Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XX0605(02)

    Rapport finali ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fil-Każ COMP/C-3/37.792 — Microsoft (Skond l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat- 23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza għall-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni — ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21 )

    ĠU C 138, 5.6.2008, p. 4–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 138/4


    Rapport finali ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fil-Każ COMP/C-3/37.792 — Microsoft

    (Skond l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza għall-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni — ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21)

    (2008/C 138/05)

    L-abbozz tad-deċiżjoni jagħti lok għall-osservazzjonijiet li ġejjin:

    Il-proċedura ta' l-Artikolu 24(1) hija bbażata fuq id-deċiżjoni finali ta' l-24 ta' Marzu 2004

    Fl-24 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fi proċediment skond l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (Każ COMP/C-3/37.792) indirizzat lill-Korporazzjoni Microsoft (“Microsoft”). F'din id-deċiżjoni (“id-Deċiżjoni Finali”), il-Kummissjoni sabet, inter alia, li Microsoft kienet kisret l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (“l-Artikolu 82”) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE billi rrifjutat, minn Ottubru 1998 sad-data tad-Deċiżjoni, li tiżvela ċerta “Informazzjoni ta' l-Interoperabilità” speċifikata lil bejjiegħa ta' prodotti ta' work group server operating systems, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw u jiddistribwixxu dawn il-prodotti (1).

    Fl-10 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni skond l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (id-“Deċiżjoi ta' l-Artikolu 24(1)”). L-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni jordna li “l-Microsoft Corporation tiżgura li sal-15 ta' Diċembru 2005, hija tkun ikkonformat għal kollox ma' l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni Finali. Fl-assenza ta' din il-konformità, ħlas perjodiku ta' penali ta' EUR 2 miljuni kuljum, ikkalkulati minn dik id-data, għandhom jiġu imposti fuq il-Microsoft Corporation.”

    Id-Deċiżjoni ta' l-Artikolu 24(1) identifikat żewġ sitwazzjonijiet fejn il-Microsoft ma kkonformatx ma' l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni Finali. Dan il-proċediment jikkonċerna biss l-allegazzjoni li l-Microsoft ma pprovdietx dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkorpora l-Informazzjoni ta' l-Interoperabilità li kienet ordnata li tipprovdi taħt id-Deċiżjoni Finali.

    Il-Miżuri meħuda mill-Microsoft sabiex tipprovdi dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża u r-reazzjonijiet tal-Kummissjoni

    Fl-14 ta' Diċembru 2004, il-Microsoft bagħtet dokumentazzjoni teknika (speċifikazzjonijiet) li l-Microsoft kienet ħejjiet għall-protokolli relevanti (“Dokumentazzjoni Teknika”) lil—Kummissjoni. L-OTR, l-esperti tekniċi esterni tal-Kummissjoni, rrevedew din id-Dokumentazzjoni Teknika u pprovdew rapport negattiv (“l-ewwel rapport ta' l-OTR”) fir-rigward tal-kompletezza, preċiżjoni u utilità għall-iskop tiegħu. Fil-15 ta' Ġunju 2005, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu l-ewwel rapport ta' l-OTR lill-Microsoft għall-kummenti. Il-Microsoft ipprovdiet ir-rispons tagħha għall-ewwel rapport ta' l-OTR fit-8 ta' Lulju 2005.

    Bid-deċiżjoni tat-28 ta' Lulju 2005, il-Kummissjoni stabbiliet mekkaniżmu ta' monitoraġġ billi pprovdiet għall-ħatra, il-funzjonijiet u l-obbligi ta' Trustee tal-Monitoraġġ. Il-Funzjoni tat-Trustee hija li jgħin lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-konformità mad-Deċiżjoni Finali (2). Fil-5 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni għażlet persuna waħda minn lista ta' erba' esperti ppreżentata mill-Microsoft, bħala Trustee tal-Monitoraġġ.

    B'reazzjoni għat-tħassib li tqajjem fl-ewwel rapport ta' l-OTR dwar l-informazzjoni fid-Dokumentazzjoni Teknika, il-Microsoft ipprovdiet verżjoni aġġornata tad-Dokumentazzjoni Teknika lis-servizzi tal-Kummissjoni fit-8 ta' Awissu 2005.

