This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AR0096
Opinion of the Committee of the Regions on An updated strategic framework for European cooperation in education and training
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ
ĠU C 79, 27.3.2010, p. 27–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 79/27 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ”
(2010/C 79/06)
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Prinċipji u kummenti ġenerali
1. |
jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea intitolata “Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ”. Il-Kumitat jaqbel kompletament mal-għanijiet ġenerali proposti bl-iskop li jogħlew il-livelli ta’ kompetenzi permezz tat-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, għan li ġie deskritt kif adatt bħala prijorità assoluta biex jiġu affrontati l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea; |
2. |
jappoġġja bis-sħiħ l-analiżi ġenerali tal-Kummissjoni. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma importanti ħafna biex l-Ewropa tkun tista’ taġixxi b’mod kompetittiv filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li r-riżors l-iktar prezzjuż tagħha huwa ċ-ċittadini (1). F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar li sal-2015, 79 % tal-impjiegi se jkunu jeħtieġu ħaddiema b’ħiliet għoljin jew intermedji (2); |
3. |
jaqbel mal-idea tal-Kummissjoni Ewropea li l-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jiggarantixxu li ċ-ċittadini kollha, ikunu x’ikunu l-età, is-sess jew il-profil soċjoekonomiku tagħhom, ikunu jistgħu jiksbu, jwettqu u jiżviluppaw tul ħajjithom il-kompetenzi professjonali tagħhom u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom; dawn il-politiki għalhekk huma fatturi prinċipali għall-emanċipazzjoni personali u l-integrazzjoni soċjali; |
4. |
ifakkar fl-importanza tar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rwol strateġiku tagħhom fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jagħmilhom l-atturi ewlenin fil-proċess ta’ implimentazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi stabbiliti. Il-livelli lokali jew reġjonali, skont is-sistemi nazzjonali li joperaw fihom, huma responsabbli mill-edukazzjoni, fid-diversi stadji tagħha, jiġifieri mill-fażi ta’ qabel l-edukazzjoni primarja sal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-adulti, li kollha huma indirizzati f’din il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija marbuta mal-istrateġiji għall-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, mal-kwistjonijiet tal-migrazzjoni, fosthom il-multilingwiliżmu, l-evoluzzjoni demografika kif ukoll il-politiki tal-UE dwar l-inklużjoni soċjali, l-intrapriżi, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Għalhekk, l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jqisu dawn l-aspetti kollha hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-metodi ta’ ħidma magħżula għall-kooperazzjoni Ewropea fit-tul fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom għalhekk iqisu r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
5. |
jenfasizza f’dan ir-rigward li din il-Komunikazzjoni tindirizza kwistjoni ferm importanti għall-Kumitat fuq perijodu fit-tul. Mil-lat immedjat, din il-kwistjoni hija marbuta mal-prijoritajiet tal-Kumitat għas-sena 2009 (3); |
6. |
jinsab kuntent bil-fatt li l-miżuri proposti jappoġġjaw u jikkompletaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri, u joħolqu valur miżjud Ewropew mingħajr ma jikkompromettu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; |
7. |
