Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52008XC1025(01)

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti

    ĠU C 270, 25.10.2008, s. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 270/8


    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti

    (2008/C 270/02)

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Il-kriżi finanzjarja globali sserjat sew u issa qed ikollha effett kbir fuq is-settur bankarju tal-UE. Lil hinn minn problemi speċifiċi marbuta b'mod partikolari mas-suq tas-self għad-djar fl-Istati Uniti, u assi marbuta ma' dan is-self, jew telf marbut li ġej minn strateġiji riskjużi żżejjed li ġew segwiti minn banek individwali, fil-ġimgħat li għaddew kien hemm tnawwir ġenerali ta' fiduċja fi ħdan is-settur bankarju. In-nuqqas ta' ċertezza li jidher kullimkien dwar ir-riskju ta' kreditu ta' istituzzjonijiet finanzjarji individwali nixxef is-suq tas-self bejn il-banek u għaldaqstant ġab sitwazzjoni fejn l-aċċess għal-likwidità saret ftit ftit dejjem aktar diffiċli għal istituzzjonijiet finanzjarji b'mod ġenerali.

    (2)

    Is-sitwazzjoni preżenti hija ta' theddida għall-eżistenza ta' istituzzjonijiet finanzjarji individwali bi problemi li huma riżultat tal-mudell ta' negozju partikolari tagħhom, jew prattiċi ta' negozju li d-dgħufijiet tiegħu huma esposti u mkabbra mill-kriżi fis-swieq finanzjarji. Jekk istituzzjonijiet bħal dawn għandhom jinġiebu lura fuq it-triq tal-vijabbiltà għat-tul, u mhux stralċati, jeħtieġ li jsir ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħhom li jkollu għanijiet wiesgħa. Fiċ-ċirkostanzi li jeżistu bħalissa, il-kriżi qed taffettwa l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma fundamentalment sodi u li d-diffikultajiet tagħhom ħerġin biss mill-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq li rrestrinġa ħafna l-aċċess għal-likwidità. Il-vijabbiltà għat-tul ta' dawn l-istituzzjonijiet tista' tkun teħtieġ ristrutturar anqas sostanzjali. Ikun xi jkun il-każ, madankollu, il-miżuri meħuda mill-Istat Membru biex jgħinu (ċerti) istituzzjonijiet li qed joperaw fi ħdan is-suq finanzjarju nazzjonali tagħhom jistgħu jiffavorixxu dawn l-istituzzjonijiet għad-dannu ta' oħrajn li joperaw fi ħdan dak l-Istati Membru jew f'Stati Membri oħra.

    (3)

    Il-Kunsill tal-ECOFIN fis-7 ta' Ottubru 2008 adotta Konklużjonijiet li fihom impenja ruħu li jieħu dawk il-miżuri meħtieġa kollha biex itejjeb is-sodizza u l-istabbilità tas-sistema bankarja sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja u t-tħaddim kif suppost tas-settur finanzjarju. Ir-rikapitalizzazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji sistematikament relevanti kien magħruf bħala mezz wieħed, fost oħrajn, ta' kif b'mod xieraq jitħarsu l-interessi tad-depożitanti, u l-istabbilità tas-sistema. Intlaħaq qbil ukoll li l-intervent pubbliku għandu jkun deċiż fuq livell nazzjonali iżda fi ħdan sforz koordinat u fuq il-bażi ta' għadd ta' prinċipji komuni tal-UE (1). Fl-istess okkażjoni l-Kummissjoni offriet li toħroġ linji ta' gwida fi żmien qasir dwar il-qafas wiesa' li fi ħdanu tkun tista' tiġi mkejla malajr il-kumpatibbiltà ta' għajnuna mill-istat tar-rikapitalizzazzjoni u l-iskemi ta' garanzija, u każijiet ta' applikazzjoni ta' skemi bħal dawn.

    (4)

    Meta wieħed jikkunsidra l-kobor tal-kriżi, li issa qed tipperikola banek li huma fundamentalment b'saħħithom, il-grad għoli ta' integrazzjoni u interdipendenza tas-swieq finanzjarji Ewropej, u r-riperkussjonijiet drastiċi tal-falliment potenzjali ta' istituzzjoni finanzjarja sistematikament rilevanti li jkomplu jkabbru l-kriżi, il-Kummissjoni tagħraf li l-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun meħtieġ jadottaw miżuri xierqa biex jissalvagwardjaw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Minħabba n-natura partikolari tal-problemi ta' bħalissa fis-settur finanzjarju miżuri bħal dawn jista' jkun li jkollhom jinfirxu lil hinn mill-istabbilizzazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji individwali u jkunu jinkludu skemi ġenerali.

    (5)

    Filwaqt li jridu jittieħdu f'kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-mument meta jiġu applikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri li jkunu qed jindirizzaw il-krizi fis-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni trid tiżgura li miżuri bħal dawn ma jiġġenerawx distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fis-suq jew inkella effetti negattivi li jinfirxu għal fuq Stati Membri oħra. Huwa l-iskop ta' din il-Komunikazzjoni li jipprovdi linji ta' gwida dwar il-kriterji rilevanti għall-kompatibbiltà mat-Trattat ta' skemi ġenerali kif ukoll każijiet individwali ta' applikazzjoni ta' skemi bħal dawn u każijiet ad hoc ta' relevanza sistematika. Meta jiġu applikati dwan il-kriterji għal miżuri meħuda mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tipproċedi bil-ħeffa meħtieġa biex tara li jkun hemm iċ-ċertezza legali u biex terġa' tikseb il-fiduċja fis-swieq finanzjarji.

    2.   IL-PRINĊIPJI ĠENERALI

    (6)

    L-Għajnuna mill-Istat lil impriżi individwali li jkunu f'diffikultà hija normalment ikkunsidrata taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat u l-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnujna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' azjendi f'diffikultà (2) (minn issa 'l quddiem “il-linji ta' gwida R&R”) li jartikulaw il-mod kif il-Kummissjoni tinterpreta l-Artikolu 87(3)(c) KE għal din it-tip ta' għajnuna. Il-linji ta' gwida R&R huma ta' applikazzjoni ġenerali, filwaqt li jiġu previsti ċerti kriterji speċifiċi għas-settur finanzjarju.

