EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0916(01)

Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 14 ta' Mejju 2008 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.4854 — TomTom/Tele Atlas) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 237, 16.9.2008, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 237/8


Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-14 ta' Mejju 2008

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M.4854 — TomTom/Tele Atlas)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 237/12)

Fl-14 ta' Mejju 2008 l-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' amalgamazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, u partikolarment skont l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fuq is-sit tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

1.   IL-PARTIJIET

(1)

TomTom NV, ibbażata f'Amsterdam, l-Olanda, timmanifattura strumenti ta' navigazzjoni portabbli (PNDs) u tissupplixxi softwer ta' navigazzjoni għall-użu fl-istrumenti ta' navigazzjoni.

(2)

Tele Atlas NV, ibbażata fi 's-Hertogenbosch, l-Olanda, hija waħda miż-żewġ fornituri ewlenin (fl-Ewropa u l-Amerika ta' Fuq) ta' bażijiet tad-dejta ta' mapep diġitali għan-navigazzjoni u użi aħħarin oħra.

2.   L-OPERAZZJONI

(3)

Fit-22 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni rċeviet notifika formali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet li permezz tagħha TomTom, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet, akkwistat il-kontroll ta' Tele Atlas kollha kemm hi permezz ta' offerta pubblika.

3.   RIFERIMENT KONFORMI MAL-ARTIKOLU 4(5)

(4)

Il-partijiet għall-konċentrazzjoni proposta ma jilħqu l-ebda wieħed mil-limiti alternattivi stipulati fl-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet. It-tranżazzjoni proposta kienet tkun suġġetta għal skrutinju mandatorju skont il-liġi tal-kontroll tal-amalgamazzjonijiet f'erba' Stati Membri; il-Ġermanja, l-Olanda, Spanja u l-Portugall.

(5)

Fl-24 ta' Awwissu 2007, il-Kummissjoni rċeviet sottomissjoni raġunata mingħand TomTom li fiha il-kumpanija talbet riferiment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjoni. L-ebda Stat Membru m'oġġezzjona għar-riferiment tat-tranżazzjoni proposta lill-Kummissjoni. Għalhekk, it-tranżazzjoni proposta hija meqjusa li għandha dimensjoni Komunitarja u kienet eżaminata mill-Kummissjoni.

4.   SWIEQ RELEVANTI

4.1.   Is-Suq Upstream — Bażijiet tad-Dejta ta' Mapep Diġitali għan-Navigazzjoni

Definizzjoni tas-suq relevanti tal-prodott

(6)

Bażi tad-dejta ta' mapep diġitali hija ġabra ta' dejta diġitali li tipikament tinkludi (i.) informazzjoni ġeografika dwar il-qagħda u l-forma ta' kull fattur fuq mappa, (ii.) informazzjoni dwar fatturi addizzjonali tal-mappa (pereżempju ismijiet tat-toroq, indirizzi, direzzjonijiet tas-sewqan, restrizzjonijiet ta' fejn tista' u ma tistax ddur, u l-limiti tal-veloċità) u (iii.) informazzjoni murija. B'żieda mal-bażi tad-dejta ewlieni, il-fornituri tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali jipprovdu diversi livelli ta' informazzjoni miżjuda.

(7)

Il-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali jinbiegħu lil dawk li jimmanifatturaw l-istrumenti ta' navigazzjoni, produtturi tas-softwer ta' navigazzjoni u dawk li jipprovdu l-applikazzjonijiet li mhumiex tan-navigazzjoni (pereżempju mapep ta' fuq l-Internet). Il-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali jintużaw għal diversi skopijiet, bl-aktar importanti li huwa l-lokalizzazzjoni tal-indirizzi, l-ippjanar tar-rotot u n-navigazzjoni.

(8)

Il-Kummissjoni qieset li ma jkunx xieraq li tiddefinixxi swieq tal-prodott separati għall-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali li jiddependu fuq il-format li bih id-dejta hija mwassla lill-konsumaturi jew li jiddependu fuq it-tip ta' strument ta' navigazzjoni li qed tintuża fih.

(9)

Il-Kummissjoni qieset jekk hux il-każ li l-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għal skopijiet ta' navigazzjoni u mhux ta' navigazzjoni jikkostitwixxu swieq relevanti separati tal-prodott. Minħabba n-nuqqas ta' sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għall-applikazzjonijiet ta' navigazzjoni u mhux ta' navigazzjoni jikkostitwixxu swieq separati tal-prodott.

