Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XX1203(01)

    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistiċi Ewropej (COM(2007) 625 finali)

    ĠU C 308, 3.12.2008, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 308/1


    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistiċi Ewropej (COM(2007) 625 finali)

    (2008/C 308/01)

    IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skond l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 li waslet fis-17 ta' Ottubru 2007 mill-Kummissjoni Ewropea;

    ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

    I.   INTRODUZZJONI

    Konsultazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

    1.

    Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistiċi Ewropej (minn hawn 'il quddiem “il-proposta”) intbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD għal konsultazzjoni, skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, fis-17 ta' Ottubru 2007. Minħabba l-karattru mandatorju ta' l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-KEPD jilqa' r-referenza espliċita għal din il-konsultazzjoni fil-preambolu tal-Proposta.

    2.

    Fil-5 ta' Settembru 2007, il-KEPD ta Opinjoni dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (COM(2007) 46 finali) (minn hawn 'il quddiem “Opinjoni dwar l-istatistika tas-saħħa”) (1). Din il-proposta kellha rabtiet qawwija mal-proposta aktar ġenerali attwali, peress li dik ta' qabel kienet żviluppata fuq sfond legali li llum huwa soġġett għal modifiki. Għalhekk, kif kien enfasizzat fl-opinjoni dwar l-istatistika tas-saħħa, fil-punt 10, teżisti rabta mill-qrib bejn dawn iż-żewġ inizjattivi.

    3.

    Qabel l-adozzjoni ta' l-Opinjoni dwar l-istatistika tas-saħħa, laqgħa li saret bejn il-KEPD u rappreżentanti ta' l-Eurostat wasslet għall-konklużjoni li “reviżjoni komuni tal-proċessi stabbiliti fl-Eurostat meta jiġu ttrattati rekords individwali għal finijiet ta' statistika għandhom jitmexxew u jistgħu jwasslu għall-ħtieġa ta' kontroll minn qabel”. Ġie deċiż ukoll li “din ir-reviżjoni komuni għandha tikkonsisti mill-analiżi tas-sett minimu ta' data meħtieġ għal kull operazzjoni ta' pproċessar u analiżi ta' l-operazzjonijiet ta' pproċessar fl-Eurostat”. Iż-żewġ elementi kienu inklużi fil-konklużjoni ta' l-Opinjoni msemmija hawn fuq. Attwalment, il-KEPD qed jaħdem flimkien mas-servizzi ta' l-Eurostat sabiex iwettaq din ir-reviżjoni komuni (2).

    4.

    Barra minn hekk, fl-20 ta' Diċembru 2007, il-KEPD ta kummenti lill-kumitat tal-LIBE tal-Parlament Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament dwar iċ-Ċensimenti tal-Popolazzjoni u d-Djar (3). Għalkemm ma kienx formalment ikkonsultat mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-proposta, il-KEPD enfasizza r-rilevanza tal-protezzjoni tad-data f'dan il-kuntest. Huwa tenna wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-importanza kruċjali li jiġi definit tajjeb il-qafas legali li fih tiġi pproċessata d-data ta' l-istatistika u l-ħtieġa għall-kjarifika ta' ċerti definizzjonijiet.

    5.

    Fl-aħħarnett, il-KEPD, bħala membru tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29, ipparteċipa b'mod attiv fit-tħejjija ta' l-opinjoni dwar il-kunċett ta' data personali (4), li tanalizza wkoll ċerti aspetti li għandhom x'jaqsmu mad-data ta' l-istatistika.

    Il-proposta fil-kuntest tagħha

    6.

    Skond il-memorandum ta' spjegazzjoni, il-proposta għandha l-għan li tirrevedi l-qafas legali bażiku eżistenti li jirregola l-produzzjoni ta' l-istatistika fil-livell Ewropew bil-għan li din tiġi adattata għar-realtà attwali u wkoll biex din tittejjeb sabiex ikunu sodisfatti l-iżviluppi u l-isfidi futuri. Skond il-Kummissjoni, l-Istatistiċi Ewropej jikkostitwixxu kontribut essenzjali għall-bini ta' kapaċità ta' l-informazzjoni meħtieġa għas-sostenn ta' l-objettivi strateġiċi ta' l-UE u l-politiki sottostanti u l-istrumenti ta' appoġġ.