jenfasizza li f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tfal tal-immigranti, li tqiesu wkoll fl-istrateġiji u l-prijoritajiet, din il-kwistjoni tista’ titqies rilevanti wkoll għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar li l-miżuri ta’ integrazzjoni mhumiex attwalment fil-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-immigrazzjoni (Artikoli 61, 62 u 63 TKE) iżda fil-kompetenza diretta tal-Istati Membri. Minħabba f’hekk, l-UE tista’ taqdi biss rwol ta’ appoġġ f’dan il-qasam hija u tistenna r-ratifika eventwali tat-Trattat ta’ Liżbona li jsaħħaħ is-setgħat Ewropej f’dan il-qasam; |
8. |
ifakkar li ż-żieda fl-immigrazzjoni lejn l-Ewropa tirrappreżenta tisħiħ kulturali, lingwistiku u demografiku, u li iktar minn piż hija opportunità, u li għalhekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni, kif ukoll tat-tieni ġenerazzjoni, għandhom ikunu prijorità għaliex huma l-muftieħ għall-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni b’suċċess fil-ħajja soċjali u professjonali (4). Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-kategoriji l-aktar vulnerabbli fost il-migranti; |
9. |
jinnota l-għan tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) billi tinkludi reviżjonijiet tal-pari minbarra t-taħriġ innifsu tal-pari; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis il-fatt li t-tisħiħ tal-MMK jista’ jżid il-piżijiet finanzjarji u amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li fuqhom jaqgħu ħafna mir-responsabbiltajiet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; |
10. |
ifakkar li partikolarment fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni jista’ jaħdem biss jekk jiġi involut b’mod dirett il-livell sottonazzjonali. Ir-rendiment tal-Istati Membri, li jirrappreżenta r-rendiment totali tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tagħhom, qabelxejn għandu jkun imsejjes fuq is-saħħa tal-kooperazzjoni bejniethom permezz ta’ solidarjetà kontinwa; |
11. |
huwa attent ħafna għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-problema tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kif diġà semma f’diversi opinjonijiet (5). Għaldaqstant, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka b’mod partikolari fuq l-inugwaljanza persistenti bbażata fuq il-ġeneru; |
12. |
jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ persuni b’diżabilità ta’ kull età fis-sistema ordinarja tat-taħriġ u l-edukazzjoni. Dan l-approċċ jiffavorixxi ħafna l-inkluzjoni soċjali u l-impjegabbiltà tagħhom; |
13. |
jilqa’ b’sodisfazzjoni l-importanza mogħtija lit-taħriġ tal-adulti, li huwa essenzjali għall-impjegabbiltà, il-mobilità, l-inkluzjoni soċjali u l-iżvilupp personali. Il-Kumitat għalhekk ifakkar li huwa diġà esprima r-rieda tiegħu li jassumi rwol attiv fil-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, qasam li jikkonċerna ħafna lill-awtoritajiet lokali u reġjonali (6); |
14. |
jitħasseb dwar in-nuqqas ta’ referenza f’din il-komunikazzjoni għat-tema tat-taħriġ u taż-żamma ta’ forza tax-xogħol bi kwalifi għoljin u ta’ nies li għandhom ħiliet importanti fl-Unjoni Ewropea, kwistjoni li hija madankollu kruċjali għall-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej fil-kuntest tal-bini ta’ ekonomija tal-għarfien, kemm mill-perspettiva tat-telfien tal-imħuħ, u kemm minn dik tal-ħtieġa ta’ taħriġ professjonali ta’ persunal ta’ livell għoli fid-dixxipplini kollha. Għalhekk il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina din il-problema bla ma tintroduċi bilfors iktar indikaturi, li jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-koerenza ġenerali tal-għanijiet stabbiliti; |
15. |
jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li huwa jqis li hija ta’ importanza kruċjali li jiġu involuti l-pajjiżi terzi li jinsabu fil-proċess tal-adeżjoni fl-UE, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina d-diversi possibbiltajiet ta’ x’jista’ jsir; |
