Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC1016(01)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 263, 16.10.2008, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 263/5


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    (2008/C 263/05)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “KIWI DE L'ADOUR”

    Nru tal-KE: FR-PGI-005-0538-27.03.2006

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi biss.

    1.   Id-Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Institut National de l'Origine et de la Qualité

    Indirizz:

    51, rue d'Anjou

    F-75008 Paris

    Tel.

    (33-1) 53 89 80 00

    Feks

    (33-1) 42 25 57 97

    Posta elettronika:

    info@inao.gouv.fr

    2.   Grupp:

    Isem:

    Association de Promotion des Kiwis des pays de l'Adour

    Indirizz:

    Chambre d'Agriculture

    Cité Galliane, BP 279

    F-40005 Mont de Marsan Cedex

    Tel.

    (33-5) 58 85 45 05

    Feks

    (33-5) 58 85 45 31

    Posta elettronika:

    qualite@landes.chambagri.fr

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/Proċessaturi ( X ) oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali fl-istat naturali tagħhom jew ipproċessati

    4.   Speċifikazzjoni:

    (Sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem: “Kiwi de l'Adour”

    4.2.   Deskrizzjoni: Ġejja minn pjanta perenni, subtropikali u li għandha organi maskili u femminili fuq pjanti separati (Actinidia Deliciosa, “Hayward”) li tikber fil-Pays de l-Adour, il-kiwi hija frotta mimlija u magħquda b'karatteristiċi organolettiċi tajbin ħafna. Il-konsistenza tagħha hija mdewba, immerrqa meta tkun misjura u għandha laħam ta' lewn aħdar vibranti, b'riħa ħafifa u kemm kemm aċiduż. Il-qoxra tal-“kiwi de l'Adour” għandha lewn kannella fl-aħdar ħamrani u miksija b'pil fin qisu ħarir.

    Wara li jiġi mkejjel, il-kiwi jitqiegħed imferrex f'pakketti, f'saffi fuq trejs jew għall-bejgħ lill-konsumatur (UVC).

    Fi żmien il-ħsad il-kiwi għandu livell ta' 6,5 Brix u livell ta' 12 Brix meta jiġi mqassam (fermezza minima ta' 1 kg/0,5 cm2). Il-“kiwi de l'Adour” huwa frotta friska ta' daqs Extra u I definiti fl-istandardizzazzjoni Komunitarja.

    4.3.   Żona ġeografika: Din iż-żona ġeografika tikkonsisti fil-cantons li ġejjin:

    id-Dipartiment ta' Gers (32) għandu l-cantons li ġejjin:

    AIGNAN, NOGARO, PLAISANCE, RISCLE.

    id-Dipartiment ta' Landes (40) għandu l-cantons li ġejjin:

    AIRE SUR ADOUR, AMOU, DAX SUD, GEAUNE, GRENADE SUR ADOUR, HAGETMAU, MONT DE MARSAN SUD, MONTFORT EN CHALOSSE, MUGRON, PEYREHORADE, POUILLON, SAINT MARTIN DE SEIGNANX, SAINT SEVER, SAINT VIENCENT DE TYROSSE, TARTAS EST,

    kif ukoll il-muniċipalitajiet tal-cantons ta' Landes li ġejjin:

    DAX NORD: Angoumé, Dax, Mées, Rivière-Saas-et-Gourby, Saint Paul les Dax, Saint Vincent de Paul, Saubusse; Téthieu

    MONT DE MARSAN NORD: Campet et Lamolère, Mont de Marsan, Saint Martin d'Oney

    SOUSTONS: Angresse, Azur, Magescq, Saint Geours de Maremne, Seignosse, Soorts-Hossegor, Soustons, Tosse, Vieux-Boucau les Bains

    TARTAS OUEST: Bégaar, Carcen-Ponson, Lesgor, Pontonx sur l'Adour, Saint Yaguen, Tartas

