Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0214

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Kontribut għall-iżvilupp sostenibbli: ir-rwol tal-kummerċ fair trade u l-iskemi mhux governattivi ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ”

    ĠU C 175, 1.7.2010, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 175/10


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Kontribut għall-iżvilupp sostenibbli: ir-rwol tal-kummerċ fair trade u l-iskemi mhux governattivi ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ”

    (2010/C 175/03)

    I.   KUMMENTI ĠENERALI

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

    1.   jilqa’ bis-sħiħ il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2009 – “Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: Ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ”. F’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni titfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni attwali tal-fair trade u tal-iskemi mhux governattivi (jiġifieri privati) ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ;

    2.   jistqarr li matul dawn l-aħħar snin is-suq tal-prodotti fair trade għadda minn tkabbir rapidu. Illum-il ġurnata l-utenti tal-UE jixtru b’madwar EUR 1.5 biljun ta’ prodotti biċ-ċertifikat tal-fair trade – sebgħin darba iktar minn kemm kienu jixtru fl-1999 meta l-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel komunikazzjoni tagħha dwar it-tema;

    3.   jemmen li definizzjoni uniformi tal-fair trade hija indispensabbli sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn konsumaturi b’rieda tajba jsibu ruħhom qalb ħafna tikketti u ċertifikati li kollha jistqarru li jirrappreżentaw biss prodotti li saru f’kundizzjonijiet ġusti, etiċi u alternattivi. Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2009 ssir referenza għall-kriterji tal-fair trade hekk kif inhuma definiti mill-Moviment tal-Fair Trade u msemmija fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Fair Trade u l-iżvilupp tas-6 ta’ Ġunju 2006. It-terminu “fair trade” jintuża b’konformità mal-istandards stabbiliti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tat-twaqqif tal-istandards u l-valutazzjoni tal-konformità, li huma membri tal-alleanza ISEAL, u kif applikat mill-organizzazzjonijiet tal-fair trade;

    4.   jinnota b’attenzjoni li l-livell ta’ għarfien tal-konsumatur tal-marka fair trade fir-Renju Unit kien ta’ iktar minn 70 % fl-2008 (meta mqabbel ma’ 12 % fl-2000) u fi Franza 74 % fl-2005 (meta mqabbel ma’ 9 % fl-2000). Fi stħarriġ li sar fl-2009, il-marka fair trade fil-Ġermanja ġiet fl-ewwel post minn fost 407 marka u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fil-klassifikazzjoni tas-sostenibilità;

    5.   jinsab kuntent li fl-aħħar tal-2007 il-bejgħ ta’ prodotti biċ-ċertifikat tal-fair trade madwar id-dinja qabeż is-somma ta’ EUR 2.3 biljun (minkejja li għadu ħafna iktar lura mill-bejgħ tal-ikel organiku u jammonta għal inqas minn 1 % tal-kummerċ totali). L-Ewropa hija ċ-ċentru tal-fair trade fejn iseħħ minn 60 % sa 70 % tal-bejgħ globali. Madanakollu jeżistu differenzi kbar pereżempju bejn l-iktar suq li qed jikber b’rata mgħaġġla, jiġifieri dak tal-Isvezja, u l-Istati Membri l-ġodda fejn il-kunċett għadu relattivament mhux magħruf.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Karatteristiċi tal-fair trade

    6.   jenfasizza li wieħed mill-karatteristiċi partikolari tal-fair trade u skemi privati oħra ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità huwa li essenzjalment huma mekkaniżmu volontarju u dinamiku li jiżviluppa flimkien mal-għarfien u d-domanda tas-soċjetà u tal-konsumatur;

    7.   jenfasizza l-fehma tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta’ kriterji tal-klassifikazzjoni jew ir-regolamentazzjoni għall-iskemi privati ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ mhux ser jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Minflok dawn jillimitaw l-element dinamiku tal-inizjattivi privati f’dan il-qasam u jistgħu jxekklu l-iżvilupp futur tal-fair trade;

    8.   jitlob li l-marka fair trade tiżgura b’transparenza sħiħa li kull stadju fil-katina tal-produzzjoni jikkonforma mal-kriterji stabbiliti;

    9.   jistqarr li l-iżvilupp sostenibbli jista’ jiġi promoss permezz ta’ kunċetti li jiġbru flimkien l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Sabiex is-suq jaħdem tajjeb huwa importanti li l-konsumaturi u l-produtturi jkollhom aċċess għal tagħrif kredibbli dwar l-iskemi. Tikketti u ċertifikati indipendenti li l-konsumatur jista’ jafda u li huma mmonitorjati minn korpi indipendenti jkunu utli ħafna.

