EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0199

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pakkett għal tfassil aħjar tal-liġijiet 2007–2008

ĠU C 141, 29.5.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/1


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pakkett għal tfassil aħjar tal-liġijiet 2007–2008

2010/C 141/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi esklużivi u kondiviżi fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi pubbliċi kif ukoll fil-kontribut lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet tagħhom, għaldaqstant il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom mill-fażijiet bikrin tat-tħejjija tal-liġijiet tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika huma indispensabbli fir-rigward tat-tħaddim tal-ħajja demokratika fl-UE;

jagħraf li sar progress f’dan il-qasam u jfaħħar l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea f’din il-ħidma li tat riżultati tanġibbli, iżda jqis li jista’ jsir aktar titjib u li dan it-titjib huwa neċessarju;

iqis li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif ukoll l-użu tal-istimi tal-impatt huma elementi ċentrali fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mudell ta’ governanza f’diversi livelli fl-UE u se jagħmlu l-ġid għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni u għall-koeżjoni territorjali tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Ifakkar li t-Trattat jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell li huwa l-eqreb tal-pubbliku ġenerali, u dan mhuwiex dejjem il-livell tal-gvern ċentrali. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitqies bħala l-bażi għal rispons aħjar għall-bżonnijiet taċ-ċittadini mil-livelli kollha ta’ governanza u għal aktar effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

jemmen li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jistgħu jħallu impatt qawwi fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b’modi li ma kinux ġew previsti fil-leġiżlazzjoni oriġinali;

jinsab imħasseb ukoll mit-tendenza, li tidher li qed tkompli, li l-Istati Membri jikkumplikaw u jelaboraw wisq il-liġijiet ġodda tal-UE meta dawn jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (“goldplating”).

Relatur

:

Is-Sur Lord Graham Tope (UK/ALDE), Membru tal-muniċipju ta’ Sutton, Londra

Dokumenti ta’ referenza:

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – It-tieni rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju

COM(2008) 33 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tieni reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

COM(2008) 32 finali

Rapport mill-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – (Il-15-il rapport dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2007)

COM(2008) 586 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

COM(2009) 15 finali

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – It-tielet rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju

COM(2009) 17 finali

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

ikompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex jinkiseb tassew tfassil aħjar tal-liġijiet fil-livelli kollha tal-UE fl-ispirtu ġenwin tal-governanza f’diversi livelli.

2.

jagħraf li sar progress f’dan il-qasam u jfaħħar l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea f’din il-ħidma li tat riżultati tanġibbli, iżda jqis li jista’ jsir aktar titjib u li dan it-titjib huwa neċessarju.

3.

ifakkar fil-kontribut siewi li għamlet is-Sinjura Maij-Weggen f’isem il-KtR, bħala membru osservatur “tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar it-tnaqqis fil-piż amministrattiv”; f’dan il-kuntest, il-KtR saħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-KtR jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jikkontribwixxu lejn it-titjib fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet fil-livell tal-UE, l-aktar minħabba li l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE hija implimentata fil-livell lokali u reġjonali kif ukoll minħabba l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

4.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tkun aktar miftuħa fit-tħejjija ta’ proposti ġodda u fil-konsultazzjoni tagħha mal-partijiet interessati, u qed tmur lil hinn mill-istituzzjonijiet Ewropej biex tinkludi lill-assoċjazzjonijiet tar-rappreżentanti Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-implimentazzjoni entużjasta min-naħa tal-Kummissjoni tad-“djalogu strutturat” permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni. Huwa importanti li l-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni jkunu aċċessibbli u varjati sabiex jiġi żgurat li t-tfassil tal-politika fl-UE jkun informat mill-fehma ta’ medda wiesgħa u rappreżentattiva tal-Ewropa, għax dan se jwassal għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar bilanċjat u għal implimentazzjoni aktar effettiva, speċjalment f’każijiet fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu responsabbli għall-infurzar u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE.

