Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0218

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper – riforma tal-politika komuni tas-sajd u l-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura

    ĠU C 141, 29.5.2010, p. 37–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 141/37


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper – riforma tal-politika komuni tas-sajd u l-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura

    2010/C 141/08

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jaqbel mal-ħtieġa li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-PKS jiġi strutturat, u r-regolazzjoni u/jew il-ġestjoni ta’ xi attivitajiet tiġi delegata lill-Istati Membri, lir-reġjuni, u lis-settur stess, fil-kuntest tal-liġijiet Komunitarji;

    jirrakkomanda li ssir analiżi aktar fil-fond tal-introduzzjoni tad-drittijiet trasferibbli tas-sajd, b’salvagwardji adatti, filwaqt li jadotta l-fehma li kwoti individwali amministrati jistgħu jkunu wieħed mill-approċċi, iżda kwoti individwali trasferibbli jfixklu l-bilanċ fis-settur;

    jaqbel li tiġi stabbilita sistema differenzjata ta’ sajd għall-ġestjoni tas-sajd artiġjanali u s-sajd għall-frott tal-baħar ħalli jinżamm l-aċċess għall-finanzjament pubbliku għal dawn l-attivitajiet u tiffaċilita l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet speċifiċi għal din il-flotta fil-livell reġjonali, id-definizzjoni tas-sajd artiġjanali u dak kostali fuq skala żgħira m’għandiex tkun limitata għat-tul tal-bastimenti biss iżda jiġu kkunsidrati wkoll parametri oħra;

    jirrakkomanda li għal kull żona tas-sajd għandu jiġi evalwat liema sistema tal-ġestjoni tas-sajd taqbel l-aktar maż-żona inkwistjoni, l-ispeċijiet immirati u t-tip ta’ flotta u jħeġġeġ li tiġi eżaminata aktar is-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti bbażata fuq il-qabdiet;

    jirrakkomanda li l-aċċess għall-għajnuna pubblika għandu jiġi regolat bl-istess mod kif sar fil-Politika Agrikola Komuni billi jiġi introdott il-prinċipju tal-kundizzjonalità;

    jemmen li l-UE għandha tiffaċilita l-iżvilupp kompetittiv tas-settur tal-akwakultura, inkluż pjan ta’ direzzjoni għall-2010 li jidentifika l-limiti skont ir-reġjun, il-promozzjoni ta’ metodi ekoloġiċi għat-trobbija tal-ħut u appoġġ għall-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akwakultura Ewropea (EATIP) u jenfasizza l-importanza tal-ippjanar tat-territorju marittimu, programmi tas-saħħa tal-annimali, standards tat-tikkettar u proċeduri ta’ simplifikazzjoni amministrattiva għas-settur.

    Relatur

    :

    Is-Sur Ramón Luis Valcárcel Siso (ES/PPE), President tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia

    Dokumenti ta’ referenza:

    Green Paper – Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

    COM(2009) 163 finali

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura

    COM(2009) 162 finali

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    INTRODUZZJONI

    1.

    jemmen li l-viżjoni tal-Kummissjoni għas-sajd Ewropew sal-2020 tista’ tintlaħaq u jixtieq jikkontribwixxi b’mod sħiħ fid-dibattitu dwar ir-riformi meħtieġa sabiex din il-viżjoni titwettaq bl-anqas tfixkil fil-post tax-xogħol u bl-anqas distorsjoni tas-suq. Ir-reviżjoni u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd joffru opportunitajiet uniċi mhux biss biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-passat, iżda wkoll biex ikun hemm fiduċja u ċertezza għall-futur. Permezz tal-involviment sħiħ tal-komunitajiet tas-sajd, l-istokkijiet tal-ħut ikunu ġestiti aħjar, il-flotot ikunu adattati aħjar għar-riżorsi, l-operazzjonijiet tas-sajd ikunu regolati aħjar u r-rendimenti ekonomiċi jipprovdu s-salvagwardji meħtieġa għas-sigurtà fit-tul;

    2.

    jikkunsidra li s-sajd huwa mezz ta’ għajxien f’bosta reġjuni tal-Ewropa, kif ukoll sors ta’ provvista għal industrija tal-ipproċċessar dipendenti ħafna. Minkejja li ilha ħafna u diġà ġiet riformata, il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ma rnexxilhiex issolvi l-problemi dejjem jikbru f’dan is-settur, li jrid jiffaċċja firxa ta’ sfidi maġġuri: l-eżistenza tas-sajd żejjed, il-fatt li l-kapaċità tas-sajd mhijiex adattata għar-riżorsi disponibbli u għall-objettiv ta’ sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika, il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni fl-użu tal-enerġija tal-bastimenti, l-istat prekarju ta’ ħafna riżorsi tas-sajd u l-livell għoli ta’ sovvenzjoni li wassal għal sitwazzjoni ekonomika estremament fraġli. Barra minn hekk, f’ħafna każi l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jheddu s-sigurtà tal-ikel f’dawn l-istess pajjiżi, filwaqt li qed jikkontribwixxu għas-sajd żejjed u qed jimpedixxu l-iżvilupp tal-industriji lokali tas-sajd;

    3.