    L-akkwist pubbliku

    10.   bi pjaċir jilqa’ d-direttivi Ewropej dwar l-akkwist pubbliku adottati fl-2004. Dawn jiffurmaw il-bażi ta’ bosta liġijiet fil-qasam tal-akkwist pubbliku fl-Istati Membri u jippermettu li jitqiesu kriterji soċjali u ambjentali fis-sejħa għall-offerti;

    11.   jinnota li l-awtoritajiet pubbliċi jonfqu l-ekwivalenti ta’ 16 % tal-PGD tal-UE u għalhekk huma suq strateġiku importanti. Jekk jitqiesu l-iżvilupp sostenibbli u l-fair trade fl-akkwist pubbliku, l-awtoritajiet lokali u reġjonali mhux biss ikunu jistgħu jagħtu sevizzi li jrendi qligħ u jkun effiċjenti fuq perijodu medju u twil iżda anki li jagħti kontribut importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli;

    12.   jenfasizza li l-prodotti fair trade huma opportunità tajba għall-konsumaturi u s-settur tal-akkwist pubbliku, u li permezz tal-poter tal-akkwist tagħhom jikkontribwixxu għal koerenza bejn l-għanijiet tal-politika kummerċjali u l-politika tal-iżvilupp;

    13.   jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli minn parti importanti tan-nefqa fl-akkwist pubbliku. Fid-dawl ta’ dan ir-rwol importanti huma għandhom ikunu involuti fil-promozzjoni tal-miżuri tal-iżvilupp sostenibbli u l-fair trade fl-Ewropa kollha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandhomx iqisu biss l-aspetti ekonomiċi, tekniċi jew legali tal-fair trade iżda wkoll dawk politiċi;

    14.   fil-passat stqarr li r-regoli fil-qasam tal-akkwist pubbliku huma pjuttost kumplessi u bosta awtoritajiet lokali u reġjonali jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet meta jiġu biex jimplimentawhom kif suppost. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex fil-futur tistabbilixxi linji gwida ċari u dettaljati għall-akkwist soċjali, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jużaw fis-sejħa għall-offerti fil-qasam tal-fair trade;

    15.   jinnota b’interess li biex tirreaġixxi aħjar għall-bżonn li għandhom l-awtoritajiet kuntrattwali ta’ gwida għall-implimentazzjoni tas-sejħiet sostenibbli għall-offerti, il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat Komunikazzjoni dwar l-akkwist pubbliku għal ambjent aħjar (li tikkomplementa l-Gwida għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku) u bħalissa qed taħdem fuq il-publikazzjoni ta’ gwida parallela dwar sejħiet għall-offerti soċjali. Flimkien, dawn il-gwidi jikkostitwixxu gwida komprensiva għal sejħiet għall-offerti (ekoloġiċi u soċjali) sostenibbli;

    16.   jilqa’ t-tħabbira ta’ gwida oħra u jitlob il-Kummissjoni sabiex fid-dawl tal-iżviluppi rapidi fil-qasam toħroġ il-pubblikazzjoni tagħha mill-iktar fis possibbli;

    17.   jitlob li l-Kumitat stess jaġixxi ta’ multiplikatur fid-disseminazzjoni tal-linji gwida kkonċernati billi juża n-netwerk ta’ kuntatti tiegħu u fl-istess waqt jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi implimentat skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali (b’mod partikolari dawk li għandhom ħtiġijiet simili) jistgħu jistabbilixxu n-netwerk tagħhom bil-prattiki t-tajba għall-użu tal-prodotti fair trade;

