This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008XX0410(01)
Opinion of the European Data Protection Supervisor on the Initiative of the Federal Republic of Germany, with a view to adopting a Council Decision on the implementation of Decision 2007/…/JHA on the stepping up of cross-border cooperation, particularly in combating terrorism and cross-border crime
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/…/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfini
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/…/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfini
ĠU C 89, 10.4.2008, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 89/1 |
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/…/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfini
(2008/C 89/01)
IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA
I. INTRODUZZJONI
1. |
Fid-9 ta' Novembru 2007, il-Ġurnal Uffiċjali ppubblika l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/…/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfini (1) (“l-inizjattiva”). Din l-inizjattiva hija supplimentata b'Anness tat-18 ta' Ottubru 2007 li fih aktar dettalji dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/…/ĠAI (“l-anness”) (2). |
2. |
Il-KEPD ma ntalabx jagħti parir dwar din l-inizjattiva għal deċiżjoni implimentattiva. Għalhekk huwa qed joħroġ din l-opinjoni fuq inizjattiva tiegħu, bl-istess mod kif inħarġet l-opinjoni tiegħu dwar l-inizjattiva għal Deċiżjoni tal-Kunsill, fl-4 ta' April 2007 (3). |
3. |
Għalkemm ma hemmx obbligu legali għal Stat Membru li jieħu l-inizjattiva għal miżura leġislattiva taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE li jitlob lill-KEPD għal parir, il-proċedura lanqas ma timpedixxi t-talba għal tali parir. Barra minn hekk, fl-Opinjoni tiegħu ta' l-4 ta' April 2007, il-KEPD irrakkomanda li tiżdied is-sentenza li ġejja ma' l-Artikolu 34 ta' dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill:“Il-Kunsill għandu jikkonsulta lill-KEPD dwar tali miżura implimentattiva”. Sfortunatament, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx segwita, minkejja l-loġika warajha: f'dan il-każ, il-miżuri implimentattivi ħafna drabi ser jaffettwaw l-ipproċessar tad-data personali. L-inizjattiva attwali mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija turija ċara ta' din il-loġika. |
4. |
Il-KEPD ma jinferixxi l-ebda konklużjoni sostantiva minn dan ir-riżultat. Huwa skond l-approċċ magħżul mill-Kunsill li l-inizjattiva tiġi modifikata ftit kemm jista' jkun, sabiex tiġi żgurata kompatibbiltà sħiħa mat-test tat-Trattat ta' Prüm li kien ġie ffirmat preċedentement minn għadd ta' Stati Membri. Il-KEPD ser jiddiskuti l-impatt demokratiku ta' dan l-approċċ aktar 'il quddiem f'din l-opinjoni. |
II. KUNTEST U QAFAS LEGALI
5. |
It-Trattat ta' Prüm ġie ffirmat f'Mejju 2005 minn seba' Stati Membri, barra mill-qafas tat-Trattat UE. Sussegwentement, Stati Membri oħrajn aċċedew għat-Trattat. |
6. |
It-Trattat ta' Prüm huwa kkumplimentat bi ftehim implimentattiv, ibbażat fuq l-Artikolu 44 ta' dak it-Trattat u konkluż fil-5 ta' Diċembru 2006. Dan il-ftehim implimentattiv huwa neċessarju għall-funzjonament tat-Trattat ta' Prüm. |
7. |
L-elementi prinċipali tat-Trattat ta' Prüm ser ikunu inklużi fil-qafas legali ta' l-Unjoni Ewropea, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/…/ĠAI fuq l-inizjattiva ta' 15-il Stat Membru (“l-inizjattiva ta' Prüm”), li dwarhom diġà ntlaħaq qbil politiku fil-Kunsill. Din l-inklużjoni kienet sa mill-bidu l-intenzjoni tal-Partijiet Kontraenti għat-Trattat UE, kif ikkonfermat mill-preambolu fit-Trattat ta' Prüm. |
8. |
L-intenzjoni waqt il-proċedura leġislattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill ma kinitix li jiġu diskussi aktar il-kwistjonijiet maġġuri, iżda li jintlaħaq ftehim dwar l-acquis tat-Trattat ta' Prüm. Din l-intenzjoni kienet mill-aktar importanti minħabba li — fl-istennija tal-proċedura leġislattiva — il-proċess ta' ratifika tat-Trattat kompla f'għadd ta' Stati Membri u t-Trattat daħal fis-seħħ. |
III. OĠĠETT U FOKUS TA' DIN L-OPINJONI
9. |