    huwa tal-fehma li l-PKS il-ġdida għandha twassal għal fokus aktar komprensiv, filwaqt li torbot mal-politiki marittimi u ambjentali, tkun mgħammra bi strumenti ġodda biex tindirizza l-problema persistenti tal-eċċess fil-kapaċità tal-flotta, u tapplika formuli bi spejjeż baxxi. Sabiex jinkiseb dan, il-qafas politiku għandu jkollu sistema biex jittieħdu d-deċiżjonijiet għal perijodu medju u twil ta’ żmien, għandu jkollu għanijiet ċari, u ċerti aspetti għandhom jiġu deċentralizzati. Hemm bżonn ukoll li tittejjeb il-governanza tas-settur, li jiġu definiti mekkaniżmi ta’ infurzar li jipprovdu garanzija aktar sigura tal-konformità mar-regoli, u li jiġi inkoraġġut settur b’impenn u responsabbiltà akbar fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-PKS;

    4.

    jemmen li l-akkwakultura għandha l-potenzjal li tipprovdi prodotti tajbin għas-saħħa, siguri, sostenibbli u ta’ kwalità għolja taħt kundizzjonijiet ambjentali stretti, u tirrappreżenta fattur stabbilizzanti f’ħafna reġjuni li jiddependu xi ftit jew wisq mis-sajd. L-UE ħadet għadd ta’ inizjattivi biex tippromovi s-sajd fil-forma ta’ strumenti finanzjarji strutturali (Strument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd, Fond Ewropew għas-Sajd), kif ukoll bl-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli. Minkejja li nkiseb ħafna, il-produzzjoni żdiedet sinifikattivament inqas mill-medja dinjija, u bħalissa qed niffaċċjaw l-isfidi tal-integrazzjoni tal-akkwakultura fil-politiki marittimi u ambjentali, filwaqt li qed tiġi orjentata lejn l-użu ta’ metodi li jirrispettaw l-ambjent u lejn politika ta’ sajd sostenibbli, l-inkoraġġiment tal-kompetittività, il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali, it-titjib tal-governanza u t-tisħiħ tal-garanziji marbuta mas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, bħalma diġà sar għall-annimali l-oħra, u dan kollu taħt kundizzjonijiet stretti tal-ħarsien tal-konsumatur;

    5.

    huwa konvint li ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, it-tkabbir futur tal-UE, it-tniġġis tal-ilmijiet marittimi u interni u r-riperkussjonijiet ta’ dan fuq l-ekosistemi tal-kosta u t-tibdil fil-klima huma kwistjonijiet li l-PKS għandha tikkunsidra għal perijodu medju ta’ żmien, billi dawn ser iġibu bidla fit-tendenzi tal-ġestjoni tas-sajd u l-akkwakultura;

    GREEN PAPER – RIFORMA TAL-POLITIKA KOMUNI TAS-SAJD

    Kummenti ġenerali

    6.

    jilqa’ l-inizjattiva f’waqtha tal-Kummissjoni li tippreżenta l-Green Paper dwar ir-riforma tal-PKS (COM(2009) 163 finali), u b’hekk tiftaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni, flimkien mal-awtokritika fir-rigward tal-falliment ta’ ċerti aspetti tal-PKS, il-proposti tagħha biex tittejjeb il-PKS eżistenti sal-2012, u l-ħsibijiet tagħha dwar il-PKS il-ġdida mill-2013 ’il quddiem;

    7.

    jaqbel li hemm nuqqas ta’ adattament tal-kapaċità tal-flotta, l-aktar f’oqsma speċifiċi, u jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi biex id-daqs tal-flotot tas-sajd Ewropej ikunu aktar konformi mar-riżorsi li jistgħu jiġu sfruttati u ma’ approċċ soċjoekonomiku aktar sostenibbli. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi finanzjarji pubbliċi, u hu jaħseb li dan huwa fattur vitali sabiex l-aspetti l-oħra tal-PKS jiġu implimentati bis-sħiħ;

    8.

    jenfasizza r-rwol vitali li għandhom jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex il-PKS taħdem b’suċċess. B’mod speċifiku, jissuġġerixxi li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs);

    9.

    jindika li sabiex il-PKS tiġi inkorporata b’mod effettiv fil-Politika Marittima Integrata (PMI), l-awtoritajiet reġjonali u lokali tas-sajd iridu jkunu lesti jimpenjaw ruħhom f’dan il-qasam, u jagħtu kontribut reali;

    10.

    huwa favur il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-servizzi tal-gwardja tal-kosta tal-Istati Membri, u jappoġġja d-deċiżjoni li jitħejjew miżuri biex tiġi introdotta sistema ta’ kontroll aktar integrata;

    11.

    jirrakkomanda li ssir analiżi aktar fil-fond tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-introduzzjoni tad-drittijiet trasferibbli tas-sajd, b’salvagwardji adatti, li jkopru kemm id-drittijiet tas-sajd kollettivi kif ukoll dawk individwali;

    12.

    jaqbel li kull miżura u impenn li ttitieħed fil-futur fil-kuntest tal-PKS bil-għan li jiġu evitati jew jittaffew l-effetti ekonomiċi u soċjali tat-tnaqqis fl-opportunitajiet ta’ sajd għandhom dejjem ikunu kompatibbli mas-sostenibbiltà ekoloġika fit-tul;

    13.

    iħeġġeġ li jinżammu u saħansitra jiġu estiżi ż-żoni ta’ konservazzjoni tas-sajd;