    (7)

    Barra minn dan, skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista' tippermetti l-għajnuna mill-Istat “biex tirrimedja għal tħarbit serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”.

    (8)

    Il-Kummissjoni terġa' tisħaq li, konformi mal-każistika u mal-prassi tagħha ta' kif tieħu d-deċiżjonijiet (3), l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat jeħtieġ interpretazzjoni restrittiva ta' dak li jista' jiġi kkunsidrat bħala tħarbit serju tal-ekonomija ta' Stat Membru.

    (9)

    Fid-dawl tal-livell ta' serjetà li fiha waslet il-kriżi preżenti fis-swieq finanzjarji u tal-impatt li jista' jkollha fuq l-ekonomija ġenerali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 87(3)(b) huwa, fiċ-ċirkostanzi preżenti, disponibbli bħala bażi ġuridika għal miżuri ta' għajnuna meħuda biex tkun indirizzata din il-kriżi sistematika. Dan japplika, b'mod partikolari, lil għajnuna li tingħata permezz ta' skema ġenerali li tkun disponibbli għad għadd ta' istituzzjonijiet finanzjarji, jew għal kollha, fi Stat Membru. F'każ li l-awtoritajiet ta' Stat Membri responsabbli mill-istabbilità finanzjarja jiddikjaraw lill-Kummissjoni li hemm riskju ta' xi tħarbit serju bħal dan, dan għandu jkun ta' relevanza partikolari għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

    (10)

    Interventi ad hoc mill-Istati Membri mhumiex esklużi f'ċirkostanzi li jilħqu l-kriterji tal-Artikolu 87(3)(b). Fil-każ sew tal-iskemi kif ukoll ta' interventi ad hoc, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-għajnuna għandha ssegwi l-prinċipji ġenerali kif stipulati fil-Linji ta' Gwida R&R, adottati skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, iċ-ċirkostanzi ta' bħalissa jistgħu jippermettu l-approvazzjoni ta' miżuri eċċezzjonali bħal interventi ta' emerġenza strutturati, il-protezzjoni ta' drittijiet ta' partijiet terzi bħal ma huma l-kredituri, u miżuri ta' salvataġġ li possibbilment jdumu għal aktar minn 6 xhur.

    (11)

    Wieħed irid madankollu jenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq jimplikaw li l-użu tal-Artikolu 87(3)(b) ma jistax jiġi invokat bħala ħaġa ta' prinċipju f'sitwazzjonijiet ta' kriżi f'setturi individwali oħra fin-nuqqas ta' riskju kumparabbli li għandhom impatt immedjat fuq l-ekonomija ta' Stat Membru kollu kemm hu. Fejn jidħol is-settur finanzjarju, ikun possibbli li din id-dispożizzjoni tkun invokata biss f'ċirkostanzi ġenwinament eċċezzjonali fejn it-tħaddim kollu tas-swieq finanzjarji ikun fil-periklu.

    (12)

    Fejn ikun hemm tħarbit serju tal-ekonomija ta' Stat Membru fuq il-linji kif imfissra hawn fuq, ikun possibbli li jiġi invokat l-Artiklu 87(3)(b) mhux fuq bażi miftuħa iżda biss sakemm is-sitwazzjoni ta' kriżi tkun tiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu.

    (13)

    Dan jimplika li hemm bżonn li l-iskemi ġenerali kollha mwaqqfa fuq din il-bażi, jiġifieri fil-forma ta' skema ta' garanzija jew ta' rikapitalizzazzjoni, ikunu aġġornati fuq bażi regolari u li jiġu tterminati hekk kif tkun tippermetti s-sitwazzjoni ekonomika ta' l-Istat Membru partikolari. Filwaqt li huwa minnu li bħalissa huwa impossibbli li wieħed ibassar kemm se jdumu l-problemi straordinarji ta' bħalissa fis-swieq finanzjarji u li jista' jiġri li jkun indispensabbli sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja li jingħata sinjal li miżura tiġi estiża sakemm tibqa' l-kriżi, il-Kummissjoni tqis li huwa element neċessarju għall-kumpatibbiltà ta' kull skema ġenerali li l-Istat Membru jirrevedi mill-inqas kull sitt xhur u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultat ta' reviżjoni bħal dik.

    (14)

    Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li t-trattament ta' istituzzjonijiet finanzjarji li ma jkollhomx likwidità, iżda li, fin-nuqqas taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' bħalissa altrimenti jkunu fundamentalment sodi, għandu jkunu differenti mit-trattament mogħti lil istituzzjonijiet finanzjarji kkaratterizzati minn problemi interni. Fl-ewwelkaż, il-problemi ta' vijabbiltà ikunu ġejjin minn barra u għandhom x'jaqsmu mas-sitwazzjoni preżenti estrema fis-suq finanzjarju, aktar milli ma' xi ineffiċjenza jew xi teħid ta' riskju eċċessiv. Bħala riżultat, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tiġi minn skemi li jgħinu l-vijabbiltà ta' istituzzjonijiet bħal dawn normalment se tkun aktar limitata u tkun teħtieġ ristrutturar anqas sostanzjali. B'kuntrast, istituzzjonijiet finanzjarji oħra, li x'aktarx ikunu affettwati b'mod partikolari minn telf li ġej pereżempju minn ineffiċjenzi, ġestjoni ħażina ta' assi u ta' obbligazzjonijiet jew minn strateġiji riskjużi, ikunu jidħlu fil-qafas normali ta' għajnuna mill-istat, u b'mod partikolari għandhom bżonn ta' ristrutturar wiesa', kif ukoll ta' miżuri kumpensatorji biex jitrażżan it-tħarbit tal-kompetizzjoni (4). F'kull każ, iżda, fin-nuqqas ta' salvagwardji xierqa, jista' jkun hemm distorsjonijiet sostanzjali tal-kompetizzjoni minħabba l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni, peress li jistgħu jiffavorixxu bla mistħoqq il-benefiċjarji għad-dannu tal-kompetituri tagħhom, jew jistgħu jaggravaw il-problemi ta' likwidità għal istituzzjonijiet finanzjarji ibbażati fi Stati Membri oħra.

