Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XP0726(01)

    Konferenza tal-Kumitati għall-Komunità u għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlamenti ta' l-Unjoni Ewropea (COSAC) — Kontribuzzjoni adottata mill-XXXIX COSAC — Brdo pri Kranju, 7 - 8 ta' Mejju 2008

    ĠU C 189, 26.7.2008, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 189/6


    Konferenza tal-Kumitati għall-Komunità u għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlamenti ta' l-Unjoni Ewropea (COSAC)

    Kontribuzzjoni adottata mill-XXXIX COSAC

    Brdo pri Kranju, 7-8 ta' Mejju 2008

    (2008/C 189/03)

    1.   Ir-rwol tal-Parlamenti wara t-Trattat ta' Liżbona

    1.1.

    Il-COSAC tilqa' b'merħba l-iffirmar tat-Trattat ta' Liżbona u r-ratifikazzjoni tiegħu minn tlettax-il Stat Membru (1) u titlob lill-parlamenti u liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħrajn biex jirratifikaw it-Trattat.

    1.2.

    Il-COSAC tilqa' b'merħba r-rwol imsaħħaħ tal-parlamenti nazzjonali kif stipulat fit-Trattat ta' Liżbona, li jippermettilhom li jinvolvu ruħhom aħjar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE. Il-COSAC tinnota li hija r-responsabbiltà tal-parlamenti nazzjonali li jiżviluppaw mekkaniżmi sabiex jagħmlu użu mid-drittijiet estiżi tagħhom.

    1.3.

    Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Parlament Ewropew, il-COSAC tesprimi rispett għall-ħidma tiegħu mmirata għall-involviment dirett taċ-ċittadini ta' l-Ewropa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE. Barra minn hekk, il-COSAC temmen li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona li jtejjebu r-rwol tal-Parlament Ewropew bħala ko-leġiżlatur ser jikkontribwixxu għal leġittimità akbar tad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell ta' l-UE.

    1.4.

    Il-COSAC tqis li jekk id-drittijiet ġodda tal-parlamenti nazzjonali kif previsti fit-Trattat ta' Liżbona jridu jiġu eżerċitati, il-COSAC innifisha, u kif ukoll l-IPEX u r-rappreżentanti permanenti tal-parlamenti nazzjonali ta' l-Unjoni Ewropea, jistgħu ikollhom rwol importanti fid-djalogu bejn il-parlamenti nazzjonali. Dan jeħtieġ ukoll il-kooperazzjoni sħiħa ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

    1.5.

    Il-COSAC tinkoraġġixxi lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew sabiex jintroduċu u jippromwovu l-istrateġiji ta' komunikazzjoni tagħhom bil-għan li jgħarrfu liċ-ċittadini dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona.

    2.   Kooperazzjoni ma' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea

    2.1.

    Il-mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Kummissjoni tittrasmetti d-dokumenti ta' konsultazzjoni u l-proposti ġodda kollha direttament lill-parlamenti nazzjonali huwa meqjus bħala pożittiv. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu kkontribwixxa għall-monitoraġġ ta' l-affarijiet ta' l-UE mill-parlamenti nazzjonali.

    2.2.

    Il-COSAC tirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirrispondi għar-reazzjonijiet ippreżentati mill-parlamenti nazzjonali. Madankollu, il-COSAC tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni — b'konformità mal-XXXVII COSAC f'Berlin u l-XXXVIII COSAC f'Estoril — sabiex tipprovdi lill-parlamenti nazzjonali b'evalwazzjoni tal-miżuri li għandha fis-seħħ bħalissa, jew li tippjana li ddaħħal fis-seħħ, ħalli tqis dawn ir-reazzjonijiet fil-formulazzjoni tal-politika u fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma annwali tagħha.

    2.3.

    Il-COSAC tistieden lill-Kummissjoni:

    (a)

    sabiex tipprovdi lill-parlamenti nazzjonali direttament b'informazzjoni dwar il-kontenut u d-data eżatta tal-pubblikazzjoni ta' dokumenti ta' konsultazzjoni u proposti ġodda li ser tippubblika;

    (b)

    sabiex tipprovdi t-tweġibiet tagħha għar-reazzjonijiet ippreżentati mill-parlamenti nazzjonali mhux biss lil dawk il-parlamenti nazzjonali li bagħtu r-reazzjonijiet, lil-Parlament Ewropew u lil-Kunsill, iżda wkoll lill-parlamenti nazzjonali l-oħrajn kollha;

    (c)

    sabiex tipprovdi lill-parlamenti nazzjonali direttament b'lista ta' kull ġimgħa tad-dokumenti ġodda kollha li tippubblika.

    2.4.

    Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona, il-COSAC tinkoraġġixxi wkoll lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex joħolqu mekkaniżmu li permezz tiegħu jgħarrfu lill-parlamenti nazzjonali meta l-aħħar traduzzjoni ta' proposta leġiżlattiva tiġi trasmessa lill-parlament nazzjonali rilevanti; u sabiex jindikaw id-data meta jiskadi l-perjodu ta' tmien ġimgħat biex tiġi ppreżentata reazzjoni għall-proposti. Il-COSAC tenfasizza li jkun ta' għajnuna jekk il-Kummissjoni tittrasmetti separatament mill-proposti l-oħra proposti li għalihom japplika l-mekkaniżmu ta' twissija bikrija.

    2.5.

    Il-COSAC temmen li d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali fir-rigward ta' proposti individwali għandu jissokta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, billi l-iskambju ta' opinjonijiet dwar is-sustanzi tal-proposti bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni jġib valur miżjud sinjifikanti lit-trasparenza u l-leġittimità demokratika tal-proċess leġiżlattiv ta' l-UE.

