tħaffef ir-riformi f’ċerti setturi ewlenin peress li dawn huma kundizzjoni indispensabbli biex in-negozjati tal-adeżjoni jiġu konklużi fl-2010;

11.   huwa tal-fehma li sar progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; madankollu jinnota li din għadha teżisti f’bosta setturi u jirrakkomanda li l-Kroazja twettaq sforzi supplementari, iżżid il-kapaċitajiet amministrattivi tal-atturi inkarigati mill-glieda kontra l-korruzzjoni, u tiżviluppa kultura ta’ responsabbiltà politika fil-livelli kollha;

12.   ifaħħar is-salvagwardji legali fir-rigward tal-libertà u l-pluraliżmu fix-xandir u jinsab ferħan li dawn it-tnejn qed jiġu rispettati; madankollu jinnota t-theddidiet u l-pressjoni politika fuq il-ġurnalisti li jindagaw dwar il-kwistjonijiet tal-korruzzjoni u tal-kriminalità organizzata;

13.   jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tan-nuqqasijiet li jeżistu fl-applikazzjoni tal-liġijiet antidiskriminatorji. It-tnaqqis baġitarju riċenti m’għandux jintuża bħala skuża għal applikazzjoni inkompleta ta’ dawn il-liġijiet. Il-Kumitat jinnota li d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi hija problema aktar speċifika, tant li fil-prattika, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-proċeduri penali kontra d-diskriminazzjoni mhumiex konformi mal-mudelli tal-UE;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

14.   jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-ewwel elezzjonijiet diretti tas-sindki u tal-prefetti, li ġew organizzati f’Mejju 2009, twettqu b’sens ta’ ordni, kien hemm parteċipazzjoni ikbar għalihom u wasslu għal żieda fir-rappreżentazzjoni politika tan-nisa;

15.   jilqa’ l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali 2009–2013 għat-taħriġ tal-uffiċjali u l-impjegati tal-gvernijiet lokali u reġjonali u jirrikonoxxi l-importanza taagħha biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-istrument amministrattiv lokali għall-forniment tas-servizzi deċentralizzati liċ-ċittadini; madankollu jinsisti fuq id-dgħufijiet kbar li jeżistu fil-proċeduri amministrattivi u jagħraf li l-bażi legali tal-kostruzzjoni ta’ amministrazzjoni pubblika moderna u professjonali għadha mhux perfetta;

16.   jinnota li l-istrateġija ta’ deċentralizzazzjoni għadha ma ġietx adottata minħabba n-nuqqas ta’ impenn fil-livell politiku, u jikkundanna n-nuqqas ta’ koordinazzjoni ġenerali bejn il-livell politiku u dak tekniku, kif ukoll bejn l-amministrazzjoni ċentrali u l-awtoritajiet lokali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jintroduċu proċeduri li jippermettu li dawn ikunu rappreżentati b’mod sodisfaċenti fil-proċessi leġiżlattivi u jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

17.   jitlob li jittieħdu azzjonijiet aktar konkreti sabiex ikunu żgurati t-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet professjonali u l-għarfien tal-awtoritajiet pubbliċi Kroati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; f’dan ir-rigward jissuġġerixxi li tinbena l-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE sabiex l-esperjenzi tagħhom ikunu jistgħu jintużaw malajr u sabiex il-kundizzjonijiet tat-Trattat tas-sħubija jkunu jistgħu jinkisbu malajr ukoll;

18.   jagħraf il-progress li twettaq fis-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni tal-intrapriżi, iżda jenfasizza li l-klima intraprenditorjali hija influwenzata ħażin mill-għadd kbir ta’ korpi parafiskali fil-livell nazzjonali u lokali, mill-korruzzjoni u n-nuqqasijiet tal-amministrazzjoni pubblika;

19.   huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għandhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-acquis communautaire; jenfasizza wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu ppreparati sew biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom li jirriżultaw mill-adeżjoni futura u biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet li din toffri;

DIK LI KIENET IR-REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA

Progress miksub minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-proċess ta’ adeżjoni

