EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0923(03)

Linji gwida għal aspetti ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000: Evalwazzjoni tas-similarità tal-prodotti mediċinali ma' prodotti mediċinali orfni awtorizzati li jibbenefikaw minn esklussività tas-suq u applikazzjoni tad-derogi minn dik l-esklussività tas-suq

ĠU C 242, 23.9.2008, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 242/12


Linji gwida għal aspetti ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000: Evalwazzjoni tas-similarità tal-prodotti mediċinali ma' prodotti mediċinali orfni awtorizzati li jibbenefikaw minn esklussività tas-suq u applikazzjoni tad-derogi minn dik l-esklussività tas-suq

(2008/C 242/08)

1.   INTRODUZZJONI

Il-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 jirrikjedi li l-Kummissjoni tfassal linji ta' gwida dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8 ta' dak ir-Regolament. Dawn il-linji ta' gwida jissodisfaw parti minn dak ir-rekwiżit billi jagħtu gwida fl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 8(1) u 8(3) ta' dak ir-Regolament.

Dawn il-linji ta' gwida għandhom jinqraw flimkien ma':

Ir-Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti mediċinali orfni,

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2000 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-kriterji għall-għażla ta' prodott mediċinali bħala prodott mediċinali orfni u definizzjonijiet tal-kunċetti “prodott mediċinali simili” u “superjorità klinika”,

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti mediċinali orfni (1), minn hawn 'il quddiem “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”.

Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000, fejn awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq fir-rigward ta' prodott mediċinali orfni tingħata jew bi proċedura ċentralizzata jew fl-Istati Membri kollha, il-Komunità u l-Istati Membri ma għandhomx, għal perjodu ta' 10 snin, jaċċettaw applikazzjoni oħra għal awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq, jew jagħtu awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq jew jaċċettaw applikazzjoni biex jestendu awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq eżistenti, għall-istess indikazzjoni terapewtika, fir-rigward ta' prodott mediċinali simili (l-hekk imsejħa esklussività tas-suq ta'10 snin)  (2). Ix-xenarji “applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq” u “applikazzjoni għal estensjoni ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq eżistenti” minn hawn 'il quddiem se jissejħu kollettivament “applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq”.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 8(1), il-linji ta' gwida preżenti jipprovdu gwida għall-mistoqsijiet li ġejjin:

 

Liema huma l-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tas-similarità ta' prodott mediċinali? Ara t-Taqsima 2 hawn taħt.

 

Liema hi l-proċedura li jużaw l-awtoritajiet kompetenti għall-evalwazzjoni tas-similarità? Ara t-Taqsima 3 hawn taħt.

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 jiddeskrivi tliet tipi ta' derogi mill-esklussività tas-suq stipulata fl-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament: (a) kunsens tad-detentur oriġinali ta' l-awtorizzazzjoni tas-suq; (b) id-detentur oriġinali ta' l-awtorizzazzjoni tas-suq ma jkunx kapaċi jforni kwantitajiet suffiċjenti; (c) it-tieni prodott mediċinali jkun iktar sikur, iktar effettiv jew superjuri klinikament mod ieħor.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000, il-linji ta' gwida preżenti jipprovdu gwida għall-mistoqsijiet li ġejjin:

 

Liema hija l-proċedura rilevanti biex jiġi evalwat jekk tapplikax waħda mid-derogi? Ara t-Taqsima 3 hawn taħt.

2.   PRINĊIPJI ĠENERALI GĦALL-EVALWAZZJONI TAS-SIMILARITÀ

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2000 jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Prodott mediċinali simili” tfisser prodott mediċinali li jkun fih sustanza/i attiva/i simili għal dik/dawk fi prodott mediċinali orfni li jkun attwalment awtorizzat, u li jkun intiż għall-istess indikazzjoni terapewtika,

“Sustanza attiva simili” tfisser sustanza attiva identika, jew sustanza attiva bl-istess karatteristiċi fl-istruttura prinċipali molekolari (imma mhux neċessarjament il-karatteristiċi molekolari identiċi kollha) u li taġixxi bl-istess mekkaniżmu Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2000 imbagħad jagħti eżempji speċifiċi,

“Sustanza attività” tfisser sustanza b'attività fiżjoloġika jew farmakoloġika.