    VILLENEUVE DE MARSAN: Arthez d'Armagnac, Bourdalat, Le Frêche, Hontanx, Montégut, Perquie, Pujo le Plan, Saint Cricq Villeneuve, saint Gein, Villeneuve de Marsan.

    id-Dipartiment ta' Pyrénées Atlantiques (64) għandu l-cantons li ġejjin:

    ARTHEZ DE BEARN, ARZACQ, BIDACHE, GARLIN, LA BASTIDE CLAIRENCE, LAGOR, LEMBEYE, LESCAR, MORLAAS, ORTHEZ, SALIES DE BEARN, SAUVETERRE DE BEARN, SAINT-PALAIS, THEZE,

    kif ukoll il-muniċipalitajiet tal-cantons li ġejjin (64):

    Canton d'ANGLET: Anglet,

    Canton de BIARRITZ: Biarritz,

    Canton de PAU: Pau.

    Il-kiwi jinġabar, jiġi ppakkjat u jinħażen fiż-żona ġeografika tal-Pays de l'Adour, imsoqqija minn l'Adour u t-tributarji tagħha.

    Fil-fatt, il-“kiwi de l'Adour” għandu togħma partikulari minħabba l-fatt li jinqata' tard mis-siġra. Dan id-dewmien fil-qtugħ jikkawża żieda tal-materja xotta tal-frotta (kif ukoll żieda fil-livell taz-zokkor), u b'hekk il-frotta tkun iktar misjura u iktar delikata speċjalment eżatt wara l-ħsad (meta z-zokk jiġi mogħmi).

    Il-ġarr fit-tul ta' kwantità kbira ta' frott wara l-ħsad iwassal għal varjazzjonijiet fit-temperatura li jaffettwaw lill-frotta (żieda artifiċjali fil-livell taz-zokkor, problemi ta' konservazzjoni fil-friġġ). Il-ġarr joħloq ukoll pressjoni fil-pallox (kontenituri li jitqiegħdu fuq pallets) u għalhekk jiżdied ir-riskju li jitgħaffeġ il-frott jew li ssirlu ħsara oħra.

    Madankollu, il-frott li jkun ippakkjat lest jista' jinġarr bla riskju. L-istadju li fih jiġi mogħmi z-zokk għadda u l-ippakkjar jipproteġi l-frott.

    4.4.   Prova tal-oriġini: L-oriġini tal-“Kiwis de l'Adour” hija garantita mill-identifikazzjoni tal-kiwi u billi tiġi żgurata t-traċċabbiltà tiegħu mill-ort sa meta jkun għall-bejgħ lill-konsumatur. Il-ħsad tal-frott isir minn produtturi ċertifikati u jiġi ppakkjat fi stazzjonijiet li huma approvati u akkreditati mill-grupp li qed japplika. Iċ-ċertifikazzjoni tal-produttur u l-akkreditazzjoni ta' stazzjon isiru skont il-proċeduri tal-grupp li qed japplika u li ġew approvati mill-entità ta' ċertifikazzjoni. Dawn iż-żewġ tipi ta' operaturi huma responsabbli għall-identifikazzjoni tal-ortijiet (oqsma tal-art), il-lottijiet tal-kiwi u l-frott innifsu. Kull informazzjoni rigward l-intraċċar hija rrekordjata sabix tiġi żgurata l-evidenza tat-traccabbiltà tagħhom. Il-''kiwi de l'Adour'' jiġi identifikat speċifikament u b'mod ċar fl-istazzjonijiet fejn jiġi ppakkjat (kodiċi tal-kulur, in-numru tal-produttur u tal-parcelle, il-bar code eċċ.).

    4.5.   Metodu ta' produzzjoni: L-ortijiet li huma tal-ispeċi Actinidia Deliciosa biss, “Hayward” huma approvati. L-ortijiet użati fil-produzzjoni tal-“kiwis de l'Adour” għandu jkollhom iktar minn erba' snin billi l-kiwi ma jiksibx id-daqs standard sa dak iż-żmien.