Sfidi strateġiċi
16. |
japprova l-erba’ sfidi strateġiċi u l-prijoritajiet li għandhom jiġu ttratatti fl-2009-2010, proposti mill-Kummissjoni; |
17. |
josserva li dawn l-isfidi strateġiċi u l-prijoritajiet għal żmien qasir għandhom ikunu konsistenti mal-ħidma li diġà twettqet fil-qafas ta’ programm “L-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”; |
18. |
jilqa’ l-fatt li dawn l-isfidi strateġiċi mhumiex limitati biss għall-kwistjonijiet marbuta mas-suq tax-xogħol, u jappoġġja b’mod partikolari dik relatata mal-ħtieġa li “ikunu nkoraġġiti s-sens ta’ ekwità u ċ-cittaddinanza attiva”. L-ewwel kuntatt dirett mal-politika kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva fil-ħajja ta’ kuljum jsiru qabelxejn fil-livell sottonazzjonali; |
19. |
itenni l-impenn tiegħu favur il-mobilità, fattur essenzjali fl-iżvilupp kulturali u professjonali, billi din tippermetti li jingħelbu l-ostakli ekonomiċi kif ukoll dawk kulturali. Il-Kumitat jinsisti fir-rigward ta’ dan is-suġġett fuq il-fatt li l-mobilità għandha ssir ir-regola għal dawk kollha li qed jitgħallmu; |
20. |
jenfasizza r-rwol fundamentali tal-awtoritajiet lokali għall-mobilità ta’ dawk li qed jitgħallmu, kemm mil-lat ta’ informazzjoni kif ukoll mil-lat ta’ appoġġ għall-mobilità permezz tat-twaqqif ta’ dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ sostenn li jikkomplimentaw il-programmi Ewropej (7). Għalhekk il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis iktar dan ir-rwol filwaqt li tinvolvi lir-Reġjuni fit-tħejjija tal-programmi u billi tagħti aktar responsabbiltà fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi lil dawk li jixtiequ; |
21. |
ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jiżvolġu rwol ewlieni biex jilħqu l-għan “lingwa materna +2”, b’mod partikolari fit-twettiq ta’ programmi edukattivi (8); |
22. |
ifakkar fil-ħtieġa ta’ aktar progress fit-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel primarji u sekondarji. Il-proċess ta’ tagħlim għandu jkabbar il-possibbiltajiet ta’ djalogu b’mill-inqas lingwa barranija waħda fl-iskejjel primarji (9); |
23. |
ifakkar li jeħtieġ li jikber l-isforz lejn il-konsapevolezza dwar il-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwi (10); |
24. |
japprova l-intenzjoni li jissaħħaħ it-taħriġ primarju tal-għalliema u l-opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali kontinwu tal-persunal involut fit-tagħlim u l-guidance; |
25. |
iqis li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni t-tbassir tal-ħtiġijiet tal-ħiliet fil-proċess tal-ippjanar tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dawn ta’ sikwit jiġu identifikati l-ewwel fil-livell lokali u reġjonali; |
26. |
huwa tal-opinjoni li l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, u b’mod speċjali s-sensibilizzazzjoni dwar il-problema tat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali kollha (il-ħamrija, l-ilma, l-arja, ir-riżorsi minerali, eċċ.), kif ukoll l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku, huma komponenti essenzjali u inseparabbli miċ-ċittadinanza attiva, u huma approċċi li jistgħu jiġu inklużi fil-prijoritajiet tal-2009-2010; |
27. |
f’dan il-kuntest ifakkar li ċ-ċittadinanza attiva u l-fehim tal-kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli huma fost il-kompetenzi ewlenin għall-Ewropej, kif stipulati fir-rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-ħajja - Qafas Ewropew ta’ Referenza (1); |
28. |
iqis li l-edukazzjoni tal-iżgħar età, dik ta’ qabel il-primarja u dik tal-primarja għandha rwol importanti fl-iżvilupp u l-kisba ta’ ħiliet bażiċi, li jippermettu lill-konċittadini tagħna li jirnexxu fil-ħajja privata u professjonali tagħhom (11); |