Din l-opinjoni ser tiffoka fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regoli implimentattivi. Il-punti magħmulin fl-opinjoni preċedenti tal-KEPD dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-inizjattiva ta' Prüm għadhom validi u mhux ser jiġu ripetuti, sakemm dan ma jkunx neċessarju biex jiġu enfasizzati dawk il-kwistjonijiet li l-leġislatur għadu jista' jindirizza permezz tar-regoli implimentattivi. |
10. |
F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jisħaq li r-regoli implimentattivi għandhom importanza speċifika, minħabba li, apparti minn xi dispożizzjonijiet amministrattivi u tekniċi, huma jiddefinixxu aspetti u għodda kruċjali tas-sistema u l-funzjonament tagħha. Per eżempju, Kapitolu 1 tar-regoli implimentattivi jistabbilixxi d-definizzjonijiet tat-termini użati fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar Prüm. Barra minn hekk, ir-regoli implimentattivi jistabbilixxu dispożizzjonijiet komuni għall-iskambju ta' data (kapitolu 2), u mbagħad jiddefinixxu l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-iskambju ta' DNA (kapitolu 3), data dattiloskopika (kapitolu 4) u data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (kapitolu 5). Id-dispożizzjonijiet finali tal-kapitolu 6 fihom dispożizzjonijiet importanti dwar l-adozzjoni ta' aktar regoli implimentattivi f'manwali kif ukoll dwar l-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni tad-deċiżjoni. |
11. |
Barra minn hekk, l-anness ser ikun ikkunsidrat biss safejn jikkontribwixxi, jew għandu jikkontribwixxi, għad-definizzjoni tal-karatteristiċi tas-sistema proposta u l-garanziji għas-suġġetti tad-data. |
IV. PUNTI ĠENERALI
Marġni limitat ta' manuvrar
12. |
Il-KEPD jinnota li anki f'dan il-każ l-eżistenza minn qabel ta' regoli implimentattivi li diġà huma fis-seħħ għall-Konvenzjoni ta' Prüm tidher li qed tnaqqas bil-qawwa l-marġni reali ta' manuvrar imħolli lill-Kunsill. Fil-fatt, il-Premessa 3 u l-Artikolu 18 ta' l-inizjattiva jiddikjaraw li kemm id-deċiżjoni implimentattiva kif ukoll il-manwali għandhom ikunu ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet implimentattivi miftiehma fil-5 ta' Diċembru 2006 dwar l-implimentazzjoni amministrattiva u teknika tat-Trattat ta' Prüm. Għalhekk, skond l-inizjattiva preżenti, is-27 Stat Membru għandhom isegwu t-triq diġà definita mis-7 Stati Membri li ffirmaw it-Trattat ta' Prüm. |
13. |
Dan l-approċċ jostakola l-iżvilupp ta' proċess leġislattiv tassew trasparenti u demokratiku, minħabba li jnaqqas konsiderevolment il-possibbiltà li jsir dibattitu wiesgħa u li jittieħed effettivament kont tar-rwol leġislattiv tal-Parlament Ewropew u r-rwol konsultattiv ta' l-istituzzjonijiet l-oħrajn, bħall-KEPD. Il-KEPD jirrakkomanda li l-inizjattiva u l-anness tagħha jkunu diskussi bil-miftuħ billi jittieħed profitt effettiv mill-kontributi ta' l-atturi istituzzjonali kollha, ukoll b'konsiderazzjoni tar-rwol ta' ko-leġislatur sħiħ li l-Parlament Ewropew ser igawdi f'dan il-qasam ladarba t-Trattat ta' Riforma — iffirmat f'Lisbona fit-13 ta' Diċembru — jidħol fis-seħħ. |
Il-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data u r-relazzjoni ma' l-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru
14. |
Il-qafas legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data huwa kumpless u jinbidel. Fil-fatt, il-Kapitolu 6 ta' l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm jistipula xi garanziji u regoli speċifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Madankollu, dawn ir-regoli speċifiċi ma joqogħdux waħedhom u jeħtieġ li għall-funzjonament tajjeb tagħhom ikunu bbażati fuq qafas sħiħ u ġenerali għall-protezzjoni tad-data personali pproċessata mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji. Attwalment, l-Artikolu 25 ta' l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm jirreferi għall-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Madankollu, il-KEPD saħaq kemm-il darba dwar il-ħtieġa li l-prinċipji li hemm fil-Konvenzjoni 108 jiġu speċifikati aktar, biex jiġi żgurat livell ta' protezzjoni tad-data li huwa għoli, armonizzat, u għalhekk adatt biex jiggarantixxi kemm id-drittijiet taċ-ċittadini kif ukoll l-effettività ta' l-infurzar tal-liġi f'żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (4). |
15. |