    14.

    jaqbel mal-ħtieġa li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-PKS jiġi strutturat, u f’ċerti każi tintuża l-proċedura ta’ kumitat u r-regolazzjoni u/jew il-ġestjoni ta’ xi attivitajiet tas-sajd tiġi delegata lill-Istati Membri, lir-reġjuni, u lis-settur stess, fil-kuntest tal-liġijiet Komunitarji. Għaldaqstant jirrakkomanda li jiġu previsti metodi ta’ ġestjoni fuq il-bażi taż-żona tal-kosta, tal-estwarju u tal-attività tas-sajd (approċċ imsejjes fuq l-ekosistema);

    15.

    jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li s-settur jerfa’ responsabbiltà akbar fl-implimentazzjoni tal-PKS. Is-sajjieda li jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom sew biss għandu jkollhom aċċess għall-istokkijiet tal-ħut, fid-dawl tal-fatt li dawn jifformaw parti mill-qasam pubbliku u li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż tal-ġestjoni ta’ dawn ir-riżorsi jitħallsu minn dawk li jħallsu t-taxxi;

    16.

    jappoġġja l-iżvilupp ta’ kultura ta’ konformità. L-aċċess tal-Istati Membri għall-finanzjament Komunitarju għandu jkun ristrett meta huma jonqsu milli jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-kontroll u l-konservazzjoni;

    17.

    jappoġġja l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ ġbir tad-data f’ħin reali li tipprovdi informazzjoni teknika aġġornata dwar il-qabdiet;

    18.

    jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riforma tal-PKS tikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi tal-aktar reġjuni mbiegħda, fid-dawl tal-kundizzjonijiet strutturali u soċjoekonomiċi tagħhom, u b’konformità mal-istrateġija Ewropea għall-aktar reġjuni mbiegħda;

    19.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassumi rwol ta’ tmexxija fil-kuntest dinji fir-rigward tal-iżvilupp ta’ sistemi biex il-politiki tas-sajd u taż-żoni kostali jiġu aġġustati għat-tibdil fil-klima;

    Kummenti dwar l-inizjattiva

    Sistema differenzjata ta’ sajd biex jiġu protetti l-flotot kostali fuq skala żgħira

    20.

    jaqbel mal-inizjattiva li tiġi stabbilita sistema differenzjata ta’ sajd għall-ġestjoni tas-sajd artiġjanali u s-sajd għall-frott tal-baħar, li huma attivitajiet marbuta mill-qrib mal-identità kulturali ta’ ħafna reġjuni Ewropej u li l-bastimenti tagħhom jimpjegaw ħafna ħaddiema li jkunu ġejjin mill-mikrointrapriżi. Jilqa’ l-proposta li jinżamm l-aċċess għall-finanzjament pubbliku għal dawn l-attivitajiet;

    21.

    jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li, bħala parti minn approċċ tal-ekosistema, tiffaċilita l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet speċifiċi għal din il-flotta fil-livell reġjonali, dejjem b’konformità mar-regoli u l-prinċipji globali Komunitarji;

    22.

    jemmen li l-impenn tal-komunità fl-istrutturi ta’ sħubija lokali huma elementi ewlieni sabiex ikun hemm l-akbar kontribut lokali fid-definizzjoni tal-potenzjali u n-nuqqasijiet speċifiċi f’żona speċifika kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-provvista tkun konformi mal-kundizzjonijiet lokali;

    23.

    jirrakkomanda li ssir analiżi aktar bir-reqqa tal-kunċett ta’ sajd kostali artiġjanali jew fuq skala żgħira, sabiex id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett ma tkunx limitata għat-tul tal-bastimenti biss iżda jiġu kkunsidrati wkoll parametri oħra, bħar-rabtiet ekonomiċi u soċjali tal-attività mal-muniċipalitajiet, kemm idumu l-operazzjonijiet tas-sajd, it-tip ta’ qabdiet, l-inklużjoni jew le fi pjan speċifiku tas-sajd, eċċ.;

    24.

    jikkunsidra li l-ispejjeż tal-manutenzjoni marbuta mal-kaxxi l-bluni huma għaljin wisq għall-bastimenti ż-żgħar dedikati għas-sajd artiġjanali qrib il-kosta. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-użu ta’ sistemi alternattivi inqas għaljin;

    25.

    jenfasizza li din il-flotta mhux industrijali tintlaqat direttament mid-distorsjonijiet ikkawżati mis-suq globalizzat. F’dan ir-rigward, u fid-dawl taż-żieda fl-isforz bħala riżultat tat-titjib teknoloġiku, għandha terġa’ tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ għajnuna għal bini ġdid fil-kuntest tal-programmi ta’ aġġustament bil-għan li tinħoloq flotta kompetittiva li tkun adatta għall-opportunitajiet ta’ sajd disponibbli għal kull bastiment u tiżgura s-sigurtà tas-sajjieda minħabba d-diffikultà ta’ aċċess għall-postijiet tas-sajd. Barra minn hekk, ikun ta’ siwi kbir li jiddaħħal l-obbligu li t-tikketti jiddistingwu l-prodotti ta’ din il-flotta, u jindikaw l-oriġini tal-prodott b’mod li jkun faċli għall-konsumatur biex jifhem;

    26.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromovi taħriġ xieraq għall-ħaddiema marittimi bil-għan li jiksbu ħiliet intraprenditorjali, marittimi u ambjentali kif ukoll għarfien dwar il-prattiki t-tajba tal-iġjene. B’hekk dawn ir-riżorsi umani jkunu jistgħu jibqgħu fiż-żoni li jiddependu mis-sajd u jkunu jistgħu jiddiversifikaw f’setturi oħra li huma ta’ interess għas-soċjetà ċivili, bħall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar jew l-għoti ta’ servizzi ta’ salvataġġ mill-baħar.

