EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0722(03)

Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' Marzu 2008 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M. 4731 — Google/DoubleClick) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 184, 22.7.2008, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 184/10


Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-11 ta' Marzu 2008

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M. 4731 — Google/DoubleClick)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 184/06)

Fil-11 ta' Marzu 2008 l-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' amalgamazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (1) (ir-Regolament ta' Amalgamazzjoni tal-KE), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fil-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/comm/competiton/index_en.html

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-21 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skond l-Artikolu 4 u wara referenza skond l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ir-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet) li permezz tagħha l-impriża Google Inc. (“Google”, l-Istati Uniti) takkwista fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, il-kontroll sħiħ ta' l-impriża DoubleClick Inc. (“DoubleClick”, ta' l-Istati Uniti) permezz ta' xiri ta' ishma.

II.   IL-PARTIJIET

2.

Google topera magna tat-tiftix fuq l-Internet u tipprovdi spazju online għar-reklamar fuq il-websajts tagħha stess kif ukoll fuq il-websajts imsieħba (affiljati man-netwerk Google “AdSense”) Iktar reċentament, speċjalment wara l-akkwist ta' YouTube, Google bdiet tipprovdi kontenut ukoll. Google iġġib kważi d-dħul tagħha kollu mir-reklamar online.

3.

DoubleClick prinċipalment tbigħ teknoloġija ta' servizzi ta' reklamar, ta' ġestjoni u ta' rapurtaġġ fuq skala mondjali lill-pubblikaturi ta' websajts, dawk li jirreklamaw u agenziji tar-reklamar. Qiegħda wkoll tniedi pjattaforma ta' intermedjazzjoni (skambji ta' reklami).

III.   RIFERIMENT KONFORMI MA' L-ARTIKOLU 4(5)

4.

It-tranżazzjoni proposta m'għandhiex dimensjoni Komunitarja skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament ta' l-Amalgamazzjonijiet. Mandanakollu, wara talba għal riferiment taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' l-Amalgamazzjonijiet tal-KE, il-konċentrazzjoni hija meqjusa li għandha dimensjoni Komunitarja.

IV.   IS-SUQ TAL-PRODOTTI RELEVANTI

5.

Google hija attiva prinċipalment fil-forniment ta' spazju online għar-reklamar. Is-suq tal-prodott relevant l-iktar wiesa' possibbli kkunsidrat f'din id-Deċiżjoni huwa s-suq tar-reklamar online globali. Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni dwar jekk dan is-suq għandux ikompli jinqasam iktar fuq il-bażi tal-forom differenti ta' reklamar online (reklamar b'test vs reklamar mhux b'test (viżwali) u/jew reklamar ta' tfittxija vs reklamar mhux ta' tfittxija) jew fuq il-bażi ta' mezzi ta' bejgħ differenti (bejgħ dirett vs bejgħ intermedjat permezz ta' netwerks ta' reklamar u skambji ta' reklami). Madanakollu, id-definizzjoni eżatta tas-suq tal-prodott relevanti baqgħet vaga fid-Deċiżjoni billi t-tranżazzjoni ma twassalx għal tħassib dwar kompetizzjoni taħt ebda definizzjoni possibbli tas-suq tal-prodott.

6.

DoubleClick hija attiva fis-servizz tar-reklamar viżwali. L-investigazzjoni tas-suq uriet li t-teknoloġija tas-servizzi għar-reklamar viżwali tikkostitwixxi suq separat mit-teknoloġija tas-servizzi tar-reklamar għal reklami bit-test. Fis-suq tat-tekonoliġija tas-servizzi tar-reklamar viżwali għandha ssir qasma oħra bejn il-fornimet ta' servizzi bħal dawn lil dawk li jirriklamaw u l-forniment ta' servizzi bħal dawn lill-pubblikaturi.

V.   IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

7.

Id-Deċiżjoni tiddefinixxi s-suq ta' l-ispazju online għar-reklamar globali bħala ġeografikament maqsum matul il-fruntieri nazzjonali u lingwistiċi fiż-ŻEE. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-intermedjazzjoni, id-Deċiżjoni tikkonkludi li dan is-suq ipotetiku huwa mill-inqas wiesa' daqs iż-ŻEE fl-ambitu ta' applikazzjoni.

8.

Fl-aħħarnett, id-Deċiżjoni tiddefinixxi s-swieq għall-forniment tat-teknoloġija ta' servizzi għar-reklamar viżwali lil dawk li jirriklamaw u lill-pubblikaturi bħala mill-inqas wiesgħa daqs iż-ŻEE fl-ambitu ta' applikazzjoni.

VI.   EVALWAZZJONI KOMPETITTIVA

6.1.   Pożizzjoni tal-partijiet fis-swieq relevanti

9.