F'din il-perspettiva, il-Kummissjoni diġà pproponiet f'Ottubru 2005 strument ġenerali, l-abbozz ta' Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminal (“l-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru”). Din il-proposta għadha ma ġietx adottata mill-Kunsill u għalhekk għadha soġġetta għal diskussjoni u emendi possibbli, aħseb u ara aktar dewmien fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni. Madankollu, s'issa jidher ċar li din id-Deċiżjoni Qafas, kif inhi bħalissa, ser tkun applikabbli biss għal data personali skambjata ma' Stati Membri oħrajn u mhux għall-ipproċessar intern tad-data (5). |
16. |
Barra minn hekk, it-test attwali ta' l-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastu, minkejja l-objettiv tiegħu li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data, jipprovdi biss armonizzazzjoni u garanziji minimi. Dan ifisser li xi strumenti, bħall-inizjattiva attwali, li setgħu jibbenefikaw minn qafas ġenerali komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data, issa qed jintalbu jittrattaw il-lakuni mħollija mill-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru. |
17. |
Għalhekk, il-KEPD min-naħa l-waħda jtenni li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar Prüm m'għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel ma' l-Istati Membri jkunu implimentaw deċiżjoni qafas ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru. Din il-kondizzjoni għandha tkun imniżżla speċifikament fl-inizjattiva u soġġetta għal verifika adatta minn qabel dwar il-funzjonament proprju tal-garanziji għall-protezzjoni tad-data fis-sistema ta' skambju ta' data. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali wkoll li jiġi ggarantit li r-relazzjonijiet bejn l-istrumenti legali jkunu ċċarati bil-ħsieb li jiġi żgurat li d-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru taġixxi bħala “lex generalis” filwaqt li tippermetti l-applikabbiltà ta' aktar garanziji speċifiċi u ta' standards imfasslin apposta u aktar stretti stipulati mill-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm (6). |
18. |
Min-naħa l-oħra, il-leġislatur għandu jiċċara li r-regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data relatati mad-DNA, il-marki tas-swaba' u d-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Kapitolu 6 ta' l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm, mhux biss huma applikabbli għall-iskambju ta' din id-data, iżda wkoll għall-ġbir, il-ħażna u l-ipproċessar intern tagħhom, kif ukoll għall-forniment ta' aktar data personali fl-ambitu tad-deċiżjoni tal-Kunsill. Din il-kjarifika tkun f'konformità ma' l-Artikolu 24(2) ta' l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm, kif ukoll konsegwenza loġika ta' l-obbligu ta' l-Istati Membri li jiġbru, jaħżnu u jikkondividu t-tipi ta' data msemmijin hawn fuq. |
19. |
Dan huwa aktar importanti meta wieħed iqis li l-ambitu ta' l-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru probabbilment ma jkunx japplika għall-ipproċessar intern tad-data personali. Il-Kunsill ħa din id-deċiżjoni iżda fl-istess ħin speċifika li din l-għażla ma tillimitax l-abbiltà tal-bażi legali li tkopri dan it-tip ta' operazzjonijiet ta' ipproċessar. F'dan l-isfond u peress li l-pakkett attwali ta' l-inizjattivi — li fih l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm u r-regoli implimentattivi — jimponi l-obbligu li jinħolqu u jinżammu ċerti databases, bħad-database tad-DNA, huwa għandu jkun fih ukoll garanziji li jikkonċernaw l-operazzjonijiet ta' ipproċessar — speċjalment, il-ġbir u l-ħażna ta' profili ta' DNA — li jirriżultaw mill-ġbir u l-ħażna. Inkella, jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun limitata għall-iskambju ta' data, dawn l-istrumenti legali ma jkunx fihom id-dispożizzjonijiet adatti dwar il-protezzjoni tad-data personali li għandha tkun soġġetta għalihom kwalunkwe azzjoni bbażata fuq l-Artikolu 30 (1)(b) TUE. |
20. |
Il-KEPD jappella lil-leġislatur biex jiżgura, skond l-Artikolu 30(1)(b) TUE, li qafas legali ċar, effettiv u komprensiv fir-rigward tal-protezzjoni tad-data — li jikkombina l-istrumenti legali differenti mad-dispożizzjonijiet ġenerali u l-garanziji speċifiċi — jkun jeżisti qabel ma tidħol fis-seħħ l-inizjattiva attwali. |
21. |
Għalhekk, f'din l-opinjoni l-KEPD ser jagħmel referenza, fejn rilevanti, għal dawk il-kwistjonijiet li ma ġewx (kompletament) indirizzati mill-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastu u għalhekk għandhom ikunu kkunsidrati fl-implimentazzjoni tas-sistema stipulata mill-inizjattiva attwali. |