Fuq il-bażi tad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/2000, l-evalwazzjoni tas-similarità bejn żewġ prodotti mediċinali skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 tqis il-karatteristiċi strutturali molekolari prinċipali, il-mekkaniżmu ta' l-azzjoni u l-indikazzjoni terapewtika. Jekk ikun hemm differenzi kbar f'waħda jew iktar minn dawn il-kriterji, iż-żewġ prodotti ma jitqisux li huma simili. Dawn it-tliet kriterji huma spjegati aktar hawn taħt.

L-ismijiet Internazzjonali Ġeneriċi (INN:International Non-proprietary Names) jistgħu jagħtu informazzjoni preliminari fl-evalwazzjoni tas-similarità tal-karatteristiċi strutturali molekolari u l-mekkaniżmu ta' l-azzjoni. Fis-sistema INN, l-ismijiet ta' sustanzi li jkunu farmakoloġikament relatati jistgħu juru r-relazzjoni tagħhom billi jużaw “suffiss”/substemma.

2.1.   Karatteristiċi strutturali molekulari prinċipali identiċi

Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li ġejjin għandhom jitqiesu għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi strutturali molekolari tas-sustanza attiva (għalkemm għall-makromolekoli, partikolarment il-prodotti mediċinali bijoloġiċi kumplessi, mhux dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jistgħu jkunu rilevanti).

L-applikant għandu juri li l-istruttura proposta tal-molekola tkun:

kull fejn possibbli, l-evidenza marbuta mad-dimostrazzjoni ta' l-istruttura għandha titqassar f'rappreżentazzjonijiet grafiċi mhux ambigwi b'żewġ jew tliet dimensjonijiet,

kull fejn possibbli, is-sustanza attiva għandha tiġi deskritta preċiżament permezz ta' terminoloġija sistematika, eż. in-nomenklatura IUPAC (3) jew CAS (4),

meta s-sustanzi attivi jkollhom isem INN rakkomandat, għandhom jingħataw l-istrutturi u r-rapporti ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Jekk kwalunkwe parti mill-informazzjoni ta' hawn fuq ma' tingħatax jew ma tkunx disponibbli, għandha tingħata ġustifikazzjoni.

Il-karatteristiċi strutturali molekolari prinċipali tal-prodott għandhom jiġu deskritti, fuq il-bażi ta' l-evidenza u mqabbla ma' dawk tal-prodott mediċinali orfni awtorizzat. Wieħed għandu jinnota li ċerti differenzi osservati fl-istruttura jistgħu jidhru bħala maġġuri fl-istat kristallin tal-molekola (jiġifieri fuq il-bażi tad-dejta tal-X-Ray). Madankollu, billi l-molekoli jeżerċitaw l-azzjoni bijoloġika tagħhom f'soluzzjoni, dawn id-differenzi li jidhru fl-istat kristallin jistgħu ma jkunux rilevanti għall-evalwazzjoni tas-similarità.

Jistgħu jintużaw programmi tas-softwer biex jitkejjel il-grad ta' similarità strutturali bejn il-molekoli; ħafna minnhom jippermettu li jsir 'tiftix tas-similarità' biex jiġu identifikati molekoli li jkollhom karatteristiċi arkitettoniċi molekolari komuni jew simili (b'żewġ jew tliet dimensjonijiet).

2.2.   Mekkaniżmu ta' azzjoni identiku

Il-mekkaniżmu ta' azzjoni ta' sustanza attiva huwa d-deskrizzjoni funzjonali ta' l-interazzjoni tas-sustanza b'mira farmakoloġika li toħloq effett farmakodinamiku. Fil-każ li l-mekkaniżmu ta' azzjoni ma jkunx magħruf, l-applikant ikollu juri li ż-żewġ sustanzi attivi ma jaġixxux bl-istess mekkaniżmi.

Żewġ sustanzi attivi jistgħu jitqiesu biss li jkollhom mekkaniżmu ta' azzjoni identiku, jekk it-tnejn ikollhom l-istess mira farmakoloġika u l-istess effett farmakodinamiku.

Fatturi li mhux rilevanti għall-mekkaniżmu ta' azzjoni huma differenzi bejn is-sustanzi f'termini ta':

il-mod kif tittieħed,

il-karatteristiċi farmakokinetiċi,

il-qawwa, jew

id-distribuzzjoni tat-tessuti tal-mira.

Prodrug jitqies li jkollu l-istess mekkaniżmu ta' azzjoni bħall-metabolit attiv tiegħu.

