Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AP0009

    Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 15 ta' Settembru 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2009)0371 – C7-0115/2009 – 2009/2066(BUD))
    ANNESS

    ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 46–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 224/46


    It-Tlieta, 15 ta' Settembru 2009
    Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    P7_TA(2009)0009

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-15 ta' Settembru 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2009)0371 – C7-0115/2009 – 2009/2066(BUD))

    2010/C 224 E/18

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0371 – C7-0115/2009),

    wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (Regolament EGF),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0006/2009),

    A.

    billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jsofru mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fil-kummerċ globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

    B.

    billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ġew qegħda għandha tkun għajnuna dinamika u tkun disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u wara kunsiderazzjoni xierqa tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond,

    C.

    billi Spanja u l-Portugall talbu l-assistenza fir-rigward ta' każijiet li jikkonċernaw dawk il-ħaddiema li ingħataw is-sensja fis-settur tat-tessuti fir-reġjuni ta' Cataluña (3) u Norte-Centro (4) u billi ssodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità kif stipulat fir-Regolament EGF,

    1.

    Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jaghmlu l-isforzi necessarji biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond;

    2.

    Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi taghha kollha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fid-dinja; f'dan ir-rigward, jinnota li l-EGF jista' jkollha rwol kruċjali fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' dawk il-ħaddiema li sfaw bla xogħol;

    3.

    Ifakkar li l-mobilizzazzjoni tal-EGF fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet m'għandhomx jipperikolaw l-iffinanzjar tal-Fond Soċjali Ewropew; jesprimi ċerti dubji dwar jekk il-kumplimentarjetà ma' strumenti oħra eżistenti bħall-Fond Soċjali tal-UE hijiex iggarantita;

    4.

    Jimpenja ruħu li jevalwa l-funzjonament u l-valur miżjud tal-EGF fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġenerali tal-programmi u ta' strumenti varji oħra maħluqa mill-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni tal-baġit tal-qafas finanzjarju plurijennali 2007-2013;

    5.

    Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

    6.

    Jaghti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma din id-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel arranġamenti sabiex tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    7.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    (3)  EGF/2008/005 ES/Cataluña

    (4)  EGF/2009/001 PT/Norte-Centro.


    It-Tlieta, 15 ta' Settembru 2009
    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament ghall-Globalizzazzjoni (EGF) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ingħataw is-sensja li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

    (2)

    Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu annwali ta' EUR 500 miljun.

    (3)

    Spanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tat-tessuti, fid-29 ta' Diċembru 2008. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti sabiex jigu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta' EUR 3 306 750.

    (4)

    Il-Portugall ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tat-tessuti, fit-23 ta' Jannar 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiziti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta' EUR 832 800.

    (5)

    L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa minn Spanja u l-Portugall,

    IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Ghall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 4 139 550 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Ghall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Ghall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  GU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    Top