    Sabiex tiġi żgurata pollinizzazzjoni ottimali u tiġi garantita frotta ta' kwalità:

    in-numru tal-pjanti femminili huwa ta' 300 sa 800/ha għal 100 sa 160 ta' pjanti maskili,

    id-densità tal-pjanti għandha tkun ta' 2,5 m sa 6 m fir-ringiela u ta' 4 sa 6 m bejn ir-ringieli.

    Iż-żbir fix-xitwa jitwettaq b'mod li tinżamm medja ta' 1,2 sa 1,4 qasba għal kull m2 fl-ort, skont id-distanza bejn is-siġar.

    It-traqqigħ hija operazzjoni li tikkonsisti fit-tnaqqis tan-numru ta' frott: Kull produttur għandu jadatta n-numru ta' frott fis-siġar għall-potenzjal tal-ort tiegħu (skont il-ħamrija, l-orjentament tal-parcelle, tat-tħawwil eċċ.) u sabiex jinkiseb frott skont id-daqs u l-kwalità meħtieġa. It-traqqigħ jirregola il-kwantità tal-frott li s-siġra tista' tiflaħ. Dan isir b'mod manwali matul perjodu li jieħu min-nofs April sal-aħħar ta' Lulju.

    Iż-żbir li jsir b'attenzjoni flimkien mat-traqqigħ korrett jistgħu jillimitaw in-numru ta' frott għal 35 frotta/m2 (45 frotta/m2 għall-ortijiet f'każijiet eċċezzjonali: Frott ta' daqs medju superjuri għal 85 g). Dan iwassal biex isir użu tajjeb mill-kwalità tal-prodott aħħari kemm b'mod organolettiku kif ukoll għaż-żamma tiegħu.

    Iż-żbir fis-sajf jikkonsisti fit-traqqigħ tal-weraq li jinkuraġixxi l-iżvilupp tal-frott u jiġi bbilanċjat il-proporzjon tal-weraq u l-frott. Iż-żbir jiżgura wkoll li l-frott jiġi espost iktar għax-xemx. Barra minn hekk għandu wkoll jinkoraġixxi it-tkabbir ta' friegħi ġodda bil-frott.

    Li jkollok kiwi ta' kwalità jiddependi wkoll mill-forniment tal-ilma. B'hekk, it-tisqija hija obbligatorja u għandha tiġi kontrollata sabiex ma jiġix immarkat il-frott.

    Il-ħsad jibda meta il-frott ikun laħaq l-aħjar maturità jiġifieri indiċi rifrattometriku ta' mill-inqas 6,5 ° Brix. Fil-każijiet kollha, il-ħsad ma jsirx qabel il-25 ta' Ottubru.

    Il-frott li l-ħsad tiegħu jsir b'mod manwali bil-prekawzjonijiet meħtieġa kollha sabiex tiġi evitata l-ħsara, jitqiegħed fi qfief bil-qiegħ li jitneħħa u li jissejħu “picking bags”. Il-frott tal-ħsad jiġi maħżun għat-teħid fl-istazzjoni tal-ippakkjar ġol-pallox li huma mmarkati bir-referenza tal-ort (parcelle).

    Il-“kiwi de l'Adour” jiġi miżmum, ippakkjat u maħżun (iż-żmien ta' waqfa suġġerit huwa ta' 24 sa 72 siegħa) fil-friġġ u/jew f'atmosfera kontrollata. Wara dan, il-kiwi jitqassam mill-istazzjonijiet tal-ippakkjar tal-Pays de l'Adour.

    It-tibdil fl-indiċi rifrattometriku u fil-fermezza tal-frotta jiġi monitorat waqt li jkun miżmum fil-kesħa. B'dawn il-miżuri tiġi osservata l-evoluzzjoni tal-maturazzjoni tal-frott. Il-kiwi jiġi kkummerċjalizzat ladarba jkun immatura fil-friġġ.