    27.

    jistieden lill-Kummissjoni tippromovi inizjattiva integrata għall-iżvilupp u t-titjib tal-infrastrutturi fil-gżejjer u r-reġjuni mbiegħda li jiddependu mis-sajd kostali fuq skala żgħira;

    L-aħjar użu mis-sajd tagħna

    28.

    jaqbel mal-għan tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li fih l-Istati Membri aċċettaw l-Ogħla Rendiment Sostenibbli bħala objettiv li għandu jintlaħaq sal-2015. Dan l-objettiv għandu jkun prinċipju gwida fundamentali tal-PKS. Jilqa’ wkoll il-politika biex jiġi eliminat ir-rimi; jipproponi li ssir valutazzjoni tal-effetti tas-sajd industrijali li jintuża għall-ġwież tal-ħut fil-farms fuq l-ekosistema;

    29.

    jissuġġerixxi li l-Istati Membri jingħataw regolamentazzjoni aħjar tal-aċċess tal-flotta għal żoni ta’ interess speċjali għall-konservazzjoni, bil-ħsieb li l-istatus taż-żoni ta’ konservazzjoni jiġi rkuprat u jinżamm f’livelli favorevoli;

    30.

    iħeġġeġ li tiġi eżaminata aktar is-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti bbażata fuq il-qabdiet, li tkun mibnija fuq id-dokumentazzjoni tas-sajjieda stess li tkun tista’ tiġi vverifikata;

    31.

    japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi bidla fis-sistema tal-ġestjoni tas-sajd, fuq il-bażi tal-limitazzjoni tal-ġranet li bastiment tas-sajd jista’ joħroġ jistad, jew bl-użu tas-sistema preżenti tas-sajd għal speċi waħda;

    32.

    jirrakkomanda li għal kull żona tas-sajd għandu jiġi evalwat liema sistema tal-ġestjoni tas-sajd taqbel l-aktar maż-żona inkwistjoni, l-ispeċijiet immirati u t-tip ta’ flotta. L-unità tal-ġestjoni għandha tkun iż-żona tas-sajd u l-ispeċijiet kollha li jinqabdu f’dik iż-żona ħlief dawk l-ispeċijiet li jpassu;

    33.

    ifakkar li biex jissolvew xi problemi jeħtieġ b’mod inevitabbli li jiġu introdotti inċentivi għas-sajjieda individwali u għall-assoċjazzjonijiet tagħhom (koġestjoni) bil-għan li jinkoraġġixxu lis-sajjieda jaħdmu b’mod responsabbli;

    34.

    jipproponi li jiġi introdott “ċertifikat għall-eċċellenza fis-sajd”, ivverifikat minn kumpanija barranija: bħalma jiġri fil-politika marittima, dan ikun jista’ jiggarantixxi li s-sajd jiżviluppa b’mod strettament konformi mal-leġiżlazzjoni;

    35.

    jemmen li hemm bżonn tiġi żviluppata sistema uniformi tar-rispett tar-regoli tas-sajd u tal-kontroll tas-sajd, billi jiġu stabbiliti mudelli konformi mal-istandards tal-ISO, bħall-ISO 17020;

    36.

    jirrakkomanda li s-sajd sportiv u dak rikreattiv jitqiesu bħala aspetti li qed isiru dejjem iktar importanti u li għandhom jiġu kkunsidrati fil-ġestjoni tas-sajd. Id-diversifikazzjoni tal-attività tas-sajd lejn it-turiżmu tas-sajd għandha tirrappreżenta opportunità potenzjali għas-sajjieda li huma kkwalifikati bħala kaptani kompatibbli ma’ din l-attività, u mezz li jassorbi l-impjiegi u li jnaqqas l-isforzi tas-sajd;

    Stabbiltà relattiva u aċċess għas-sajd kostali

    37.

    jinnota li ħafna drabi l-applikazzjoni tal-istabbiltà relattiva setgħet wasslet għal żidiet fil-qabdiet totali permissibbli (TACs) li jaqbżu r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, żiedet ir-rimi u naqqset il-possibbiltajiet tal-użu razzjonali tar-riżorsi tas-sajd;

    38.

    jaqbel mal-Kummissjoni li l-prinċipju tal-istabbiltà relattiva ma jiggarantixxix li d-drittijiet tas-sajd jintużaw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti possibbli. Hemm diskrepanza bejn il-kwoti allokati lill-Istati Membri u l-ħtiġijiet u l-użi reali tal-kwoti mill-flotot nazzjonali. Għaldaqstant, jirrakkomanda li l-prinċipju tal-istabbiltà relattiva jiġi rivedut, u li l-kwoti meħtieġa mill-flotot nazzjonali jiġu aġġustati skont id-disponibbiltà tad-drittijiet tas-sajd;

    39.

