Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0157

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji

    ĠU C 141, 29.5.2010, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 141/27


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji

    2010/C 141/06

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-KtR jafferma mill-ġdid li bħalissa, meta l-UE qed tipprova tnaqqas l-impatt tal-kriżi ekonomika attwali filwaqt li twitti t-triq għat-tkabbir mill-ġdid, huwa importanti, minħabba l-importanza kbira li għandhom is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-Istrateġija ta’ Lisbona u l-Aġenda Soċjali Mġedda, li tiġi stabbilita pjattaforma għad-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati interessati, kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fl-ekonomija;

    Il-KtR jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji fil-livelli kollha tal-governanza bħala strument importanti sabiex isir l-aħjar użu mill-potenzjal kollu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-livell reġjonali;

    Il-KtR jisħaq li fl-Unjoni Ewropea kollha, il-livelli lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet prinċipali fil-qasam tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jsostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi prinċipali fl-iżvilupp tar-riċerka reġjonali u l-istrateġiji tal-innovazzjoni, fejn ta’ sikwit imexxu ċ-ċentri ta’ riċerka u jappoġġjaw ambjenti innovattivi;

    Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li niffokaw fuq ir-rwol tal-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp lokali u reġjonali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali u reġjonali.

    Relatur

    :

    Is-Sur Mohammad Masood (UK/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Bradford

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji

    COM(2009) 158 finali

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jirrikonoxxi r-rikkezza tal-ideat li ħafna drabi huma marbuta ma’ inizjattivi fil-livell lokali u reġjonali, u l-kwalità tar-riflessjoni ġġenerata s’issa fil-qafas tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji;

    2.

    jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji fil-livelli kollha tal-governanza bħala strument importanti sabiex isir l-aħjar użu mill-potenzjal kollu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-livell reġjonali;

    3.

    jagħraf l-importanza tat-trijangolu tal-għarfien, li huwa magħmul mill-interazzjoni bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni bħala mezzi sabiex tiżdied il-kapaċità innovattiva u tittejjeb l-impjegabilità tal-gradwati fl-Ewropa;

    4.

    jagħraf it-tranżizzjoni mit-trasferiment tat-teknoloġija permezz tal-iskambju tal-għarfien lejn il-qsim tal-għarfien u s-sistemi miftuħa tal-innovazzjoni, kif ukoll il-bżonn ta’ aktar riċerka dwar il-proċessi soċjali u l-imġiba li fuqha huma bbażati dawn is-sistemi li qegħdin jinħolqu;

    5.

    jisħaq li fl-Unjoni Ewropea kollha, il-livelli lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet prinċipali fil-qasam tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    6.

    isostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi prinċipali fl-iżvilupp tar-riċerka reġjonali u l-istrateġiji tal-innovazzjoni, fejn ta’ sikwit imexxu ċ-ċentri ta’ riċerka u jappoġġjaw ambjenti innovattivi;

    7.

    jisħaq li l-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni tal-programmi għandhom jagħmlu użu mill-korpi lokali eletti b’mod demokratiku. L-użu tal-għarfien lokali u r-responsabbiltà demokratika ser itejbu l-mekkaniżmi ta’ governanza għal sħubijiet bejn l-università, in-negozju u l-gvern lokali. Dan ser jippermetti li jiġu stabbiliti prijoritajiet u assenjati responsabbiltajiet fil-livell lokali b’rabta diretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    8.

    jinnota li għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost il-partijiet interessati ewlenin fil-politiki u l-inizjattivi favur it-tisħiħ, u aktar importanti t-twessigħ taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka (ERA) b’mod partikulari l-viżjoni tagħha ta’ ċentri ta’ riċerka u istituzzjonijiet akkademiċi b’saħħithom stabbiliti f’ambjenti innovattivi;

    9.