    Din il-verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika ġiet ukoll riveduta mill-OTR. L-OTR ipprovdew rapport aġġornat dwar il-kompletezza u l-preċiżjoni tad-Dokumentazzjoni teknika li żammet il-fehma negattiva ta' l-OTR.

    Sabiex twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(c) tad-Deċiżjoni Finali, il-Microsoft poġġiet Ftehim ta' Valutazzjoni għad-dispożizzjoni ta' l-impriżi interessati. Erba' kumpaniji (Novell, IBM, Oracle and Sun) s'issa daħlu fi ftehimiet ta' valutazzjoni ta' tlitt ijiem mal-Microsoft. Is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lil dawn il-kumpaniji sabiex iressqu sew deskrizzjoni dettaljata ta' kif saret il-valutazzjoni fuq il-post, u valutazzjoni ta' jekk id-Dokumentazzjoni Teknika eżaminata matul il-valutazzjoni kenitx tipprovdi speċifikazzjonijiet sħaħ u preċiżi għall-protokolli koperti mid-Deċiżjoni, u kif ukoll il-fehmiet tagħhom dwar il-valur tat-teknoloġija żvelata permezz tad-Dokumentazzjoni Teknika.

    B'risposta għal żewġ talbiet tal-Kummissjoni (waħda f'Settembru/Ottubru 2005 u oħra f'Marzu 2006), Novell, IBM, Oracle u Sun ipprovdew kummenti kritiċi dwar l-adegwatezza u s-suffiċjenza tad-Dokumentazzjoni Teknika pprovduta.

    Fil-11 u t-23 ta' Novembru 2005, il-Microsoft ressqet Dokumentazzjoni Teknika riveduta (“id-Dokumentazzjoni Teknika ta' Novembru 2005”). Fit-30 ta' Novembru 2005, it-Trustee ressaq Rapport Preliminari dwar id-Dokumentazzjoni Teknika reveduta tal-Microsoft, li ntbagħat lill-Microsoft. Fil-15 ta' Diċembru 2005, it-Trustee ressaq ir-Rapport Finali tiegħu dwar id-Dokumentazzjoni Teknika ta' Novembru 2005.

    Fil-15 ta' Diċembru 2005, il-Microsoft ressqet risposta għar-Rapport Preliminari tat-Trustee u ħabbret li Dokumentazzjoni Teknika reveduta ulterjorment (“id-Dokumentazzoni Teknika tal-15 ta' Diċembru 2005”) kienet disponibbli f'Redmond. Din it-tielet verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika, li ma waslitx għand il-Kummissjoni qabel is-26 ta' Diċembru 2005, saru kummenti dwarha mit-Trustee fit-3 ta' Marzu 2006.

    Id-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet

    Fil-21 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni ressqet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lill-Microsoft, fejn esprimiet il-fehmiet preliminari tagħha li d-Dokumentazzjoni Teknika reveduta mressqa fil-11 u t-23 ta' Novembru 2005 kienet għadha mhix suffiċjenti sabiex tikkonforma ma' l-obbligi tal-Microsoft taħt l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni Finali. Id-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet irreferiet ukoll għat-tielet verżjoni tad-dokumentazzjoni teknika billi għamlet il-punt li l-bidliet fil-verżjoni tad-Diċembru 2005 tad-Dokumentazzjoni Teknika kienu essenzjalment limitati għall-ifformattjar. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-verżjoni tad-Diċembru 2005 tad-Dokumentazzjoni Teknika ma kenitx tirrimedja n-nuqqasijiet identifikati fil-verżjonijiet preċedenti. Ir-Rapporti tat-Trustee ġew annessi mad-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet.

    Il-Microsoft intalbet sabiex tirrispondi sal-31 ta' Jannar 2006. Fuq talba tal-Microsoft, jiena tawwalt dan il-limitu ta' żmien sal-15 ta' Frar 2006, b'mod partikolari sabiex ikun possibbli għall-esperti esterni tal-Microsoft sabiex jelaboraw opinjonijiet motivati dwar il-kritika espressa mill-Kummissjoni. Dan il-limitu ta' żmien estiż ġie rispettat.