    18.   jitlob li titqies l-utilità ta’ proġett ġdid għall-iskambju tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea u l-KtR bħalissa qed jimplimentaw “borża ta’ kooperazzjoni għall-ħidma deċentralizzata konġunta” sabiex jiffaċilitaw u jikkoordinaw l-iżvilupp ta’ miżuri fil-qasam tal-ħidma ta’ kooperazzjoni deċentralizzata bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u l-imsieħba tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-borża ta’ kooperazzjoni sa tkun servizz online li jaqdi kemm il-bżonnijiet u t-talbiet ta’ appoġġ kif ukoll l-interess u s-sejħiet li jsiru. Il-membri tal-KtR huma mitluba jużaw dan l-istrument elettroniku (maħsub għall-2010) sabiex jagħmlu sejħiet korretti. B’hekk jiġi ffaċilitat b’mod konsiderevoli l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti fil-ħidma ta’ żvilupp tal-kooperazzjoni u jkun jista’ jkun hemm uniformità bejn il-proġetti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    19.   għalhekk jistgħu jintużaw proġetti ta’ kooperazzjoni deċentralizzata biex jiġu żviluppati prodotti tal-fair trade, jinġabru l-istudji tal-impatt u jiġu appoġġjati l-produtturi ż-żgħar fin-Nofsinhar;

    20.   minbarra t-tħeġġiġ tal-akkwisti pubbliċi skont l-istandards tal-fair trade, jenfasizza l-benefiċċji tal-promozzjoni tal-akkwisti minn entitajiet privati skont l-istandards tal-fair trade. Għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw inċentivi li jistimulaw l-akkwisti skont l-istandards tal-fair trade fin-negozji, bħalma huma l-kompetizzjonijiet fuq il-mudell ta’ dawk eżistenti bħall-“Fair Trade Capitals” u “Fair Trade Towns”;

    L-appoġġ tal-Kummissjoni

    21.   jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni fid-dawl tal-kontribut potenzjali tal-fair trade u skemi privati oħra ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ u l-fatt li hija preparata tkompli tappoġġja dawn l-iskemi anki fil-futur;

    22.   jemmen li hemm bżonn indispensabbli ta’ bilanċ tajjeb bejn, minn naħa, ix-xewqa tal-kummerċ, l-investimenti u t-tkabbir ekonomiku, li huma parti minn aġenda bbażata fuq il-liberalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni, u min-naħa l-oħra ta’ rispett għar-regoli tal-iżvilupp sostenibbli, il-bżonn ta’ kundizzjonijiet trasparenti u ġusti tal-kummerċ u r-rikonoxximent ċar min-naħa tal-pajjiżi industrijalizzati u għonja tal-problemi serji tal-pajjiżi inqas żviluppati fin-negozjati kummerċjali. Bosta organizzazzjonijiet tal-fair trade huma konvinti li l-kummerċ jista’ jkun strument effettiv sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp sostenibbli u jonqos il-faqar, jekk isir b’mod ġust u responsabbli. Sabiex jintlaħaq dan l-għan hemm bżonn ta’ bidla radikali fl-għamla tal-politika kummerċjali. L-approċċ attwali bbażat fuq is-suq mhux ser jelimina l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-poter kuntrattwali tal-kumpaniji multinazzjonali l-kbar u tal-produtturi ż-żgħar. Huwa biss l-involviment sistematiku tal-produtturi marġinalizzati fil-pajjiżi l-fqar fit-tfassil tal-politika kummerċjali li jista’ jagħti kontribut sabiex jiġu eliminati mid-dinja l-inġustizzji tas-sistema kummerċjali attwali;

    23.   huwa kuntent li l-Kummissjoni tat appoġġ finanzjarju għall-fair trade u attivitajiet kummerċjali sostenibbli oħra permezz tal-istrumenti tagħha tal-iżvilupp. Bejn l-2007 u l-2008 ġew allokati EUR 19.466 miljun għal bosta azzjonijiet. Dawn intefqu l-iktar f’miżuri ta’ sensibilizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Għall-2008 u l-2009 ngħataw mezzi addizzjonali ta’ madwar EUR 1 miljun kull sena;

    24.   b’kunsiderazzjoni tal-iżvilupp rapidu fil-qasam tal-fair trade f’xi Stati Membri, jitlob lill-Kummissjoni tevalwa jekk jagħmilx sens li jingaħtaw riżorsi addizzjonali lill-Istati Membri li għandhom mhumiex daqshekk impenjati fil-qasam;

    25.   jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjonijiet tal-impatt u sforzi sabiex ittejjeb it-trasparenza fis-suq, kif ukoll li tagħti iktar attenzjoni lill-evalwazzjoni tad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-iskemi u l-ksib taċ-ċertifikati. Dan jista’ jkompli jiġi appoġġjat permezz ta’ miżuri simili fl-Istati Membri tal-UE bħall-finanzjament ta’ studju dwar l-impatt tal-fair trade.