(10)

Finalment, il-Kummissjoni kkunsidrat jekk is-suq għall-provvista tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni għandux jiġi mqassam skont il-kopertura ġeografika tal-bażijiet tad-dejta mibjugħa (1). Mil-lat tad-domanda, is-sostitwibbiltà tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni b'koperturi ġeografiċi differenti hija limitata. Il-grad tas-sostitwibbiltà mil-lat tal-provvista tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni hija wkoll limitata, minħabba r-riżorsi u l-ħin li wieħed ikollu bżonn biex jibni bażi tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni mill-“bidu nett”. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li s-swieq separati relevanti tal-prodott għandhom ikunu ddefiniti skont il-kopertura ġeografika ta' kull bażi tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni. Id-definizzjoni preċiża tas-swieq relevanti tal-prodott (jiġifieri jekk hux il-każ li liċenzji ta' pajjiż individwali jew ta' reġjun jikkostitwixxu swieq separati tal-prodott) tħalliet miftuħa, għax ma kenitx taffettwa l-evalwazzjoni tat-tranżazzjoni proposta mill-Kummissjoni.

Id-definizzjoni tas-suq relevanti ġeografiku

(11)

Tele Atlas tiddistribwixxi l-prodotti tagħha mill-Olanda lil dawk li jimmanifatturaw l-istrumenti u dawk li jipprovdu s-softwer li qegħdin f'imkejjen oħra fiż-ŻEE u f'partijiet oħra tad-dinja. NAVTEQ tiddistribwixxi l-bażijiet tad-dejta tagħha mill-Istati Uniti tal-Amerika lejn iż-ŻEE u partijiet oħra tad-dinja. Il-manifatturi l-kbar tal-istrumenti u l-iżviluppaturi l-kbar tas-softwer qegħdin fl-UE, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel. L-ebda kwota, tariffa jew xi barriera oħra għall-kummerċ ma tillimita l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' dejta diġitali ta' dan it-tip. M'hemmx differenzi materjali fil-mod kif bażi tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni jinbiegħu jew jiġu distribwiti fiż-ŻEE u partijiet oħra tad-dinja. Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq relevanti ġeografiku għall-provvista tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni huwa mifrux madwar id-dinja.

4.2.   Is-Suq Intermedju — Softwer ta' Navigazzjoni

Definizzjoni tas-suq relevanti tal-prodott

(12)

Is-softwer ta' navigazzjoni jikkombina l-ippożizzjonar ġeografiku minn riċevitur GPS u d-dejta minn bażi tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni biex jipprovdi funzjonalità ta' navigazzjoni. Is-softwer ta' navigazzjoni jikkalkula r-rotot u jipprovdi direzzjonijiet waħda wara l-oħra fil-ħin reali. Is-softwer ta' navigazzjoni jew jinbiegħ bħala prodott waħdu jew f'pakkett li jinkludi l-bażi tad-dejta tal-mapep. Hemm tliet tipi ewlenin ta' softwer ta' navigazzjoni; sistemi abbord, sistemi mhux abbord u sistemi ibridi. Il-kwistjoni dwar jekk is-swieq separati relevanti tal-prodott għandhomx jiġu definiti skont it-tip ta' softwer ta' navigazzjoni tħalliet miftuħa, għax it-TomTom jipprovdi biss sistemi abbord.

(13)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li ma jkunx xieraq li tiddefinixxi swieq separati tal-prodott skont il-formati tal-bażijiet tad-dejta li jintużaw biex id-dejta tiġi integrata mas-softwer ta' navigazzjoni jew skont it-tip ta' strument ta' navigazzjoni li fih huwa nstallat is-softwer ta' navigazzjoni.

Id-definizzjoni tas-suq relevanti ġeografiku

(14)

Is-softwer ta' navigazzjoni huwa kkreat u distribwit madwar id-dinja u lliċenzjat lill-konsumaturi kull fejn ikun qiegħed il-konsumatur. M'hemm l-ebda differenza teknoloġika, barrieri kummerċjali jew barrieri legali li jistgħu jiġġustifikaw firxa aktar dejqa tas-suq ġeografiku. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li s-suq relevanti ġeografiku għall-provvista ta' softwer ta' navigazzjoni għandu firxa dinjija.

4.3.   Is-Suq Downstream — PNDs

Definizzjoni tas-suq relevanti tal-prodott

(15)

Fil-preżent, jistgħu jiġu identifikati erba' tipi ewlenin ta' strumenti ta' navigazzjoni; (i) Strumenti ta' Navigazzjoni li jinġarru (PNDs), (ii) Assistenti Personali Diġitali (PDAs), (iii) telefowns ċellulari b'funzjonalità ta' navigazzjoni u (iv.) strumenti ta' navigazzjoni in-dash.