29. |
japprova r-rieda li jissaħħaħ it-tagħlim reċiproku dwar l-aħjar prattiki fl-edukazzjoni tat-tfal ta’ familji tal-immigranti. It-tagħlim reċiproku ta’ dan it-tip huwa miżura essenzjali għall-promozzjoni ta’ ċittadinanza Ewropea u għal proċess ta’ integrazzjoni ta’ suċċess; |
30. |
jixtieq jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-lingwa materna għat-tfal tal-migranti, peress li dan itejjeb il-kapaċità tagħhom li jitgħallmu kemm il-lingwa tal-pajjiż ospitanti kif ukoll lingwi barranin oħra; iżda l-għajnuna mill-istat għandha tpoġġi b’mod ċar bħala prijorità t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti u l-użu tagħha b’mod kunfidenti; |
31. |
jenfasizza l-importanza ewlenija tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp ta’ ambjent adatt għall-innovazzjoni (11); |
32. |
huwa tal-fehma li l-isfidi soċjali marbuta mal-problemi ambjentali (l-ilma, l-enerġija, il-klima, il-bijodiversità, it-tniġġis eċċ.) għandhom jitqiesu partikolarment bis-serjetà fl-isfida dwar il-ħtieġa li “ikunu nkoraġġiti s-sens ta’ ekwità u ċ-cittaddinanza”. B’mod iktar ġenerali, dawn l-isfidi jitolbu kambjamenti sostanzjali f’diversi impjiegi, u l-ħolqien ta’ ħafna oħra ġodda; għalhekk dawn għandhom jiġu kkunsidrati fit-taħriġ tul il-ħajja, b’mod speċjali permezz tal-ħolqien ta’ korsijiet adegwati ta’ taħriġ; |
33. |
japprova l-proposta li jinħolqu sħubijiet bejn il-korpi edukattivi u tat-taħriġ u l-intrapriżi, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, il-partijiet kulturali u l-industriji kreattivi. Meta jitwettqu, dawn l-azzjonijiet juru l-effikaċja tagħhom fil-qasam tal-innovazjoni; |
34. |
iqis li huwa fundamentali li jkompli jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġu identifikati l-isfidi komuni li jwasslu għall-ħolqien ta’ soċjetà dinamika tal-għarfien; huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tikkontribwixxi wkoll għal dan il-għan u għalhekk għandha tiġi mħeġġa; |
35. |
jitlob li jitħejja studju komparattiv dwar is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri kif ukoll dwar ir-riformi ppjanati għall-futur qarib. Dan l-istudju għandu jiġi ppubblikat fuq l-internet bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. B’hekk l-esperti tal-edukazzjoni fi ħdan il-muniċipalitajiet u r-reġjuni kif ukoll il-kunsilli u l-iskejjel ikunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa dwar l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra b’rabta mal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jkunu jistgħu wkoll jipparteċipaw bħala msieħba ugwali fid-diskussjonijiet li jsiru fil-livell tal-awtoritajiet ċentrali dwar l-arranġamenti futuri tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ; |
L-indikaturi
36. |
japprova l-użu ta’ punti ta’ referenza fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni; madankollu, dan m’għandux iwassal għall-armonizzazzjoni mistura tas-sistemi fl-Istati Membri individwali; |
37. |
japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrikorri għal miżuri kwantitattivi (punti ta’ referenza, statistika) u kwalitattivi (skambju ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba) (12). Dawn għandhom ikunu bbażati l-ewwel u qabel kollox fuq miżuri eżistenti, fuq data komparabbli u għandhom iqisu s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali. L-Istati Membri huma aktar mistiedna jaħsbu dwar kif u sa liema punt jistgħu jikkontribwixxu flimkien biex jintlaħqu l-miri komuni filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali li qed jinbidlu u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom; |
