Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0103

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Green paper TEN-T: Eżami tal-politika

    ĠU C 79, 27.3.2010, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 79/23


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — “Green paper TEN-T: Eżami tal-politika”

    (2010/C 79/05)

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Is-sisien li fuqhom għandha sserraħ il-politika futura tat-TEN-T

    1.

    jilqa’ bi pjaċir ir-reviżjoni profonda tal-politika tat-TEN-T, li tidher neċessarja fid-dawl ta’ kemm dam biex inħoloq in-netwerk li ġie stabbilit fl-1996 u tal-piżijiet fuq il-baġit Ewropew tat-trasport, u jinnota li b’riżultat tal-kriżi finanzjarja, hemm aktar bżonn li nżidu l-investimenti li jsiru fi ħdan it-TEN-T;

    2.

    jenfasizza li fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika, l-iżvilupp tat-TEN-T u l-integrazzjoni tat-trasport fl-Unjoni u fil-pajjiżi ġirien għandhom rwol konsiderevoli x’jaqdu biex jiżguraw il-vijabilità fuq perijodu twil tas-suq intern u l-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali fl-Unjoni; jappella lill-Istati Membri sabiex fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-perspettivi finanzjarji 2009-2010, imorru lura mid-deċiżjoni li ħadu li jnaqqsu l-baġit għat-TEN-T b’mod drastiku;

    3.

    jinnota li din l-opinjoni tikkomplementa l-opinjonijiet li diġà adotta l-Kumitat, b’mod partikolari l-opinjoni dwar it-trasport aktar ekoloġiku u dik dwar il-mobilità urbana;

    4.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li t-twettiq ta’ proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport ma jistax jiġi separat miż-żewġ oqsma l-oħra tal-politika tat-trasport – minn naħa, il-politika tal-ħlas għall-użu tat-toroq u tar-regolazzjoni tat-traffiku (pereżempju permezz tad-Direttiva Eurovignette); min-naħa l-oħra, it-titjib fl-effikaċja, il-kwalità u s-sigurtà tat-trasport (pereżempju permezz tal-iżvilupp tal-interoperabbiltà tal-ferroviji); jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa dawn it-tliet oqsma b’mod koerenti u simultanju;

    5.

    jixtieq li l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent jingħataw aktar importanza u li b’hekk il-politika tat-TEN-T tkun qed tiffavorixxi l-mezzi tat-trasport li l-aktar jirrispettaw l-ambjent (it-trasport ferrovjarju, marittimu u tax-xmajjar);

    6.

    jipproponi li jitqies b’mod speċifiku l-fatt li jeżistu żoni sensittivi mil-lat ambjentali, bħaż-żoni tax-xtut u ż-żoni muntanjużi (l-Alpi u l-Pirinej), li jirrikjedu miżuri partikolari li jippromovu l-approċċ li t-trasport tal-merkanzija fuq rotot ferrovjarji jew rotot marittimi jieħu post it-trasport tal-merkanzija bit-triq;

    7.

    jiddispjaċih li l-Green Paper ma tenfasizzax biżżejjed l-importanza tal-mezzi tat-trasport fl-ippjanar territorjali Ewropew u, b’konformità sħiħa mal-prinċipju ta’ koeżjoni territorjali, ifakkar li wieħed mill-aktar għanijiet importanti tat-TEN-T huwa li jikkontribwixxi sabiex jinħoloq bilanċ aħjar bejn ir-reġjuni billi jippermetti l-moviment liberu tal-persuni u tal-oġġetti b’mod partikolari bejn ir-reġjuni mbiegħda jew inqas żviluppati u ċ-ċentri ekonomiċi l-kbar tal-Ewropa, sabiex b’hekk dawn ir-reġjuni jingħataw l-ispinta ekonomika li għandhom bżonn u fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi jitqies id-dritt tal-aċċessibbiltà tagħhom;

    L-ippjanar tan-netwerk

    8.

    jikkunsidra li hemm bżonn li n-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew jillimita ruħu għall-assi tat-trasport li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-koeżjoni territorjali, fuq perijodu fit-tul (“in-netwerks prinċipali”) u fil-qafas ta’ struttura fuq żewġ livelli, b’netwerk ġenerali tat-TEN-T u netwerk prinċipali tat-trasport;