(16)

L-investigazzjoni tas-suq mill-Kummissjoni indikat li hemm numru ta' ċirkostanzi li jiddistingwu l-PNDs minn tipi oħra ta' strumenti ta' navigazzjoni. Primarjament PND huwa strument ta' navigazzjoni filwaqt li telefown ċellulari b'kapaċita ta' navigazzjoni normalment ikollu firxa wiesgħa ta' funzjonijiet. Il-funzjonijiet differenti huma riflessi fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-PNDs u t-telefowns ċellulari b'kapaċità ta' navigazzjoni jikkostitwixxu swieq separati relevanti tal-prodott. Għal raġunijiet simili — jiġifieri funzjonijiet differenti, prezzijiet differenti u gradi differenti ta' adattazzjoni għall-użu fil-karozzi — il-Kummissjoni kkunsidrat li l-PNDs u l-PDAs jikkostitwixxu swieq separati tal-prodott. Il-PNDs jinbiegħu u jiġu kummerċjalizzati bħala oġġetti elettroniċi normali tal-konsumatur fil-ħwienet filwaqt li s-sistemi in-dash huma installati minn qabel fil-karozzi l-ġodda waqt il-produzzjoni. L-istrumenti in-dash għandhom aktar funzjonijiet, skrijns akbar u jistgħu jiġu integrati fis-sistemi ta' sikurezza tal-karozzi. Dawn id-differenzi huma riflessi fil-prezzijiet. Il-fornituri tal-PNDs u l-istrumenti in-dash huma ġeneralment differenti, għalkemm uħud mill-fornituri tal-in-dash ippruvaw jidħlu fis-suq tal-PND. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-PNDs u l-istrumenti in-dash jikkostitwixxu swieq separati relevanti tal-prodott.

(17)

Għall-iskopijiet ta' din id-deċiżjoni, is-suq Downstream relevanti tal-prodott huwa s-suq għall-forniment tal-PNDs.

Id-definizzjoni tas-suq relevanti ġeografiku

(18)

Il-PNDs li huma użati f'pajjiżi differenti taż-ŻEE jirrikjedu sostanzjalment l-istess ħardwer u softwer biex jaħdmu. L-akbar fornituri tal-PNDs joperaw u jikkompetu għall-konsumaturi fuq il-bażi taż-ŻEE kollha. Il-biċċa l-kbira tal-marki jinbiegħu madwar iż-ŻEE u s-saħħa relattiva tal-parteċipanti l-ewlenin hija ġeneralment l-istess fil-parti l-kbira tas-swieq nazzjonali. Hemm ukoll spazju għal sostituzzjoni sinjifikanti mil-lat tal-provvista. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq ġeografiku jkopri tal-anqas iż-ŻEE kollha.

5.   IL-KUNDIZZJONIJIET TAS-SUQ

5.1.   Bażijiet tad-Dejta tal-Mapep Diġitali għan-Navigazzjoni

Ishma tas-Suq

(19)

Hemm żewġ fornituri ewlenin ta' bażijiet tad-dejta ta' mapep diġitali għan-navigazzjoni li jkopru pajjiżi li qegħdin fiż-ŻEE; Tele Atlas u NAVTEQ. Is-suq (swieq) għall-provvista tal-bażijiet tad-dejta ta' mapep diġitali għan-navigazzjoni li jkopri l-pajjiżi taż-ŻEE għalhekk jista' jitqies bħala duwopolju. Skont id-definizzjoni tas-suq tal-prodott, Tele Atlas għandha sehem mis-suq ta' [40 %-60 %] u NAVTEQ [40 %-60 %].

Dħul fis-Suq

(20)

M'hemm l-ebda indikazzjoni li xi wieħed mill-fornituri preżenti tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni attivi barra ż-ŻEE qed jippjana li jidħol fis-swieq tal-bażijiet tad-dejta li jkopru l-pajjiżi taż-ŻEE. Id-dħul mill-kumpanija Amerikana Facet huwa inċert u f'kull każ mhux se jkun fil-ħin biżżejjed biex joħnoq id-dħul tal-fornituri li diġà huma preżenti. Għandu jitqies ukoll bħala improbabbli wkoll id-dħul “Greenfield” permezz ta' kumpaniji li joffru applikazzjonijiet tal-mapep ibbażati fuq l-internet. Minbarra AND — li l-prodotti tagħha huma bla dubju inferjuri għal dawk ta' Tele Atlas u NAVTEQ — l-investigazzjoni tas-suq ma' fiha l-ebda indikazzjoni li xi wieħed mill-fornituri li bħalissa qed jipproduċi bażijiet tad-dejta ta' mapep diġitali mhux għan-navigazzjoni b'kopertura mal-Ewropa fi ħsiebu jaġġorna l-bażijiet tad-dejta tiegħu biex jagħmilhom navigabbli. Anke kieku kellhom il-ħsieb li jidħlu, it-tul ta' żmien sostanzjali involut sabiex wieħed jipproduċi mill-bidu nett bażi tad-dejta tal- mapep diġitali għan-navigazzjoni li tkopri ż-ŻEE jipprevjeni kull dħul potenzjali fil-ġejjieni milli jkun fil-ħin biżżejjed biex joħnoq l-imġiba kompetittiva ta' dawk li diġà huma preżenti fis-suq fil-medda qasira jew medja ta' żmien.