Mira farmakoloġika normalment tkun riċevitur, enżima, kanal, jew trasportatur jew proċess intraċellulari ta' akkoppjament.

L-effett farmakodinamiku huwa l-azzjoni tas-sustanza attiva fuq il-ġisem (eż. bradycardia). Għall-iskop ta' l-evalwazzjoni tas-similarità tat-tieni prodott ma' prodott mediċinali orfni awtorizzat, l-effett farmakodinamiku rilevanti għall-“mekkaniżmu ta' azzjoni” huwa l-effett farmakodinamiku primarju tas-sustanza attiva, li jiddetermina l-indikazzjoni terapewtika.

Żewġ sustanzi bl-istess mira farmakoloġika jistgħu jipproduċu effett farmakodinamiku differenti skond fejn tinsab il-mira jew skond jekk il-mira hijiex attivata jew inibita.

Żewġ sustanzi attivi bl-istess effett farmakodinamiku jistgħu jaġixxu fuq miri farmakoloġiċi differenti. Fil-każ li dawn iż-żewġ sustanzi attivi jaġixxu fuq iktar minn mira waħda (inkluż sottotipi ta' l-istess riċevitur) u jkollhom għallinqas mira waħda komuni, għandu jitqies jekk il-mira/miri komuni jispjegawx l-effetti farmakodinamiċi primarji li jiddeterminaw l-indikazzjoni terapewtika (5).

2.3.   Indikazzjoni terapewtika identika

L-indikazzjoni terapewtika ta' prodott mediċinali orfni huwa determinat mill-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għandha tkun fl-ambitu tal-kundizzjoni orfni deżinjata (li possibbilment tkun usa'), cf. it-Taqsima C.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

Jekk prodott mediċinali orfni jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal indikazzjoni li tkun parti mill-kundizzjoni deżinjata, applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodott ieħor, li allegatament ikopri indikazzjoni terapewtika differenti, u għalhekk parti oħra mill-istess kundizzjoni orfni deżinjata, ikollha tistabbilixxi li d-differenza bejn iż-żewġ partijiet tkun waħda valida klinikament. Jekk ikun hemm duplikazzjoni fil-popolazzjonijiet fil-mira ta' żewġ indikazzjonijiet terapewtiċi li allegatament ikunu differenti, it-tieni applikant ikollu jipprovdi stima lill-awtoritajiet ta' din id-duplikazzjoni. L-ammont ta' duplikazzjoni ikun fattur rilevanti għall-awtorità biex jiġi stabbilit jekk id-dikjarazzjoni li ż-żewġ indikazzjonijiet terapewtiċi huma differenti tistax tiġi sostnuta.

3.   PROĊEDURA GĦALL-EVALWAZZJONI TAS-SIMILARITÀ U L-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGI FL-ARTIKOLU 8(3)

3.1.   L-awtorità kompetenti

Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000, il-Komunità u l-Istati Membri ma għandhomx, għal perjodu ta' 10 snin, jaċċettaw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal prodott mediċinali (minn hawn 'il quddiem “it-tieni prodott”) li jkun simili għal prodott mediċinali orfni awtorizzat (minn hawn 'il quddiem “l-ewwel prodott”).

L-awtorità kompetenti li tevalwa s-similarità, u jekk ikun il-każ, jekk ġewx sodisfatti l-kriterji għal waħda mid-derogi stipulati fl-Artikolu 8(3), (“korp kompetenti għall-evalwazzjoni”) għandha tiġi determinata skond ir-rotta ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tat-tieni prodott. It-tieni prodott mediċinali jista' jiġi awtorizzat nazzjonalment (prodott mhux orfni (6)) jew ċentralment (prodott orfni jew mhux orfni).

Biex applikazzjonijiet ċentralizzati ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tat-tieni prodott jiġu mqabbla ma' prodott mediċinali orfni awtorizzat, il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni huwa l-Aġenzija.

Għal applikazzjonijiet imressqa permezz tal-Proċeduri Nazzjonali, ta' Rikonoxximent Reċiproku jew Deċentralizzati, il-korp(i) kompetenti għall-evalwazzjoni huwa/huma l-awtorità/jiet kompetenti nazzjonali kkonċernati.

