Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0813(05)

Avviż ta' bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping li japplikaw għal importazzjonijiet ta' ċerti qafliet tal-istainless steel li joriġinaw mill-Vjetnam

ĠU C 206, 13.8.2008, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 206/12


Avviż ta' bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping li japplikaw għal importazzjonijiet ta' ċerti qafliet tal-istainless steel li joriġinaw mill-Vjetnam

(2008/C 206/08)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   It-talba għal reviżjoni

It-talba tressqet minn Header Plan Co., Ltd (“l-applikant”), esportatur mill-Vjetnam.

L-ambitu tat-talba huwa limitat għal eżami tal-iddampjar safejn għandu x'jaqsam l-applikant.

2.   Il-prodott

Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa ċerti qafliet tal-istainless steel u partijiet minnhom (“il-prodott ikkonċernat”), attwalment ikklassifikati fil-kodiċijiet NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss bħala tagħrif.

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005 (2) fuq importazzjonijiet ta' ċerti qafliet tal-istainless steel li joriġinaw, inter alia, mill-Vjetnam.

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba skont l-Artikolu 11(3) hi bbażata fuq evidenza prima facie, mogħtija mill-applikant, li ċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura permanenti.

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li ma għadx hemm il-bżonn li l-miżura tiġi applikata fil-livell attwali tagħha biex ikun ikkumpensat l-iddampjar. B'mod partikolari, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li ntlaħqu l-kriterji għat-trattament tal-ekonomija tas-suq u għat-trattament individwali. Barra minn hekk, paragun tal-prezzijiet domestiċi tiegħu u l-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni lill-Komunità, jindika li l-marġni ta' ddampjar jidher li huwa sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura.

5.   Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-iddampjar

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex ikun iġġustifikat il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tivvaluta l-bżonn għall-issuktar, it-tneħħija jew l-emendar tal-miżuri eżistenti fir-rigward tal-applikant.

Jekk jinstab li l-miżuri għandhom jitneħħew jew jiġu emendati għall-applikant, jista' jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwalment applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn kumpaniji li ma jissemmewx fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1890/2005.

(a)   Il-Kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i).

(b)   Il-ġbir ta' tagħrif u smigħ ta' seduti

Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

(c)   L-istat ta' ekonomija tas-suq

Fl-eventwalità li l-kumpanija tipprovdi biżżejjed evidenza li turi li hija topera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jkun iddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandha tintbagħat klejm issostanzjata kif jixraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(b) ta' dan l-avviż. Il-Kummissjoni se tibgħat formola tal-klejm lill-kumpanija, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Vjetnam.

(d)   L-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Fl-eventwalità li l-kumpanija ma tiġix mogħtija trattament ta' ekonomija tas-suq, u skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, pajjiż adatt b'ekonomija tas-suq se jintuża bl-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tal-Vjetnam skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tikkunsidra terġa' tuża t-Tajwan għal dan il-għan kif sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri attwali fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Vjetnam. Il-partijiet interessati huma hawnhekk mistiedna biex jikkummentaw fuq l-adattabilità ta' din l-għażla fil-limitu taż-żmien speċifikat stabbilit fil-punt 6(c) ta' dan l-avviż.

Barra minn hekk, fl-eventwalità li l-kumpanija tiġi mogħtija trattament ta' ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista', jekk huwa meħtieġ, anki tuża sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbiliti f'pajjiż adatt b'ekonomija tas-suq, eż. bl-għan li jinbidel kull prezz jew elementi ta' prezz li mhumiex affidabbli fil-Vjetnam li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk dejta kredibbli meħtieġa mhijiex disponibbli fil-Vjetnam. Il-Kummissjoni tikkunsidra tuża lit-Tajwan ukoll għal dan l-iskop.

6.   Il-limiti ta' żmien

(a)   Il-limiti ġenerali ta' żmien

(i)   Għall-partijiet biex jippreżentaw ruħhom, biex jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Il-partijiet interessati kollha, biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kull tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi qabel.

(ii)   Is-seduti ta' smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

(b)   Il-limitu ta' żmien speċifiku għas-sottomissjoni ta' klejms għal trattament ta' ekonomija tas-suq

Il-klejm tal-kumpanija ssostanzjata kif xieraq għal trattament ta' ekonomija tas-suq, kif imsemmi fil-punt 5(c) ta' dan l-avviż, għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(c)   Il-limitu ta' żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom mnejn jixtiequ jikkummentaw dwar l-adattabilità tat-Tajwan li, kif imsemmi fil-punt 5(d) ta' dan l-avviż, jitqies bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq biex jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tal-Vjetnam. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet għall-kwestjonarju u korrispondenza

Kull sottomissjoni jew talba magħmula mill-partijiet interessati trid issir bil-miktub (mhux f'forma elettronika, sakemm mhux speċifikat mod ieħor) u għandha tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-fax u/jew tat-telex tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, inklużi t-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija minn partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali, għandha tkun immarkata bil-kelma “Limitat (3) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata b'verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: J-79 4/23

B-1049 Brussels

Fax (32-2) 295 65 05

8.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn parti interessata tirrifjuta l-aċċess għat-tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihx fil-limiti ta' żmien jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   L-ipproċessar ta' dejta personali

Ta' min jinnota li kull tagħrif personali miġbur f'din l-investigazzjoni se jiġi trattat skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' din id-dejta (4).

11.   L-Uffiċjal għas-Smigħ

Ta' min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta' difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. Dan iservi ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament ta' preżentazzjonijiet tal-fehmiet bil-fomm u/jew bil-miktub. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-webpages tal-Uffiċjal għas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 302, 19.11.2005, p. 1

(3)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top