Trasparenza tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u tar-regoli implimentattivi
22. |
Il-KEPD jisħaq li t-trasparenza hija element essenzjali kemm fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll fl-implimentazzjoni tar-regoli. Għalhekk it-trasparenza għandha tippermetti minn naħa waħda, parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta' l-atturi istituzzjonali rilevanti involuti kollha u min-naħa l-oħra għandha tiffavorixxi d-dibattitu pubbliku u l-informazzjoni adegwata taċ-ċittadini. |
23. |
Sfortunatament, f'dan il-każ serje ta' ċirkostanzi jaffettwaw it-trasparenza: ma hemmx memorandum ta' spjega li jispjega r-raġunijiet wara l-miżuri proposti, l-effettività tagħhom u l-alternattivi ta' politika possibbli; it-test ta' l-anness għadu mhux komplut — per eżempju, għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, għadu ma ġiex tradott fil-lingwi uffiċjali kollha, ir-referenzi għall-artikoli u t-terminoloġija ħafna drabi m'humiex eżatti u d-dikjarazzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar il-kontenut tad-databases tad-DNA m'humiex disponibbli; l-inizjattiva nfisha ma tistipulax obbligi jew mekkaniżmi li jinfurmaw adegwatament liċ-ċittadini dwar il-miżuri meħudin u l-emendi għal dawk il-miżuri. |
24. |
Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li tiżdied it-trasparenza tal-miżuri, billi tiġi pprovduta verżjoni definittiva ta' l-anness malajr kemm jista' jkun u billi jiġu stabbiliti miżuri li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-karatteristiċi tas-sistemi, id-drittijiet tagħhom u kif għandhom jeżerċitawhom. Il-kampanji ta' informazzjoni dwar dawn ta' l-aħħar għandhom ikunu stipulati espliċitament fl-inizjattiva jew fl-anness tagħha. |
Skala tas-sistema
25. |
L-inizjattiva attwali tirrifletti mill-qrib ir-regoli implimentattivi stabbiliti skond it-Trattat ta' Prüm. Madankollu, kif diġà nnutat fl-opinjoni dwar l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm (§ 33-35), il-mekkaniżmi mfasslin għall-iskambju ta' informazzjoni bejn ftit Stati Membri m'humiex neċessarjament adatti — u għalhekk jista' jkollhom jiġu adattati — meta jkollhom jiġu applikati għal sistema fuq skala ħafna akbar, bħal skambju ta' informazzjoni bejn 27 Stat Membru. |
26. |
Fil-fatt, skala żgħira tiffavorixxi kuntatti mill-qrib bejn l-Istati Membri involuti, kemm fir-rigward ta' l-infurzar tal-liġi kif ukoll fir-rigward tal-monitoraġġ tar-riskji għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati. Dan m'huwiex il-każ f'sistema akbar, fejn il-prattiki nazzjonali u r-reġimi legali ivarjaw sew fir-rigward tal-ġbir, il-ħażna u l-ipproċessar tad-data, speċjalment fir-rigward tal-profili tad-DNA u l-marki tas-swaba'. Barra minn hekk, l-użu ta' lingwi differenti u ta' kunċetti legali differenti jista' jaffettwa l-eżattezza fl-iskambju ta' data bejn il-pajjiżi bi tradizzjonijiet legali differenti. Għalhekk, il-KEPD jistieden lil-leġislatur biex jieħu kont sew ta' l-iskala tas-sistema meta tiġi diskussa aktar l-inizjattiva attwali, billi jiżgura li ż-żieda fin-numru ta' Stati Membri parteċipanti ma jwassalx għal tnaqqis fl-effettività. B'mod partikolari, fir-regoli implimentattivi għandhom jiġu stabbiliti formats speċifiċi għall-komunikazzjoni tad-data, b'kont meħud ukoll tad-differenzi fil-lingwi u l-eżattezza ta' l-iskambju ta' data għandha tiġi mmonitorjata b'mod kostanti. |
L-involviment ta' l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data
27. |
L-inizjattiva għandha tirrikonoxxi r-rwol importanti li għandu jkollhom l-awtoritajiet superviżorji indipendenti fil-kuntest ta' skambju ta' data transkonfini fuq skala kbira, u għandha tpoġġihom f'pożizzjoni li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv. |
28. |
L-ewwelnett, il-qafas legali attwali ma jipprevedi għall-ebda konsultazzjoni jew involviment ta' l-awtoritajiet superviżorji kompetenti dwar l-emendi għar-regoli implimentattivi u l-annessi tagħhom (Artikolu 18 ta' l-inizjattiva), dwar l-implimentazzjoni tar-regoli għall-protezzjoni tad-data mill-Istati Membri (Artikolu 20), jew dwar l-evalwazzjoni ta' l-iskambju ta' data (Artikolu 21). Per eżempju, b'mod partikolari huwa ħasra li l-Kapitolu IV ta' l-Anness, li jistipula fid-dettall ir-regoli għall-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni, ma jsemmi xejn dwar l-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data. Il-KEPD jirrakkomanda li r-rwol konsultattiv essenzjali li għandhom dawn l-awtoritajiet jiġi rikonuxxut espliċitament mill-Artikoli msemmijin hawn fuq. |