    9.

    huwa tal-fehma li, f’każ li jinżamm in-netwerk ġenerali tat-TEN-T, għandha tiġi stabbilita sistema flessibbli fuq il-bażi ta’ metodi u prinċipji ġenerali magħżula fil-livell Komunitarju, sabiex id-diversi partijiet jew intersezzjonijiet tan-netwerk (portijiet ġodda, ajruporti, konnessjonijiet ferrovjarji, eċċ.) ikunu jistgħu jiġu integrati fin-netwerk tat-TEN-T malajr u b’mod effettiv;

    10.

    jemmen li hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn in-netwerks għat-trasport tal-merkanzija u għat-trasport tal-passiġġieri li għandhom għanijiet u karatteristiċi differenti u jixtieq li l-prijoritajiet taż-żewġ tipi differenti ta’ netwerks jiġu stabbiliti b’mod aktar ċar, fejn dan ikun iġġustifikat (ħafna mid-deċiżjonijiet li jittieħdu llum il-ġurnata jiffavorixxu t-trasport tal-passiġġieri); ir-riżorsi finanzjarji limitati jitolbu li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-bini tan-netwerk globali TEN-T u r-riżorsi għandhom imorru għall-eliminazzjoni taż-żoni ta’ konġestjoni fin-netwerk;

    11.

    huwa tal-fehma li din id-distinzjoni mhijiex ta’ ħsara għal koordinazzjoni stretta bejn id-definizzjoni u l-implimentazzjoni taż-żewġ netwerks u ma tostakolax il-possibbiltà li fil-futur, fuq bażi temporanja jew permanenti, in-netwerks tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri jużaw l-istess infrastruttura, dejjem sakemm jinqdew il-ħtiġijiet f’dawk li huma servizzi tal-prodotti/merkanzija u tal-passiġġieri;

    12.

    jitlob li n-“netwerks prinċipali” trans-Ewropej tal-merkanzija u tal-passiġġieri jinkorporaw il-“proġetti prijoritarji” attwali li jistgħu iwasslu għal proġetti oħra, u l-infrastruttura kollha meħtieġa biex tiġi żgurata l-kontinwità taċ-ċirkolazzjoni (inklużi l-infrastrutturi ta’ daqs limitat li jippermettu titjib rapidu fl-effikaċja, il-kwalità u s-sigurtà taċ-ċirkolazzjoni); b’dan il-mod ikunu jistgħu jiġu żviluppati kurituri li jirriflettu x-xewqat taċ-ċittadini;

    13.

    jikkunsidra li d-definizzjoni l-ġdida tan-netwerk TEN-T għandha tiġbor fiha wkoll l-intersezzjonijiet tat-trasport tan-netwerks prinċipali, li huma ta’ importanza konsiderevoli għall-koeżjoni u l-ekonomija tar-reġjuni tal-Komunità. L-interkonnessjonijiet tat-trasport huma ta’ valur miżjud fost raġunijiet oħra għax huma multimodali. Ħafna drabi huma s-sors prinċipali tal-konġestjoni u ta’ problemi ta’ nuqqas ta’ effiċjenza oħra; in-netwerk TEN-T għandu jinkludi b’mod partikolari l-infrastrutturi ta’ madwar il-bliet il-kbar li jillimtaw in-numru ta’ rotot li jintużaw kemm mit-traffiku fuq distanzi twal kif ukoll mit-traffiku ta’ kuljum fil-periferiji taż-żoni urbani, billi jfittex ukoll l-alternattivi permezz taż-żoni bla konġestjoni;

    14.

    jemmen li huwa importanti li n-netwerk TEN-T jiġi ddefinit skont il-loġika tal-intermodalità u li b’hekk jiġi estiż għaċ-ċentri l-kbar tal-korrispondenza u l-loġistika (l-istazzjonijiet, l-ajruplani, il-portijiet u t-terminali intermodali) u l-infrastrutturi sekondarji li jeħtieġu ċentri bħal dawn u li dawn jintrabtu man-netwerks prinċipali; hawnhekk ikun tajjeb li wieħed jiftakar fir-rwol marittimu ta’ xi kurituri tal-art, bħala assi bażiku għan-netwerk prijoritarju għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija marbut mat-trasport marittimu, permezz tal-konnessjoni bil-ferrovija mal-intersezzjonijiet ewlenin tat-trasport intermodali (pjattaformi loġistiċi u portijiet);