3.2.   Validazzjoni

L-applikant għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' (it-tieni) prodott li potenzjalment ikun simili għal (l-ewwel) prodott mediċinali orfni awtorizzat, ikollu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa dwar il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tas-similarità tat-tieni prodott ma' l-ewwel prodott u, jekk ikun il-każ, ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni ta' waħda mid-derogi stipulati fl-Artikolu 8(3) (ara t-Taqsima 3.3 “Informazzjoni li għandha tintbagħat mill-applikant” u t-Taqima 3.4 “Identifikazzjoni tal-prodotti rilevanti...”).

L-applikazzjoni għat-tieni prodott tkun ivvalidata mill-korp kompetenti għall-evalwazzjoni jekk din id-dokumentazzjoni/ġustifikazzjoni tkun fl-applikazzjoni. L-applikanti għandhom ikunu konxji li l-validazzjoni timplika kontroll formali (id-dokumenti rilevanti kollha ngħataw) iżda ma tagħtix indikazzjoni dwar ir-riżultat ta' l-evalwazzjoni materjali ta' l-applikazzjoni tagħhom.

Jekk l-applikazzjoni tikkonċerna prodott mediċinali ġeneriku, tiġi preżunta s-similarità. Konsegwentement, l-applikazzjoni ma tistax tiġi vvalidata qabel tmiem il-perjodu ta' l-esklussività tas-suq sakemm ma tingħatax ġustifikazzjoni biex tappoġġa waħda mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 8(3).

3.3.   Informazzjoni li għandha tintbagħat mill-applikant

L-informazzjoni biex tiġi indirizzata “s-similarità” potenzjali u, fejn ikun applikabbli, biex tiġġustifika li tapplika waħda mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 għandha titressaq fil-modulu 1.7 ta' l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

3.3.1   Similarità

Għas-similarità, għandu jiġi inkluż rapport fil-modulu 1.7.1 li jqabbel il-prodott mal-prodotti mediċinali orfni awtorizzati fil-kuntest tas-similarità kif definita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 847/2000 u li jagħti konklużjoni dwar is-similarità jew in-“nuqqas” ta' similarità, filwaqt li jindirizza t-tliet kriterji għall-evalwazzjoni tas-similarità:

il-karatteristiċi strutturali molekolari,

il-mekkaniżmu ta' azzjoni, u

l-indikazzjoni terapewtika.

Għandha tingħata enfasi partikolari lill-ispjegazzjoni ta' l-ewwel żewġ kriterji. Jekk l-applikant jiddikjara li ż-żewġ prodotti ma jkunux simili, huwa għandu jagħti r-raġunijiet biex jappoġġaw din id-dikjarazzjoni.

3.3.2   Derogi

Biex jiġi appoġġat il-fatt li tapplika waħda mid-derogi stipulati fil-paragrafi (a) sa (c) ta' l-Artikolu 8(3) ta' l-istess Regolament, l-informazzjoni li ġejja għandha tingħata fil-modulu 1.7.2, skond il-każ:

3.3.2.1   L-Artikolu 8(3)(a)

Jekk id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq għall-prodott mediċinali orfni oriġinali jkun ta' l-kunsens tiegħu lit-tieni applikant:

Ittra ffirmata mid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodott mediċinali orfni awtorizzat li tikkonferma l-kunsens tiegħu/tagħha għat-tfigħ mit-tieni applikant ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, skond l-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000.

3.3.2.2   L-Artikolu 8(3)(b)

Jekk id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodott mediċinali orfni oriġinali ma jkunx kapaċi jforni kwantitajiet suffiċjenti tal-prodott mediċinali:

Rapport li jiddeskrivi għaliex il-forniment tal-prodott mediċinali orfni awtorizzat jitqies li mhux suffiċjenti, skond l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000.

Dan ir-rapport għandu jinkludi dettalji tal-problema ta' forniment u spjegazzjoni dwar għaliex il-ħtiġijiet tal-pazjenti fl-indikazzjoni orfni mhux jiġu sodisfatti. Id-dikjarazzjonijiet kollha għandhom ikunu sostanzjati b'referenzi kwalitattivi u kwantitattivi.

3.3.2.3   L-Artikolu 8(3)(c)

Jekk it-tieni applikant jista jistabbilixxi fl-applikazzjoni li t-tieni prodott mediċinali, għalkemm simili għall-prodott mediċinali orfni li diġa huwa awtorizzat, huwa iktar sikur, aktar effettiv jew b'mod ieħor klinikament superjuri.