    3.   L-Istrateġija ta' Liżbona u l-Parlamenti Nazzjonali

    3.1.

    Il-COSAC tilqa' b'merħba l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008 fi Brussell. Hija tqis li ċ-ċiklu ġdid ta' tliet snin ta' l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi, u l-perjodu stabbilit u l-prinċipji adottati għall-pakkett ta' l-enerġija u l-bidla tal-klima, huma ta' importanza kbira għall-ħajja ekonomika u soċjali taċ-ċittadini ta' l-Ewropa.

    3.2.

    Il-COSAC tinnota li l-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti fl-Istrateġija ta' Liżbona. F'dan ir-rigward, il-COSAC tinkoraġġixxi lill-parlamenti nazzjonali biex jilagħbu rwol aktar attiv fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona.

    3.3.

    Il-COSAC temmen li l-innovazzjoni u l-kreattività, kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs taċ-ċittadini ta' l-Ewropa huma fatturi ewlenin għat-tkabbir fil-ġejjieni. Bil-għan li tissodisfa l-ambizzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam, il-COSAC tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jinvestu aktar u b'mod aktar effettiv fl-innovazzjoni u r-riċerka bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira ta' 3 % ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. Billi tieħu nota ta' l-istedina mill-Kunsill Ewropew lill-Istati Membri, il-COSAC titlob lill-parlamenti nazzjonali biex isegwu kif il-progress lejn il-miri ta' l-investiment nazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp jinkiseb permezz tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali.

    3.4.

    Il-COSAC tagħmel enfasi fuq l-opportunitajiet li l-moviment ħieles ta' l-għarfien, magħruf bħala l-ħames libertà, jista' jipprovdi għall-ksib tal-miri ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona.

    3.5.

    Il-COSAC tfakkar lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-importanza tas-settur tas-servizzi, fejn llum il-ġurnata qegħdin jinħolqu l-maġġoranza ta' impjiegi ġodda. Il-moviment ħieles tas-servizzi huwa ta' importanza kbira biex jinkiseb dan filwaqt li jiġi rikonoxxut li hemm differenzi fil-mudelli tas-swieq tax-xogħol nazzjonali ta' l-Istati Membri.

    4.   Il-Qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

    4.1.

    Il-COSAC tilqa' b'merħba l-adeżjoni ta' disa' Stati Membri fiż-Żona Schengen u qegħda tistenna li l-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu wkoll fiż-Żona Schengen meta jasal il-waqt skond l-iskeda miftiehma u adottata miż-żewġ pajjiżi. It-tkabbir taż-Żona Schengen huwa kisba kbira fl-appoġġ għall-moviment ħieles tal-persuni, waħda mill-erba' libertajiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

    4.2.

    Fl-istess ħin, il-COSAC tenfasizza li l-iżvilupp u l-introduzzjoni tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' l-Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) tibqa' priorità u trid tiġi stabbilita fil-waqt opportun u skond id-data ta' skadenza miftiehma ta' Settembru 2009.

    4.3.

    Il-COSAC tagħti importanza konsiderevoli lill-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Balkani tal-Punent fil-qasam ta' l-affarijiet interni, peress li dan huwa wieħed mill-aktar oqsma prominenti tal-kooperazzjoni tagħhom. Din il-kooperazzjoni twassal għal sigurtà aħjar fir-reġjun ta' l-Istati Balkani tal-Punent u konsegwentement fl-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali.

    4.4.

    Il-COSAC temmen li l-attivitajiet konġunti kurrenti ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Balkani tal-Punent fil-qasam ta' l-affarijiet interni, u primarjament fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ser jibnu kooperazzjoni fost il-forzi ta' l-infurzar tal-liġi fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u jgħinu fit-traspożizzjoni ta' l-istandards tas-sigurtà ta' l-UE fiz-zona. Huma ser jipprovdu lill-Istati Balkani tal-Punent il-mezzi u eżempji ta' l-aqwa prattika li huma neċessarji biex iżidu l-impenn tagħhom fl-iżvilupp u t-tħaddim ta' tali mekkaniżmi tagħhom stess.

    4.5.

    Il-COSAC tilqa' b'merħba l-ftuħ tad-djalogu tal-Kummissjoni Ewropea ma' l-Istati Balkani tal-Punent għal-liberalizzazzjoni ta' politika tal-visa u titlob lill-istituzzjonijiet ta' l-UE, l-Istati Membri u l-Istati Balkani tal-Punent biex jaraw li l-passi addizzjonali jittieħdu minn dawk kollha involuti fil-qasam.

    5.   Il-Perspettiva Ewropea ta' l-Istati Balkani tal-Punent

    5.1.

    Il-COSAC tara l-futur ta' l-Istati Balkani tal-Punent kollha fl-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, hija tilqa' b'merħba l-isforzi ta' kull pajjiż biex jintlaħqu l-kriterji li jkunu ġew stabbiliti.

    5.2.

    Kull pajjiż applikant irid jissodisfa l-kriterji biex jissieħeb fl-UE u l-COSAC temmen li l-viżjoni tar-rijunifikazzjoni ta' l-Ewropa ma tistax tiġi implimentata mingħajr l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent, għalhekk l-UE trid tkompli bl-isforzi tagħha li tappoġġja l-Istati Balkani tal-Punent billi tgħinhom jilħqu l-kriterji tas-sħubija.


    (1)  Sat-8 ta' Mejju 2008.


    Top