20.   jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-“Affarijiet Ġenerali” ta’ Diċembru 2009 u jħeġġeġ lill-gvern ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jiggarantixxi relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, u b’mod partikolari li jirdoppja l-isforzi tiegħu biex, permezz tan-negozjati, tinstab soluzzjoni li hi aċċettabbli reċiprokament għall-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċi tan-NU;

21.   ifakkar fl-importanza tar-relazzjonijiet tajba mal-ġirien u jħeġġeġ lill-gvern ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex jaħdem flimkien mal-imsieħba kollha biex tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni reġjonali;

22.   jifraħ bid-deċiżjoni tal-UE li mid-19 ta’ Diċembru 2009 ċ-ċittadini ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża fiż-żona tax-Schengen;

23.   jitlob lill-awtoritajiet ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex ikomplu l-isforzi tagħhom ta’ riforma, b’mod speċjali fl-oqsma tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġustizzja, tad-drittijiet tan-nisa u tar-relazzjonijiet bejn l-etniċitajiet, b’konformità mal-ftehim ta’ Ohrid tal-2001, li fost affarijiet oħra jipprevedi li jiġu assigurati d-drittijiet tal-persuni a’ kull etniċità u li tiżdied il-parteċipazzoni tagħhom fil-ħajja pubblika u fl-amministrazzjoni;

24.   jilqa’ l-progress sodisfaċenti li l-pajjiż wettaq fir-rigward tat-tisħiħ u l-applikazzjoni tal-qafas għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, anki jekk din għadha teżisti u għadha s’issa problema serja; jistieden lill-pajjiż biex ikompli l-isforzi meħtieġa, b’mod speċjali f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-qafas legali;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali

25.   jilqa’ t-twaqqif ta’ kummissjoni ġdida għall-awtonomija lokali;

26.   japprova l-użu tal-kooperazzjoni transkonfinali sabiex jitħeġġeġ id-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi ġirien;

27.   jilqa’ l-fatt li l-osservaturi mibgħuta mill-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE u mill-Kunsill tal-Ewropa kkonkludew li l-elezzjonijiet presidenzjali u lokali li saru fl-2009 rrispettaw il-parti l-kbira tal-kriterji tal-OSKE u r-regoli internazzjonali għall-elezzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-gvern ikompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li fadal tal-OSKE-ODIHR u jittama li dan se jimpenja ruħu bis-sħiħ sabiex jinvestiga l-ksur tar-regoli li ġie identifikat;

28.   iħeġġeġ li titkompla d-deċentralizzazzjoni u li jkun hemm trasferiment aktar b’saħħtu tal-kompetenzi lill-muniċipalitajiet, li jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tal-Ftehim Qafas ta’ Ohrid, iżda josserva li dawn għandhom jibbenefikaw minn impenn imsaħħaħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas finanzjarju għall-muniċipalitajiet; jappoġġa wkoll l-isforzi li saru mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet (ZELS) li tassumi kariga importanti sabiex il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni javvanza;

29.   jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar il-kooperazzjoni interkomunali, ta’ Ġunju 2009, li jemmen li ser tiġi applikata effettivament, kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjonijiet paralleli li qed jitħejjew;

30.   jenfasizza t-titjib tal-ġbir tat-taxxi lokali u l-azzjonijiet li tnedew biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-muniċipalitajiet għall-ġestjoni tat-taxxi fuq il-ġid, ir-riżorsi ekonomiċi, id-dejn u l-kontroll finanzjarju tagħhom;

31.   jinnota li ċerti muniċipalitajiet, b’mod speċjali dawk li għandhom numru żgħir ta’ residenti, għad għandhom biss kapaċitajiet amministrattivi limitati fir-rigward tal-ġestjoni tal-mezzi ekonomiċi, tat-taxxi, u tal-kontroll finanzjarju tagħhom, u jikkundanna n-nuqqasijiet li għandhom qed jaffettwaw lill-awtoritajiet lokali fil-qasam tat-trasparenza u tar-responsabbiltà;

32.   huwa konvint li tinħtieġ kooperazzjoni aħjar bejn il-livell ċentrali u dak lokali u li l-ministeru tal-awtoritajiet lokali għandu jimpenju ruħu aktar sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura tad-deċentralizzazzjoni;