5.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi esklużivi u kondiviżi fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi pubbliċi kif ukoll fil-kontribut lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet tagħhom, għaldaqstant il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom mill-fażijiet bikrin tat-tħejjija tal-liġijiet tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika huma indispensabbli fir-rigward tat-tħaddim tal-ħajja demokratika fl-UE.

6.

iqis li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif ukoll l-użu tal-istimi tal-impatt huma elementi ċentrali fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mudell ta’ governanza f’diversi livelli fl-UE u se jagħmlu l-ġid għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni u għall-koeżjoni territorjali tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Ifakkar li t-Trattat jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell li huwa l-eqreb tal-pubbliku ġenerali, u dan mhuwiex dejjem il-livell tal-gvern ċentrali. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitqies bħala l-bażi għal rispons aħjar għall-bżonnijiet taċ-ċittadini mil-livelli kollha ta’ governanza u għal aktar effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

7.

itenni l-impenn tiegħu biex titqajjem kuxjenza fi-rigward tas-sussidjarjetà. Għal dan il-għan in-Netwerk ta’ Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà huwa għodda utli ħafna, mhux biss minħabba l-impenn tal-imsieħba tiegħu fil-monitoraġġ tas-sussidjarjetà iżda wkoll minħabba l-potenzjal tiegħu li jservi ta’ laboratorju għall-iskambju tal-aħjar prattiki fl-applikazzjoni tas-sussidjarjetà u tal-governanza f’diversi livelli.

8.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex timxi mal-prinċipju tal-proporzjonalità fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi u regolatorji tagħha billi tgħin fir-revoka ta’ ħafna strumenti leġiżlattivi permezz ta’ għadd kbir ta’ proposti għal konsolidazzjoni formali. Jinnota li fl-aħħar il-koleġiżlaturi approvaw 48 proposta għal semplifikazzjoni. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi nnutat li l-kwistjoni mhijiex biss l-għadd ta’ proposti għal semplifikazzjoni iżda wkoll il-bżonn ta’ tnaqqis veru tal-piżijiet amministrattivi fil-prattika

9.

jemmen li jekk jiġi ttestjat il-bżonn għal intervent fil-livell tal-UE u jekk jiġu eżaminati l-impatti potenzjali ta’ sensiela ta’ għażliet ta’ politika, l-istimi tal-impatt għandhom iwasslu għal titjib u semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju. Valutazzjoni ex ante tal-liġijiet ġodda tal-UE li tkun effettiva u sostenibbli hija importanti mhux biss biex ikun hemm tnaqqis nett, iżda wkoll biex il-piż amministrattiv jinżamm baxx. Madanakollu l-KtR jinsab imħasseb li emendi u modifiki sussegwenti għal proposti leġiżlattivi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jista’ jkollhom impatt wiesa’ fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jista’ ma jkunx ġie kompletament antiċipat minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

10.

jemmen li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jistgħu jħallu impatt qawwi fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b’modi li ma kinux ġew previsti fil-leġiżlazzjoni oriġinali.

11.

iqis li jekk l-UE trid tkun aktar trasparenti u twieġeb għat-tħassib tal-pubbliku, huwa essenzjali li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi ppreżentata f’qafas li jinftiehem minn dawk li għalihom hija immirata. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tfassal testi aktar ċari, koerenti u li ma jkunux ambigwi, sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv fl-Istati Membri kollha. Dan ir-rekwiżit jikseb aktar importanza meta jitqies il-fatt li t-testi li finalment jiġu adottati ta’ spiss ikunu soġġetti għal kompromessi li mhux dejjem ikunu jistgħu jiġu trasposti faċilment fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

12.

f’dan ir-rigward, jagħraf li l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini tagħhom se jħabbtu wiċċhom mhux mal-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda mat-traspożizzjoni ta’ din f’leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk hemm bżonn li l-livelli kollha ta’ governanza jissemplifikaw, jiżguraw li jkun hemm koerenza u jispjegaw ir-regoli u l-politiki ġodda.

13.

jinsab imħasseb ukoll mit-tendenza, li tidher li qed tkompli, li l-Istati Membri jikkumplikaw u jelaboraw wisq il-liġijiet ġodda tal-UE meta dawn jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (“goldplating”).