29. |
It-tieninett, l-inizjattiva għandha tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data bir-riżorsi (addizzjonali) neċessarji biex iwettqu l-kompiti superviżorji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tas-sistema proposta. |
30. |
It-tieletnett, l-inizjattiva għandha tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data jiltaqgħu regolarment fil-livell ta' UE bil-ħsieb li jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom u jarmonizzaw l-applikazzjoni ta' dawn l-istrumenti. Din l-opportunità għandha tiġi stipulata espressament mill-inizjattiva, sal-punt li d-Deċiżjoni Qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru ma tistabbilixxix forum aktar ġenerali ta' awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data fil-livell ta' UE. |
V. KWISTJONIJIET SPEĊIFIĊI
Definizzjonijiet
31. |
L-Artikolu 2 ta' l-inizjattiva jistipula numru ta' definizzjonijiet, li parzjalment jirriflettu dawk li jinsabu fid-deċiżjoni tal-Kunsill. L-ewwelnett, għandu jiġi ssottolinjat li d-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 ta' l-inizjattiva ma jikkorrispondux eżattament mad-definizzjonijiet stipulati mid-deċiżjoni tal-Kunsill, partikolarment bl-Artikolu 24 tagħha. Il-leġislatur għandu jallinja l-formulazzjonijiet taż-żewġ testi sabiex jevita problemi ta' implimentazzjoni. |
32. |
It-tieninett, il-KEPD, fl-opinjoni tiegħu dwar l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Prüm, diġà kien iddispjaċih dwar in-nuqqas ta' definizzjoni ċara tad-data personali (§ 41-43). Dan in-nuqqas huwa ta' dispjaċir akbar fir-regoli implimentattivi, li huma proposti meta huwa diġà ċar li l-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru mhux ser tkun applikabbli għall-ġbir u l-ipproċessar intern tad-data personali, u b'mod partikolari għall-profili ta' DNA. Għalhekk għal darb'oħra, il-KEPD jappella lil-leġislatur biex jintroduċi definizzjoni ċara u inklussiva tad-data personali. |
33. |
F'din il-perspettiva, id-dispożizzjonijiet implimentattivi għandhom jikkjarifikaw ukoll l-applikabbiltà tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għal profili ta' DNA mhux identifikati — li għadhom ma ġewx attribwiti għal persuna identifikata. Fil-fatt, din id-data tiġi miġbura, skambjata u imqabbla bil-ħsieb li tiġi attribwita għall-persuni li tappartjeni lilhom. Għalhekk, minħabba li l-objettiv tas-sistema huwa li dawn il-persuni jiġu identifikati u li fil-prinċipju din id-data hija marbuta li tkun biss temporanjament “mhux identifikata”, din għandha tkun koperta bil-maġġor parti, jekk mhux b'kollha, tad-dispożizzjonijiet u l-garanziji applikabbli għad-data personali (7). |
34. |
Ukoll fir-rigward tad-definizzjoni tal-“parti non-kodifikanti tad-DNA” (Artikolu 2(e)), il-KEPD ifakkar għal darb'oħra (8) li l-kapaċità ta' xi reġjuni tal-kromosoma li jipprevedu karatteristiċi ereditarji sensittivi ta' organiżmu tista' ttejjeb l-iżviluppi tax-xjenza. Għalhekk, id-definizzjoni ta' “parti non-kodifikanti” għandha tkun dinamika, billi tinkludi obbligu li dawk il-marki ta' DNA li, minħabba żviluppi xjentifiċi jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar karatteristiċi ereditaji speċifiċi, ma jistgħux jintużaw aktar (9). |
Eżattezza fit-tfittxijiet u l-paraguni awtomatizzati
35. |
L-Artikolu 8 ta' l-inizjattiva jirregola t-tfittxija u l-paragun awtomatizzat ta' profili ta' DNA, billi jistabbilixxi li n-notifika awtomatizzata ta' taqbila “għandha tingħata biss jekk it-tfittxija jew il-paragun awtomatizzat ikun irriżulta f'taqbila ta' numru minimu ta' loci”. Dan il-minimu huwa stabbilit fil-Kapitolu I ta' l-Anness: kull Stat Membru għandu jiżgura li l-profili ta' DNA li huma disponibbli jkun fihom ta' l-inqas 6 mis-7 loci“standard” ta' l-UE (§ 1.1 tal-Kapitolu I ta' l-Anness); il-paragun iseħħ bejn il-valuri tal-loci ipparagunati li komunament jinsabu fil-profili tad-DNA rikjesti u mitlubin (§ 1.2); ikun hemm taqbila jekk il-valuri kollha ta' loci ipparagunati huma l-istess (“taqbila sħiħa”) jew jekk valur wieħed biss huwa differenti (“kważi taqbila”) (§ 1.2); kemm it-taqbiliet sħaħ kif ukoll il-kważi taqbiliet ser jiġu rrapportati (§ 1.3). |