38. |
jenfasizza li għad trid issir riflessjoni dwar il-modi kif ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet jistgħu jkopru ż-żieda fl-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji marbuta mal-introduzzjoni ta’ indikaturi ġodda; |
39. |
josserva madankollu li l-għanijiet stabbiliti għal erbgħa mill-ħames punti ta’ referenza li ġew adottati fl-2003 mhux se jintlaħqu sal-2010. Barra minn hekk, għadu mhux magħruf x’se jkun l-impatt tat-tagħlim tal-pari, u l-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki tajba. Dawn l-elementi jitolbu reviżjoni tal-rilevanza tal-għanijiet stabbiliti u/jew tal-metodi ta’ ħidma; |
40. |
jipproponi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiġu analizzati r-raġunijiet għalfejn l-għanijiet stabbiliti għal dawn l-erba’ punti ta’ referenza ma ntlaħqux; |
41. |
japprova x-xewqa tal-Kummissjoni li jiġi identifikat l-għan ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja li tiżdied minn 12.5 % għal 15 %. Din iż-żiedahija partikolarment importanti f’perjodu ta’ kriżi, minħabba l-ħtieġa li jiġi faċilitat it-tibdil tal-karriera u li jingħata taħriġ addizzjonali lil ħafna ħaddiema; |
42. |
jappoġġja l-proposta li jinħoloq punt ta’ referenza dwar il-mobilità, li hija essenzjali peress li din issaħħaħ l-impjegabbiltà u tippermetti li tiġi żviluppata ċ-ċittadinanza Ewropea, għalkemm id-definizzjoni ta’ dan l-indikatur għad trid tiġi stabbilita mill-Kummissjoni. Mingħajr ma jiġu ppeġudikati l-isforzi għall-istudenti, li jeħtieġ ikomplu jsiru, il-Kumitat iqis li għandu jkun hemm enfasi fuq il-mobilità tal-apprendisti u żgħażagħ li jkunu qed jagħmlu taħriġ professjonali, qasam li diversi reġjuni huma attivi fih; |
43. |
japprova l-intenzjoni li jinħoloq punt ta’ referenza dwar dawk b’livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi, li ġew imwessa’ għall-matematika u x-xjenza, iżda jenfasizzaw il-ħtieġa li l-ewwel ikun hemm fokus fuq il-qari u l-kitba. Madankollu huwa jfakkar li l-għarfien tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-lingwi barranin huma importanti biex jinkiseb l-għarfien u jintlaħqu l-għanijiet ta’ taħriġ kontinwu u tagħlim tul il-ħajja kollha. It-tfal b’mod partikolari għandhom ikunu jistgħu jiksbu ħiliet fil-qasam tal-ICT fl-iżgħar età (12). Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni dwar l-inugwaljanzi soċjali fl-aċċess għal dawn it-teknoloġiji, li għandhom jiġu ttrattati b’mod adatt mill-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jew Ewropej, biex b’hekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jserrħu fuq il-programmi eżistenti tal-UE u l-programmi l-ġodda tal-Kummissjoni, u jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-illitteriżmu funzjonali skont l-Istrateġija riveduta ta’ Lisbona. Bl-istess mod, dawn l-istrutturi għandhom iqisu l-importanza tal-għarfien tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti min-naħa tal-migranti biex jiffavorixxi l-inklużjoni soċjali u l-impjegabbiltà tagħhom; |
44. |
waqt il-ħidmiet biex jiġu definiti indikaturi u valuri ta’ referenza ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala parti mill-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, jeħtieġ li l-evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-qari u l-fehim tat-testi għandha tiġi estiża għall-ħiliet li jittrattaw il-kontenut tax-xandir, peress li fil-preżent, il-kontenut ta’ kuntesti elettroniċi jew diġitali jinkludi taħlita ta’ testi miktuba, immaġni u vidjo; |
45. |
jemmen li l-isforzi fil-qasam tal-qari, tal-kitba, tal-matematika, tax-xjenza u tal-ICT bl-ebda mod m’huma mhux kompatibbli mat-tagħlim tas-suġġetti l-oħra tal-iskola, li kollha jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ kwalitajiet bħall-kreattività, l-awtostima u l-kapaċitajiet soċjali (9); |