    L-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika tal-iżvilupp

    26.   jilqa’ bis-sħiħ ir-rikonoxximent tar-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika kummerċjali bil-prodotti tal-fair trade. L-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika tal-iżvilupp mhix ħaġa ġdida. Bosta reġjuni Ewropej kif ukoll kif ukoll awtoritajiet lokali u reġjonali ilhom snin iwettqu proġetti tal-fair trade mal-imsieħba tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Is-sħubijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-imsieħba u fuq it-trasparenza fir-relazzjoni ta’ bejniethom. Il-kuntratti ffirmati fil-qafas tal-fair trade għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trattament ekwu, tar-rikonoxximent mutwu u tal-proporzjonalità;

    27.   jenfasizza li fil-kuntest tad-deċentralizzazzjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jaħdmu fil-qasam tal-fair trade b’mod dejjem iktar professjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għarfien ta’ valur f’oqsma li huma importanti ħafna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp tal-millennju. Għalhekk huma għandhom jitqiesu bħala partijiet interessati importanti fil-politika tal-fair trade;

    28.   jilqa’ x-xewqa tal-Kummissjoni li tħares in-natura mhux governattiva tal-fair trade u skemi simili oħra ta’ sostenibilità madwar l-UE. Ir-regolazzjoni tas-settur pubbliku tista’ tostakola l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ iskemi privati dinamiċi;

    29.   huwa madanakollu tal-fehma li fil-qasam tal-akkwist pubbliku hemm bżonn ta’ standards legali għas-sejħiet għall-offerti, sabiex il-fornituri tal-prodotti tal-fair trade jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fis-suq.

    Ħidma ta’ sensibilizzazzjoni

    30.   jinsab kuntent dwar l-iżvilupp tal-fair trade u r-rieda dejjem ikbar tal-muniċipalitajiet u r-reġjuni tal-Ewropa li joħolqu kriterji ekoloġiċi u soċjali fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Din ir-rieda iktar u iktar hija sinifikanti fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali. Meta beda l-fair trade fis-snin sebgħin, il-kritika tal-istrutturi kummerċjali globali inġusti kienet l-enfasi prinċipali tiegħu. Il-fair trade, li beda oriġinarjament bħala moviment ta’ sensibilizzazzjoni, illum-il ġurnata jiġbed l-attenzjoni f’kuntest iktar ristrett ta’ politika kummerċjali minħabba ż-żieda fil-qligħ li jiġġenera;

    31.   ifakkar li l-istrutturi deċentralizzati li jwettqu ħidma ta’ sensibilizzazzjoni fl-Ewropa huma msieħba importanti tal-fair trade u għandhom jiġu involuti b’mod sistematiku fit-tfassil tal-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp hekk kif inhuma involuti l-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumaturi. Huma u jiġu indirizzati l-istrutturi kummerċjali inġusti, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika kummerċjali u agrikola tal-Ewropa, għandhom jiġu promossi l-possibbiltajiet personali li jeżistu għall-azzjoni li wieħed jixtri b’mod “ġust”. Bl-istrument tal-edukazzjoni nistgħu naħdmu kontra l-faqar, is-sottożvilupp, l-isfruttament, il-ġuħ u l-qerda tal-ambjent;

    32.   jinnota bi pjaċir li matul dawn l-aħħar snin, fl-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea, il-livell li huwa l-eqreb tal-poplu, il-fair trade u l-akkwist ġust stabbilew ruħhom u kisbu reputazzjoni. Bliet fair trade u universitajiet fair trade żiedu l-ammont ta’ nies li jagħtu sehemhom u ħolqu opportunitajiet konkreti ta’ fair trade. Bliet fair trade ilhom jeżistu fir-Renju Unit sa mill-2001 u fil-Ġermanja sa mill-2008. Ir-Renju Unit jinsab fit-tieni post fejn jidħol il-konsum dinji tal-fair trade għal kull persuna. Jeżistu iktar minn 700 belt fair trade fi 12-il Stat Membru tal-UE u hemm ħafna iktar kandidati għat-titlu ta’ belt fair trade;