    7.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li hemm ukoll sejħiet għal ċertu grad ta' flessibbiltà fir-reġim tal-kunfidenzjalità ta' l-istatistika biex jippermetti aċċess kontrollat għal data dettaljata ta' l-istatistika mingħajr ma jiġi kompromess il-livell għoli ta' protezzjoni li teħtieġ id-data kunfidenzjali ta' l-istatistika. L-iskambju ta' data kunfidenzjali fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika (ESS) u r-regoli għall-aċċess għal dik id-data għal finijiet ta' riċerka huma elementi essenzjali f'dan ir-rigward u jeħtieġu modernizzazzjoni tal-ħtiġiet legali attwali.

    8.

    L-Artikolu 285 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jistabbilixxi l-bażi legali għall-attivitajiet ta' l-istatistika fil-livell Ewropew. Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-ħtiġiet relatati mal-produzzjoni ta' l-istatistiċi Komunitarji u, kif enfasizzat fil-paragrafu 2 tiegħu, għandhom “jirrispettaw l-imparzjalità, l-affidabilità, l-oġġettività, l-indipendenza xjentifika, il-proporzjonalità ta' l-ispiża mar-riżultat u l-konfidenzjalità statistika”. Il-proposta attwali tipproponi diversi modifiki għall-qafas legali eżistenti, per eżempju billi titjieb il-governanza ta' l-istatistika jew il-konsolidament ta' l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika (EES), kif ukoll bl-introduzzjoni ta' aktar flessibbiltà fir-regoli attwali dwar il-konfidenzjalità ta' l-istatistika filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tad-data (5).

    9.

    Għal dawk li huma l-għanijiet tal-proposta, hija timmira li tissimplifika l-qafas legali eżistenti għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' l-istatistiċi f'livell Ewropew, b'mod partikolari permezz ta' konsolidar fi strument uniku numru ta' testi separati tal-legislazzjoni ta' l-istatistika tal-Komunità. Dan il-qafas legali eżistenti li għandu jiġi rrevokat, huwa magħmul mill-atti leġislattivi li ġejjin:

    ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (6);

    ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità ta' l-istatistika fl-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (7);

    id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom tad-19 ta' Ġunju 1989 li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi għall-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (8).

    10.

    Il-proposta tfittex li żżomm il-miżuri implimentattivi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta' Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistiċi tal-Komunità rigward aċċess għal għanijiet xjentifiċi għal data kunfidenzjali (9) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/452/KE tad-29 ta' April 2004 li tfassal elenku ta' entitajiet li r-riċerkaturi tagħhom jisgħtu jkollhom aċċess għad-data kunfidenzjali għall-għanijiet xjentifiċi (10).

    11.

    Barra minn hekk, peress li huwa importanti li tkun żgurata kooperazzjoni mill-qrib u koordinazzjoni xierqa bejn l-EES u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB), il-proposta attwali għandha tapplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (11). Madankollu, peress li l-Eurostat għaddej minn reviżjoni komuni ta' pproċessar ta' data, ir-riżultati li jinsabu għandhom ukoll ikunu applikabbli għas-sitwazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew.

    12.

    Il-KEPD ser jiffoka l-analiżi tiegħu fuq l-elementi tal-proposta li jista' jkollhom impatt fuq il-protezzjoni ta' data personali.

    II.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

    13.

    Il-premessa 18 tiddikjara li “id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-ħarsien tad-data personali, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea għandu jiġi żgurat”.

    14.

    Barra minn hekk, il-Premessa 19 tal-proposta tiddikjara li “dan ir-Regolament (‘proposta’) jiżgura l-ħarsien ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali u jispeċifika, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Istatistiċi Ewropej, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' data simili u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' data simili”.

    15.

    Il-KEPD jilqa' dawn iż-żewġ premessi peress li jikkonfermaw li l-protezzjoni tad-data hija element importanti li jrid jitqies meta tkun qed tiġi trattata data ta' l-istatistika. Madankollu, il-KEPD jiffavorixxi, fil-Premessa 18, l-użu ta' formulazzjoni aktar speċifika, simili għal dik użata fil-Premessa 19, għalhekk emendata kif ġej: “Dan ir-Regolament jiżgura d-dritt …”

    16.