    (15)

    Barra minn dan, f'konformità mal-prinċipji ġenerali li hemm fil-bażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat tat-Trattat, li jirrekjedu li l-għajnuna mogħtija ma tkunx teċċedi dak li jkun strettament meħtieġ biex jinkiseb l-iskop leġittimu tagħha u li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu evitati jew imċekkna kemm jista' jkun, u biex jittieħed kont kif xieraq taċ-ċirkostanzi preżenti, il-mizuri ta' għajnuna ġenerali għandhom ikunu:

    immirati tajjeb sabiex ikunu jistgħu jiksbu b'mod effettiv l-għan li jingħata rimedju għal tħarbit serju fl-ekonomija,

    proporzjonati għall-isfida li qed tiġi ffaċċjata, u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan ir-riżultat; kif ukoll

    imfassla b'tali mod li jiġu mċekkna kemm jista' jkun l-effetti negattivi li jistgħu jinfirxu għal fuq kompetituri, setturi oħra u Stati Membri oħra.

    (16)

    L-osservanza ta' dawn il-kriterji f'konformità mar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-istat u l-libertajiet fundamentali kif imnaqqxa fit-Trattat, inkluż il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni, hija meħtieġa għall-preservazzjoni tat-tħaddim kif suppost tas-suq intern. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tieħu f'kunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin meta tiddeċiedi dwar il-kumpatibbiltà tal-miżuri ta' għajnuna mill-istat elenkati hawn taħt.

    3.   GARANZIJI LI JKOPRU L-OBBLIGAZZJONIJIET TA' ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI

    (17)

    Il-prinċipji imfissra hawn fuq huma kkonkretizzati fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin fejn jidħlu skemi ta' garanziji li jipproteġu obbligazzjonijiet permezz ta' dikjarazzjoni, leġiżlazzjoni jew sistema kuntrattwali, meta wieħed jikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ta' natura ġenerali u għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull każ individwali.

    L-eliġibbiltà għal skema ta' garanzija

    (18)

    Distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni tista' sseħħ jekk xi kompetituri fis-suq jiġu esklużi mill-benefiċċji tal-garanzija Il-kriterji tal-eliġibbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji biex ikunu koperti minn garanzija bħal din iridu jkunu oġġettivi, u jkunu jieħdu f'kunsiderazzjoni r-rwol tagħhom fis-sistema bankarja relevanti u tal-ekonomija b'mod ġenerali, u ma jkunux diskriminatorji sabiex ma jkunx hemm effetti mhux xierqa ta' distorsjoni fuq swieq ġirien u fuq is-suq intern kollu kemm hu. Meta jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità, l-istituzzjonijiet kollha li jkunu stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, inklużi s-sussidjarji, u li jkollhom attivitajiet sinifikanti f'dak l-Istat Membru, għandhom ikunu koperti mill-iskema.

    Il-firxa materjali ta' garanzija — tipi ta' obbligazzjonijiet koperti

    (19)

    Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali preżenti, jista' jkun meħtieġ li tingħata garanzija lid-depożitanti mal-istituzzjonijiet finanzjarji li huma mhux se jsofru telf, b'mod li titnaqqas il-possibbiltà li jkun hemm ġbid ta' flus massiv minn banek b'saħħithom, u ta' effetti negattivi li jinfirxu. Fil-prinċipju, għalhekk, fil-kuntest ta' kriżi sistematika, garanziji ġenerali li jipproteġu depożiti individwali (u d-dejn li jkollhom klijenti individwali) jistgħu jkunu element leġittimu tar-reazzjoni politika pubblika.

    (20)

    Fejn jidħlu garanziji li jmorru lil hinn minn depożiti inidividwali, l-għażla tat-tipi ta' djun u obbligazzjonijiet koperti trid tkun immirata, sa fejn ikun prattiku li jsir hekk, lejn is-sors speċifiku tad-diffikultajiet u ristretta għal dak li jista' jitqies meħtieġ biex jiġu kkonfrontati l-aspetti relevanti tal-kriżi finanzjarja kurrenti, peress li altrimenti jistgħu jtellfu l-proċess ta' aġġustament meħtieġ u jiġġeneraw periklu morali ta' ħsara (5).

    (21)

    Fl-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju, in-nixfa tas-self bejn il-banek minħabba tnawwir tal-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji jista' wkoll jiġġustifika li jiġu ggarantiti ċerti tipi ta' depożiti bl-ingrossa u anki strumenti ta' dejn fuq perjodu ta' żmien qasir jew medju, sakemm dawk l-obbligazzjonijiet ma jkunux diġà koperti b'mod xieraq minn xi arranġamenti ta' investiment li jkunu jeżistu, jew permezz ta' mezzi oħra (6).

    (22)

    L-estensjoni tal-kopertura tal-garanzija lejn tipi oħra ta' djun lil hinn minn dan l-ambitu relattivament wiesa' ikun jinħtieġ skrutinju aktar mill-qrib biex ikun jista' jiġi ġġustifikat.

    (23)

    Garanziji bħal dawn m'għandhomx, bħala prinċipju, jkunu jinkludu dejn subordinat (kapital tat-tieni saff) jew xi kopertua indiskriminata tal-obbligazzjonijiet kollha, peress li dan ikun iwassal biex jiġu salvagwardjati l-interessi tad-detenturi tal-ishma u ta' investituri oħra tal-kapital ta' riskju. Jekk dejn bħal dan ikun kopert, b'mod li titħalla l-espansjoni tal-kapital u għalhekk tal-attività ta' self, jistgħu jkunu meħtieġa restrizzjonijiet speċifiċi.