Rapport kritiku li jiġġustifika għaliex it-tieni prodott jitqies “klinikament superjuri” għall-prodott mediċinali orfni awtorizzat, skond l-Artikolu 8(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000.

Dan ir-rapport għandu jinkludi tqabbil taż-żewġ prodotti fil-kuntest tas-“superjorità klinika” kif definit fl-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 847/2000, b'referenza partikolari għal:

ir-riżultati ta' testijiet kliniċi,

il-letteratura xjentifika.

3.4.   Identifikazzjoni tal-prodotti rilevanti għat-twettiq tal-kontroll tas-similarità

Għal kull applikazzjonji għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni għandu jiċċekkja liema prodotti mediċinali orfni awtorizzati jeħtieġ jitqiesu għall-evalwazzjoni tal-possibilità tas-similarità. Dan il-kontroll għandu jsir l-ewwel qabel il-validazzjoni ta' l-applikazzjoni.

Jekk korp kompetenti għall-evalwazzjoni jidentifika possibilità ta' similarità li ma kinitx indirizzata mill-applikant qabel il-validazzjoni, l-applikant jintalab jimla l-applikazzjoni b'informazzjoni dwar is-“similarità” u, jekk ikun il-każ, dwar waħda mid-derogi fl-Artikolu 8(3). Il-validazzjoni ta' l-applikazzjoni tipproċedi biss ladarba l-applikant ikun ressaq rapport li jiġġustifika n-nuqqas ta' similarità jew inkella informazzjoni li tiġġustifika waħda mid-derogi fl-Artikolu 8(3), ara fuq taħt 3.3 “Informazzjoni li għandha tintbagħat mill-applikant”

Billi jista' jgħaddi ħafna żmien bejn il-validazzjoni ta' applikazzjoni u l-adozzjoni ta' l-opinjoni/l-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni għandu jerga' jwettaq il-kontroll ta' prodotti mediċinali orfni simili qabel ma tingħata/tiġi emendata l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq: sadanittant jistgħu jkunu ġew awtorizzati prodotti mediċinali orfni ġodda għall-istess kundizzjoni.

Għall-proċedura ċentralizzata, l-Aġenzija terġa' twettaq il-kontrolli tagħha għal prodotti mediċinali orfni li jkunu possibbilment simili qabel ma l-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem (CHMP :Committee for Medicinal Products for Human Use) jagħti opinjoni pożittiva. Meta jiġu identifikati possibbiltajiet addizzjonali ta' similaritajiet, l-applikant jintalab jibgħat iktar dokumentazzjoni rilevanti dwar is-similarità (u, jekk ikun hemm bżonn, dokumentazzjoni biex tappoġġa l-fatt li tapplika waħda mid-derogi fl-Artikolu 8(3)). L-“arloġġ proċedurali” jitwaqqaf sakemm titressaq din id-dokumentazzjoni.

Jekk tiġi identifikata possibbiltà ġdida ta' similarità matul il-proċedura fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea, hija u tħejji deċiżjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, din tista' tirreferi l-opinjoni tas-CHMP lura lill-Aġenzija għal aktar evalwazzjoni.

3.5.   Proċedura għall-evalwazzjoni tas-similarità u l-applikazzjoni tad-deroga bbażata fuq “is-superjorità klinika”

Wara l-identifikazzjoni tal-prodotti rilevanti biex isir il-kontroll għas-similarità tal-prodotti, il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni jibda l-proċedura għall-evalwazzjoni tas-similarità u, jekk l-opinjoni tiegħu dwar is-similarità tkun pożittiva, il-proċedura għall-evalwazzjoni ta' jekk tkunx sodisfatta id-deroga fl-Artikolu 8(3).

Il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni għandu jevalwa s-“similarità” u, jekk ikun il-każ, jekk ġietx sodisfatta d-deroga ta' “superjorità klinika” flimkien ma' l-evalwazzjoni tal-kwalità/is-sikurezza/l-effikaċja tal-prodott mediċinali.

Jekk fl-evalwazzjoni tal-kwalità/sikurezza/effikaċja biss, il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni jasal għall-konklużjoni li hemm similarità bejn il-prodott li jkun qed jiġi evalwat u prodott mediċinali orfni awtorizzat, f'dak il-punt l-applikant jintalab jibgħat ġustifikazzjoni dwar il-fatt li tkun sodisfatta waħda mid-derogi fl-Artikolu 8(3).