    33.   jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jissaħħaħ il-poter tal-konsumatur permezz tal-informazzjoni u l-edukazzjoni bil-parteċipazzjoni tal-istampa lokali u nazzjonali u anki permezz tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni. Ħidma ta’ kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur tista’ toħloq opportunitajiet oħra;

    34.   jilqa’ l-inizjattivi reċenti tal-Fair Trade Advocacy Office (l-uffiċċju għall-promozzjoni tal-fair trade) biex l-MEPs jitħeġġu jimpenjaw ruħhom favur il-fair trade b’appoġġ għall-produtturi marġinalizzati u l-ħaddiema foqra fin-Nofsinhar. Jemmen li inizjattivi bħal dawn jistgħu jinfirxu f’livelli oħra ta’ gvern;

    35.   jenfasizza li l-isfidi tal-globalizzazzjoni ilhom li laqtu l-muniċipalitajiet u r-reġjuni tal-Ewropa. Sabiex nirreaġixxu fil-livell lokali u b’ħarsa lejn il-futur hemm bżonn tat-tagħlim kontinwu, nippromovu l-professjonalizzazzjoni u n-netwerking bejn il-partijiet ikkonċernati muniċipali, reġjonali u nazzjonali. Din il-ħidma għadha fil-bidu tagħha fl-Ewropa u jeħtieġ li tiġi żviluppata b’mod sistematiku kemm jista’ jkun malajr.

    Appoġġ għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni

    36.   jinnota b’interess li, pereżempju, il-Ġermanja fl-2001 ħolqot servizz għall-muniċipalitajiet tad-dinja li issa jaħdem ma’ 2 600 muniċipalitajiet Ġermaniżi u ħafna drabi ma’ msieħba internazzjonali (anki bliet f'ġemellaġġ). Bl-appoġġ tal-gvern federali, għal ħafna Länder, assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjoni li tiġbor fiha l-NGOs, dan is-servizz saħħaħ l-impenn lejn il-politika tal-iżvilupp fil-muniċipalitajiet Ġermaniżi sabiex jippromovu l-fair trade u l-akkwist ekoloġiku u soċjali;

    37.   jissuġġerixxi li jitfasslu rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex isaħħu u jqiegħdu f’netwerk il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir sostenibbli qalb sfidi globali għall-iżvilupp sostenibbli sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-qerda tal-ambjent permezz ta’ appoġġ sistematiku għan-netwerking u sabiex jiffaċilitaw b’mod partikolari l-iskambju bejn l-Istati Membri l-qodma u l-ġodda. L-iskambju tal-informazzjoni għandu jiġi mħeġġeġ permezz tal-Portal tal-KtR għall-Kooperazzjoni Deċentralizzata sabiex jinqasmu l-esperjenzi u jinħoloq benchmarking, bil-għan li tingħata l-għajnuna lill-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant biex jiżviluppaw ideat ta’ appoġġ għall-fair trade fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-istrateġiji ta’ adattament għat-tibdil fil-klima tagħhom;

    38.   iqis li l-finanzjament li jissemma fil-Komunikazzjoni, li jammonta għal EUR 19-il miljun, u ż-żieda ppjanata ta’ miljun għat-tisħiħ tal-fair trade huma bidu tajjeb. Madanakollu jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-futur, fid-dawl tal-kobor tal-problemi u l-opportunitajiet għat-tisħiħ tal-potenzjal disponibbli, hemm bżonn ta’ riżorsi addizzjonali;

    39.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu kontribut dirett għas-suċċess tal-fair trade billi:

    joffru biss kafè u te tal-fair trade matul il-laqgħat tagħhom, fl-uffiċċju u fil-canteens;

    jappoġġjaw il-kampanji tal-bliet u l-kunsilli lokali fil-qasam;

    jirrikonoxxu l-ħidma tal-one-world-shops permezz tal-kunsilli muniċipali;

    bosta bliet jaħdmu sabiex jiksbu t-titlu ta’ Belt Fair Trade.