    15.

    iqis li huwa importanti wkoll li l-portijiet, li għandhom importanza strateġika fuq livell Ewropej, b’mod partikolari dawk li huma konnessi mal-pjattaformi multimodali Ewropej li minnhom jiddependi l-kummerċ estern Ewropew tal-merkanzija u li jistgħu jaqdu rwol iktar importanti fil-kummerċ intern fl-Ewropa, jiġu integrati tajjeb fiż-żoni ta’ ġewwa u fin-netwerk TEN-T tat-trasport ferrovjarju u fuq ix-xmajjar, u jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ awtostradi tal-baħar li jirrappreżentaw alternattiva flessibbli u ekoloġika li tiffaċilita l-integrazzjoni taż-żoni remoti u tal-periferija; fost il-mezzi ta’ trasport fl-art ta’ ġewwa li jaqdu lill-portijiet marittimi Ewropej għandha tingħata prijorità lit-trasport ferrovjarju u fuq ix-xmajjar;

    16.

    jinsisti li hemm bżonn li l-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti mill-qrib fit-tfassil tad-definizzjoni tan-netwerk TEN-T u l-prijoritajiet tiegħu, sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni mal-pjanijiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari fid-definizzjoni taċ-ċentri tat-trasport u l-infrastrutturi sekondarji, peress li l-iżvilupp tal-bliet u r-reġjuni jiddependi fil-biċċa l-kbira tiegħu mill-infrastrutturi tat-trasport u li dawn il-bliet u r-reġjuni jridu jġorru huma l-ispejjeż u l-konsegwenzi involuti;

    17.

    jinnota li bil-kontra tal-ippjanar ibbażat fuq netwerk prinċipali, id-dimensjoni tan-netwerk globali attwali qed ixxekkel l-iżvilupp effettiv tat-TEN-T; f’dawn il-kundizzjonijiet jaqbel li n-netwerk globali attwali jiġi llimitat għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-interoperabbiltà, is-sigurtà u l-fondi tal-koeżjoni; jinnota li ż-żamma tan-netwerk globali hija l-unika possibbiltà li teżisti sabiex ir-reġjuni tal-periferija mingħajr proġetti prijoritarji jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi tal-infrastruttura tat-trasport tal-Unjoni Ewropea u b’hekk tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha, in-netwerk globali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni bbażata fuq kriterji ddefiniti b’mod ċar u li jikkorrispondu għall-“valur miżjud Ewropew”;

    18.

    jaqbel ma’ politika ambizzjuża għall-iżvilupp ta’ sistemi “intelliġenti”, intermodali u interoperabbli ta’ appoġġ u informazzjoni għall-utenti li jistgħu jikkontribwixxu għal trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija aktar effikaċi; jirrakkomanda b’mod partikolari l-implimentazzjoni ta’ sistema tax-xiri tal-biljetti integrata fil-qasam tat-trasport ferrovjajru internazzjonali tal-passiġġieri;

    19.

    jirrakkomanda li jsir sforz għall-istandardizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tekniċi (pereżempju l-istandards li diġà ġew adottati fil-qasam tat-trasport ferrovjarju) u tas-sistemi ta’ tħaddim tat-trasport sabiex ikun hemm qafas koerenti għall-infrastrutturi nazzjonali u interoperabbiltà bejn is-sistemi tat-trasport lokali u l-istandards, iżda mingħajr ma jkunu imposti standards partikulari fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali tat-trasport;

    20.

    jitlob li l-Kummissjoni tiċċara u tispeċifika x’qed tfisser b'“pilastru konċettwali”, billi d-definizzjoni tal-kunċett tant hi vaga li wieħed ma jistax jesprimi opinjoni dwarha;

    L-implimentazzjoni tal-politika tat-TEN-T

    21.