(21)

Filwaqt li ma jistax ikun eskluż dħul marġinali, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dħul fis-swieq tal-provvista tal-bażijiet tad-dejta ta' mapep diġitali għan-navigazzjoni b'kopertura taż-ŻEE ma jkun la fil-ħin (jiġifieri rapidu u sostnut biżżejjed) u lanqas suffiċjenti (fil-firxa u fil-kobor) biex igerrex jew jirbaħ fuq l-effetti anti-kompetittivi potenzjali tal-amalgamazzjoni.

5.2.   Is-Softwer tan-Navigazzjoni

(22)

Tele Atlas mhix attiva fis-suq tal-provvista tas-softwer tan-navigazzjoni. Hija biss parti ċkejkna mill-produzzjoni tas-softwer tan-navigazzjoni ta' TomTom li hija fornuta lil partijiet terzi. Fis-suq merkantili tas-softwer tan-navigazzjoni l-akbar fornituri huma Navigon b'sehem li huwa stmat bħala 25 % mis-suq, Navn'Go bi 18 % u Destinator bi 15 %. Is-sehem mis-suq ta' TomTom huwa stmat li huwa 6 %.

(23)

L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni indikat li l-barrieri għad-dħul jistgħu jingħelbu. Il-maġġoranza vasta tal-manifatturi tal-PND li ħadu sehem fl-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni wieġbu li huma diġà lesti jew ikunu f'pożizzjoni li jiżviluppaw is-softwer tagħhom tan-navigazzjoni internament.

5.3.   PNDs

Ishma tas-Suq

Volum tal-ishma tas-suq ŻEE (unitajiet)

 

L-użi aħħarin kollha li jinġarru

PNDs

TomTom

[30-40]

[30-50]

Mio Tech & Navman

[10-20]

[10-20]

Garmin

[10-20]

[10-20]

MEDION

[0-10]

[0-10]

MyGuide

[0-5]

[0-5]

Tabella 7

L-ishma tas-suq ŻEE skond il-valur (il-fatturat) fl-2006

Il-valur tal-ishma tas-suq ŻEE

 

L-użi aħħarin kollha li jinġarru

PNDs

TomTom

[30-50]

[30-50]

Mio Tech & Navman

[10-20]

[10-20]

Garmin

[10-20]

[10-20]

MEDION

[0-5]

[0-5]

MyGuide

[0-5]

[0-5]

Dħul fis-Suq

(24)

In-numru kbir ħafna ta' kumpaniji li daħlu fis-suq matul l-erba' snin preċedenti jindika li l-barrieri għad-dħul mhumiex sinjifikanti. Madankollu, il-maġġoranza vasta ta' dawk li daħlu fis-suq — inklużi l-kumpaniji l-kbar bi “bwiet fondi” u dawk b'isem magħruf u f'saħħtu — fallew milli jaħtfu aktar minn sehem marġinali mis-suq u baqgħu parteċipanti minuri f'oqsma speċjalizzati.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   Esklużjoni mill-akkwist ta' materja użata fil-prodott (input foreclosure) fis-Swieq tal-PND u s-Swieq tas-Softwer tan-Navigazzjoni

(25)

L-analiżi tal-input foreclosure twettqet skont il-Linji Gwida tal-Amalgamazzjoni Mhux Orizzontali.

Il-ħila li teskludi

(26)

Minħabba s-sehem mis-suq ta' Tele Atlas ta' aktar minn [40-60] % u minħabba n-nuqqas ta' strateġiji kuntrarji ddettaljati hawn taħt, il-Kummisjoni kkonkludiet li l-entità amalgamata tgawdi minn grad sinjifikanti ta' qawwa fis-suq fis-suq upstream, li hija prekundizzjoni għall-ħila tal-esklużjoni tal-kompetituri skont il-Linji Gwida tal-Amalgamazzjoni Mhux Orizzonali.

(27)

Għalkemm il-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali jiffurmaw biss sehem relattivament limitat mill-prezz ta' PND, huma jikkostitwixxu komponent kritiku li mingħajru l-PNDs ma jistgħux jaqdu l-funzjoni tagħhom.