    Il-KEPD jilqa' wkoll l-iżvilupp ta' “L-Istrateġija Ewropea għall-Istatistiċi”, kif żviluppata fil-Premessi 12 u 13. Parti minn din l-istrateġija tiddetermina l-awtoritajiet li jipproduċu l-istatistiċi. Fil-fatt, għalkemm l-Istatistiċi Ewropej huma normalment ibbażati fuq data nazzjonali prodotta minn awtoritajiet nazzjonali ta' l-istatistika, jistgħu jiġu wkoll prodotti minn kontributi nazzjonali mhux ippubblikati, minn sotto-gruppi ta' kontributi nazzjonali u minn stħarriġ Ewropew dwar statistika jew minn kunċetti jew metodi armonizzati. Mill-aspett tal-protezzjoni tad-data, huwa importanti li tkun determinata l-awtorità li hi fil-kontroll tad-data użata fil-produzzjoni ta' l-istatistika. Tabilħaqq, dan il-korp għandu jġorr ir-responsabbiltajiet marbutin ma' l-istatus ta' kontrollur tad-data skond id-Direttiva 95/46/KE, inkluż fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni, id-drittijiet għall-aċċess u r-rettifika tas-suġġetti tad-data, u d-dritt li wieħed ikun jaf ir-riċevituri tad-data (f'dan il-każ l-Eurostat huwa riċevitur tad-data), kulmeta jkunu applikabbli dawn id-drittijiet.

    Protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità ta' l-Istatistika

    17.

    Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-istatistika tas-saħħa, il-KEPD analizza l-parallelliżmu bejn il-kunċett ta' data kunfidenzjali u dak ta' data personali. Huwa kkonkluda li l-kunfidenzjalità ta' l-istatistika u l-protezzjoni tad-data, għalkemm jippreżentaw xebh fil-formulazzjonijiet, dawn ikopru żewġ kunċetti differenti (12). Il-KEPD enfasizza l-possibbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ kunċetti u l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod ċar id-differenzi bejn il-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità ta' l-istatistika.

    18.

    Fir-rigward tal-prinċipji dwar l-istatistika, il-KEPD jixtieq jindirizza b'mod speċifiku l-Artikolu 2 (1) (e) tal-proposta, li jiddefinixxi l-prinċipju tal-kunfidenzjalità ta' l-istatistika. L-ewwel, il-KEPD jara li, b'differenza għar-Regolament (KE) Nru 322/97, l-espressjoni “sezzjonijiet ta' statistika” qed tiġi sostitwita b'dik ta' “suġġetti tad-data ta' l-istatistika”. Id-definizzjoni tiġi aktar definita fl-Artikolu 3 (7).

    19.

    Il-KEPD ma jaqbilx mal-bidla tad-definizzjoni, għall-istess raġuni bħal ma ssottolinja fl-Opinjoni tiegħu dwar l-istatistika tas-saħħa rigward il-ħtieġa li wieħed jifhem b'mod ċar id-differenzi fil-kunċetti fl-oqsma rispettivi. Il-kunċett ta' 'suġġett tad-data' huwa kunċett importanti tad-Direttiva 95/46/KE meta tkun qed tiġi definita 'data personali' u dan il-kunċett jirrigwarda esklużivament persuni fiżiċi. Madankollu, id-definizzjoni ta' kunfidenzjalità ta' l-istatistika tirrigwarda mhux biss persuni fiżiċi, iżda wkoll familji li jgħixu f'dar waħda, operaturi ekonomiċi u impriżi oħrajn. Għalhekk, il-KEPD jissuġġerixxi li l-proposta għandha żżomm il-kunċett ta' unitajiet ta' statistika, peress li, f'dan il-każ, kemm persuni fiżiċi kif ukoll familji li jgħixu f'dar waħda, operaturi ekonomiċi u impriżi oħrajn huma koperti b'tali mod li ma tinħoloqx konfużjoni fil-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data.

    Governanza ta' l-istatistika

    20.

    Il-KEPD jilqa' l-formulazzjoni ta' l-Artikolu 5, li jipprevedi l-pubblikazzjoni ta' lista ta' l-awtoritajiet nazzjonali l-oħrajn maħtura mill-Istati Membri fuq is-sit web tal-Kummissjoni (Eurostat). Din il-lista ser trawwem trasparenza fir-rigward ta' l-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu lill-Eurostat data rilevanti dwar unitajiet ta' statistika.

    Kwalità ta' l-istatistika

    21.