3.5.1.   Proċedura ċentralizzata

L-opinjoni tas-CHMP dwar is-“similarità” u, fejn applikabbli dwar is-“superjorità klinika”, tkun parti mill-opinjoni globali dwar il-kwalità/is-sikurezza/l-effikaċja. Meta tiġi evalwata superjorità klinika, il-bażi għal din is-superjorità klinika tiġi deskritta fir-Rapport dwar Evalwazzjoni Pubblika Ewropea.

Eżaminazzjoni mill-ġdid ta' l-opinjoni tas-CHMP

Ladarba s-CHMP ikun ikkonkluda l-evalwazzjoni tas-similarità tiegħu, u, jekk ikun il-każ, tas-sodisfar tal-kriterji għad-deroga dwar is-“superjorità klinika”, l-applikant jista' jitlob għal eżami ieħor ta' l-Opinjoni tas-CHMP skond il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004.

Parir xjentifiku jew għajnuna ta' protokoll dwar is-similarità u s-superjorità klinika

L-applikanti li jridu jiżviluppaw prodott fejn tista' tinqala' kwistjoni dwar is-similarità ma' prodott mediċinali orfni jistgħu jitolbu Parir Xjentifiku (jew Għajnuna ta' Protokoll) mis-CHMP. Fir-rikjesta tiegħu għal parir, l-applikant ikollu jistqarr il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tas-similarità, u, jekk ikun il-każ, jipprovdi ġustifikazzjoni għal waħda mid-derogi.

Jekk l-applikant ikun biħsiebu jserraħ fuq id-deroga ta' superjorità klinika, il-Parir Xjentifiku jew l-Għajnuna ta' Protokoll jistgħu jintalbu, u huwa rrakkomandat li jsir dan, dwar kemm ikun adattat l-istudju/i maħsuba biex jippruvaw is-superjorità klinika.

3.5.2   Proċeduri Nazzjonali, ta' Rikonoxximent Reċiproku u Deċentralizzati

Huwa rakkomandat ħafna li l-korp kompetenti nazzjonali rilevanti għall-evalwazzjoni fi proċedura ta' rikonoxximent reċiproku jew deċentralizzata, jinforma lill-Aġenzija hekk kif jinduna bi kwistjoni potenzjali ta' similarità ma' prodott mediċinali orfni awtorizzat. Sabiex ikun hemm konsistenza fl-evalwazzjoni tas-similarità u s-superjorità klinika madwar il-Komunità, huwa rrakkomandat li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni bejn is-CHMP ta' l-Aġenzija u l-awtorità nazzjonali.

Fil-każijiet kollha, l-Aġenzija għandha tiġi infurmata bil-konklużjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali dwar is-similarità u, jekk ikun il-każ, dwar is-superjorità klinika.

3.6.   Proċedura għall-applikazzjoni tad-deroga skond “in-nuqqas ta' kapaċità li jiġu fornuti kwantitajiet suffiċjenti”

Għad-deroga stipulata fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 — id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali orfni oriġinali ma jkunx jista' jforni kwantitajiet suffiċjenti tal-prodott mediċinali — l-applikant tat-tieni prodott ikollu jipprovdi l-korp kompetenti għall-evalwazzjoni b'rapport li jappoġġa din id-deroga (ara fuq taħt 3.3 “Informazzjoni li għandha tintbagħat mill-applikant”).

Il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni għandu jiċċirkola r-rapport ta' l-applikant lil Stati Membri (oħra) għall-kummenti. Il-korp kompetenti għall-evalwazzjoni għandu wkoll jikkomunika mad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott oriġinali, u jistiednu jibgħat il-kummenti tiegħu bil-miktub. Il-korp kompetenti ta' evalwazzjoni għandu joħroġ pożizzjoni dwar jekk ġewx issodisfatti l-kriterji għad-deroga, filwaqt li jqis ir-rapport ta' l-applikant kif ukoll il-kummenti li waslulu mingħand l-Istati Membri u d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Jekk id-deroga tiġi evalwata fil-qafas tal-proċedura ċentralizzata, din il-pożizzjoni għandha tkun parti mill-opinjoni tas-CHMP.