    iqis li huwa neċessarju li s-sussidji Ewropej jiffukaw fuq numru iżgħar ta’ operazzjonijiet, l-ewwel u qabel kollox għandhom jingħataw għall-ikbar proġetti transnazzjonali, li ħafna drabi jitwarrbu mill-gvernijiet favur proġetti nazzjonali, u għall-proġetti mmirati lejn titjib rapidu tal-effikaċja, tas-sostenibbiltà ambjentali u tal-kwalità u s-sigurtà tal-iskambji; kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed f’dan il-qasam għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni stretta tal-“valur miżjud Ewropew”; b’rabta ma’ dan, l-għoti ta’ kofinanzjamenti u miżuri ta’ appoġġ oħra għandhom ikunu strettament newtrali f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompetizzjoni. Kull proċedura ta’ awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-obbligu li titressaq prova ta’ din in-newtralità;

    22.

    huwa favur l-adozzjoni fil-livell Ewropew ta’ metodi soċjoekonomiċi ta’ evalwazzjoni li jippermettu li t-tqabbil li jsir bejn il-proġetti jsir fuq bażi armonizzata u li ssir analiżi tal-“valur miżjud Ewropew tagħhom”;

    23.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-riskji li jirriżultaw jekk il-fondi Ewropej jingħataw fuq din il-bażi biss, billi l-metodi soċjoekonomiċi ta’ evalwazzjoni huma metodi konvenzjonali u b’hekk ma jqisux il-fatturi tad-deċiżjoni kollha, b’mod partikolari l-ippjanar territorjali, il-koeżjoni territorjali u l-aċċessibilità;

    24.

    jisħaq fuq il-ħtieġa li l-linji gwida jinkludu dispożizzjonijiet li jiżguraw li kull Stat Membru jiddefinixxi struttura fejn il-korpi lokali u reġjonali li huma legalment responsabbli għall-ippjanar tat-trasport u l-ġestjoni tan-netwerk ikunu involuti bis-sħiħ fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji gwida TEN-T, billi dan huwa l-aħjar mod kif jistgħu jiġu żviluppati, b’mod armonjuż, netwerks lokali, reġjonali, nazzjonali u TEN-T;

    25.

    iqis li sabiex noħolqu infrastrutturi ferrovjali, marittimi u tax-xmajjar li jħarsu l-ambjent, hemm bżonn ta’ qafas ta’ tariffi u regoli adattat, u għalhekk jixtieq li tiġi appplikata politika ambizzjuża f’dan il-qasam, inkluż permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jew permezz ta’ appoġġ Ewropew għall-kumpaniji tal-merkanzija li jużaw mezzi sostenibbli bħall-ferrovija jew it-trasport marittimu (bħalma hu l-każ tal-Ecobonus);

    26.

    jemmen li huwa importanti li l-implimentazzjoni tan-netwerk TEN-T tiġi akkumpanjata minn miżuri favur it-titjib tal-effikaċja u l-kwalità tat-trasport, b’mod partikolari biex neliminaw l-ostakli tekniċi u proċedurali fil-qsim tal-fruntieri; miżuri kemxejn għaljin bħal dawn jista’ jkollhom effetti sinifikanti ħafna;

    27.

    jinnota li jekk iċ-ċittadini jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jaqblux mal-proġetti tal-infrastruttura, b’mod partikolari minħabba l-ħsara assoċjata mas-siti tal-kostruzzjoni, dan jista’ jwassal għal dewmien u spejjeż żejda;

    28.

    għalhekk jipproponi li l-fondi Ewropej jinkludu wkoll miżuri li jimplimentaw l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, wara konsultazzjoni pubblika, fiż-żoni li għandhom jilqgħu dawn il-proġetti l-kbar (pereżempju taħriġ u akkomodazzjoni għall-ħaddiema, aġġustament tal-kundizzjonijiet ekonomiċi lokali għall-bżonnijiet tal-proġetti, eċċ.) sabiex il-proġetti jkunu jistgħu jolqtu liż-żona b’mod pożittiv ukoll;

    29.

    jipproponi li l-fondi Ewropej jinkludu wkoll investimenti ta’ akkumpanjament oħra sabiex ir-restrizzjonijiet ambjentali jiġu indirizzati aħjar;

    30.