    L-ambitu temporanju tal-iskema ta' garanzija

    (24)

    Il-perjodu ta' validità u l-ambitu ta' kull skema ta' garanzija li tmur lil hinn minn skemi ta' garanzija għal depożiti individwali għandhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ. F'konformità mal-prinċipji ġenerali imfissra hawn fuq, meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni li bħalissa wieħed ma jistax ibassar kemm se jdumu n-nuqqasijiet fundamentali fit-tħaddim tas-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni tqis li huwa element neċessarju għall-kumpatibbiltà ta' xi skema ġenerali li l-Istati Membri li jagħmel reviżjoni kull sitt xhur, li tkun tkopri l-ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni kontinwata tal-iskema u l-potenzjal għal aġġustamenti biex jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tas-swieq finanzjarji. Ir-riżultati ta' din ir-reviżjoni jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni. Sakemm ikun hemm din ir-reviżjoni b'mod regolari, l-approvazzjoni tal-iskema tista' tkun tkopri perjodu itwal minn sitt xhur u, fil-prinċipju, sa sentejn. Tista' tkun anki estiża aktar, fuq approvazzjoni tal-Kummissjoni, sakemm ikun għad hemm il-kriżi fis-swieq finanzjarji. F'każ li l-iskema tkun tippermetti li l-garanziji jkomplu jkopru d-djun relevanti sa data tal-maturità li tkun aktar tard mill-iskadenza tal-perjodu ta' ħarġa skont l-iskema, ikunu meħtieġa salvagwarji addizzjonali sabiex ma jkunx hemm distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni. Salvagwardji bħal dawn jistgħu jinkludu perjodu ta' ħarġa iqsar minn dak permess fil-prinċipju fiċ-ċirkostanzi preżenti, kundizzjonijiet ta' ipprezzar li jservu ta' deterrent, kif ukoll limiti kwantitattivi xierqa fuq id-dejn kopert.

    L-għajnuna trid tkun kemm jista' jkun limitata — il-kontribut tas-settur privat

    (25)

    Meta jiġi applikat il-prinċipju tal-għajnuna mill-istat ġenerali li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-anqas livell possibbli, l-Istati Membri jridu jieħdu l-passi xierqa biex jaraw li jkun hemm kontribuzzjoni sinifikanti mill-benefiċjarji u/jew mis-settur lejn l-ispejjeż tal-garanzija u, fejn tinqala' l-ħtieġa, l-ispejjeż tal-intervent tal-Istat jekk il-garanzija tkun trid tintuża.

    (26)

    Il-kalkolu eżatt u l-bixra ta' kontribut bħal dan jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi partikolari. Il-Kummissjoni tqis li kombinazzjoni adekwata ta' xi wħud mill-elementi li ġejjin, jew ta' kollha (7), tkun tissodisfa r-rekwiżit li l-għajnuna tinżamm f'lanqas livell possibbli:

    l-iskema ta' garanzija trid tkun ibbażata fuq remunerazzjoni xierqa mill-istituzzjonijiet finanzjarji benefiċjarji individwalment u/jew is-settur finazjarju kollu kemm hu (8). Meta wieħed iqis kemm hu diffiċli li tiġi stabbilita rata tas-suq għal garanziji ta' dan it-tip u daqs, fin-nuqqas ta' livell ta' referenza kumparabbli, u meta wieħed iqis id-diffikultajiet li jistgħu jkollhom il-benefiċjarji biex iġorru l-ammonti li jistgħu jiġu mitluba b'mod xieraq, it-tariffi mitluba għall-għoti tal-iskema għandhom ikunu kemm jista' jkun qrib dak li jista' jitqies bħala prezz tas-suq. Mekkaniżmi xierqa ta' kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet, li jkunu jirriflettu l-grad li jvarjatar-riskji u tal-profili ta' kreditu differenti u l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, ikunu kontribuzzjonijiet importanti lejn il-proporzjonalità tal-miżura,

    jekk il-garanzija tkun trid tiġi attivata, kontribuzzjoni oħra sinifikanti tas-settur privat tista' tkun dik li jkopri tal-anqas parti konsiderevoli mill-obbligazzjonijiet pendenti li jkollha l-impriża li tibbenefika (jekk tkun baqgħet teżisti) jew li jkollu s-settur, b'mod li l-intervent tal-Istati Membru jkun limitat għal ammonti li jaqbżu din il-kontribuzzjoni,

    il-Kummissjoni tagħraf li jista' jiġri li l-benefiċjarji ma jkunux jistgħu jħallsu immedjatament remunerazzjoni xierqa f'daqqa. Għalhekk, sabiex l-elementi ta' qabel jiġu kkumplimentati jew parzjalment sostitwiti, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw klawżola ta' “treġġiegħ lura/żminijiet aħjar” li tkun tobbliga lill-benefiċjarji jħallsu jew remunerazzjoni addizjonali għall-għoti tal-garanzija bħala tali (f'każ li din ma jkunx hemm bżonn tiġi attivata) jew biex dawn iħallsu lura tal-anqas parti minn xi ammont imħallas minn Stat Membru taħt il-garanzija (f'każ li din tintuża) hekk kif ikunu fil-pożizzjoni li jkunu jistgħu jagħmlu dan.

    Għandha tiġi evitata d-distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni

    (27)

    Minħabba ir-riskji inerenti li kull skema ta' garanzija jista' jkollha effetti negattivi fuq banek non-benefiċarji, inklużi dawk fl-Istati Membri, is-sistema għandha tinkludi mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu minimizzati d-distorsjonjiet u abbużi potenzjali minn sitwazzjonjiet preferenzjali tal-benefiċarji bħala konsegwenza ta' garanzjija tal-Istat. Dawn is-salvagwardji, li huma importanti wkoll sabiex jiġi evitat ir-riskju suġġettiv għandhom jinkludu taħlita adekwata ta' xi uħud jew ta' kull wieħed minn dawn l-elementi li ġejjin (9):

    obbligi ta' komportament li jassiguraw illi l-istituzzjonijiet finanzjarji benefiċarji ma jimbarkawx fuq espansjoni aggressiva fl-isfond tal-garanzija għad-detriment tal-kompetituri li ma jkunux koperti b'din il-protezzjoni. Dan jista' jsir, pereżempju, permezz ta':

    restrizzjonijiet fuq imġieba kummerċjali, bħal irreklamar li jinvoka l-istat garantit ta' bank benefiċarju, l-ipprezzar jew fuq l-espansjoni tan-negozju, eż. Permezz tad-dħul tal-iffissar tal-ishma fis-suq (10),

    limitazzjonijiet fl-ammonti fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet benefiċarji fir-rigward ta' livell ta' referenza xieraq (eż. PGD jew tkabbir tas-suq tal-flus (11)),

    il-projbizzjoni ta' mġieba li tkun irrikonċiljabbli mal-għan tal-garanzija bħal, pereżempju, xiri mill-ġdid ta' ishma minn istituzzjonijiet finanzjarji benefiċarji jew il-ħruġ ta' opzjonijiet ġodda fuq l-ishma għall-maniġment.

    dispożizzjonjiet xierqa li jawtorizzaw lill-Istati Membri konċernati sabiex jinfurzaw dawn ir-restrizzjonjiet tal-imġieba inkluża s-sanzjoni li titneħħa l-protezzjoni tal-garanzija minn fuq l-istituzzjoni finanzjarja benefiċarja, f'każ ta' nuqqas ta' konformità.