    jilqa’ l-fatt li fl-aħħar għaxar snin, ħafna universitajiet fl-Ewropa formalment inkorporaw l-iżvilupp ekonomiku reġjonali fid-dikjarazzjoni tal-missjoni tagħhom. L-aġenziji ta’ żvilupp reġjonali wkoll qed jinkludu politiki li jappoġġjaw is-sħubijiet bejn l-universitajiet u l-industrija fl-istrateġiji ekonomiċi reġjonali;

    10.

    ifakkar li l-modi tal-interazzjoni tal-politika huma kruċjali fil-livell reġjonali u ħafna drabi jirrikjedu koordinazzjoni vertikali bejn il-livelli amministrattivi (Ewropej, nazzjonali, reġjonali) u koordinazzjoni orizzontali bejn ir-reġjuni sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju kif ukoll sabiex nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin;

    11.

    jisħaq fuq il-ħtieġa li l-inizjattivi proposti u l-programmi jinbnew fuq l-istess linja, bħall-ERA, l-istitut Ewropew tal-innovazzjoni u t-teknoloġija (EIT) u l-programm tat-tagħlim tul il-ħajja, sabiex jappoġġjaw id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji;

    12.

    jagħraf li l-kollaborazzjonijiet bejn l-universitajiet u n-negozji huma milquta wkoll mill-kundizzjonijiet speċifiċi tar-reġjun; il-kapaċità tal-aġenziji ta’ żvilupp li jappoġġjaw il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji fuq livell reġjonali; ir-rwol tal-clusters tan-negozju fl-iżvilupp tan-netwerks bejn l-universitajiet u n-negozji u l-livell tal-investiment tan-negozju fl-R&Ż fir-reġjun;

    Kummenti ġenerali

    13.

    jenfasizza l-ħtieġa li niffokaw fuq ir-rwol tal-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp lokali u reġjonali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali u reġjonali;

    14.

    jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u s-settur privat u l-ħtieġa li l-universitajiet ikunu l-mutur tal-innovazzjoni fir-reġjuni tagħhom;

    15.

    iħeġġeġ lill-universitajiet sabiex jesploraw toroq ġodda ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat, pereżempju permezz ta’ miżuri bil-għan li jinħolqu fondi konġunti pubbliċi u privati għall-innovazzjoni sabiex itejbu l-mobilità fl-oqsma kollha;

    16.

    jappoġġja kooperazzjoni pan-Ewropea mill-qrib bejn in-negozji, l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka, bl-involviment tal-atturi politiċi u l-amministrazzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

    17.

    jikkunsidra li l-livell tal-kooperazzjoni għadu mhux ugwali fost il-pajjiżi, l-universtajiet u d-dixxiplini akkademiċi minkejja l-programmi tal-UE li qed jipprovaw jibnu sħubijiet bejn iż-żewġ oqsma tal-universitajiet u n-negozji, li normalment jiffokaw fuq oqsma speċifiċi bħar-riċerka jew il-mobilità tal-istudenti;

    18.

    jemmen li din il-kooperazzjoni influwenzat il-governanza jew il-kulturi tal-organizzazzjonijiet fiż-żewġ setturi kkonċernati b’mod limitat minħabba li ftit universitajiet għadhom strateġija li tkopri l-istituzzjoni kollha fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-intrapriżi, filwaqt li dawk li għandhom, jinsabu raggruppati f’numru żgħir ta’ Stati Membri;

    19.

    jinsab kkonċernat li f’ħafna pajjiżi l-qafas legali u finanzjarju jonqos milli jippremja jew saħansitra anki jtellef l-isforzi tal-universitajiet milli jikkooperaw man-negozji;

    20.

    jirrakkomanda li għandu jkun hemm indikaturi xierqa għall-kejl tal-prestazzjoni li janalizzaw il-livell kurrenti tad-djalogu bejn l-universitajeit u n-negozji. Kull kejl tal-prestazzjoni għandu jinkludi kemm indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, u jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa dwar kif l-għażla ta’ dawn l-indikaturi tista’ tinfluwenza l-komportament tal-gruppi tal-utenti;

    21.