(28)

Il-Kummissjoni qieset jekk hemmx strateġiji kuntrarji effettivi u f'ħinhom li jistgħu li jistgħu jiġu użati minn kumpaniji rivali fis-suq tal- PND.

(29)

NAVTEQ xorta tkun tista' tikkompeti ma' Tele Atlas wara l-amalgamazzjoni u b'hekk tillimita l-ħila ta' Tele Atlas li teskludi l-kompetituri tagħha. Mandankollu, milli jidher l-aħjar reazzjoni ta' NAVTEQ għal żieda fil-prezzijiet minn Tele Atlas tkun li hija wkoll tgħolli l-prezzijiet, li potenzjalment jista' jisaħħaħ l-effett ta' strateġija ta' esklużjoni mill-entità amalgamenta fuq is-suq downstream.

(30)

Mhux probabbli li d-dħul se jipprovdi strateġija kuntrarja effettiva u f'waqtha li tikkostrinġi l-ħila tal-entità amalgamata li teskludi l-kompetituri downstream tagħha. Kif intqal hawn fuq il-Kummissjoni qieset li mhux probabbli li fornitur ġdid tal-bażijiet tad-dejta jibni bażi tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni bl-istess livell ta' kopertura u kwalità daqs it-Tele Atlas jew in-NAVTEQ u jipprovdi lġiem f'waqtu fuq l-entità amalgamata.

(31)

Limitu ieħor fuq il-ħila ta' Tele Atlas li żżid il-prezzijiet jew tiddegrada l-kwalità jista' jkun provdut minn intermedjarji li għandhom liċenzja minn Tele Atlas jew NAVTEQ biex jissupplixxu l-bażi tad-dejta tal-mapep flimkien mas-softwer tan-navigazzjoni tagħhom. Intermedjarji bħal dawn jikkostitwixxu lġiem effettiv biss jekk ikunu huma stess protetti minn żidiet fil-prezzijiet u degradazzjoni tal-kwalità.

(32)

Il-ħila ta' Tele Atlas li teskludi l-kompetituri downstream tagħha hija limitata bil-kuntratt li jorbot għal perjodu twil li Garmin ikkonkluda ma' NAVTEQ, li jipproteġi lil Garmin mill-anqas sa […]. Ladarba Garmin jirrappreżenta anqas minn [10-20] % tas-suq tal-PND, anke jekk wieħed iqis ukoll il-protezzjoni ta' Garmin, il-ħila tal-entità amalgamata ta' esklużjoni xorta taffettwa aktar minn żewġ terzi tal-bejgħ tal-kompetituri downstream ta' TomTom. Jekk wieħed iqis li [il-Manifattur tal-Istrument tan-Navigazzjoni] u [il-Fornutur tas-Softwer tan-Navigazzjoni] huma wkoll parzjalment protetti, madwar nofs is-suq jista' jkun possibbilment effettwat minn strateġija ta' esklużjoni.

(33)

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-entità amalgamata x'aktarx ikollha l-ħila li żżid il-prezzijiet jew tiddegrada l-kwalità/iddewwem l-aċċess għal uħud mill-manifatturi tal-PNDs u fornituri tas-softwer tan-navigazzjoni li jikkompetu ma' TomTom.

L-inċentiv li teskludi

(34)

Wara l-amalgamazzjoni, TomTom/Tele Atlas se tqis kif il-bejgħ tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep lill-kompetituri ta' Tom Tom se jaffettwa l-profitti tagħha mhux biss fis-suq upstrem imma wkoll f'dak downstream. L-entità amalgamata tiffaċċja għażla ta' kompromess bejn il-profitt mitluf fis-suq upstream u l-profitt miksub fis-suq downstream billi tgħolli l-ispejjeż tar-rivali tagħha.

(35)

Għar-raġunijiet deskritti hawn taħt, Tele Atlas x'aktarx titlef bejgħ sinjifikanti li jmur għand NAVTEQ jekk tgħolli l-prezzijiet upstream jew jekk tiddegrada l-kwalità tal-bażi tad-dejta tal-mapep/iddewwem id-disponibbiltà tal-aġġornamenti, filwaqt li l-benefiċċji għall-kompetituri ta' TomTom miż-żieda fil-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta x'aktarx ikunu relattivament limitati.