    Segwitu permezz ta' miżuri ta' aġġustament

    (28)

    Il-Kummissjoni tikkonsidra illi, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni sa fejn hu possibbli, hemm bżonn ta' garanzija ġenerali li tkun meqjusa bħala miżura ta' emerġenza provviżorja, sabiex tindirizza s-sintomi akuti tal-kriżi attwali fis-swieq finanzjarji. Dawn il-miżuri ma jistgħux, per definizzjoni, jirrapreżentaw tweġiba sħiħa għall-kawżi fundamentali ta' din il-kriżi li huma marbuta ma' nuqqasijiet strutturali fil-funzjonament tal-organizzazzjoni tas-swieq finanzjarji jew ma' problemi speċifiċi ta' istituzzjonijiet finanzjarji individwali jew ma' taħlita tat-tnejn.

    (29)

    Għaldaqstant, skema ta' garanzija għandha tkun akkumpanjata, debitament, b'miżuri ta' aġġustament neċċessarji għas-settur fit-totalità tiegħu u/jew bir-ristruturazzjoni jew stralċ tal-benefiċarji individwali, b'mod partikolari għal dawk li għalihom trid tiġi użata l-garanzija.

    Applikazzjoni tal-iskema għal każijiet individwali

    (30)

    Fejn l-iskema tal-garanzija trid tiġi konvolta għall-benefiċċju tal-istituzzjonjiet finanzjarji individwali huwa indispensabbli illi din il-miżura ta' salvagwardja ta' emerġenza mmirata sabiex iżżomm l-istituzzjoni falluta fil-wiċċ, u li tagħti lok għal aktar distorsjoni tal-kompetizzjoni addizzjonali lil hinn minn dik li tirriżulta mid-dħul tal-iskema, tkun segwita malajr kemm jista' jkun skont kif tippermetti s-sitwazzjoni tas-swieq finanzjarji, b'passi xierqa li jwasslu għal ristrutturazzjoni jew stralċ tal-benefiċarju. Dan jistimula r-rekwiżit tan-notifika tal-pjan tar-ristrutturazzjoni jew stralċ għal dawk li jirċievu l-pagamenti taħt il-garanzija li tkun valutata separatament mill-Kummissjoni fir-rigward ta' kemm hi konformi mar-regoli tal-għajnuna tal-Istat (12).

    (31)

    Fil-valutazzjoni tal-pjan ta' ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni għandha tkun iggwidata mir-rekwiżiti:

    li tiżgura r-radd lura tal-vijabilità għal żmien twil tal-istituzzjoni finanzjarja inkwistjoni,

    li tiżgura li l-għajnuna tiġi miżmuma baxxa u li jkun hemm parteċipazzjoni sostanzjali fl-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni,

    sabiex tissalvagwardja li ma jkunx hemm distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni u l-ebda benefiċċji indebiti miġjuba mill-attivazzjoni tal-garanzija.

    (32)

    F'din il-valutazzjoni, l-Kummissjoni tista' tibni fuq l-esperjenza miġbura fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-konfront tal-istituzzjonjiet finanzjarji fl-imgħoddi, wara li tikkonsidra l-aspetti partikolari ta' kriżi li laħqet kobor li tikkwalifikaha bħala tfixkil serju tal-ekonomija tal-Istati Membri.

    (33)

    Il-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni wkoll id-distinzzjoni bejn miżuri ta' għajnuna neċessarji esklussivament minħabba l-ostaklu serju għall-aċċess għal-likwidità inrelazzjoni ma' sitwazzjoni finanzjarja li altrimenti hi fundamentalment b'saħħitha, u bejn għajnuna mogħtija lill-benefiċarji li barraminnhekk qed ibagħtu wkoll minn problemi ta' solvibilità strutturali marbutin mal-mudell partikolari tagħhom jew mal-istrateġija ta' investiment tagħhom. Fil-prinċipju, hemm it-tendenza li għajnuna lill-kategorija ta' benefiċarji msemmija l-aħħar toħloq tħassib ikbar.

    4.   IR-RIKAPITALIZZAZZJONI TAL-ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI

    (34)

    It-tieni miżura sistematika bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja kontinwa tista' tkun li tiġi stabbilita skema ta' rikapitalizzazzjoni li tista' tkun użata sabiex isostni istituzzjonjiet finanzjarji li huma fundamentalment b'saħħithom iżda li qed jesperjenzaw problemi minħabba l-kundizzjonjiet estremi tas-swieq finanzjarji. L-għan ikun illi jiġu provduti fondi pubbliċi sabiex tissaħħaħ il-bażi kapitali tal-istituzzjonjiet finanzjarji direttament jew sabiex tiffaċilita l-injezzjoni ta' kapital privat b'mezzi oħra, sabiex jiġu evitati effeti negattivi indiretti sistematiċi.