    iħeġġeġ lill-universitajiet sabiex jippremjaw id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji. Sfida partikolari fi ħdan l-istess komunità akkademika hija l-għarfien ta’ dan l-impenn fil-kriterji tal-għoti tal-promozzjonijiet. Filwaqt li ħafna universitajiet jiddikjaraw li jagħrfu l-importanza tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, ftit għandhom metodi trasparenti u ċari kif iqabbluh mal-attivitajiet tar-riċerka u t-tagħlim u jippremjawh b’mod ġust;

    22.

    jirrikonoxxi l-intrapenditorija u t-titjib tal-kompetenzi permezz tat-tagħlim tul il-ħajja bħala doveri importanti tal-edukazzjoni għolja;

    23.

    jilqa’ l-fatt li fil-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni qed isiru sforzi minn diversi reġjuni sabiex jiffaċilitaw aktar l-involviment tas-settur privat, billi jagħtu awtonomija akbar lill-universitajiet u l-kulleġġi postsekondarji;

    24.

    jipproponi lir-reġjuni sabiex ifittxu toroq ġodda għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, pereżempju permezz ta’ fondi pubbliċi u privati konġunti għall-innovazzjoni li jistgħu jkunu ta’ eżempju wkoll għall-użu sostenibbli u s-salvagwardja ta’ fondi pubbliċi;

    25.

    jaqbel li l-politika ta’ koeżjoni taqdi rwol importanti fis-sostenn tal-attività innovattiva fir-reġjuni; għaldaqstant jista’ jintuża wkoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-iffinanzjar tal-inkubaturi tan-negozji u l-parks xjentifiċi (l-infrastruttura u l-konnessjonijiet). Il-clusters huma partikolarment utli għall-SMEs, għaliex jipprovdu kuntest li jħeġġeġ rabtiet mal-universitajiet u n-negozji l-kbar, u jippermettilhom aċċess għan-netwerks internazzjonali ta’ kummerċ;

    26.

    jagħraf ukoll li l-SMEs jaqdu rwol importanti ħafna fil-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs fid-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, kif ukoll l-iżvilupp ta’ inizjattivi innovattivi u ffukati li jagħtuh sostenn;

    27.

    jappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali tal-kulleġġi u tal-istituzzjonijiet tar-riċerka ma’ msieħba mhux universitarji fis-setturi tal-industrija u l-kummerċ, il-gvern, il-kultura u sezzjonijiet oħra tas-soċjetà;

    28.

    jikkunsidra wkoll li l-organizzazzjonijiet u l-operaturi l-oħra li jaqdu r-rwol ta’ intermedjarji bejn l-universitajiet u n-negozji, jistgħu jkunu element essenzjali fit-tisħiħ tal-kuntatti bejniethom u għaldaqstant għandhom jingħataw aktar prominenza, kif ukoll sostenn aktar effettiv;

    Eżempji ta’ prattiki tajba

    29.

    jinnota u jilqa’ l-ħafna eżempji ta’ kooperazzjoni li jeżistu madwar l-Ewropa bejn l-universitajiet u n-negozji;

    30.

    huwa mħasseb fir-rigward tal-fatt li ftit hemm eżempji ta’ prattiki tajbin min-naħa tal-Istati Membri l-ġodda;

    31.

    jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi studju sabiex tistabbilixxi inventarju ta’ prattiki tajba eżistenti u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti kas tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan l-inventarju;

    Strumenti disponibbli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali

    32.

    iħeġġeġ it-twaqqif ta’ strutturi ta’ sħubija tal-partijiet interessati prinċipali mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, in-negozji, il-komunità u l-edukazzjoni għolja sabiex joħolqu l-opportunità ta’ djalogu, pereżempju billi jorganizzaw round tables u workshops, iwaqqfu parks xjentifiċi għat-trasferiment tat-teknoloġija, jorganizzaw attivitajiet dwar il-kultura tax-xjenza jew fieri għall-istudenti;

    33.