    Meta jiġi mqassam, il-“kiwi de l'Adour” ħandu jkollu indiċi rifrattometriku minimu ta' 12 ° Brixu fermezza minima ta' 1 kg/0,5 cm2. Fil-każijiet kollha, id-data għat-tqassim għandha tkun qabel il-15 ta' Ġunju.

    4.6.   Rabta: Il-produzzjoni tal-“kiwi de l'Adour” bdiet bis-saħħa ta' pijunier: Henri Pedelucq, li kien l-ewwel wieħed li introduċa u esperimenta b'din il-pjanta fil-Bassin de l'Adour. Huwa wettaq serje ta' esperimenti fuq il-pjanti li ġejjin: Actinidia, Tomato Tree (Tamarillo) u l-Frotta tal-Fjura tal-Passjoni. Pjanti ta' kull speċi ġew miżrugħa fir-rebbiegħa tal-1965 u s-sena ta' wara, iżda l-għaxar pjanti ta' Actinidia biss irniexxielhom jegħlbu l-kesħa u jibqgħu ħajjin. Pedelucq induna li l-klima tal-Pays de l'Adour kienet tajba biex jikber il-kiwi.

    L-ewwel ħsad tal-kiwi, li kellu jsir fl-1972 għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kien suċċess kbir u kkontribwixxa biex ġie varat dan is-settur. Dik l-istess sena, Pedelucq iddeċieda li jikkummerċjalizza l-pjanti.

    B'dan il-mod, il-kultura tal-kiwi żviluppat b'mod sporadiku ma' kullimkien fit-territorju Franċiż iżda l-kundizzjonijiet klimatiċi u l-kwalità tal-ħamrija malajr ikkonkludew li l-aktar territorju adattat għat-tkabbir tal-kiwi huwa propju il-Pays de l'Adour.

    B'hekk, l-iktar kabbara tal-frott intraprendenti fil-Bassin de l'Adour imxew wara l-passi ta' Pedelucq sa mill-bidu tas-snin 1970.

    Wara din l-ewwel mewġa li kienet għadha fil-fażi sperimentali, l-uċuħ miżrugħa ġarrbu espansjoni konsiderevoli u ġġeneraw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet ċivili fl-1978. Imbagħad, fis-snin 1985, 1986 u 1987, l-agrikulturi tal-Bassin de l'Adour involvew ruħhom huma wkoll f'din il-linja ta' produzzjoni promettenti.

    Il-karatteristiċi tal-“kiwi de l'Adour” jirriżultaw minn dewmien fil-ħsad tal-frotta matura u dan iwassal għall-aħjar żvilupp fil-kwalitajiet tat-togħma tal-kiwi (l-ammont ta' zokkor, tal-minerali eċċ. fis-siġra), u żamma fit-tul u tajba tal-frott fil-friġġ.

    Dan id-dewmien fil-ħsad huwa possibbli minħabba mikroklima xierqa, ħamrija adattata għall-pjanti tal-kiwi u fl-aħħarnett il-kompetenza ta' min hu professjonali fir-reġjun tal-“Kiwi de l'Adour”.

    Dan ir-reġjun fil-fatt, igawdi minn mikroklima moderata: ix-xtiewi mhumiex kesħin iżżejjed, ġelu bikri mill-inqas u sħana fis-sajf li mhix eċċessiva. Madankollu, it-temperaturi huma baxxi biżżejjed fix-xitwa sabiex jippermettu perjodu ta' mistrieħ veġetattiv, u b'hekk ikun hemm impatt pożittiv fuq it-tiswir tal-frott (żvilupp tal-potenzjal naturali tal-pjanta li jippermetti l-fjoritura u t-tiswir tal-frott).

    Il-pjanti tal-kiwi jeħtieġu wkoll livell għoli ta' umdità. Din isseħħ bil-preżenza ta' nixxigħat tal-muntanji Pirinej u l-prossimità tal-Oċean (il-kosta marittima tal-pays de l'Adour hi ta' madwar 50 km). Ir-riħ li rarament ikun b'saħħtu u li huwa wkoll inqas xott, joffri ventilazzjoni tajba għall-ortijiet u jnaqqas ir-riskji tal-mard.