    (35)

    Fil-prinċipju, l-imsemmijin kunsiderazzjonjiet fir-rigward tal-garanzija ġenerali japplikaw ukoll mutatis mutandi, għall-iskemi ta' rikapitalizzazzjoni. Dan jgħodd għal:

    kriterji ta' eliġibiltà oġġettivi u nondiskriminatorji,

    l-ambitu taż-żmien tal-iskema,

    limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju,

    il-ħtieġa ta' salvagwardji kontra abbużi potenzjali u distorsjonjiet indebiti tal-kompetizzjoni, filwaqt li jiġi kkunsidrat li n-natura irriversibbli tal-injezzjonijiet kapitali tqanqal il-ħtieġa għall-provvedimenti fl-iskema li jagħmluha possibbli għall-Istat Membru li jissorvelja u jinfurza l-ottemperanza ma' dawn is-salvagwardji u sabiex jittieħdu passi li bihom jiġu evitati distorsjonjiet indebiti tal-kompetizzjoni, fejn hu xieraq, fi stadju aktar tard (13), kif ukoll

    ir-rekwiżit għar-rikapitalizzazzjoni bħala miżura ta' emerġenza sabiex issostni l-istituzzjonji finanzjarja matul il-kriżi, segwita minn pjan ta' ristrutturazzjoni għall-benefiċarju li għandu jkun eżaminat separatament mill-Kummissjoni, illi tikkunsidra kemm id-distinzjoni bejn istituzzjonijiet finanzjarji li huma fundamentalment b'saħħithom unikament affetwati mir-restrizzjonjiet preżenti fuq l-aċċess għal-likwidità u benefiċarji li barraminnhekk għandhom problemi ta' solvibbilità strutturali marbuta pereżempju mal-mudell azjendali tagħhom jew mal-istrateġija ta' investiment tagħhom u kif ukoll l-impatt li għandha din id-distinzjoni fuq kemm hi meħtieġa ristrutturazzjoni.

    (36)

    In-natura partikolari tal-miżura tar-rikapitalizzazzjoni tagħti lok għall-kunsiderazzjonjiet li ġejjin.

    (37)

    L-eliġibilità għandha tkun bbażata fuq kriterji oġġettivi, bħall-ħtieġa li jiġi żgurat livell ta' kapitalizzazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tas-solvibilità li ma jwasslux għal trattament li huwa indebitament diskriminatorju. L-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta' sostenn mill-awtoritajiet ta' sorveljanza finanzjarja jistgħu jkunu element pożittiv.

    (38)

    L-injezzjoni kapitali għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u m'għandhiex tħalli lill-benefiċarju jembarka fuq strateġiji kummerċjali aggressivi jew f'espansjoni tal-attivitajiet tiegħu jew għall-għanijiet oħra li jista' joħolqu distorsjonjiet indebiti tal-kompetizzjoni. F'dak il-kuntest iż-żamma ta' rekwiżiti ta' livelli minimi ta' solvibilità msaħħin, u/jew il-limitazzjoni tal-kobor totali tal-karta tal-bilanċċ tal-istituzzjoni finanzjarja għandha tkun evalwata pożittivament. Il-benefiċarji għandhom jikkontribwixxu kemm jista' jkun fid-dawl tal-kriżi preżenti permezz tal-mezzi tagħhom li jinkludu parteċipazjoni privata (14).

    (39)

    Interventi kapitali f'istituzzjonjiet finanzjarji għandhom ikunu magħmula f'termini li jimminimizzaw l-ammont ta' għajnuna. Skont il-mezzi li jiġu magħżula (eż. l-ishma, titoli, kapital subordinat, …) l-Istat Membru konċernat għandu, fil-prinċipju, jirċievi drittijiet, li l-valur tagħhom jikkorrispondi għall-kontribut tagħhom għar-rikapitalizzazzjoni. Il-prezz tal-ħruġ tal-ishma ġodda għandu jkun fiss fuq il-bażi ta' valutazzjoni orjentata lejn is-suq. Sabiex jiġi żgurat illi sostenn pubbliku jingħata biss bi tpattija għall-kontroparti xierqa, mezzi bħall-ishma preferenzjali bi ħlas xieraq, għandhom jiġu kkunsidrata pożittivament. Alternattivament l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' rkupru jew klawżoli kompensattivi għandhom jiġu kkunsidrati.

    (40)

    Kunsiderazzjonjiet simili għandhom japplikaw għall-miżuri u skemi mmirati lejn l-indirizzar tal-problema min-naħa tal-assi tal-istituzzjoni finanzjarja, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-rekwiżiti kapitali tal-istituzzjoni. B'mod partikolari, meta Stat Membru jixtri jew ipartat l-assi għandu jagħmel hekk b'valutazzjoni li tirrifletti r-riskji eżistenti, mingħajr ebda diskriminazzjoni indebita fil-konfront tal-vendituri.

    (41)

    L-approvazzjoni tal-iskema tal-għajnuna ma teżentax Stat Membru milli jippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar l-użu tal-iskema, kull sitt xhur u pjani individwali għall-azjenda benefiċarja fi żmien sitt xhur mid-data tal-intervent (15).

    (42)

    Bħal fil-każ tal-iskemi tal-garanzija iżda wara li kkunsidrat in-natura inerentement irriversibbli tal-miżuri tar-rikapitalizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima ta' dawn il-pjani b'mod illi tiżgura l-koerenza bejn ir-riżultat finali tar-rikapitalizzazzjoni taħt l-iskema u dawk ta' miżura ta' rikapitalizzazzjoni magħmula barra minn skema bħal din, skont il-prinċipji tal-linji gwida tas-salvataġġ u ristrutturazzjoni, waqt li tikkunsidra l-karatteristiċi partikolari ta' kriżi sistematika fis-swieq finanzjarji.

    5.   XOLJIMENT IKKONTROLLAT TA' ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI

    (43)

    Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti xi Stati Membri jista' jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu xoljiment ikkontrollat ta' ċerti istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Dan l-istralċ ikkontrollat, possibilment implimentat b'rabta mal-kontribuzzjoni ta' fondi pubbliċi, jista' jiġi applikat f'każijiet individwali, jew bħala t-tieni pass, wara l-għajnuna ta' salvataġġ lil istituzzjoni finanzjarja individwali meta jkun jidher ċar li din tal-aħħar ma tkunx tista' tiġi rristrutturata b'suċċess, jew inkella f'azzjoni waħda, Xoljiment ikkontrollat jista' jikkostitwixxi wkoll element ta' skema ta' garanzija ġenerali, Eż. meta Stat Membru jobbliga ruħu li jibda stralċ ta' istituzzjoni finanzjarja li għaliha jkun meħtieġ li tiġi attivata l-garanzija.