    Fis-smigħ orali u fir-risposta miktuba tagħha, il-Microsoft qalet li d-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet kienet fundamentalment żbaljata minħabba li ma kenitx tagħti biżżejjed każ tad-Dokumentazzjoni Teknika mħabbra mill-Microsoft fil-15 ta' Diċembru 2005. Miħabba li l-Microsoft infurmat lill-Kummissjoni li d-Dokumentazzjoni Teknika kellha tkun lesta għall-ispezzjoni sal-15 ta' Diċembru, il-Kummissjoni kellha tistenna sa meta tasal kopja tad-Dokumentazzjoni Teknika fi Brussell minflok toħroġ id-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet qabel.

    Ma naqbilx mal-fehma tal-Microsoft li d-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet kienet żbaljata. Kif rikonoxxut fil-każistika, Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet hija dokument li jiddikjara l-konklużjonijiet preliminari. Sa meta tkun ġiet adottata deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tibdel jew tissupplimenta l-pożizzjoni espressa hemm sakemm din tkun tat lill-impriżi kkonċernati l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom f'dan ir-rigward (3). Fl-ittra tal-fatti maħruġa fl-10 ta' Marzu 2006 (ara aktar 'l-isfel), il-Microsoft ġiet infurmata kif jixraq dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tielet verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika ppreżentata mill-Microsoft u ngħatat żmien suffiċjenti sabiex tiddikjara l-fehmiet tagħha. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Microsoft ma tistax tgħid li kien hemm ksur tad-drittijiet tagħha fir-rigward tal-ħruġ tad-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet.

    Is-sottomissjonijiet sussegwenti tal-Microsoft u “l-ittra tal-fatti”

    Fil-25 ta' Jannar 2006, il-Microsoft offriet lill-liċenzjati tad-Dokumentazzjoni Teknika l-kodiċi sors tal-Windows permezz ta' liċenzja ta' referenza tal-kodiċi sors.

    Fit-30 ta' Jannar 2006, il-Microsoft ippreżentat ir-raba' verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika lis-servizzi relevanti tal-Kummissjoni.

    Fl-10 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni ressqet dokument (“ittra ta' fatti”) lill-Microsoft li l-verżjoni tal-15 ta' Diċembru 2005 tad-Dokumentazzjoni Teknika kienet meqjusa bħala mhux suffiċjenti sabiex tikkonforma mad-Deċiżjoni Finali. Minbarra dan, il-Microsoft ġiet infurmata li l-iżvelar tal-kodiċi sors kien meqjus bħala irrelevanti għall-obbligazzjonijiet tal-Microsoft taħt l-Artikoli 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni Finali. Rapport imħejji mit-Trustee li jindirizza t-tielet verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika u rapport imħejji mit-TAEUS li jindirizza r-raba' verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika, anki jekk biss permezz ta' eżami ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' wieħed mill-protokolli, ġew mehmuża.

    Il-Microsoft ingħatat l-opportunità li tikkummenta dwar l-ittra tal-fatti fi żmien gimagħtejn.

    Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Marzu 2006, il-Microsoft esprimiet il-fehma li l-ittra tal-fatti kienet qed tagħmel allegazzjonijiet ġodda u għalhekk kienet tikkostitwixxi dikjarazzjoni supplimentari ta' oġġezzjonijiet, li l-ħruġ tagħha jkun jirrikjedi skadenza għar-risposti ta' erba' ġimgħat. B'mod partikolari, il-Microsoft qieset li l-affermazzjoni li kien hemm fl-ittra tal-fatti skond liema t-tielet verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika ma kenitx konformi ma' l-Artikoli 5(a) u (c) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Marzu 2004, kienet tikkostitwixxi allegazzjoni ġdida.