    huwa tal-fehma li fir-rigward tad-drittijiet trasferibbli tas-sajd, il-kwoti individwali amministrati jistgħu jkunu wieħed mill-approċċi, filwaqt li l-kwoti individwali trasferibbli jipperikolaw l-istabbiltà tas-settur. L-effett ewlieni tagħhom hu li jikkonċentraw il-kapaċità tas-sajd f’idejn xi kumpaniji kbar u jħaffu l-għajbien tas-sajjieda artiġjanali. Barra minn hekk, ikun paradossali li tiġi maħsuba sistema differenzjali għall-ġestjoni tal-flotot tas-sajjieda artiġjanali u fl-istess waqt id-drittijiet tas-sajd jitħallew biss għar-regoli tas-suq;

    40.

    jappoġġja l-inizjattiva li jinżammu r-restrizzjonijiet tal-possibbiltajiet tas-sajd ’il ġewwa mit-12-il mil nawtiku;

    Il-kummerċ u s-swieq

    41.

    jaqbel mal-idea li jiġi garantit li l-prodotti tas-sajd kollha li jidħlu fis-suq Komunitarju, inklużi l-prodotti importati, ikunu ġejjin minn sajd ġestit b’mod sostenibbli, sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet indaqs fis-suq tal-UE; jissuġġerixxi li għandha ssir valutazzjoni preliminari tal-impatt ambjentali qabel ma tingħata liċenzja tas-sajd;

    42.

    jirrakkomanda li jiġu promossi inizjattivi li jiggarantixxu l-oriġini tal-prodotti tas-sajd, billi jitħeġġeġ l-użu ta’ tikketti għall-prodotti friski li jiċċertifikaw it-traċċabilità u l-oriġini;

    43.

    jikkunsidra li għandhom jiġu inkoraġġuti ċ-ċertifikati għall-eċċellenza fis-sajd, kemm rigward is-sajd kif ukoll rigward l-aspetti tat-tqegħid fis-suq, bħala garanzija għall-konsumaturi li r-riżorsi ġew rispettati b’mod rigoruż;

    44.

    jaqbel li s-sehem tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-ġestjoni tas-sajd għandu bżonn jissaħħaħ;

    45.

    jitlob li jkun hemm taħriġ kontinwu u li jiġu identifikati l-bżonnijiet ta’ taħriġ fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala fatturi ewlenin fit-titjib tal-kwalità tas-swieq tal-ħut;

    L-integrazzjoni tal-PKS fil-kuntest usa’ tal-politika marittima

    46.

    jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li tiġi implimentata l-Politika Marittima Integrata bħala strument ewlieni sabiex isir il-progress fl-affarijiet marittimi li għandhom impatt qawwi fuq politiki settorjali oħra – b’mod partikolari l-PKS – dejjem fil-perspettiva tal-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni kostali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lis-sajd sostenibbli fil-ġejjieni u lill-aġġustament għat-tibdil fil-klima;

    47.

    jemmen li, b’konformità mal-prinċipju tal-Koeżjoni Territorjali, is-sopravivenza futura tal-komunitajiet kostali tiddipendi mid-diversifikazzjoni u t-twaqqif ta’ bażi ekonomika sostenibbli li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet li jikkonsolidaw it-talenti tal-ġenerazzjonijiet futuri minflok ma jiġu sfurzati jemigraw għal bliet ikbar għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

    48.

    jirrakkomanda li, fil-qafas tal-PMI, is-settur tas-sajd ikun jista’ jieħu sehem fit-tfassil u l-iżvilupp ta’ attivitajiet oħra li jikkomplementaw is-sajd, bħat-turiżmu tas-sajd (pereżempju s-sajd bħala delizzju jew l-osservazzjoni tal-balieni), il-ġlieda kontra t-tniġġis, is-servizzi ta’ salvataġġ jew it-tindif ta’ qiegħ il-baħar;

    49.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni, tipprepara Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika (SIĠ) għall-fini tal-ippjanar tal-kosta;

    50.

    jemmen b’mod partikolari li s-Sħubijiet Lokali tal-Kosta li waqqfu l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati rilevanti jistgħu jkunu kruċjali biex jiżguraw li Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali hija effettiva u li titwettaq minn isfel għal fuq;

    51.

    jitlob lill-Kummissjoni tippromovi l-introduzzjoni ta’ kwalifiki multifunzjonali għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd, li jkunu validi madwar l-Ewropa kollha, li jippermettulhom jiddiversifikaw l-attivitajiet tas-sajd, u li jkunu kompatibbli ma’ attivitajiet professjonali oħra;

    Il-bażi tal-għarfien għall-politika

    52.

    jilqa’ l-inizjattivi mmirati biex itejbu l-komunikazzjoni bejn ix-xjenzati, dawk li jfasslu l-politiki u l-partijiet ikkonċernati, partikolarment il-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura (ACFA) u l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs);

    53.

    jenfasizza li l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq data u għarfien solidu u affidabbli. Jaqbel mal-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward;

    54.

    jirrakkomanda li jinħoloq cluster dwar l-attività tas-sajd ibbażat fuq l-għarfien sabiex tkun tista’ titwaqqaf struttura dinamika, trasparenti u pubblika, li maż-żmien tibda sservi bħala portal għat-tixrid tal-għarfien dwar is-sajd fl-UE;