36. |
Fir-rigward ta' dan il-mekkaniżmu, il-KEPD jinnota li l-eżattezza tat-taqbila hija kondizzjoni essenzjali. Iktar ma jkun għoli n-numru tal-loci li jaqblu, inqas hemm ċans li jkun hemm taqbila falza bejn żewġ profili ta' DNA li ġew ipparagunati. Fil-kuntest attwali ta' l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza u l-istruttura tad-databases ta' DNA ivarjaw minn pajjiż għal pajjiż. F'pajjiżi differenti huma użati numri differenti u settijiet differenti ta' loci. L-anness jistabbilixxi n-numru minimu ta' loci għal taqbila għal 6, mingħajr ma jipprovdi informazzjoni dwar ir-rata ta' żball prevista għal din is-sistema. Fir-rigward ta' din il-kwistjoni, il-KEPD jinnota li f'ħafna pajjiżi huwa użat numru ogħla ta' loci bil-ħsieb li tiżdied l-eżattezza tat-taqbiliet u jitnaqqsu t-taqbiliet foloz (10). Għalhekk, sabiex jiġi vvalutat sew il-grad ta' eżattezza tas-sistema prevista, ser ikun essenzjali li tingħata informazzjoni dwar ir-rata ta' żball prevista għal kull numru ta' loci pparagunati. |
37. |
Dan ifisser ukoll li n-numru minimu ta' loci huwa element essenzjali u għalhekk għandu jkun stabbilit fit-test ta' l-inizjattiva attwali aktar milli fl-Anness (li, skond l-Artikolu 18 ta' l-inizjattiva, jista' jiġi modifikat mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata u mingħajr ma jikkonsulta lill-Parlament), sabiex jiġi evitat li tnaqqis fin-numru ta' loci jista' jaffettwa l-eżattezza. Il-possibbiltà ta' żbalji jew taqbiliet foloz għandha tittieħed f'kont debitu, billi jkun previst li kważi taqbiliet huma rrappurtati espliċitament bħala tali (u għalhekk l-awtoritajiet riċevituri huma konxji li din it-taqbila m'hijiex affidabbli bħal taqbila sħiħa). |
38. |
Barra minn hekk, l-inizjattiva nfisha tirrikonoxxi l-possibbiltà li t-tfittxijiet u l-paraguni jiġġeneraw taqbiliet multipli, kif stipulat espliċitament fl-Artikolu 8 ta' l-inizjattiva fir-rigward ta' profili ta' DNA u mill-Kapitolu 3 (punt 1.2) ta' l-Anness fir-rigward ta' vetturi. F'dawn il-każijiet kollha, għandhom isiru aktar kontrolli u verifiki sabiex jiġu ddeterminati liema huma r-raġunijiet għal taqbila multipla u liema minn dawn it-taqbiliet huma eżatti, qabel ma jsir skambju ulterjuri tad-data personali bbażat fuq dik it-taqbila. |
39. |
Fl-istess perspettiva, il-KEPD jirrakkomanda li titqajjem kuxjenza, b'mod partikolari fost operaturi ta' l-infurzar tal-liġi li jittrattaw ma' paraguni u tfittxijiet tad-DNA, dwar il-fatt li l-profili tad-DNA m'humiex identifikaturi uniċi: anki taqbiliet sħaħ f'ċertu numru ta' loci ma jeskludux il-possibbiltà ta' taqbiliet foloz, jiġifieri l-possibbiltà li persuna tiġi assoċjata bi żball ma' profil ta' DNA. Fil-fatt, il-paraguni u t-tfittxijiet tal-profili tad-DNA huma soġġetti għal żbalji possibbli fi stadji differenti: il-kwalità skarsa tal-kampjuni tad-DNA fil-ħin tal-ġbir, żbalji tekniċi possibbli fl-analiżi tad-DNA, żbalji meta tiddaħħal id-data, jew sempliċiment għax isseħħ taqbila b'kumbinazzjoni fil-loci speċifiċi kkunsidrati fil-paragun. Fir-rigward ta' l-aħħar punt, ir-rata ta' żball x'aktarx tkun ogħla meta n-numru ta' loci jonqos u meta d-database tikber. |
40. |
Raġunament simili jista' jkun applikat fir-rigward ta' l-eżattezza tat-tqabbil tal-marki tas-swaba'. L-Artikolu 12 ta' l-inizjattiva jistabbilixxi li d-diġitalizzazzjoni u t-trasmissjoni tad-data dattiloskopika ser jitwettqu skond format tad-data uniformi speċifikat fil-Kapitolu II ta' l-Anness. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data dattiloskopika hija ta' kwalità tajba biżżejjed għall-paragun mis-sistema awtomatizzata ta' identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' (AFIS). Il-Kapitolu 2 ta' l-Anness jipprevedi xi dettalji dwar il-format li għandu jintuża. F'dan l-isfond, il-KEPD għandu jinnota li, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-eżattezza tal-proċess ta' tqabbil, l-inizjattiva u l-anness tagħha għandhom jarmonizzaw kemm jista' jkun is-sistemi AFIS differenti użati fl-Istati Membri u l-mod kif dawn is-sistemi jintużaw, b'mod partikolari fir-rigward tar-rata ta' rifjut falz. Skond il-KEPD, din l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fil-Manwal stabbilit skond l-Artikolu 18(2) ta' l-inizjattiva. |
41. |