(36)

L-ewwel, ladarba l-bażijiet tad-dejta tal-mapep bħala medja jammontaw għal anqas minn10 % tal-prezz bl-ingrossa tal-PND, il-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep ikunu jridu jiżdiedu sostanzjalment biex ikollhom effett fuq il-prezzijiet tas-suq downstream tal-PND u jippermettu lill-entità amalgamata biex taħtaf ammont sinjifikanti mill-bejgħ fis-suq downstream. It-tieni, jidher li tal-anqas xi fornituri tal-PND isibuha bi tqila biex jitrasferixxu żieda fil-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep għall-prezz tal-PND, trasferiment li jkompli jnaqqas kwalunkwe effett fuq il-prezzijiet tal-PND. It-tielet, il-protezzjoni ta' Garmin mill-esklużjoni minħabba l-kuntratt li għandha għal medda twila ta' żmien ma' NAVTEQ se tillimita l-profitti li TomTom jista' jaqla' mis-suq downstream jekk jieħu sehem fi strateġija ta' input foreclosure. Ir-raba', l-ispejjeż involuti fil-bidla tal-fornitur (fis-suq upstream jistgħu jingħelbu. Bħala riżultat, Tele Atlas jitlef ammont sinjifikanti mill-bejgħ lill-NAVTEQ jekk iżid il-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep, jiddegrada l-kwalità tagħhom jew idewwem id-disponibbiltà tal-aġġornamenti. Fl-aħħar, id-degradazzjoni tal-kwalità tapplika biss għall-konsumaturi ta' Tele Atlas, ladarba NAVTEQ x'aktarx tibqa' tipprovdi bażijiet tad-dejta tal-mapep ta' kwalità tajba lill-manifatturi kollha tal-PND b'mod mhux diskriminatorju. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li d-degradazzjoni tal-kwalità tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep tkun anqas profitabbli għall-entità amalgamata milli żieda fil-prezz għaliex, għal kuntrarju ta' żieda fil-prezz, id-degradazzjoni tal-kwalità, ma ġġibx marġni akbar għall-bażijiet tad-dejta tal-mapep li Tele Atlas tibqa' tbigħ upstream.

(37)

Sabiex wieħed ikejjel il-kompromess upstream/downstream, il-Kummissjoni fasslet stima ekonometrika tal-elastiċità tal-prezzijiet downstream biex tkejjel il-bejgħ li entità amalgamata tista' taħtaf jekk iżżid il-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep għall-kompetituri downstream ta' TomTom.

(38)

L-ewwel il-Kummissjoni eżaminat kemm hi possibbli strateġija ta' input foreclosure totali. Kieku l-entità amalgamata kellha tieqaf mill-bejgħ tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep, hi titlef il-profitti kollha tagħha fuq il-bażijiet tad-dejta tal-mapep imma tkun tista' biss tirkupra l-profitti fuq il-bejgħ downstream li tkun kapaċi taħtaf. Biex strateġija ta' esklużjoni totali tkun profitabbli għal Tele Atlas, hija jkollha tirkupra biżżejjed profitti downstream sabiex tkun tista' tikkumpensa mill-anqas għal-profitti mitlufa fuq il-bażijiet tad-dejta tal-mapep. Minħabba li l-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep jirrappreżentaw proporzjon relattivament żgħir mill-prezz tal-istrumenti tal-PND, u minħabba l-istimi tal-elastiċità, l-analiżi tal-Kummissjoni indikat li jkun neċessarju għal NAVTEQ li żżid il-prezzijiet b'ammont sostanzjali ħafna biex tiżgura li strateġija ta' input foreclosure tħalli profitt għall-entità amalgamata. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkalkulat li jekk NAVTEQ ma żżidx il-prezzijiet b'perċentwali ta' ħafna mijiet, strateġija ta' input foreclosure totali ma tkux profitabbli għal Tele Atlas.

(39)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll kemm hi possibbli strateġija ta' input foreclosure parzjali. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-entità amalgamata tkun tista' taħtaf ammont relattivament limitat ta' bejgħ downstream biss jekk iżżid il-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep lill-kompetituri tat-TomTom, li jimplika li l-inċentiv tal-esklużjoni tal-kompetituri jkun limitat. L-analiżi sussegwenti tal-Kummissjoni fuq is-sensitività kkonferma l-konklużjoni li kwalunkwe żieda sinjifikanti fil-prezzijiet ma tkunx profitabbli għall-entità amalgamata. Ir-riżultat ta' dan it-test sempliċi ta' profitt jindika li kwalunkwe żieda fil-prezz li jkollha impatt mhux żgħir fuq is-suq downstream ma tkunx profitabbli għall-entità amalgamata minħabba li l-gwadann downstream ma jkunx biżżejjed biex jikkumpensa għat-telf upstream.

(40)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-entità amalgamata ma jkollha l-ebda inċentiv biex iżżid il-prezzijiet b'mod li jwassal għal effetti kontra l-kompetizzjoni fis-suq downstream għall-PNDs. Strateġija ta' input foreclosure fis-suq tas-softwer tan-navigazzjoni tidher li hija anqas u anqas possibbli, b'mod partikolari fid-dawl tal-preżenza iżjed limitata ta' TomTom f'dan is-suq u l-profitti aktar baxxi li jkunu jistgħu isiru fis-suq tas-softwer.