    L-Artikolu 10 tal-proposta huwa kollu kemm hu ddedikat għal-livell ta' kwalità mistenni meta tiġi prodotta data ta' statistika. Dan jelenka d-dimensjonijiet tal-kwalità li għandhom jiġu rispettati. Il-proposta tiddikjara li fl-applikazzjoni ta' dawn id-dimensjonijiet tal-kwalità, il-modalitajiet (sic), l-istruttura u l-perjodiċità ta' rapporti tal-kwalità previsti fil-leġislazzjoni settorjali għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja li tissemma fl-Artikolu 27(2) ta' l-istess proposta. Il-KEPD jixtieq jenfasizza li l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jiddefinixxi prinċipji li jirrigwardaw il-kwalità tad-data. Il-KEPD jemmen li l-Eurostat għandu jqis dawn il-prinċipji meta, skond il-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 10 tal-proposta, hu għandu jevalwa l-kwalità tad-data li l-Istati Membri jittrasmettulu. Għalhekk, il-KEPD jissuġġerixxi l-modifika li ġejja għat-tieni sentenza tal-paragrafu 3: “Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità ta' data mibgħuta, ukoll minħabba ħtiġiet ta' protezzjoni tad-data , u tippubblika rapporti”.

    22.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 10 (2) jipprevedi l-applikazzjoni ta' dawn id-dimensjonijiet tal-kwalità għal data koperta mil-leġislazzjoni settorjali f'oqsma speċifiċi ta' l-istatistika. F'każ li dik il-leġislazzjoni settorjali tiġi adottata, l-Artikolu 10 (2) jiddikjara li l-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità previsti fil-leġislazzjoni settorjali għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni. Il-KEPD jixtieq ifakkar li hu jistenna li jkun ikkonsultat rigward il-leġislazzjoni settorjali li tista' tiġi adottata għal statistika mill-Kummissjoni sabiex janalizza l-konformità tagħha mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    Disseminazzjoni ta' l-Istatistiċi Ewropej

    23.

    Rigward id-disseminazzjoni, il-KEPD jaqbel ma' l-Artikolu 18 tal-proposta li jippermetti d-disseminazzjoni tad-data ta' l-istatistika permezz ta' rekords anonimizzati. Madankollu, il-KEPD jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-kunċett ġenerali ta' “anonimizzazzjoni”.

    24.

    Meta tkun qed tiġi kkunsidrata l-anonimità mill-aspett ta' protezzjoni tad-data, għandu jittieħed kont ta' l-interpretazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 fl-opinjoni tiegħu dwar il-kunċett ta' data personali (13). Fil-fehma tiegħu, abbażi tad-Direttiva 95/46/KE, data anonimizzata hija kull informazzjoni rigward persuna fiżika fejn il-persuna ma tistax tiġi identifikata, sew mill-kontrollur tad-data kif ukoll minn kwalunkwe persuna oħra, meta jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktarx jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex ikun identifikat dak l-individwu. Data anonimizzata hi data anonima li qabel kienet tirreferi għal persuna identifikabbli, mhux aktar identifikabbli.

    25.

    Fl-Opinjoni tiegħu rigward l-istatistika tas-saħħa, il-KEPD diġà enfasizza li għalkemm il-kunċett, mill-aspett tal-protezzjoni tad-data, ikun ikopri data li mhix aktar identifikabbli, mill-aspett ta' statistika, data anonima hija data li għaliha mhix possibbli l-identifikazzjoni diretta. Din id-definizzjoni timplika li l-possibbiltà ta' identifikazzjoni indiretta tibqa' tikkwalifika d-data konċernata bħala waħda anonima mill-aspett ta' l-istatistika, iżda mhux neċessarjament mill-aspett ta' protezzjoni tad-data.

    26.

    Għalhekk, sabiex tkun evitata kull konfużjoni bejn iż-żewġ interpretazzjonijiet, il-KEPD jipproponi li jemenda l-Artikolu 18 tal-proposta kif ġej: “Data individwali tista' tixxerred fil-forma ta' fajl għall-użu pubbliku li jikkonsisti f'rekords anonimizzati li ġew preparati b'tali mod li s-suġġett tad-data ta' l-istatistika ma jistax jiġi identifikat, direttament jew indirettament , meta jittieħed kont tal-mezzi kollha rilevanti li jistgħu jintużaw b'mod raġonevoli minn terza persuna.” Din il-kjarifika għandha tevita kull inċertezza rigward id-data li tista' tkun disponibbli għall-użu pubbliku.

    Trasmissjoni ta' data kunfidenzjali

    27.