    Għalhekk, iż-żona għandha vantaġġ akbar: Id-dewmien tal-ġelu tal-ħarifa iwassal għall-ġbir tal-kiwi b'livell ta' zokkor iktar għoli min-normal waqt il-ħsad. Bl-istess mod, il-Pays de l'Adour huwa karatterizzat minn waqfa bikrija tal-ġelu tar-rebbiegħa. Dan huwa partikolarment ta' vantaġġ għall-pjanti tal-kiwi ladarba l-fjoritura tibda bejn wieħed u ieħor f'nofs Mejju.

    Il-ħamrija karatteristika tal-Bassin du Pays de l'Adour għandha proprjetatjiet naturali ta' filtrazzjoni, hija fonda u rikka fil-materja organika, għandha konsistenza rozza (mimlija bl-arja), li ma fihiex ġir jew inkella ftit (ħamrija alluvjali tal-widien u l-għoljiet). Għandha wkoll riżerva tajba tal-ilma u tippermetti tisqija tajba tal-pjanti tal-kiwi meta jkunu qed jagħmlu l-frott. Il-preżenza tal-ħumus twassal għal abbundanza ta' traċċi ta' elementi (ħadid, zingu, boron) u ta' minerali (kalċju, manjeżju, sodju, potassju) fi kwantità biżżejjed għall-produzzjoni ta' frott ta' kwalità. Dawn il-karatteristiċi jikkontribwixxu għall-kwalitajiet organolettiċi tal-frotta (laħam magħqud, immerrqa, konsistenza mdewba, eċċ…).

    Iż-żbir fix-xitwa, it-traqqigħ, il-fertilizzazzjoni, il-pollinizzazzjoni, iż-żbir fis-sajf, it-tisqija sajfija, il-ġlieda kontra l-ġelu tar-rebbiegħa u l-ġbir manwali kollha jirrikjedu l-kompetenza miksuba mill-produtturi tal-Kiwis de l'Adour. Fi żmien qasir, dawk li jkabbru l-kiwi flimkien organizzaw il-ħżin, l-ippakkjar u l-bejgħ tal-produzzjoni tagħhom billi waqqfu koperattivi u stazzjonijiet tal-ippakkjar li jkun fihom tagħmir aġġornat.

    Illum, huwa settur sħiħ li f'idejh għandu l-kompetenza tal-produzzjoni, taż-żamma u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-“kiwi de l'Adour”. Il-produtturi wrew il-kapaċità tagħhom li jadattaw billi jadottaw din il-frotta ġdida kif ukoll urew ħeġġa li jipproduċu l-kwalità f'relazzjoni mal-oriġini ġeografika. Din il-ħeġġa jista' jkun illi ġejja mill-fatt li dan ir-reġjun iqis il-gastronomija u l-arti kulinari bħala patrimonju lokali. Mas-snin, wieħed jinnota li l-“kiwi de l'Adour” qed iqanqal interess li kulma jmur qed jiżdied fost xerrejja kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali li fih jagħrfu kwalitajiet partikulari fit-togħma matul l-istaġun kollu tal-kummerċ.

    4.7.   Entità ta' spezzjoni:

    Isem:

    Qualisud

    Indirizz:

    «Agropole» BP 102, Lasserre

    F-47000 Agen

    Tel.

    (33-5) 58 06 15 21

    Feks

    Posta elettronika:

    qualisud@wanadoo.fr

    Qualisud huwa entità approvata u akkreditata li tiċċertifika skont l-istandard EN 45011.

    4.8.   Tikkettar: Kull frotta jkollha tikketta li fuqha jkollha stampat (ħlief f'imballaġġi individwali):

    L-isem tal-prodott “KIWI DE L'ADOUR”.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top