    Fir-risposta tiegħi tas-17 ta' Marzu 2006, iddikjarajt li ma kontx naqbel mal-fehma tal-Microsoft li l-ittra tal-fatti tal-Kummissjoni kienet tippreżenta oġġezzjonijiet li ma kinux jinsabu fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħi, li wieħed jindirizza f'aktar dettall il-verżjoni tal-15 ta' Diċembru tad-Dokumentazzjoni Teknika ma kienx jammonta għall-introduzzjoni ta' oġġezzjonijiet ġodda kontra l-Microsoft iżda kien qed isostni l-oġġezzjonijiet eżistenti fid-dawl ta' fatti ġodda. Għaldaqstant, ma lqajtx it-talbiet tal-Microsoft. Madankollu, b'mod partikolari bil-għan li l-Microsoft tkun tista' tiffoka fuq it-tħejjija tas-smigħ orali fil-jiem ta' wara, sew fir-rigward tad-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet u fir-rigward ta' l-ittra tal-fatti, jien ma obbligajtx lill-Microsoft sabiex jipprovdu sottomissjoni bil-miktub għall-ittra tal-fatti qabel is-smigħ orali, u tajt lill-Microsoft sa ġimagħtejn wara s-smigħ orali, jiġifieri sa l-14 ta' April 2006, sabiex tressaq il-kummenti bil-miktub dwar l-ittra tal-fatti. Dan il-limitu ta' żmien ġie rispettat.

    Is-sottomissjonijiet sussegwenti tal-Microsoft u t-tieni ittra tal-fatti tal-Kummissjoni

    Fil-11 ta' April 2006, il-Microsoft ippreżentat verżjoni reveduta oħra tad-Dokumentazzjoni Teknika.

    Wara l-laqgħa bejn it-Trustee u r-rappreżentanti tal-Microsoft u l-Kummissjoni fis-7 u t-8 ta' April 2006 u ittra mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kompetizzjoni lill-Kap Eżekuttiv tal-Microsoft fit-13 ta' April 2006, il-Microsoft ipprovdiet lit-Trustee fit-22 ta' April 2006 bi pjan ta' ħidma għall-preżentazzjoni ta' Dokumentazzjoni Teknika sħiħa u preċiża. Dan il-pjan ta' ħidma jipprevedi li Dokumentazzjoni Teknika reveduta għall-biċċa l-kbira tal-protokolli deskritti fiha se tiġi ppreżentata sat-30 ta' Ġunju 2006 u li d-Dokumentazzjoni Teknika għall-bqija tal-protokolli deskritti fiha se jiġu ppreżentati sat-18 ta' Lulju 2006.

    Fil-15 ta' Mejju 2006, it-Trustee ppreżenta żewġ rapporti: wieħed minn dawn ipprovda kummenti dwar ir-rapporti mill-esperti tekniċi tal-Microsoft, li kienu mehmuża ma' l-ittra tal-Microsoft ta' l-14 ta' April 2006 u rapport ieħor li pprovda valutazzjoni tal-kompletezza u l-preċiżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika ppreżentata mill-Microsoft fil-11 ta' April 2006.

    Fil-15 ta' Mejju 2006, TAEUS ippreżentaw rapport li pprovda valutazzjoni tal-kompletezza u l-preċiżjoni ta' din id-dokumentazzjoni u pprovda kummenti dwar ir-rapporti ta' l-espert tal-Microsoft. Dan ir-rapport ġie ppreżentat lill-Microsoft fid-19 ta' Mejju 2006 flimkien mar-rapport tat-Trustee tal-15 ta' Mejju 2006 u r-Rapport tat-Trustee dwar id-Dokumentazzjoni Teknika ppreżentat mill-Microsoft fil-11 ta' April 2006. Bl-istess ittra, il-Kummissjoni infurmat lil Microsoft dwar il-valutazzjoni tagħha li l-oġġezzjonijiet li tqajmu fil-21 ta' Diċembru 2005 fir-rigward tal-kompletezza u l-preċiżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika ma kinux ġew indirizzati u għalhekk kienu għadhom validi. Il-Kummissjoni stiednet lil Microsoft sabiex tippreżenta kummenti fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċeviha.

    Fit-23 ta' Mejju 2006, il-Microsoft talbet li l-limitu ta' żmien sabiex tirrispondi għall-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2006 kellha tiġi estiża b'ġimagħtejn.