Element kruċjali ieħor huwa li d-databases tad-DNA (u tal-marki tas-swaba') għandhom ikunu ċirkoskritti preċiżament, minħabba li jista' jkun fihom, skond l-Istati Membri, profili ta' DNA jew marki tas-swaba' ta' tipi differenti ta' suġġetti tad-data (kriminali, suspettati, persuni oħrajn preżenti fil-post tar-reat, eċċ.). Minkejja dawn id-differenzi, l-inizjattiva attwali ma tiċċirkoskrivix it-tipi ta' databases li ser jintużaw minn kull Stat Membru, u fl-Anness għandhom ma ġewx inklużi d-dikjarazzjonijiet dwar dan. Għalhekk, jistgħu jseħħu taqbiliet bejn data tad-DNA u tal-marki tas-swaba' li jirrigwardaw kategoriji ta' suġġetti tad-data mhux omoġeni, u ħafna drabi mhux rilevanti. |
42. |
Skond il-KEPD, l-inizjattiva għandha tispeċifika liema tipi ta' suġġetti tad-data ser ikunu involuti fl-iskambji ta' data u kif l-istatus differenti tagħhom ser jiġi kkomunikat lill-Istati Membri l-oħrajn fil-kuntest ta' paragun jew tfittxija. Per eżempju, l-inizjattiva tista' tistabbilixxi obbligu li fir-rapport dwar it-taqbila tingħata informazzjoni dwar ma' liema tip ta' suġġett tad-data, id-data tad-DNA u tal-marki tas-swaba' tqabblu, safejn din l-informazzjoni hija disponibbli għall-awtoritajiet mitlubin. |
L-evalwazzjoni ta' l-iskambju tad-data
43. |
L-evalwazzjoni ta' l-iskambju tad-data, skond l-Artikolu 21 ta' l-inizjattiva u l-Kapitolu 4 ta' l-Anness, hija milqugħa. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jiffukaw sempliċiment fuq l-implimentazzjoni amministrattiva, teknika u finanzjarja ta' l-iskambji tad-data awtomatizzati mingħajr lanqas biss isemmu l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. |
44. |
Għalhekk, il-KEPD jissuġġerixxi li tingħata enfasi speċifika lill-evalwazzjoni ta' l-aspetti dwar il-protezzjoni tad-data ta' l-iskambji tad-data, b'attenzjoni speċifika għall-finijiet li għalihom id-data ġiet skambjata, il-metodi ta' l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data, l-eżattezza tad-data skambjata u t-tqabbiliet foloz, it-talbiet għal aċċess għal data personali, it-tul tal-perijodi ta' ħażna u l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà. F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data u l-esperti rilevanti għandhom jiġu debitament infurmati, per eżempju billi jiġi previst li l-esperti dwar il-protezzjoni tad-data jieħdu sehem fiż-żjajjar ta' evalwazzjoni stabbiliti mill-Kapitolu 4 ta' l-Anness u li l-awtoritajiet rilevanti għall-protezzjoni tad-data jirċievu r-rapport ta' evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 20 ta' l-inizjattiva u fil-Kapitolu 4 ta' l-Anness. |
In-network tal-komunikazzjoni u l-aspetti tekniċi tas-sistema
45. |
L-Artikolu 4 ta' l-inizjattiva jistabbilixxi li l-iskambji elettroniċi kollha tad-data ser isiru permezz tan-network ta' komunikazzjoni “TESTA II”. F'dan il-kuntest, l-Anness isemmi fil-paġna 76, punt nru 54, li “Is-sistema hija konformi mal-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data kif imniżżlin fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (Artikoli 21, 22 u 23) u d-Direttiva 95/46/KE”. Il-KEPD jirrakkomanda li din l-informazzjoni tiġi ċċarata, ukoll fir-rigward tar-rwol li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom fis-sistema. F'dan il-kuntest, għandu jittieħed kont sħiħ tar-rwoli ta' superviżjoni u ta' konsulenza tal-KEPD li ġejjin mir-Regolament (KE) Nru 45/2001. |
46. |
Barra minn hekk, ladarba l-Anness jiġi ffinalizzat u jkun fih id-dettalji kollha u d-dikjarazzjonijiet li jiċċaraw il-karatteristiċi tas-sistema, il-KEPD ser jikkunsidra jekk jipprovdix aktar pariri dwar l-aspetti aktar tekniċi tas-sistema. |
VI. KONKLUŻJONIJIET
— |
Il-KEPD jirrakkomanda li l-inizjattiva u l-anness tagħha jkunu diskussi bil-miftuħ billi jittieħed profitt effettiv mill-kontributi ta' l-atturi istituzzjonali kollha, ukoll f'konsiderazzjoni tar-rwol ta' ko-leġislatur sħiħ li l-Parlament Ewropew ser ikollu f'dan il-qasam ladarba t-Trattat ta' Riforma — iffirmat f'Lisbona fit-13 ta' Diċembru — jidħol fis-seħħ. |
— |
Il-KEPD jappella lil-leġislatur biex jiżgura, skond l-Artikolu 30 (1)(b) TUE, li qafas legali ċar, effettiv u komprensiv fir-rigward tal-protezzjoni tad-data — li jikkombina strumenti legali differenti ma' dispożizzjonijiet ġenerali u garanziji speċifiċi — jkun jeżisti qabel ma tidħol fis-seħħ l-inizjattiva attwali.