L-effetti fis-Suq downstream

(41)

L-istess fatturi kwalitattivi li spejgaw in-nuqqas ta' inċentiv biex issir esklużjoni parzjali jwasslu wkoll għal nuqqas ta' effetti. Pereżempju, is-sehem żgħir tal-bażi tad-dejta tal-mapep fil-prezz tal-PND, l-evidenza rigward il-pass-through limitat, l-ispejjeż limitati involuti fil-bidla tal-fornitur (switching costs) u l-kompetizzjoni man-NAVTEQ kollha għandhom it-tendenza li jillimitaw iż-żieda fil-prezz li tista' tiġi imposta minn Tele Atlas fuq il-kompetituri ta' TomTom. Il-fatt li Garmin hija protetta kontra ż-żieda fil-prezzijiet permezz tal-kuntratt li għandha għal medda twil ta' żmien ma' NAVTEQ, jillimita aktar l-effetti possibbli ta' esklużjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li t-tranżazzjoni proposta mhix se twassal għal xi dannu kontra l-kompetizzjoni fis-suq downstream.

(42)

L-impatt globali tat-tranżazzjoni se jġarrab ukoll l-impatt tal-effiċjenzi li x'aktarx iġġib magħha l-amalgamazzjoni. Il-Kummissjoni stmat l-impatt ġenerali tal-eliminazzjoni tal-marġinalizzazzjoni doppja permezz tal-kumpanija integrata kif ukoll effiċjenzi oħra bħall-produzzjoni ta' mapep aħjar u aktar veloċi bl-użu ta' trace data u dejta mis-segwitu mingħand TomTom. Dawn l-effiċjenzi saħħew il-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni proposta mhix se twassal għal xi dannu kontra l-kompetizzjoni.

6.2.   L-Aċċess tal-Entità Amalgamata għal Informazzjoni Kunfidenzjali fis-Suq tal-PNDs

(43)

It-tħassib dwar il-kunfidenzjalità kif espress minn partijiet terzi, huwa bbażat fuq il-premessa li l-klijenti ta' Tele Atlas għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet futuri tagħhom mal-fornitur tagħhom tal-mapep. Il-kuntratti preżenti ma jobbligawx lill-konsumaturi jgħaddu informazzjoni bħal din dwar il-kondotta futura ta' Tele Atlas. Madankollu, il-konsumaturi għaddew b'mod volontarju informazzjoni dwar l-istimi tal-bejgħ futur tagħhom, pjanijiet dwar il-prodott u karatteristiċi ġodda inklużi fl-aħħar verżjonijiet tal-istrumenti tagħhom.

(44)

Il-partijiet ippreżentaw evidenza konvinċenti li turi li dawn l-iskambji huma limitati u li jistgħu saħansitra jitnaqqsu wara l-amalgamazzjoni mingħajr detriment għall-klijenti ta' Tele Atlas, li kieku dawn il-klijenti jkunu mħassbin dwar l-użu li l-entità amalgamata tkun tista' tagħmel mill-informazzjoni skambjata.

(45)

L-investigazzjoni tas-suq uriet li l-klijenti jistgħu jevitaw li jiddiskutu t-tbassir dwar il-bejgħ ma' Tele Atlas. Il-klijenti l- ġodda jistgħu jaqblu dwar rekwiżit minimu ta' xiri u għalhekk jevitaw li jiżvelaw informazzjoni sensittiva dwar bejgħ futur.

(46)

Informazzjoni dwar karatteristiċi addizzjonali li jkunu se jiġu inklużi fi prodotti futuri m'għandhomx għalfejn jgħaddu għand TomTom. L-ewwel, il-livelli addizzjonali huma pprovduti min-numru ta' kumpaniji iżgħar. Fornituri alternattivi għalhekk jistgħu ikunu sors tajjeb għal karatteristiċi addizzjonali għal kumpaniji mħassbin dwar il-kunfidenzjalità. It-tieni, il-klijenti xi drabi jagħmlu kuntatt ma' fornituri tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep biex jinkoraġġuhom jinvestu f'karatteristiċi ġodda jew jestendu l-kopertura tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep tagħhom. Madankollu, Tele Atlas ma tibbażax id-deċiżjonijiet dwar l-investiment tagħha fuq talbiet minn kumpaniji individwali. Deċiżjoni biex tinvesti f'karatteristiċi ġodda jew kopertura ġeografika ġdida tittieħed wara konsultazzjonijiet mal-akbar konsumaturi bl-implikazzjoni li l-biċċa l-kbira tal-ideat relatati mal-kontenut il-ġdid huma kkomunikati lil konsumaturi oħra (inkluż TomTom) qabel id-deċiżjonijiet dwar l-investiment. Ladarba tiġi żviluppata karatteristika ġdida, tkun offruta lill-klijenti kollha ta' Tele Atlas fl-istess żmien.