14.

fl-aħħar nett, filwaqt li wieħed jifhem li qed tingħata enfasi qawwija lill-istimi tal-impatt ex ante, m’għandhomx jiġu ttraskurati l-evalwazzjonijiet ex post li jikkumparaw ir-riżultat mixtieq ma’ dak li jseħħ realment, bħala parti mill-isforz usa’ għal regolamentazzjoni aħjar. Il-biċċa l-kbira tal-proposti l-ġodda jfittxu li jemendaw jew li jżidu mal-acquis communautaire eżistenti. Fi proċess kontinwu – u neċessarju – biex ir-regolamentazzjoni tinżamm aġġornata, huwa importanti li fit-tfassil ta’ proposti ġodda tiġi kkunsidrata l-esperjenza prezzjuża tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tar-regolamenti tal-UE.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tħejjija ta’ liġijiet ġodda: konsultazzjoni

15.

jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod proporzjonali għas-setgħat tagħhom, jiġu involuti aktar mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fit-tħejjija u fil-finalizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kumitat jenfasizza li dan l-involviment huwa ta’ interess partikolari għar-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi, billi nżommu f’moħħna l-obbligi tagħhom għat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE marbuta mal-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-KtR huwa l-aħjar organu sabiex jitkellem f’isem l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-missjoni tagħhom sabiex ikunu involuti fil-proċess leġiżlattiv. Il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandhom esperjenza prattika u għarfien fid-dettall tal-kundizzjonijiet lokali, u għalhekk jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw l-impatt u l-effettività tal-leġiżlazzjoni.

16.

hemm bżonn ta’ konsultazzjonijiet fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri. L-Istati Membri għandu jkollhom proċeduri adatti għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

17.

jinnota l-importanza li qed tikber tal-fażi ta’ tħejjija fil-proċess leġiżlattiv tal-UE. Jekk jitjiebu l-analiżi u l-konsultazzjonijiet f’din il-fażi bikrija, l-UE żżid ukoll il-probabbiltà li tinħoloq leġiżlazzjoni effettiva li tkun aktar faċli tiġi implimentata fis-sitwazzjonijiet differenti li jeżistu fl-Istati Membri.

It-tħejjija ta’ liġijiet ġodda: stimi tal-impatt

18.

itenni l-impenn tiegħu biex jikkontribwixxi għall-istimi tal-impatt tal-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida li jkollhom impatt lokali jew reġjonali qawwi. Meta proposti ġodda jkunu qed jimmiraw li jemendaw id-dispożizzjonijiet eżistenti, l-istima tal-impatt għandha tirrifletti r-riżultati tal-evalwazzjoni biex b’hekk ikun hemm rabta diretta bejn l-istima tal-impatt ex ante u l-evalwazzjoni ex post.

19.

peress li l-istima tal-impatt hija eżerċizzju li jieħu ż-żmien u li juża r-riżorsi b’mod intensiv, l-ippjanar għandu jħares ’il quddiem kemm jista’ jkun, biex jippermetti li ssir identifikazzjoni bilaterali tal-każijiet ta’ prijorità fuq il-bażi tal-Istrateġija Annwali ta’ Politika u tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea, forsi fil-qafas ta’ diskussjoni teknika annwali. Barra minn hekk, id-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jitħeġġu jagħmlu kuntatt mal-KtR direttament meta jħossu li x-xogħol tagħhom fl-istimi tal-impatt jista’ jissaħħaħ b’dejta dwar ir-riperkussjonijiet territorjali tal-inizjattivi ppjanati.

20.

jitlob li l-istimi tal-impatt jieħdu in konsiderazzjoni r-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi u li jiġu evitati arranġamenti tal-Komunità li jwasslu biex dawn is-setgħat jgħaddu għand il-gvern ċentrali.

21.

jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jirrispettaw aktar il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet meta jemendaw proposti mill-Kummissjoni b’mod li jintroduċi piżijiet amministrattivi u finanzjarji ġodda fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Kull reviżjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tinvolvi lill-KtR u lill-KESE.