33.   jitlob li jiżdiedu l-isforzi fil-ġlieda kontra t-traffikar modern tal-bnedmin billi jiġi implimentat iktar il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u l-immigrazzjoni illegali (NAP) u tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar fil-livell lokali;

34.   jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu għall-fatt li l-impjegati muniċipali qed jitħarrġu bil-mod il-mod sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw dawk il-partijiet tal-acquis communautaire li huma f’idejn il-livell lokali u biex jimmaniġġjaw il-fondi pprovduti mill-UE; iħeġġeġ biex dawn l-isforzi jitkomplew;

35.   jinnota li fir-rigward tat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ambjentali u l-implimentazzjoni tagħha, il-kapaċità amministrattiva, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak lokali, għadha ’l bogħod milli tkun kwalifikata b’mod sodisfaċenti, u jenfasizza li huwa importanti li din is-sitwazzjoni titranġa b’mod effikaċi, filwaqt li jitqies ukoll kwalunkwe effett ambjentali fuq l-Istati ġirien.

IT-TURKIJA

Progress miksub mit-Turkija fil-proċess ta’ adeżjoni

36.   jinnota b’sodisfazzjoni li għaddej dibattitu pubbliku fuq skala kbira dwar sensiela ta’ kwistjonijiet li tradizzjonalment huma ta’ natura sensittiva, bħalma huma: ir-rwol tal-ġudikatura, id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ oriġini Kurda, id-drittijiet ta’ dawk mill-komunità Alevi, ir-rwol tal-armata, kif ukoll ir-relazzjonijiet tat-Turkija mal-ġirien tagħha, u jfaħħar lill-gvern Tork għall-imġieba kostruttiva tiegħu u għar-rwol tiegħu fit-tnedija ta’ dan id-djalogu;

37.   josserva li fl-2009 l-pajjiż ma pprogressa kważi xejn fir-rigward tar-riformi tanġibbli u jħeġġeġ lill-gvern sabiex jittraduċi l-inizjattivi politiki tiegħu f’bidliet konkreti fil-livell ta’ leġiżlazzjoni u fl-applikazzjoni sussegwenti tagħha;

38.   jiddispjaċih li minkejja li l-pajjiż adotta leġiżlazzjoni li tikkonforma mal-kriterji ta’ Kopenħagen, l-implimentazzjoni tagħha għadha lura ħafna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tan-nisa, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà tar-reliġjon u dik tal-espressjoni, l-ebda tolleranza fir-rigward tat-tortura, u r-ripressjoni tal-korruzzjoni;

39.   juri t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni prevalenti fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa, b’mod speċjali fid-dawl tal-multa mingħajr preċedent li ġiet imposta fuq grupp tax-xandir;

40.   juri d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li sar biss ftit progress fil-qasam tal-libertà tar-reliġjon u jħeġġeġ lill-gvern biex jadotta qafas legali li jikkonforma mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u biex jagħti lill-komunitajiet reliġjużi kollha li mhumiex musulmani u lil dawk tal-komunità Alevi l-possibbiltà li jaħdmu mingħajr ma jkunu vittmi ta’ restrizzjonijiet mhux ġustifikati;

41.   jiddispjaċih għall-fatt li l-gvern Tork għadu jesprimi riżervi fir-rigward tad-drittijiet tal-minoranzi, bħalma huma dawk garantiti mil-liġi internazzjonali; għalhekk jistieden lill-gvern Tork jikkonforma l-politika tiegħu mal-mudelli internazzjonali f’dan il-qasam u jistieden lill-partiti politiċi jappoġġjaw l-isforzi tal-gvern; iħeġġeġ lit-Turkija tadotta miżuri konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-minoranza Griega fuq il-gżejjer ta’ Imbros u (Gökçeada) u Ténédos (Bozcaada), bil-għan li l-karattru interkulturali taż-żewġ gżejjer jinżamm bħala mudell ta’ kooperazzjoni bejn il-Greċja u t-Turkija;

42.   jikkundanna l-ksur persistenti tal-impenji li jirriżultaw mill-protokoll addizzjonali tal-ftehima ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija; jistieden lit-Turkija timpenja ruħha biex tapplika dan it-test b’mod integrali u nondiskriminatorju;