|
— |
Il-KEPD jirrakkomanda li tiżdied it-trasparenza tal-miżuri, billi tiġi pprovduta verżjoni definittiva ta' l-anness malajr kemm jista' jkun u billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-karatteristiċi tas-sistemi, id-drittijiet tagħhom u kif għandhom jeżerċitawhom. |
— |
Il-KEPD jistieden lil-leġislatur biex jieħu kont sew ta' l-iskala tas-sistema meta tkun qed tiġi diskussa aktar l-inizjattiva attwali, billi jiżgura li ż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri parteċipanti ma jwassalx għal tnaqqis fl-effettività. B'mod partikolari, fir-regoli implimentattivi għandhom jiġu stabbiliti formats speċifiċi għall-komunikazzjoni ta' data, b'kont meħud ukoll tad-differenzi fil-lingwi u l-eżattezza ta' l-iskambju tad-data għandha tiġi mmonitorjata b'mod kostanti. |
— |
Il-KEPD jirrakkomanda li r-rwol ta' konsulenza essenzjali li għandhom l-awtoritajiet rilevanti għall-protezzjoni tad-data jiġi rikonoxxut espliċitament mill-Artikoli dwar l-emendi għar-regoli implimentattivi u l-annessi tagħhom (Artikolu 18), dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data mill-Istati Membri (Artikolu 20), u dwar l-evalwazzjoni ta' l-iskambju tad-data (Artikolu 21). Barra minn hekk, l-inizjattiva għandha tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data bir-riżorsi (addizzjonali) neċessarji biex iwettqu l-kompiti superviżorji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tas-sistema proposta u li l-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data jiltaqgħu regolarment fil-livell ta' UE bil-ħsieb li jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom u jarmonizzaw l-applikazzjoni ta' dawn l-istrumenti. |
— |
Għalhekk għal darb'oħra, il-KEPD jappella lil-leġislatur biex jintroduċi definizzjoni ċara u inklussiva tad-data personali. F'din il-perspettiva, id-dispożizzjonijiet implimentattivi għandhom jikkjarifikaw ukoll l-applikabbiltà tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għal profili ta' DNA mhux identifikati — li għadhom ma ġewx attribwiti għal persuna identifikata. Għal darb'oħra l-KEPD jfakkar li d-definizzjoni ta' “parti non-kodifikanti” għandha tkun dinamika, billi tinkludi obbligu li ma jintużawx aktar dawk il-marki ta' DNA li, minħabba żviluppi xjentifiċi, jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar karatteristiċi ereditarji speċifiċi. |
— |
Il-KEPD jirrakkomanda li, fil-kuntest tat-tfittxijiet u l-paraguni awtomatizzati, għandu jittieħed kont debitu ta' l-eżattezza tal-proċess ta' tqabbil.
|
— |
Il-KEPD jissuġġerixxi li tingħata enfasi speċifika lill-evalwazzjoni ta' l-aspetti tal-protezzjoni tad-data ta' l-iskambji ta' data, b'attenzjoni speċifika għall-finijiet li għalihom id-data ġiet skambjata, il-metodi ta' informazzjoni tas-suġġetti tad-data, l-eżattezza tad-data skambjata u t-taqbiliet foloz, it-talbiet għal aċċess għal data personali, it-tul tal-perijodi ta' ħażna u l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà. F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet u l-esperti rilevanti għall-protezzjoni tad-data għandhom jiġu debitament involuti. |
— |
Il-KEPD jirrakkomanda li l-użu tan-network ta' komunikazzjoni “TESTA II” u l-konformità tiegħu mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jiġu ċċarati, ukoll fir-rigward tar-rwol li l-istituzzjonijiet Komunitarji ser ikollhom fis-sistema. |
Magħmul fi Brussell, 19 ta' Diċembru 2007.
Peter HUSTINX
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(1) ĠU C 267, 9.11.2007, p. 4.
(2) L-Anness għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, iżda huwa disponibbli għall-pubbliku bħala d-dokument 11045/1/07 REV 1 ADD 1, fir-reġistru tal-Kunsill.
(3) ĠU C 169, 21.7.2007, p. 2.
(4) Ara, aktar riċenti, l-opinjoni tal-KEPD dwar Prüm, § 57-76 u t-Tielet opinjoni tal-KEPD tas-27 ta' April 2007 dwar il-proposta għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, § 14 (ĠU C 139, 23.6.2007, p. 1).
(5) L-aħħar abbozz ta' din il-proposta huwa disponibbli fir-reġistru tal-Kunsill bħala dokument numru 16397/07.
(6) Fir-rigward ta' dan il-punt, it-test ta' l-Artikolu 27b ta' l-aħħar abbozz ta' l-abbozz ta' deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru għandu jiġi kkunsidrat u diskuss bir-reqqa.
(7) Dwar l-applikabbiltà tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għall-profili tad-DNA, ara l-opinjoni tal-grupp ta' ħidma ta' l-Artikolu 29, 4/2007 ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar il-kunċett tad-data personali, WP136 p. 8-9; fl-istess opinjoni jingħataw kjarifiki dwar il-każ analogu ta' l-applikabbiltà tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għal indirizzi IP dinamiċi, p. 16-17.
(8) Ara wkoll l-opinjoni tal-KEPD tat-28 ta' Frar 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni taħt il-prinċipju ta' disponibbiltà (COM (2005) 490 finali, § 58-60 (ĠU C 116, 17.5.2006).
(9) Ara, fl-istess linja, l-Anness I tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2001 dwar l-iskambju tar-riżultati ta' l-analiżi tad-DNA (ĠU C 187, 3.7.2001, p. 1).
(10) Per eżempju, fir-Renju Unit id-Database Nazzjonali tad-DNA żieded in-numru ta' loci użati għall-profili tad-DNA minn 6 għal 10, ukoll bil-ħsieb li titjieb l-affidabbiltà tas-sistema.