    Fit-30 ta' Mejju 2006, qbilt li nestendi l-limitu ta' żmien sabiex il-Microsoft tirrispondi għall-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2006 sad-9 ta' Ġunju 2006.

    Fid-9 ta' Ġunju 2006, il-Microsoft irrispondiet għall-ittra tad-19 ta' Mejju 2006. Dan ir-rispons inkluda żewġ rapporti oħra ta' l-esperti tekniċi tal-Microsoft.

    Aċċess għall-fajl

    Wara li ppreżentat id-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet, il-Microsoft ingħatat aċċess għall-fajl fit-23 ta' Diċembru 2005. Permezz ta' ittri ta' l-24 ta' Diċembru 2005 u t-2 ta' Jannar 2006 u f'laqgħa fl-uffiċċju ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fis-6 ta' Jannar 2006, il-Microsoft talbet aċċess ulterjuri għall-fajl tal-Kummissjoni. Din it-talba għal aċċess għall-fajl kopriet ukoll il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni fuq naħa u l-OTR u t-Trustee tal-Monitoraġġ fuq in-naħa l-oħra.

    Permezz ta' ittra tat-13 ta' Jannar 2006, ma lqajtx it-talba tal-Microsoft għal aċċess għall-korrispondenza ma' l-OTR u t-Trustee tal-Monitoraġġ. Wara korrispondenza dettaljata mal-Microsoft dwar din il-kwistjoni, jien ikkunsidrajt li din il-korrispondenza hija interna. Madankollu, ikkontrollajt bir-reqqa jekk l-aċċess għal dawn l-elementi tal-korrispondenza setax ikun neċessarju sabiex tinftiehem b'mod adegwat il-metodoloġija jew il-verifikazzjoni teknika proprja tar-rapport tat-Trustee jew b'xi mod ieħor indispensabbli għad-difiża tal-Microsoft. Minħabba li dan ma setax jiġi eskluż għal “Test ta' Suffiċjenza” li kien sar mit-Trustee tal-Monitoraġġ, iddeċidejt li nagħti aċċess għal dan id-dokument. Minbarra dan, sabiex nippermetti lill-Microsoft tivverifika s-selezzjoni ta' dokumenti tas-servizzi tal-Kummissjoni, assigurajt li l-Microsoft kienet ipprovduta b'lista deskrittiva tad-dokumenti kollha li kienu għadhom mhux żvelati li kienu potenzjalment relatati mad-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet.

    Permezz ta' ittra tas-17 ta' Jannar 2006, il-Microsoft talbet aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-kuntatti tal-Kummissjoni ma' l-erba' kumpaniji li kienu rrispondew għat-test tas-suq tal-Kummissjoni (Novell, IBM, Oracle u Sun) u kif ukoll kull parti terza oħra li l-Kummissjoni kellha kuntatt magħha f'dan il-kuntest. Għalkemm is-sottomissjonijiet ta' dawn il-partijiet terzi kienu oriġinarjament ġew ikklassifikati bħala kunfidenzjali, dawk kollha li kienu taw informazzjoni warrbu d-dritt tagħhom għall-kunfidenzjalità fir-rigward tad-dokumenti tagħhom fuq il-lista pprovduta lill-Microsoft. Għaldaqstant, id-dokumenti tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Microsoft. Minħabba li xi wħud mill-waivers kienu saru espliċitament bil-kundizzjoni li l-Microsoft ma xxerridx l-informazzjoni lil persuni oħra minbarra l-avukati tal-Microsoft jew il-persunal tal-Microsoft direttament konness ma' dan, infurmajt lil Microsoft f'dan is-sens. Sussegwentement, xi fornituri ta' informazzjoni lmentaw li l-Microsoft kienet użat l-informazzjoni ħażin għal finijiet oħra għajr id-difiża tal-Microsoft fil-proċedimenti kurrent, b'mod partikolari billi ppreżentat l-informazzjoni fuq il-paġna ta' l-internet tal-Microsoft. Il-Microsoft ingħatat l-opportunità li tikkummenta dwar dawn l-ilmenti. Fl-aħħar nett, tajt ukoll aċċess għal korrispondenza waħda li l-OTR u t-Trustee tal-Monitoraġġ kellhom ma' partijiet terzi.