22.

japprezza li ġie rrappreżentat mis-Sinjura Hanna Maij-Weggen (PPE/NL) fil-Grupp ta’ Livell Għoli dwar it-Tnaqqis fil-Piżijiet Amministrattivi. Jissuġġerixxi li l-KtR jiġi kkonsultat uffiċjalment mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sejbiet ta’ dan il-Grupp qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu (Awwissu 2010), sabiex il-KtR ikun jista’ jikkomunika r-riżultati lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha dwar l-oqsma li jolqtuhom.

L-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni

23.

jilqa’ l-intenzjoni li jitnaqqsu piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs u li jissaħħaħ l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni; wieħed mill-għanijiet għas-semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju tal-Unjoni għandu jkun li l-leġiżlazzjoni ssir aktar sempliċi u aktar effettiva, u b’hekk tkun aktar qrib l-utent.

24.

jagħraf li t-tfassil aħjar tal-liġijiet ifisser li d-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu evalwati minn żmien għall-ieħor. Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni kollha tal-UE għandha tinkludi dispożizzjonijiet għall-evalwazzjoni bħala standard, sabiex il-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jikkontribwixxu l-esperjenza tagħhom fl-impatt prattiku, l-infurzar u l-applikazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

25.

jappella lir-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi biex jagħrfu li jistgħu jgawdu bil-bosta jekk jinvolvu ruħhom b’mod aktar proattiv fin-negozjar u t-traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE. Tipi oħra ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu. Barra minn hekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jippromovu involviment attiv ta’ dan it-tip.

26.

jenfasizza li l-patti territorjali Ewropej, bħar-Raggruppamenti Ewropej għall-Kooperazzjoni Territorjali (EGTC), jagħtu spinta ’l quddiem lill-koerenza territorjali u lill-flessibbiltà tal-politiki b’impatt lokali qawwi. Bħala strument ta’ natura legali u billi permezz tiegħu l-imsieħba jkunu jistgħu joħolqu struttura legali stabbli għall-kooperazzjoni territorjali, l-EGTC se jiżgura livell ogħla ta’ governanza f’diversi livelli u se jsaħħaħ it-titjib tat-tfassil tal-liġijiet fil-livelli lokali u reġjonali madwar l-Ewropa kollha.

27.

jappella lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jissemplifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex jadottaw direttivi Komunitarji malajr u b’mod effikaċi. Dawn għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala parti minn dan il-proċess u jqisu l-proposti u l-inizjattivi tagħhom;

28.

jappella mill-ġdid lil-leġiżlaturi nazzjonali biex iżommu lura mill-“goldplating” fit-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE. Fir-rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni korretta u fil-ħin tad-direttivi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ ssemmi liema Stati Membri għażlu obbligi nazzjonali iktar estensivi.

29.

jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom iqisu l-impatt tas-sentenzi tal-Qorti fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

30.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiddefinixxi b’mod preċiż il-każijiet speċifiċi li jgħoddu bħala għajnuna mill-awtoritajiet pubbliċi, b’enfasi fuq dawk il-kwistjonijiet u s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Komunikazzjonijiet

31.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta approċċ li huwa aktar qrib taċ-ċittadini meta tippreżenta l-aġenda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. L-isforzi u l-komunikazzjoni għandhom jagħtu prijorità lill-oqsma fejn iċ-ċittadini jaraw l-ogħla valur miżjud.

32.

jirrakkomanda li jintuża lingwaġġ aktar ċar meta jkunu qed jitfasslu d-direttivi: dan inaqqas il-probabbiltà li ssir interpretazzjoni ħażina tat-test li tista’ twassal għal dewmien fit-traspożizzjoni jew traspożizzjoni mhux korretta.

33.

jagħraf li l-leġiżlaturi nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, għandhom rwol x’jaqdu biex il-leġiżlazzjoni tal-UE u t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi domestika jiġu kkomunikati aħjar lil dawk li jkollhom jimplimentawhom u liċ-ċittadini ordinarji.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top