    iqis li biex ikunu jistgħu jitwettqu l-proġetti l-kbar hemm bżonn li l-kontribut Ewropew isir f’kuntratti fil-qafas ta’ pjanijiet ta’ finanzjament globali li llum-il ġurnata ma jippermettux li jiġu allokati sussidji Ewropej li huma limitati għal perijodu baġitarju ta’ seba’ snin (li huwa inqas miż-żmien li jieħdu l-proġetti l-kbar);

    31.

    jissuġġerixxi li abbażi tan-netwerk TEN-T il-ġdid jiġu ffirmati “kuntratti ta’ programm” bejn l-Unjoni Ewropea u kull Stat Membru, li jiddefinixxu l-impenji reċiproki tagħhom fir-rigward tal-finanzjament u l-iskeda ta’ implimentazzjoni; dawn il-kuntratti ta’ programm m’għandhomx ikopru l-infrastrutturi li jagħmlu parti min-netwerk TEN-T biss, iżda wkoll l-infrastrutturi sekondarji li l-Istati Membri (jew ir-reġjuni) ser jimpenjaw ruħhom li jwettqu sabiex in-netwerks prinċipali jkunu jistgħu jaħdmu tajjeb;

    32.

    jinnota li l-istrumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea (il-garanzija tas-self u l-kapital riskjuż pereżempju) huma adattati għall-proġetti li jirrikjedu riskju kummerċjali min-naħa tas-settur privat, b’mod partikolari l-proġetti għat-toroq fejn kontribut min-naħa tas-settur privat jista’ jkun siewi (dawn il-proġetti jistgħu jitwettqu abbażi ta’ konċessjoni);

    33.

    jinnota, min-naħa l-oħra, li dawn mhumiex adattati għall-proġetti ferrovjarji, tal-port u intermodali tat-trasport tal-merkanzija li, b’xi eċċezzjonijiet, ma jippermettux trasferiment tar-riskju kummerċjali għas-settur privat u li jibbenefikaw biss minn appoġġ finanzjarju privat marġinali;

    34.

    iqis li l-ħolqien tal-Ewrobonds jista’ jippermetti t-twettiq rapidu tal-proġetti prijoritarji sakemm is-sehem Komunitarju fil-finanzjament jiżdied;

    35.

    iqis li minkejja l-komplessità kuntrattwali tagħhom, is-sħubijiet pubbliċi-privati jisgħu jagħtu kontribut għat-twettiq ta’ proġetti kbar, minn naħa għax jippermettu li s-sussidji pubbliċi jinfirxu, u min-naħa l-oħra għax jibbenefikaw mill-esperjenza operattiva tas-settur privat, iżda struttura ta’ dan it-tip ma tbiddilx wisq il-bilanċ ekonomiku fuq perijodu medju;

    36.

    iqis li kjarifika tar-regoli Komunitarji li jikkonċernaw is-sħubijiet pubbliċi-privati tista’ tgħin l-iżvilupp ta’ strutturi bħal dawn;

    37.

    jilqa’ bi pjaċir l-estensjoni tar-rwol tal-koordinaturi Ewropej, li bħalissa huma responsabbli biss għall-proġetti prijoritarji, sabiex jinkludi wkoll in-“netwerks prinċipali” tat-TEN-T il-ġdid;

    38.

    jipproponi li l-koordinaturi jaqdu rwol fit-tfassil tad-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-miżuri wkoll, bil-għan li tiżdied l-effikaċja, il-kwalità u s-sigurtà tal-mezzi tat-trasport kif qed isir diġà f’uħud mill-proġetti prijoritarji;

    39.

    jemmen li jeżisti tip ieħor ta’ koordinazzjoni, li jista’ jissejjaħ “koordinazzjoni taż-żoni macro”. Dan ifisser li l-UE tinqasam f’żoni b’karatteristiċi u kundizzjonijiet simili, sabiex ikun eħfef għall-Istati li huma qrib ta’ xulxin li jaħdmu flimkien. Din is-sistema tiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni tal-kurituri ferm mifruxa, fejn ir-reġjuni ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni ftit li xejn jaqsmu karatteristiċi komuni bejniethom.

    Brussell, 7 ta’ Ottubru 2009.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top