(47)

L-informazzjoni kunfidenzjali skambjata waqt il-konsultazzjonijiet tekniċi ma' Tele Atlas tista' possibilment tgħaddi għand TomTom. Madankollu, sa fejn hi kkonċernata l-inkorporazzjoni tal-livelli addizjonali, Tele Atlas tipprovdi lill-klijenti tagħha bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha għal dan il-għan. Il-problemi tekniċi li jistgħu jissolvew biss minn Tele Atlas huma rari ħafna.

(48)

Wara l-amalgamazzjoni, Tele Atlas ikun għad fadlilha inċentivi biex tipprevjeni li l-klijenti tagħha jitilqu għand NAVTEQ minħabba tħassib dwar il-kunfidenzjalità għaliex it-telf ta' klijent ma jkunx ikkumpensat bi gwadann downstream addizzjonali suffiċjenti anke jekk NAVTEQ iżżid il-prezzijiet b'mod sinjifikanti. Barra minn hekk, it-tħassib dwar il-kunfidenzjalità jista' jirriżulta fi ħsara għar-reputazzjoni ta' Tele Atlas li tikkawża ħsara lin-negozju fil-bażijiet tad-dejta tal-mapep tal-kumpanija amalgamata. Minħabba n-nuqqas ta' inċentivi għall-partijiet li jidħlu għal input foreclosure, x'aktarx il-partijiet jirreaġixxu għal tħassib possibbli dwar il-kunfidenzjalità, pereżempju billi joffru lill-konsumaturi kundizzjonijiet li jagħmluhielhom diffiċli biex jaqilbu għal ma' NAVTEQ.

(49)

Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhux probabbli li t-tranżazzjoni proposta se tkun ta' impediment sinjifikanti għal kompetizzjoni effettiva minħabba tħassib dwar il-kunfidenzjalità.

6.3.   Effetti kkoordinati

(50)

Bħalissa m'hemm l-ebda indikazzjoni ta' koordinazzjoni bejn Tele Atlas u NAVTEQ. Għal kuntrarju, ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq jindikaw li, qabel l-amalgamazzjoni, Tele Atlas u NAVTEQ ikkompetew kemm fl-aspetti tal-prezz u kemm fuq dawk mhux tal-prezz. Mhux probabbli li jkun hemm koordinazzjoni effettiva fis-suq tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep diġitali għan-navigazzjoni. Se tkun diffiċli l-koordinazzjoni dwar il-prezzijiet għaliex il-prezzijiet tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep mhumiex trasparenti u l-allokazzjoni tal-konsumaturi se tkun diffiċli fis-suq tal-PND, fejn id-daqs relattiv tal-manifatturi tal-PND huwa 'l bogħod minn stabbli u fejn daħlu ħafna kumpaniji mill-2004 sal-lum. Jidher improbabbli wkoll li jistgħu jiġu stabbiliti sorveljar effettiv u mekkaniżmi ta' deterrenti fid-dawl tal-karatteristiċi eżistenti tas-suq. Fl-aħħar, m'hemmx evidenza ċara li l-integrazzjoni vertikali ta' TomTom u Tele Atlas tista' żżid l-ambitu tal-koordinazzjoni bejn il-produtturi tal-bażijiet tad-dejta tal-mapep.

(51)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li mhux probabbli li l-operazzjoni proposta twassal għal effetti kontra l-komopetizzjoni permezz ta' koordinazzjoni.

7.   KONKLUŻJONI

(52)

Il-Kummissjoni ikkonkludiet li l-konċentrazzjoni proposta mhux se twassal għal xi tħassib dwar kompetizzjoni li bħala riżultat jimpedixxi b'mod sinjifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Komuni jew f'parti sostanzjali minnu. Għalhekk, il-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-Suq Komuni u l-Ftehim taż-ŻEE, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  Jekk jogħġbok innota li l-kopertura ġeografika tal-bażijiet tad-dejta diġitali hija karatteristika tal-prodott relevanti għad-definizzjoni tas-suq relevanti tal-prodott f'dan il-każ. Il-kopertura ġeografika tal-bażi tad-dejta m'għandhiex titħallat mal-firxa ġeografika tas-suq, li hija ttrattata separatament hawn taħt (fis-sezzjoni tad-definizzjoni tas-suq relevanti ġeografiku).


Top