46. |
jingħaqad fl-għan li jiġi intensifikat il-progress fit-tagħlim ta’ żewġ lingwi barranin mill-iżgħar età u għalhekk japprova l-punt ta’ referenza Lingwi; |
47. |
juri prudenza kbira fl-introduzzjoni ta’ punt ta’ referenza fir-rigward tas-sehem tal-investiment fl-edukazzjoni ogħla. Approċċ proattiv biex l-investiment fl-edukazzjoni ogħla jitla’ għal 2 % tal-PGD huwa fih innifsu pożittiv, iżda dan il-għan maqsum bejn is-settur privat u dak pubbliku m’għandux, minn naħa, jeżonera lill-Istati mir-responsabbiltà tagħhom u, min-naħa l-oħra m’għandux bħala konsegwenza, iżid il-parti tal-households fil-finanzjament tal-edukazzjoni ogħla, peress li dan idgħajjef b’mod speċjali l-għan tal-opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fi żmien ta’ kriżi; |
48. |
japprova l-punt ta’ referenza dwar l-akkwist tal-kwalifiki fil-livell terzjarju, u jaqbel max-xewqa li jinqata’ l-għan dwar il-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġiji li issa ntlaħaq, u japprezza l-attenzjoni li qed tingħata għall-problema tal-iżbilanċ fin-numru ta’ rġiel u nisa f’dawn id-dixxiplini. F’dan ir-rigward jeħtieġ li titfakkar l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn qafas ta’ strateġija Komunitarja fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (13); |
49. |
juri r-riżervi tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit punt ta’ referenza dwar l-impjegabbiltà. It-tfittxija għall-korrelazzjoni bejn il-livell ta’ studju milħuq u l-possibbiltà li wieħed jidħol fis-suq tax-xogħol hija preokkupazzjoni komuni. Mandankollu, jaqbel li jitqiesu wkoll varjanti oħra, b’mod speċjali l-istat tal-ekonomija. Għalhekk dan l-approċċ jista’ jittejjeb; |
50. |
japprova l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit punt ta’ referenza dwar l-edukazzjoni qabel dik primarja, peress li t-tagħlim bikri joħloq opportunitajiet ġodda ta’ żvilupp għat-tfal u huwa aspett importanti tat-tagħlim tul il-ħajja; |
51. |
jissieħeb fix-xewqa li jinżamm kif inhu l-punt ta’ referenza dwar it-tluq mill-iskola qabel il-waqt, u jaħseb li għandhom jiġu enfasizzati sforzi varji biex jintlaħaq dan l-għan; |
52. |
fid-dawl tal-livell ta’ esperjenza disponibbli bħalissa, għandu ċerti riżervi dwar il-proposta ta’ punt ta’ referenza fiss dwar it-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-kreattività. Minkejja dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-idea li l-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltajiet li jiġu żviluppati indikaturi li jistgħu jikkontribwixxu biex isaħħu l-isforzi tagħhom fl-oqsma tal-innovazzjoni u l-kreattività; |
53. |
jipproponi li ssir riflessjoni biex ikun jista’ jsir skambju ta’ informazzjoni u prattiki tajbin bejn l-Istati dwar il-punt ta’ referenza tal-innovazzjoni u l-kreattività u dak tal-impjegabbiltà. Ir-reġjuni għandhom ikunu involuti mill-qrib f’dan l-approċċ; |
54. |
jaqbel mad-determinazzjoni li jinżammu u jiżdiedu politiki effiċjenti u ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-kriżi ekonomika attwali m’għandhiex twaqqafna minn dan l-għan, għall-kuntrarju għandha twassalna għalih. |
Brussell, 7 ta’ Ottubru 2009
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Luc VAN DEN BRANDE
(1) CdR 31/2006 fin
(2) Future skill needs in Europe: Synthesis, CEDEFOP, 2008 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) CdR 380/2008.
(4) CdR 253/2008.
(5) CdR 233/2000 u CdR 19/2001
(6) CdR 49/2004 finali u CdR 31/2006 finali
(7) CdR 34/2006 finali
(8) CdR 6/2008 fin
(9) Ibid.
(10) CdR 33/2006 fin
(11) CdR 133/2008 finali.
(12) CdR 349/2002 finali.
(13) CdR 233/2000 finali.