3.7.   Evalwazzjoni parallela ta' żewġ applikazzjonijiet għall-istess kundizzjoni orfni

3.7.1   Proċedura ċentralizzata

Fil-każ li żewġ proċeduri għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għal prodotti mediċinali orfni simili jkunu għaddejjin fl-istess ħin, billi jkunu waslu għand l-Aġenzija fl-istess ħin, jista' jkun hemm ix-xenarji li ġejjin:

fil-każ eċċezzjonali ħafna fejn l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għall-istess indikazzjoni orfni jaslu fl-istess ħin u, ikunu qed jiġu pproċessati skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni faramaċewtika, il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni jibqgħu paralleli, ma tkunx meħtieġa opinjoni dwar is-similarità taż-żewġ prodotti,

min-naħa l-oħra, jekk għal dawn l-applikazzjonijiet simultanji għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, fuq il-bażi ta' l-eżaminazzjoni ta' kull applikazzjoni skond il-merti tagħha, iż-żewġ proċeduri ta' awtorizzazzjoni ma jibqgħux paralleli, tkun meħtieġa opinjoni dwar is-similarità: hekk kif wieħed mill-prodotti bi status ta' orfni jingħata awtorizzazzjoni tas-suq, l-applikant għal (it-tieni) prodott l-ieħor jiġi infurmat li ngħatat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal prodott mediċinali orfni li possibbilment huwa simili. Jintalab rapport dwar is-“similarità” u, jekk ikun il-każ, ġustifikazzjoni għal waħda mid-derogi fl-Artikolu 8(3), mingħand dan l-applikant.

3.7.2   Proċeduri Nazzjonali, ta' Rikonoxximent Reċiproku u Deċentralizzati

Fil-każ li prodott mediċinali ġie deżinjat bħala prodott mediċinali orfni u l-awtorizzazzjoni tiegħu għat-tqegħid fis-suq tkun qed tiġi evalwata, iżda għadha ma ngħatatx mill-Kummissjoni Ewropea, tista' ssir evalwazzjoni parallela ta' prodott mediċinali li jkun possibbilment simili (mhux orfni (7)) minn awtorità nazzjonali. Billi ma jkunx għad hemm prodott mediċinali orfni awtorizzat, l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tista' tingħata (mingħajr opinjoni dwar is-similarità).


(1)  ĠU C 178, 29.7.2003, p. 2.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar prodotti mediċinali għal użu pedjatriku u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1768/92, id-Direttiva 2001/20/KE, id-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1) jistipula li għal prodotti mediċinali nominati bħala prodotti mediċinali orfni, jekk jiġu sodisfatti kriterji speċifikati fir-regolament pedjatriku, il-perjodu ta' għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 għandu jiġi estiż għal tnax-il sena (ara l-Artikolu 37 ta' dak ir-Regolament).

(3)  IUPAC: International Union of Pure and Applied Chemistry (Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata).

(4)  CAS: Chemical Abstracts Service (Servizz ta' Astratti Kimiċi) li huwa diviżjoni tas-Soċjetà Amerikana tal-Kimiċi.

(5)  Pereżempju: atenolol u propranolol jitqiesu li għandhom l-istess mekkaniżmu ta' azzjoni fir-rigward ta' l-indikazzjoni tagħhom fl-ipertensjoni, anki jekk ikollhom selettività u qawwa differenti b'livelli ta' riċevituri β1 u β2. Min-naħa l-oħra, carvedilol u metroprolol, pereżempju, ma jitqisux li għandhom l-istess mekkaniżmu: għalkemm għandhom l-istess attività ta' mblukkar tar-riċevitur β, il-mekkaniżmi tagħhom ta' azzjoni huma differenti għat-trattament ta' kollass kardijaku konġestiv minħabba l-attività addizzjonali ta' mblukkar tar-riċeviturα tal-carvedilol.

(6)  Mill-20 ta' Novembru 2005, prodotti mediċinali orfni deżinjati jistgħu jiġu awtorizzati biss permezz tal-proċedura ċentralizzata ta' awtorizzazzjoni (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004). Għalhekk, jekk ma jkunx prodott mediċinali orfni, it-tieni prodott jista' jiġi awtorizzat biss nazzjonalment.

(7)  Ara t-Taqsima 3.1 hawn fuq: mill-20 ta' Novembru 2005, prodotti mediċinali orfni deżinjati jistgħu jiġu awtorizzati biss permezz tal-proċedura ċentralizzata ta' awtorizzazzjoni.


Top