    L-iżvilupp ta’ Strateġija Ewropea tal-Fair-Trade

    40.   isejjaħ għall-iżvilupp ta’ Strateġija Ewropea tal-Fair-Trade tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-appoġġ tal-fair trade u tal-akkwist ekoloġiku u soċjali flimkien ma’ programm ta’ azzjoni li tissodisfa l-kriterji ekoloġiċi u soċjali. Din l-istrateġija tista’ tiġi żviluppata abbażi l-ħidma preparatorja li ssir fil-livelli nazzjonali u interreġjonali għal seminars u konferenzi bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati mill-oqsma tal-politika, l-istat, l-NGOs u s-settur privat;

    41.   huwa tal-fehma li l-Istrateġija tista’ tiġi adottata f’konferenza organizzata mill-Kumitat tar-Reġjuni jew mill-Presidenza tal-perjodu u tiġi diskussa u ppreżentata b’mod parallel ukoll fil-qafas tal-Open Days popolari li jorganizza l-KtR fi Brussell;

    42.   b’approċċ bħal dan jixtieq li, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u t-theddida tal-katastrofijiet klimatiċi, tingħata attenzjoni u jiġu involuti wkoll l-iktar atturi importanti mill-pajjiżi tan-Nofsinhar u tkompli sseħħ sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni. It-tisħiħ tal-istrutturi tal-fair trade u t-tifsira tal-akkwist ekoloġiku u soċjali fil-livelli muniċipali u reġjonali huma importanti daqs kemm huwa netwerk imsaħħaħ mal-imsieħba fil-pajjiżi tal-produzzjoni;

    43.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-impatti ġenerali pożittivi tal-fair trade u tal-akkwist ekoloġiku u soċjali s’issa ġejjin l-iktar minn prodotti agrikoli ta’ produtturi żgħar mill-hekk imsejħa pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fil-futur ser ikollna nwessgħu l-firxa ta’ prodotti u servizzi tal-fair trade permezz tal-esperjenzi u l-kriterji u l-iżvilupp tagħhom sabiex tissaħħaħ is-sigurtà ġuridika fil-qasam. Għandha ssir ħimda favur u għandu jiġi appoġġjat it-tisħiħ tar-rabta bejn il-produtturi u l-konsumaturi finali. Fil-firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-fair trade qed ninkludu prodotti tas-snajja' u prodotti industrijali mill-pajjiżi tal-oriġini kollha, kif ukoll il-forniment ta’ servizzi fair trade, bħall-“Fair Tourism”. It-tkomplija tal-iżvilupp tal-istruttura tqajjem l-ewwelnett kwistjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-konformità mal-kriterji ekoloġiċi u soċjali u l-istandards minimi tal-ILO, kif ukoll kwistjonijiet ta’ trasport u bejgħ;

    44.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s’issa hija u tiġi indirizzata t-tema, ma ġewx ikkunsidrati sew id-direttivi li adottat il-Kummissjoni fl-2008 dwar it-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilita. L-esperjenzi li nkisbu minn sħubijiet internazzjonali bejn il-muniċipalitajiet huma sors ta’ inkoraġġiment għal parteċipazzjoni msaħħa tal-persuni b’diżabilita fil-fair trade u l-akkwist ekoloġiku u soċjali. Huwa jħeġġeġ li din it-tema tiġi indirizzata u meqjusa f’iktar dettall fl-istrateġija li ġiet proposta u li jissaħħu l-preparamenti fil-livelli nazzjonali u interreġjonali;

    45.   huwa konxju tal-fatt li l-fair trade jammonta għal inqas minn 1 % tal-qligħ mill-kummerċ totali fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra, pajjiżi mexxejja f’dan il-qasam, b’sehem ta’ iktar minn 10 % bħall-Isvizzera, l-Ingilterra, il-pajjiżi Skandinavi, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Lussemburgu huma sors ta’ motivazzjoni eżemplari għal iktar involviment fil-qasam, b’mod partikolari fl-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lvant. Permezz tal-kooperazzjoni ħafna drabi eċċellenti bejn l-NGOs, il-muniċipalitajiet u l-ekonomija lokali flimkien mal-imsieħba fin-Nofsinhar żviluppaw mudelli tajba u responsabbli għall-Ewropa kollha. Dawn huma inċentiv għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni tal-Ewropa kollha li jistgħu jagħtu kontribut importanti sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju sal-2015.

    Brussell, 10 ta’ Frar 2010.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    Top