43.   jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jappoġġjaw bis-sħiħ in-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-kwistjoni Ċiprijotta u biex jagħmel kontribut konkret sabiex ikun assigurat ir-regolament globali, li għandu jibbaża fuq l-iskema ta’ konfederazzjoni biżonali u bikomunitarja b’identità u personalità ġuridika internazzjonali unika, b’konformità kemm mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar din il-kwistjoni kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tal-UE; jistedinhom ukoll biex jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ atmosfera adatta sabiex jiġi nnegozjat l-irtirar tat-truppi Torok minn Ċipru, Stat Membru tal-UE, ir-regolamentazzjoni tal-kwistjoni tal-kolonji u l-għoti lura taż-żona barrikata ta’ Famagusta lill-abitanti leġġittimi tagħha;

44.   jinsisti fuq l-importanza tat-Turkija bħala pajjiż ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni illegali; jinnota l-pjan biex jerġgħu jibdew in-negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija u jħeġġeġ biex sakemm dan jiġi konkluż, it-Turkija tapplika bis-sħiħ il-ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni li diġà ġew stabbiliti mal-Istati Membri; jistieden lill-gvern Tork jintensifika l-kooperazzjoni mal-Unjoni għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni, inkluża dik fil-qafas tal-Frontex, l-aġenzija li tiżgura s-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-Unjoni;

45.   fir-rigward ta’ kwistjonijiet reġjonali oħrajn, il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib fir-relazzjonijiet tat-Turkija mal-ġirien tagħha, b’mod speċjali l-ftehima konġunta mal-Armenja, u jenfasizza l-importanza kbira ta’ ratifika mgħaġġla tal-protokolli għat-twaqqif ta’ rabtiet diplomatiċi u aktar żvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Armenja. Il- KtR jistenna lit-Turkija tkompli l-isforzi tagħha għall-ħolqien ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien tagħha u r-riżoluzzjoni paċifika tad-diverġenzi;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali

46.   japprezza li l-elezzjonijiet lokali li saru f’Marzu 2009 inġenerali seħħew b’mod liberu u ġust;

47.   mhuwiex sodisfatt bid-dewmien tal-progress fit-trasferiment tal-kompetenzi lill-awtoritajiet lokali, b’mod speċjali f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ kunsilli muniċipali operattivi, peress li din hija l-kundizzjoni fundamentali għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet lokali;

48.   jitlob żieda fit-trasparenza u r-responsabbiltà, b’mod partikolari fil-qasam tal-kontrolli interni u esterni tal-finanzi tal-awtoritajiet lokali u jenfasizza l-importanza li għandhom id-deċentralizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex dawn jeżerċitaw il-kompetenzi li ngħatawlhom;

49.   japprova l-prijorità li ngħatat lil-livell massimu ta’ impjiegi fin-negozjati, kif ukoll l-adozzjoni ta’ programm nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis, filwaqt li josserva li ma tantx sar progress fir-rigward tal-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki u r-riformi kostituzzjonali;

50.   jiġbed l-attenzjoni għar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Nru 16/2009, dwar il-ġestjoni tal-assistenza qabel l-adeżjoni li ngħatat lit-Turkija mill-Kummissjoni Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika r-rakkomandazzjonijiet, tistabbilixxi l-objettivi u twettaq il-programmi fuq il-bażi tal-kriterji tal-adeżjoni;

51.   jilqa’ l-ħolqien ta’ aġenziji ta’ żvilupp u jinsab sodisfatt li l-atturi reġjonali u lokali kkonċernati qed jipparteċipaw fit-tħejjija tal-baġit ta’ kull waħda minn dawn l-aġenziji; jinnota madankollu n-nuqqas ta’ ċarezza li hemm fir-rigward tal-kriterji tal-għażla u n-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċedura;

52.   jinnota li l-konformità mal-acquis fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali għadha limitata.

53.   jesprimi t-tama u l-konvinzjoni tiegħu li n-nuqqasijiet u l-kritika li ssemmew fir-rigward tal-awtorijiet u istituzzjonijiet oħra tat-Turkija jiġu analizzati tajjeb u jittieħdu l-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa sabiex il-problemi jiġu eradikati.

Brussell, 14 ta’ April 2010

L-Ewwel Viċi-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCARCEL SISO


Top