    (44)

    Għal darb'oħra, valutazzjoni ta' skema bħal din u ta' miżuri individwali ta' stralċ magħmulin taħt tali skema jsegwu l-istess linji, mutatis mutandis, kif imsemmija hawn fuq għall-iskemi ta' garanzija.

    (45)

    In-natura partikolari tal-miżura tal-istralċ tagħti lok għal-kunsiderazzjonjiet li ġejjin:

    (46)

    Fil-kuntest tal-istralċ, trid tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġi minimizzat ir-riskju suġġettiv, b'mod partikolari billi jiġu esklużi xi azzjonisti u possibilment ċerti tipi ta' kredituri milli jirċievu l-benefiċċju ta' xi għajnuna fil-kuntest ta' proċedura ta' xoljiment ikkontrollat.

    (47)

    Sabiex tiġi evitata distorsjoni ta' kompetizzjoni, il-fażi tal-istralċ għandha tkun limitata għall-perjodu strettament neċessarju għax-xoljiment ordnat. Sakemm l-istituzzjoni finanzjarja benefiċarja tkompli topera m'għandhiex tidħol f'attivitajiet ġodda, iżda sempliċiment tkompli dawk diġa mibdijin. Il-liċenzja bankarja għandha tiġi rtirata mill-aktar fis possibbli.

    (48)

    Sabiex jiġi żgurat illi l-ammont ta' għajnuna jibqa' fil-minimu neċessarju fid-dawl tal-iskop mixtieq, jinħtieġ li jiġi kkunsidrat illi l-protezzjoni tal-istabilità finanzjarja fl-ambitu tat-taqlib finanzjarju preżenti tista' timplika n-neċessità ta' rifużjoni għal ċerti kredituri tal-bank stralċat permezz ta' miżuri ta' għajnuna. L-għażla tal-kriterji għas-selezzjoni tat-tipi ta' passivi għal dan l-iskop għandha ssegwi l-istess regoli stabbiliti għall-passivi koperti bl-iskema ta' garanzija.

    (49)

    Sabiex jiġi żgurat illi ma tingħatax għajnuna lill-bejjiegħa tal-istituzzjoni finanzjarja jew ta' partijiet minna jew lill-entitajiet mibjugħa, huwa importanti li ċerti kundizzjonijiet ta' bejgħ jiġu rrispettati. Il-kriterji li ġejjin sejrin jittieħdu inkonsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta jkun qed jiġi determinat jekk hemmx għajnuna potenzjali:

    Il-proċess ta' bejgħ għandu jkun miftuħ u non-diskriminatorju,

    il-bejgħ għandu jsir bil-kundizzjonijiet tas-suq,

    l-istituzzjoni finanzjarja jew il-Gvern, (skont l-istruttura magħżula) għandu jimmassimizza l-prezz tal-bejgħ għall-attivi u l-passivi involuti,

    f'eventwalità li jkun neċessarju li tingħata xi għajnuna lill-entità ekonomika li tkun se tinbiegħ, għandu jkun hemm eżami individwali skont il-prinċipji tal-linji gwida tas-salvataġġ u ristrutturazzjoni.

    (50)

    Meta l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji jwasslu għas-sejbien ta' għajnuna lill-bejjiegħa jew lill-entitajiet mibjugħin, il-kompatibilità ta' dik l-għajnuna trid tiġi valutata separatament.

    6.   PROVVEDIMENT TA' ASSISTENZA TA' FOROM OĦRA TA' LIKWIDITÀ

    (51)

    Sabiex jiġu indirizzati problemi akuti ta' likwidità ta' xi istituzzjonijiet finanzjarji, l-Istati Membri jistgħu jabbinaw mal-iskemi ta' garanziji u rikapitalizzazzjoni forom ta' sostenn ta' likwidità komplimentari, bi provvedimenti minn fondi pubbliċi (li jinkludu fondi mill-bank Ċentrali). Il-Kummissjoni diġà ċċarat li meta Stat Membru /Bank Ċentrali ma jirreġixxix għall-kriżi bankarja b'miżuri selettivi favur banek individwali, iżda b'miżuri ġenerali miftuħin għall-parteċipanti tal-istess kalibru fis-suq (eż. billi tislef lis-suq kollu bl-istess termini), dawn it-tipi ta' miżuri ġenerali huma ta' spiss barra mill-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u m'għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra pereżempju li l-attivitajiet tal-banek ċentrali relatati mal-politika monetarja, bħal operazzjonjiet fuq is-suq miftuħ u fuq inizzjattiva tal-kontroparti, ma jinqabdux taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Sostenn immirat lejn istituzzjonijiet finanzjarji speċifiċi jista' ukoll jitqies li mhumiex għajnuna f'ċirkostanzi speċifiċi. Il-Kummissjoni tikkonsidra (16) illi l-proveddiment tal-fondi tal-bank ċentrali lill-istituzzjoni finanzjarja f'każijiet bħal dawn tista' tiġi meqjusa li mhix għajnuna meta ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, bħal:

    l-istituzzjoni finanzjarja tkun solventi fil-mument tal-provvediment tal-likwidità u li din tal-aħħar ma tkunx parti minn xi pakkett ta' għajnuna ikbar,

    il-faċilità tkun kompletament garantita kollateralment li għalihom jiġi applikat tnaqqis, skont il-kwalità u l-valur fis-suq tagħha,

    il-bank ċentrali jeżiġi ħlas ta' rata ta' interess bħala penali mingħand il-benefiċrju,

    il-miżura tiġi meħuda fuq inizjattiva tal-bank ċentrali nnifsu, u in partikolari mhuwiex sostenut b'xi kontro-garanzija mill-Istat.

    (52)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra illi fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali preżenti skema ta' sostenn ta' likwidità minn għejjun pubbliċi (li jinkludi l-Bank Ċentrali) fejn jikkostitwixxi għajnuna, jista' jitqies kompatibbli, skont il-prinċipji fil-linji gwida R&R. Sakemm ikun hemm żgurata (17) reviżjoni regolari ta' tali skema ta' likwidità kull sitt xhur, l-approvazzjoni tal-iskema tista' tkopri perjodu itwal minn sitt xhur u sa sentejn, fil-prinċipju. Tista' tiġi estiża ulterjorment, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fil-każ illi l-kriżi fis-swieq finanzjarji tkun tirrikjedi dan.