    jappoġġja l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tal-istituzzjonijiet għolja tal-edukazzjoni fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji reġjonali u urbani għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali, kulturali u ambjentali;

    34.

    iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinvestu b’mod konġunt fi programmi li minnhom jistgħu jibbenefikaw b’mod speċjali in-negozji reġjonali u l-komunità filwaqt li fl-istess ħin jippromovu l-iffinanzjar ta’ fondazzjonijiet ta’ professorati mill-intrapriżi li jinkoraġġixxu n-netwerking bejn iċ-ċentri differenti tal-għarfien, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, jippromovu forums għall-iskambju tal-għarfien u jagħtu spinta lill-ħolqien ta’ netwerks ta’ reġjuni li jeċċellaw fl-innovazzjoni;

    35.

    jirakkomanda li r-riżorsi għall-impenn reġjonali jintużaw fuq bażi sostenibbli u multiannwali mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja;

    36.

    jesprimi r-rieda tiegħu li jiżgura l-użu kkoordinat tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7), il-fondi strutturali, is-CIP u l-EARDF, billi dan huwa essenzjali għall-kompetittività tal-UE u s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni għolja u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali, kif imsemmi f’opinjonijiet preċedenti tal-KtR;

    37.

    jirrakkomanda interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-innovazzjoni, li tkopri x-xjenzi soċjali u tal-bniedem, u l-interazzjoni fertili tagħhom mal-kulturi urbani, reġjonali jew lokali tagħhom;

    Il-konklużjoni

    38.

    jafferma mill-ġdid li bħalissa, meta l-UE qed tipprova tnaqqas l-impatt tal-kriżi ekonomika attwali filwaqt li twitti t-triq għat-tkabbir mill-ġdid, huwa importanti, minħabba l-importanza kbira li għandhom is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-Istrateġija ta’ Liżbona u l-Aġenda Soċjali Mġedda, li tiġi stabbilita pjattaforma għad-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati interessati, kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fl-ekonomija;

    39.

    jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tesplora kif il-Fondi Strutturali jistgħu jintużaw biex isostnu inizjattivi reġjonali f’dan ir-rigward;

    40.

    jirrikonoxxi l-potenzjal tal-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-oqsma l-oħra tal-edukazzjoni – l-aktar l-iskejjel sekondarji u l-istituzzjonijiet tal-ETV – u l-opportunitajiet provduti mill-Programmi Ewropej sabiex ikattru l-kooperazzjoni tagħhom;

    41.

    jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm involviment aktar b’saħħtu tar-rappreżentanti rilevanti tal-pubbliku, fosthom l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-fażi li jmiss tal-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji;

    42.

    jikkunsidra bħala xieraq li l-enfasi tal-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji għandha tibqa’ fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;

    43.

    jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-universitajiet kif ukoll li l-universitajiet ikunu l-muturi tal-innovazzjoni fir-reġjuni;

    44.

    iħeġġeġ li jkun hemm kontinwazzjoni tal-Forum tal-UE bejn l-Universitajiet u n-Negozji permezz ta’ laqgħat plenarji, seminars tematiċi, spazju fuq l-internet u involviment iktar b’saħħtu tar-rappreżentanti rilevanti tal-pubbliku, fosthom l-awtoritajiet reġjonali, u possibbilment atturi li jmorru lil hinn mill-UE;

    45.

    jirrakkomanda li jiġi propost rispons effettiv għall-programm Ħiliet Ġodda Għal Impjiegi Ġodda u l-kriżi ekonomika, u li s-sħubijiet għall-iżvilupp reġjonali, sħubijiet mal-SMEs, id-diversifikazzjoni tal-approċċ lejn it-tagħlim, l-assigurazzjoni interna ta’ kwalità u l-akkreditazzjoni jkunu diskussi;

    46.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfittex li tesplora metodi sabiex issostni forom ġodda ta’ sħubijiet strutturati bejn in-negozji u l-universitajiet permezz tal-programmi rilevanti tal-UE.

    Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top