    Permezz ta' ittra tat-2 ta' Marzu 2006 lili, il-Microsoft talbet aċċess għal kull materjal li l-fornituri ta' l-informazzjoni, partikolarment Sun, IBM, u Oracle kienu ssottomettew direttament lit-Trustee u lill-OTR. Għalkemm dawn id-dokumenti ma kinux fil-fajl tal-Kummissjoni fiż-żmien tat-talba tal-Microsoft, is-servizzi relevanti tal-Kummissjoni qablu li jitolbu din il-korrispondenza mingħand it-Trustee (l-OTR infurmaw lill-Kummissjoni li ma kienu jeżistu l-ebda skambji ma' partijiet terzi). Minbarra minn ftit dokumenti li kienu kkunsidrati bħala kunfidenzjali u mhux relatati, il-Microsoft kienet ipprovduta b'din l-informazzjoni.

    Permezz ta' ittra tat-22 ta' Marzu 2006, il-Microsoft talbet aċċess għal tweġibiet li s-servizzi tal-Kummissjoni kienu rċevew mingħand kumpaniji terzi b'risposta għat-talbiet ta' l-Artikolu 18. Jien assigurajt li l-aċċess kien ġie pprovdut hekk kif it-talbiet tal-kunfidenzjalità tal-partijiet terzi kienu ġew indirizzati. Fl-istess ittra, il-Microsoft talbet aċċess għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-espert ġdid tagħha, TAEUS. Peress li kont inqis din il-korrispondenza bħala interna, ma lqajtx it-talba tal-Microsoft. Madankollu, ivverifikajt li l-biċċiet ta' korrispondenza ma kinux indispensabbli għall-verifika tal-korrettezza teknika tar-rapporti mħejjija mit-TAEUS jew sabiex tinftiehem il-metodoloġija użata. Il-Microsoft assumiet ukoll li kien hemm aktar korrispondenza bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u partijiet terzi interessati. Jien infurmajt lil Microsoft li dan ma kienx il-każ.

    Permezz ta' ittra tat-23 ta' Mejju 2006, il-Microsoft talbet aċċess għal aktar korrispondenza bejn il-Kummissjoni fuq naħa waħda u t-Trustee u t-TAEUS fuq in-naħa l-oħra u talbet aċċess għal lista aġġornata ta' komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u partijiet terzi u kopji tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' dawn il-komunikazzjonijiet.

    Fir-risposta tiegħi tat-2 ta' Ġunju 2006, erġajt affermajt il-pożizzjoni tiegħi li l-Microsoft ma kenitx intitolata għal aċċess għall-korrispondenza interna bejn il-Kummissjoni fuq naħa u t-TAEUS jew it-Trustee fuq in-naħa l-oħra. Madankollu, ivverifikajt bir-reqqa li l-korrispondenza ma kienx fiha elementi indispensabbli għad-difiża tal-Microsoft. Minbarra dan, assigurajt li l-Microsoft intbagħtitilha lista aġġornata ta' komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u partijiet terzi u kopja sħiħa tal-komunikazzjonijiet li ma kinux kunfidenzjali iżda kienu jirrigwardaw oġġezzjonijiet li tqajmu kontra l-Microsoft f'dawn il-proċedimenti.

    Is-smigħ orali

    Fis-sottomissjoni tagħha tal-15 ta' Frar 2006, il-Microsoft talbet smigħ orali pubbliku. Fl-ittra tiegħi tat-23 ta' Frar 2006, irreferejt għall-fatt li, skond it-test ċar ta' l-Artikolu 14(6) Regolament (KE) Nru 773/2004, is-smigħ orali ma jistax ikun pubbliku. Minħabba li din id-dispożizzjoni kienet mhux biss fl-interess tal-Microsoft, iżda fl-interess ukoll tal-parteċipanti l-oħra fis-smigħ u fl-interess tal-proċedura (inter alia, sabiex tinżamm is-serenità tad-dibattitu), kont tal-fehma li t-talba tal-Microsoft ma setgħetx tippermettili li nvarja mir-regola stabbilita li kienet assigurat li s-smigħ orali jsiru f'atmosfera kostruttiva u produttiva matu l-aħħar 40 sena.