    Politika strutturali u appoġġ finanzjarju pubbliku

    55.

    jaqbel li l-politika strutturali ġġenerat effetti mhux mixtieqa fis-settur tas-sajd u f’xi każi kompliet tiggrava l-problemi strutturali minflok solviethom. Jaqbel ukoll li r-riforma għandha tindirizza n-nuqqasijiet strutturali tas-settur, filwaqt li tistabbilixxi salvagwardji kontra kwalunkwe effett mhux mixtieq jew li jmur kontra l-PKS;

    56.

    jirrakkomanda li l-aċċess għall-għajnuna pubblika għandu jiġi regolat bl-istess mod kif sar fil-Politika Agrikola Komuni billi jiġi introdott il-prinċipju tal-kundizzjonalità. Sabiex tingħata l-għajnuna finanzjarja jridu jintlaħqu l-objettivi stabbiliti bħala kundizzjonijiet, filwaqt li l-penali u l-ħlasijiet lura jiġu regolati fl-istess ħin;

    57.

    jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ prattiki tas-sajd aktar selettivi u li jirrispettaw aktar l-ambjent. Madankollu, l-isforzi sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi għandhom jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet reġjonali;

    Id-dimensjoni esterna

    58.

    jikkunsidra li l-għan ewlieni fil-qafas tad-dimensjoni esterna tal-PKS għandu jkun li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi u ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku mil-lat tas-sostenibbiltà u tas-sajd responsabbli;

    59.

    jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li naqset l-importanza tal-fatt li tinżamm il-preżenza ta’ flotta Komunitarja fil-livell internazzjonali;

    60.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni bidlet il-prinċipju ta’ “ħallas, stad u itlaq” bil-prinċipju tal-Ftehimiet tas-Sħubija tas-Sajd (FSS), li huma msejsa fuq approċċ aktar globali li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni, il-governanza u ċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Komunitarji barra l-UE. Il-ftehimiet dwar is-sajd ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE għandhom jinżammu bħala strument li jifforma l-adattazzjoni tas-settur tas-sajd, u għandhom jinkludu l-akkwakultura, l-investiment u l-kooperazzjoni bħala strumenti ta’ żvilupp;

    61.

    japprezza l-proposta li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiddaħħlu forom reġjonali ta’ kooperazzjoni fi żmien meta l-integrazzjoni reġjonali qed tiġi promossa bħala strument tal-iżvilupp;

    62.

    jenfasizza li l-Organizazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) huma strument ideali għall-governanza fis-settur, u jitlob li dawn ikollhom rappreżentazzjoni akbar u piż akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jissodisfaw kriterji speċifiċi bħall-popolazzjoni jew in-numru ta’ pajjiżi tal-UE;

    63.

    jemmen li l-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali hija meħtieġa għall-ġestjoni u l-kontroll tas-sajd fil-Mediterran, il-Baħar Baltiku u żoni marittimi oħra b’ilmijiet territorjali kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi; b’hekk ikun hemm sfruttament bilanċjat tar-riżorsi li jinsabu f’ekosistema li hija mogħnija b’bijodiversità kbira iżda jidher ċar li hija fraġli;

    64.

    jappoġġja l-preparazzjoni ta’ miżuri biex tiġi introdotta sistema ta’ kontroll aktar integrata li tgħaqqad is-sistemi ta’ sorveljanza u monitoraġġ eżistenti, speċjalment fil-Mediterran. Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tniedi proġett pilota inizjali għall-Mediterran, li mbagħad ikun jista’ jiġi estiż għall-Ewropa kollha;

    65.

    jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn is-servizzi tal-gwardja tal-kosta tal-Istati Membri u tal-pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE;

    KOMUNIKAZZJONI DWAR IL-BINI TA’ FUTUR SOSTENIBBLI GĦALL-AKKWAKULTURA

    Kummenti ġenerali

    66.

    jilqa’ l-Komunikazzjoni Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura (COM(2009) 162 finali), li tagħti spinta ġdida lill-Istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea (COM(2002) 511 finali), li bis-saħħa tagħha jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi – speċjalment fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali tal-produzzjoni u l-kwalità u s-sigurtà tal-prodott – li jiġi mmirat l-iżvilupp maġġuri potenzjali ta’ din l-attività;

    67.

    jikkunsidra li l-akkwakultura Komunitarja qed tgħin fil-forniment tas-suq Komunitarju tal-prodotti tas-sajd, li huwa kkaratterizzat minn defiċit dejjem jikber minħabba t-tnaqqis fil-kontributi mis-sajd u ż-żieda fid-domanda;

    68.

    huwa konxju tal-importanza soċjoekonomika tal-akkwakultura f’ċerti reġjuni, għaliex l-akkwakultura tiġġenera mal-65 000 impjieg u tirrappreżenta dħul ta’ aktar minn EUR 3 biljun;

    69.

    jaqbel li l-akkwakultura għandha tkompli tiġi promossa, u jilqa’ l-inizjattivi min-naħa tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament biex jinkoraġġixxu t-tkabbir tas-settur fil-qafas tal-PKS;

    70.

    jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-limiti għat-tkabbir kontinwu tal-akkwakultura Ewropea, bħall-aċċess għall-ispazju meħtieġ għall-iżvilupp, id-diffikultà biex jinkisbu l-liċenzji, il-frammentazzjoni ta’ settur li għadu relattivament mhux organizzat, u l-bosta restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-kapital, flimkien ma’ regoli Komunitarji stretti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni mal-produtturi Asjatiċi u tal-Amerika t’Isfel;

    71.

    jilqa’ l-isforzi finanzjarji li qed tagħmel l-UE, permezz tal-politika strutturali tagħha, biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura u jipproponi li jiġi definit il-“prinċipju ta’ kundizzjonalità” għas-settur tas-sajd, li jistabbilixxi kriterji speċifiċi: ambjentali, tas-sigurtà tal-ikel, tat-trattament xieraq tal-annimali, eċċ. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-kriterji, l-aċċess għall-għajnuna pubblika jiġi limitat u/jew projbit;

    Kummenti dwar l-inizjattiva

    Il-bini tal-ġejjieni tas-settur tal-akkwakultura

    72.

    jaqbel li l-UE għandha tieħu sensiela ta’ miżuri biex tiffaċilita l-iżvilupp kompetittiv tas-settur sabiex ikun jista’ jissodisfa d-domanda dejjem tikber għall-ħut li ma tistax tiġi sodisfatta permezz tal-istokkijiet tal-ħut selvaġġ;

    73.

    jaqbel li l-UE għandha tassumi rwol ta’ tmexxija fir-“revoluzzjoni l-blu”, li tikkonċerna kemm il-produzzjoni tal-ħut kif ukoll it-teknoloġija u l-innovazzjoni, filwaqt li jitwaqqfu wkoll korpi ta’ ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE biex jiggarantixxu l-eċċellenza fil-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE; jemmen li l-UE għandha tassumi rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ metodi ekoloġiċi għat-trobbija tal-ħut u għandha tippromovi l-akkwakultura biss fiż-żoni fejn tista’ ssir b’mod li jkun sostenibbli mil-lat ekoloġiku u fejn jista’ jiġi żgurat li l-ambjent marittimu jiġi ppreservat għall-ġejjieni;

    74.

    japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit qafas adattat ta’ politiki u azzjonijiet għall-iżvilupp tal-akkwakultura, li jgħin biex jitneħħew l-ostakli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, speċjalment fir-rigward tat-twaqqif tiegħu fiż-żoni kostali fuq l-istess livell ma’ attivitajiet oħra u l-għoti tal-permessi, u jwitti t-triq ’il quddiem ta’ dan is-settur strateġiku;

    75.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tħejji pjan direzzjonali għall-2010 li jistabbilixxi l-limiti għat-tkabbir tal-akkwakultura u jidentifikahom skont ir-reġjun, u biex tippromovi l-introduzzjoni ta’ rapporti tekniċi fil-qafas tal-PMI, ta’ żoni għall-iżvilupp tal-akkwakultura, u tal-infrastruttura meħtieġa għall-portijiet;

    76.

    jitlob li jkun hemm aċċess aktar faċli għall-politiki tal-assigurazzjoni bil-għan li jassiguraw mill-ġdid is-sitwazzjoni ekonomika – li sikwit tkun fraġli – ta’ dawn il-produtturi, u mhux idgħajfuha;

    Il-promozzjoni tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-akkwakultura

    77.

    japprova l-ħolqien tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura Ewropea (European Aquaculture Technology and Innovation Platform – EATIP), li ser tippermetti li l-akkwakultura Ewropea żżomm ir-rwol tagħha ta’ tmexxija fil-livell dinji, u ser tipprovdi lis-settur linji gwida strateġiċi dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, u li tippromovi t-tfittxija ta’ metodi tas-sajd u akkwakultura sostenibbli;

    78.

    jitlob li l-EATIP tiġi promossa bħala forum li jħeġġeġ ir-riċerka u l-iżvilupp bil-għan li jitfasslu miżuri għal sajd u akkwakultura sostenibbli, u li din il-Pjattaforma tifforma netwerk ta’ pjattaformi nazzjonali individwali tal-akkwakultura, is-sajd u l-oċeanografija li jwasslu l-preokkupazzjonijiet lokali marbuta mar-riċerka u l-iżvilupp minn isfel għal fuq, u li jxerrdu l-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji emerġenti fil-livell lokali;

    79.

    jissottolinja l-importanza tal-ippjanar tat-territorju marittimu meta jiġu pprovduti żoni u linji gwida biex jiġi deċiż il-post tal-akkwakultura. L-ippjanar adegwat tat-territorju jfisser li t-tkabbir tal-akkwakultura jkun jista’ jiġi pprogrammat, il-potenzjal tal-produzzjoni tagħha jiġi evalwat, il-kunflitti ma’ utenti oħra tal-kosta u taż-żoni kontinentali jiġu evitati, u jkunu jistgħu jiġu promossi sinerġiji bejn l-attivitajiet u l-ambjenti fl-aktar żoni li jiddependu minn dan it-tip ta’ attività, minn perspettiva tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali, ekonomika u tas-suq;

    80.

    jappoġġja l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta’ standards tal-kwalità u tal-ittikkettjar informattiv fiż-żona Ewropea, kif ukoll il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-ittikkettjar u ċ-ċertifikazzjoni;

    81.