    L-Artikolu 20 jistabbilixxi r-regola ġenerali għat-trasmissjoni ta' data kunfidenzjali bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni, kif ukoll jistabbilixxi r-regoli għall-iskambju ta' data kunfidenzjali għal finijiet ta' statistika bejn l-ESS u l-ESCB. L-Artikolu 20 (1) tal-proposta jiddikjara li dawn it-trasmissjonijiet huma meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew id-disseminazzjoni ta' Statistiċi Ewropej, li jiġġustifika t-trasferimenti ppjanati. Il-KEPD iqis li dawk it-trasferimenti li jseħħu bejn l-Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali u bejn l-Eurostat u l-BĊE jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ta' ħtieġa previsti fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Barra minn hekk, il-KEPD jappoġġa s-sentenza ta' l-Artikolu 20(1) li tipprevedi li “kull trasmissjoni oħra għandha tkun awtorizzata espliċitament mill-awtorità nazzjonali li ġabret id-data”. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta, il-BĊE (14) ssuġġerixxa xi emendi għall-Artikolu 20 sabiex tkun riflessa l-bażi legali tal-kompetenzi tiegħu fl-ipproċessar ta' data ta' l-istatistika u dwar l-iskambju ta' data kunfidenzjali għal finijiet ta' statistika bejn l-ESS u l-BĊE. Il-KEPD jaqbel mal-modifiki fl-abbozzar tal-proposta li saru mill-BĊE.

    Aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet ta' riċerka

    28.

    Għalkemm l-Artikolu 22 jintroduċi l-possibbiltà li jingħata aċċess għal data kunfidenzjali taħt ċerti kondizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti, il-KEPD jixtieq ifakkar li r-rilaxx ta' settijiet ta' data lil riċerkaturi huwa rregolat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002, li mhuwiex irrevokat mill-proposta attwali (ara l-premessa 29 tal-proposta). Għalhekk, minbarra l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001, ir-regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq li jirrigwarda l-aċċess għal mikrodata anonimizzata għal skopijiet xjentifiċi jridu jiġu meqjusa minn kwalunkwe modalità, regola u kondizzjoni għal aċċess stabbiliti mill-Kummissjoni.

    III.   KONKLUŻJONI

    29.

    Il-KEPD jilqa' l-proposta għal Regolament dwar l-Istatistiċi Ewropej. Dan ir-Regolament jipprovdi bażi legali soda u ġenerali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' l-istatistika f'livell Ewropew.

    30.

    Madankollu, il-KEPD jixtieq jenfasizza l-punti li ġejjin:

    il-KEPD jistenna li jkun ikkonsultat rigward il-leġislazzjoni settorjali li tista' tiġi adottata dwar l-istatistika mill-Kummissjoni sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament, ladarba jkun ġie adottat,

    għandha tiġi implimentata modifika fil-formulazzjoni tal-Premessa 18,

    il-kunċett propost ta' “suġġett tad-data ta' l-istatistika” għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid sabiex tkun evitata il-konfużjoni mal-kunċetti tal-protezzjoni tad-data,

    għandu jittieħed kont tal-prinċipju tal-kwalità tad-data fl-evalwazzjoni tal-kwalità mill-Kummissjoni,

    l-ambigwità tal-kunċett ta' “anonimizzazzjoni” ta' data għandha titqies fil-kuntest tad-disseminazzjoni tad-data.

    Magħmul fi Brussell, 20 ta' Mejju 2008.

    Peter HUSTINX

    Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


    (1)  ĠU C 295, 7.12.2007, p. 1. Disponibbli fis-sit web tal-KEPD.

    (2)  Bħala konklużjoni possibbli tar-reviżjoni komuni, jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' kontroll minn qabel ta' operazzjonijiet ta' l-ipproċessar individwali, skond l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    (3)  COM/2007/0069 finali.

    (4)  Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data, Opinjoni 4/2007 dwar il-kunċett ta' data personali, adottata fl-20 ta' Ġunju 2007 (WP 136). Ara speċjalment l-eżempji 17 u 18.

    (5)  Punt 3 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni

    (6)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

    (7)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.

    (8)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

    (9)  ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7.

    (10)  ĠU L 156, 30.4.2004, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 202, 7.6.2004, p. 1.

    (11)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8. Ara wkoll l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-proposta.

    (12)  Ara l-punti 14-17 ta' l-Opinjoni.

    (13)  Ara n-nota 4 ta' qiegħ il-paġna.

    (14)  Ara l-Opinjoni tal-BĊE C 291/01 tal-5 ta' Diċembru 2007 — proposti ta' abbozzar.


    Top