    7.   TRATTAMENT RAPIDU TA' INVESTIGAZZJONIJIET DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

    (53)

    Meta jiġu applikati r-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-miżuri kkunsidrati f'Komunikazzjoni b'mod li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq finanzjarju, il-Kummissjoni b'koperazzjoni mal-Istati Membri, għandhom it-tnejn li huma jiżguraw illi jilħqu l-għan tagħhom u li jżommu f'livell minimu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni relatati kemm fi ħdanhom kif ukoll bejn Stati Membri. Sabiex tiġi faċilitata din il-koperazzjoni u sabiex jipprovdu kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet terzi biċ-ċertezza legali neċessarja dwar il-konformità tal-miżuri meħuda mat-Trattat (li huwa komponent sinifikattiv sabiex tiġi restitwita l-fiduċja lis-swieq), huwa ta' importanza suprema illi l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom u jinnotifikaw kemm jista' jkun kmieni u b'mod komplut il-pjani tagħhom li jintroduċu miżuri, u fi kwalunkwe każ qabel ma l-miżura tiġi implimentata. Il-Kummissjoni ħadet passi xierqa sabiex tiżgura l-adozzjoni veloċi ta' deċiżjonijiet man-notifika sħiħa, jekk ikun hemm bżonn fi żmien 24 siegħa u matul tmiem il-ġimgħa.


    (1)  Il-konklużjonijiet tal-ECOFIN jelenkaw dawn il-prinċipji:

    l-interventi għandhom ikunu fi żmienhom u li l-għajnuna trid fil-prinċipju tkun waħda temporanja,

    l-Istati Membri għandhom ikunu attenti fejn jidħlu l-interessi tal-kontribwenti,

    azzjonisti għandhom iġorru l-konsegwenzi xierqa tal-intervent,

    l-Istati Membri għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jġibu tibdil fil-management,

    il-Management m'għandux iżomm benefiċċji mhux xierqa — il-gvernijiet jista' jkollhom fost affarijiet oħra l-poter li jintervjenu fejn tidħol ir-remunerazzjoni,

    l-interess leġittimu tal-kompetituri irid jitħares, b'mod partikolari permezz ta' regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat,

    għandhom jiġu evitati effetti negattivi fuq setturi oħra.

    (2)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (3)  Ara l-kawża ewlenija Kawżi Konġunti T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen u Volkswagen AG Kummissjoni [1999] ECR II-3663, para. 167 Ikkonfermata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża C 47/1996, Crédit Lyonnais, (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28), punt 10.1, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C 28/2002 Bankgesellschaft Berlin, (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1), punti 153 u ta' wara, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C 50/2006 BAWAG, għadha mhux ippubblikata, punti 166. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 70/2007 Northern Rock, (ĠU C 43, 16.2.2008, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ NN 25/2008, Għajnuna ta' salvataġġ lil WestLB, (ĠU C 189, 26.7.2008, p. 3), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2008 fil-Kawża C 9/2008 SachsenLB, għadha mhux ippubblikata

    (4)  Wieħed jifhem li n-natura eżatta u l-perjodu tar-ristrutturar li jrid isir jista' jiġi affettwat mit-taħwid preżenti fis-swieq finanzjarji.

    (5)  Il-limitazzjoni tal-ammont tal-garanzija disponibbli, possibbilment f'rabta mald-daqs fil-karta tal-bilanċ tal-benefiċjarju tista' wkoll tkun element li jissalvagwardja il-proporzjonalità tal-iskema f'dan ir-rigward.

    (6)  Bħal, pereżempju, bonds koperti u dejn u depożiti bil-garanzija f'bonds tal-gvern jew bonds koperti.

    (7)  Din hija lista mhux eżawrijenti tal-istrumenti li jikkontribwixxu għall-għan li l-għajnuna tinżamm fuq l-anqas livell possibbli.

    (8)  Eż. permezz ta' assoċjazzjoni ta' banek privati.

    (9)  Din hija lista mhux eżawrijenti ta' strumenti li huma ta' kontribut biex jiġu evitati distorsjonijiet indebiti ta' kompetizzjoni.

    (10)  Iż-żamma tal-qliegħ bl-iskop illi tiġi żgurata rikapitalizzazzjoni adegwata jista' jkun ukoll element li għandu jiġi kkunsidrat f'dan il-kuntest.

    (11)  Filwaqt illi tiġi salvagwardjata d-disponibiltà tal-kreditu fl-ekonomija partikolarment f'każ ta' riċessjoni.

    (12)  Bħala prinċipju, l-Kummissjoni tikkonsidra illi f'każ ta' pagamenti li jridu jiġu magħmula lill-istituzzjoni finanzjarja benefiċarja, l-pagament għandu jiġi segwit wara sitt xhur minn pjan ta' ristrutturazzjoni jew pjan ta' stralċ, skont il-każ. Sabiex jiġi faċilitat ix-xogħol tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni se tkun lesta li teżamina notifiki raggruppati ta' każijiet simili ta' ristruturazzjoni /stralċ. Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li ma hemmx ħtieġa li jiġi preżentat pjan purament dwar stralċ tal-istituzzjoni, jew meta d-daqs tal-istituzzjoni ikun negliġibbli.

    (13)  Skont il-prinċipji fil-linji ta' gwida R&R.

    (14)  Il-provvediment ta' ċerta kontribuzzjoni bil-quddiem jista' jiġi supplimentat bi provvedimenti oħrajn li jippermettu l-impożizzjoni ta' kontribuzzjonjiet oħrajn aktar 'il quddiem.

    (15)  Sabiex jiġi faċilitat ix-xogħol tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni se tkun lesta li teżamina notifiki raggruppati ta' każijiet simili ta' ristruturazzjoni /stralċ. Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li ma hemmx ħtieġa li jiġi preżentat pjan fejn dan ikun purament dwar stralċ tal-istituzzjoni, jew meta d-daqs ikun negliġibbli.

    (16)  Ara pereżempju Northern Rock, ĠU C 43, 16.2.2008, p. 1.

    (17)  Il-prinċipji fuq imsemmija fpunt 24 jistgħu japplikaw għal din ir-reviżjoni.


    Op