    Ladarba rrifjutajt it-talba tal-Microsoft għal postponiment, is-smigħ orali sar fit-30 u l-31 ta' Marzu 2006.

    Minbarra l-Microsoft, disgħa partijiet interessati attendew is-Smigħ u taw preżentazzjonijiet.

    L-ebda restrizzjonijiet ma tpoġġew fuq il-Microsoft fir-rigward tas-sottomissjonijiet tagħha fis-smigħ orali. Minbarra dan, ingħatalhom prattikament il-ħin kollu li talbu biex jitkellmu. Minħabba n-numru ta' partijiet terzi involuti, xi wħud minnhom intalbu jnaqqsu t-talbiet inizjali tagħhom għal ħin biex fih jitkellmu. Inżamm bilanċ globali bejn il-Microsoft u l-partijiet terzi. Il-Microsoft ingħatatilha l-possibilità li tirrispondi għall-kummenti tal-partijiet terzi fl-istadju finali tas-smigħ.

    Is-smigħ orali nżamm essenzjalment abbażi ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Microsoft fis-26 ta' Diċembru 2005 (it-tielet verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika). Madankollu, ma ntervjenejtx meta r-raba' verżjoni tad-Dokumentazzjoni Teknika tal-Microsoft sottomessa fit-30 ta' Jannar 2006 kienet indirizzata ladarba din is-sottomissjoni kienet ġiet trattata fil-qosor fir-rapport tat-TAEUS mehmuż ma' l-ittra tal-fatti tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Marzu 2006.

    L-abbozz tad-deċiżjoni finali

    Fil-fehma tiegħi, l-abbozz tad-deċiżjoni finali ma fihx elementi ta' liġi li ma ġewx ippreżentati fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet u l-ebda elementi ta' fatti li ma kinux ġew ippreżentati jew fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet jew fl-ittra tal-fatti.

    Fid-dawl ta' dan, nikkunsidra li d-dritt tal-Microsoft u tal-partijiet terzi sabiex jinstemgħu ġie rrispettat fil-każ preżenti.

    Brussell, it-3 ta' Lulju 2006.

    Karen WILLIAMS


    (1)  L-Artikolu 5 tal-parti operattiva tad-Deċiżjoni Finali tgħid:

    “Fir-rigward ta' l-abbuż imsemmi fl-Artikolu 2(a):

    (a)

    Il-Microsoft Corporation għandha, fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, tpoġġi l-Informazzjoni ta' l-Interoperabilità għad-dispożizzjoni ta' kull impriża li għandha interess li tiżviluppa u tiddistribwixxi prodotti ta' work group server operating systems u għandha, fuq termini raġonevoli u mhux diskriminatorji, tippermetti l-użu ta' l-Informazzjoni ta' l-Interoperabilità minn dawn l-intrapriżi għall-finijiet ta' l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-work group server operating systems;

    (b)

    Il-Microsoft Corporation għandha tiżgura li l-Informazzjoni ta' l-Interoperabilità li titpoġġa għad-dispożizzjoni tinżamm aġġornata fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien;

    (c)

    Il-Microsoft Corporation għandha, fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, twaqqaf mekkaniżmu ta' valutazzjoni li jagħti lill-impriżi interessati possibilità fattibbli sabiex jinfurmaw ruħhom dwar il-firxa u t-termini ta' l-użu ta' l-Informazzjoni ta' l-Interoperabilità; fir-rigward ta' dan il-mekkaniżmu tal-valutazzjoni, il-Microsoft Corporation tista' timponi kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji sabiex tiżgura li l-aċċess għall-Informazzjoni ta' l-Interoperabilità tingħata għall-finijiet biss tal-valutazzjoni;” (…)

    (2)  Cf. Artikolu 7 tad-Deċiżjoni u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tat-Trustee.

    (3)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, fil-Każijiet konġunti T-191/98 u T-212/98 sa T-214/98, Atlantic Container Line, paragrafu 115.


    Top