    jaqbel dwar il-bżonn li tiġi estiża d-dimensjoni internazzjonali tal-akkwakultura Ewropea, u li titlesta t-triq għall-pjani ta’ kontroll tal-mard li jassiguraw produzzjoni sigura mil-lat żootekniku;

    82.

    jitlob li jsir sforz finanzjarju proporzjonat mal-isfidi li qed tiffaċċja l-akkwakultura tal-UE u mal-istennijiet li tqajjem;

    83.

    iħeġġeġ li ssir analiżi tal-programmi ta’ taħriġ fil-qasam marittimu u tas-sajd, u li ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet f’perijodu medju ta’ żmien. B’rabta ma’ dan, jitlob li jitħejja pjan direzzjonali għall-Istati Membri, bħala parti minn qafas Ewropew tal-moviment ħieles tal-professjonisti, sabiex it-taħriġ f’dan is-settur jiżdied u l-Ewropej isiru konxji tal-akkwakultura;

    L-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura

    84.

    jaqbel mal-impenn tal-UE li tassigura l-kompatibbiltà bejn l-akkwakultura u l-ambjent, filwaqt li jiġu assigurati prodotti tajbin għas-saħħa, siguri u ta’ kwalità għolja, b’miżuri biex jiġu protetti ż-żoni ta’ produzzjoni b’konformità mad-Direttiva Qafas 2000/60/KE dwar l-Ilma, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tal-ilma fiż-żmien stabbilit, u mal-PMI, u miżuri biex jiġu kkontrollati l-iżviluppi tal-ħut maħrub;

    85.

    jikkunsidra li sabiex il-produzzjoni tal-akkwakultura tikber b’mod sostenibbli, jeħtieġ li jittieħdu passi fl-oqsma tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, id-disponibbiltà ta’ mediċini veterinarji ġodda għall-akkwakultura kif ukoll ta’ għalf ta’ kwalità għolja li jkun aċċettabbli mil-lat ambjentali għall-ħut;

    86.

    jitlob li ssir reviżjoni tal-istat tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri tad-Direttiva 88/2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali tal-akkwakultura, u li tinħoloq SIĠ dwar il-mard tal-produzzjoni tal-akkwakultura madwar id-dinja;

    87.

    iħeġġeġ li ssir leġiżlazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ reġistru tal-produzzjoni tal-akkwakultura, li jipprovdi lill-pubbliku stampa aġġornata dwar il-produzzjoni tal-akkwakultura, iż-żrigħ awtorizzat u l-oriġini u d-densità taż-żrigħ, u l-programmi tas-saħħa li jkunu qed jiġu żviluppati;

    88.

    jikkunsidra li huwa meħtieġ li jitfasslu protokolli għall-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjoni għall-immersjoni taż-żgħar tal-ħut, id-dikjarazzjonijiet ta’ mard, in-notifiki tal-ħarbiet, l-informazzjoni dwar il-produzzjonijiet, il-valutazzjoni tal-pjani ta’ sorveljanza ambjentali, u l-kontroll u d-dokumenti dwar is-saħħa għall-moviment tal-ħut bit-triq jew bil-bastiment; kif diġà jsir għall-ispeċijiet tal-annimali l-oħra;

    89.

    iħeġġeġ impenn finanzjarju akbar: għall-kontrolli ambjentali tal-fish farms; għall-implimentazzjoni ta’ programmi biex tittejjeb saħħet l-annimali; għall-aġġustamenti tal-metodi tal-akkwakultura biex jittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali; u għar-riċerka dwar mediċini veterinarji u dwar l-użu ta’ materja prima alternattiva għall-produzzjoni tal-għalf għall-ħut;

    90.

    jappoġġja l-idea li tiġi żgurata s-saħħa tal-konsumatur u li jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji tal-ikel akkwatiku għas-saħħa;

    It-titjib tal-immaġni u tal-governanza tas-settur

    91.

    jappoġġja l-inizjattiva li tissaħħaħ il-governanza fis-settur tal-akkwakultura bħala mezz li jtejjeb l-immaġni tiegħu, u li jinħolqu kundizzjonijiet indaqs fl-UE li jwasslu għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura. Għal dan il-għan, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tfassal gwida għat-titjib tal-governanza fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura;

    92.

    japprova l-proposta li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata b’mod bilanċjat, u li jinxtered l-għarfien tal-istrumenti tagħha u tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li tissokta l-ħidma fil-proċeduri ta’ semplifikazzjoni amministrattiva u f’dawk maħsuba biex inaqqsu l-piż amministrattiv;

    93.

    jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jsir segwitu adegwat tal-attività fis-settur tal-akkwakultura permezz ta’ statistiċi affidabbli, indikaturi globali u armonizzati u netwerk pubbliku dwar il-prezzijiet tas-suq;

    94.

    jipproponi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi unità inkarigata mill-valutazzjoni u l-kontroll tal-akkwakultura fi ħdan l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd;

    95.

    jerġa’ jenfasizza l-importanza tal-professjonalizzazzjoni u t-taħriġ sabiex jinkiseb livell għoli ta’ governanza;

    96.

    huwa lest li jservi ta’ forum u garanti biex jiżgura l-involviment u t-tgħarrif tal-pubbliku dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-akkwakultura, sabiex jikkontribwixxi, flimkien mal-Kummissjoni, għal governanza aħjar fis-settur tal-akkwakultura.

    Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top