Google hija attiva bħalissa fis-suq ta' reklamar online (i) bħala pubblikatur, bil-pagna tagħha stess bil-magna ta' tfittxija Google.com (u l-paġni web nazzjonali bħal ma huma google.fr, google.it eċċ.), u (ii) bħala intermedjarja bin-netwerk ta' reklamar tagħha (AdSense). Permezz ta' dawn il-mezzi diretti jew indiretti, Google hija l-fornitur prinċipali fir-reklamar online, u partikularment fl-ispazju tar-reklamar ta' tfittxija fiż-ŻEE b'sehem fis-suq ta' bejn (25-35) % u (60-70) % jiddependi fuq id-definizzjoni eżatta tas-suq.

10.

Il-kompetituri prinċipali ta' Google fir-reklamar ta' tfittxija huma Yahoo! u Microsoft b'ishma fis-suq sa (10-20) % fuq livell dinji u mill-inqas (0-10) % fiż-ŻEE għal Yahoo! u madwar (0-10) % għal Microsoft kemm fuq livell dinji kif ukoll fuq livell taż-ŻEE. Għall-intermedjazzjoni mhux ta' tfittxija fiż-ŻEE, per eżempju TradeDoubler, Zanox (li hija parti minn Axel Springer), AdLink, Interactive Media (li hija parti minn Deutsche Telekom), Advertising.com u Lightningcast (it-tnejn AOL/TimeWarner) u Tomorrow Focus huma attivi (madwar (10-20) % ta' ishma fis-suq fil-każ ta' TradeDoubler, (0-10) % fil-każ ta' Zanox u madwar (0-10) % għal kull parti oħra).

11.

DoubleClick tipprovdi teknoliġija ta' servizzi għar-reklamar. Fuq in-naħa ta' dawk li jirriklamaw, DoubleClick għandha rwol prinċipali fis-suq ta' servizzi għar-reklamar fiż-ŻEE flimkien ma aQuantive/Atlas (reċentament akkwistata minn Microsoft). Dawn għandhom madwar (30-40) % sehem kull waħda fis-suq taż-ŻEE. Fuq in-naħa tal-pubblikaturi, l-investigazzjoni tas-suq turi li DoubleClick hija l-impriż ewlenija b'madwar (40-50) % sehem fis-suq taż-ŻEE, segwita minn 24/7 Real Media/OpenAdStream (reċemtament akkwistata mill-aġenzija tar-reklamar WPP) b'inqas minn (20-30) % u AdTech/AOL (inqas minn (10-20) %).

12.

Minkejja dawn l-ishma fis-suq relativament għoljin, il-poter fis-suq ta' DoubleClick huwa limitat minħabba li DoubleClick tiffaċċja kompetizzjoni sinifikanti minn fornituri rivali ta' għodod ta' servizzi għar-reklamar, li għalihom imorru l-klijenti f'każ li huma jgħollu l-prezz. Waqt li l-investigazzjoni tas-suq ipprovidiet risposti mħallta dwar il-livell teoretiku ta' spejjeż ta' tranżizzjoni, hemm evidenza li numru kbir ta' pubblikaturi u dawk li jirrklamaw fil-verità qalbu minn DoubleClick għal fornituri oħra ta' servizzi (u bil-maqlub) fis-snin li għaddew. Il-fatt li s-suq ta' servizzi għar-reklamar bħalissa huwa kompetittiv jidher ukoll mit-tnaqqis sinifikanti fil-prezz tal-prodotti ta' DoubleClick lil dawk li jirriklamaw u lill-pubblikaturi waqt perjodu ta' bżonn ikbar.

13.

DoubleClick qiegħda tniehdi wkoll skambju ta' reklami ġdid. Dan l-iskambju ta' reklami beda' l-beta testing f'Ġunju 2007. In-numru ta' tranżazzjonijiet li għamlet s'issa mhux sinifikanti u, hekk jew hekk, għadu ma laħaqx kumerċjalizzajoni sħiħa.

6.2.   Effetti Orizzontali

14.

Bħalissa DoubleClick mhix preżenti fuq is-suq għall-forniment ta' spazju online u Google mhix qed tipprovdi għodod ta' servizzi għar-reklamar waħedhom. Għalhekk, m'hemm ebda kompetizzjoni vera bejn iż-żewġ kumpaniji.

15.

Id-Deċiżjoni tikkonkludi wkoll li t-tranżazzjoni proposta ma twassal għal ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni b'għan li possibilment tkun eliminata kompetizzjoni potenzjali bejn Google u DoubleClick. L-iskambju ta' riklami ta' DoubleClick għadu ma żviluppax pożizzjoni sinifikanti fis-suq, iżda ma tistax tkun eliminata l-possibiltà li DoubleClick, jekk tibqa' indipendenti, tista' tiżviluppa rwol importanti fis-suq ta' intermedjazzjoni. Madanakollu, huwa probabbli li jibqa' numru biżżejjed ta' kompetituri li jżommu biżżejjed pressjoni kompetittiva wara l-amalgamazzjoni għalhekk il-kompetizzjoni ma tkunx sinifikattivament imfixkla. Partikularment, meta mqabbla ma' partijiet oħra attivi f'dan is-suq, DoubleClick ma tidhirx li għandha xi vantaġġi sinifikanti fil-kompetizzjoni ma' Google fis-suq ta' intermedjazzjoni tar-reklamar.

16.

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-kompetizzjoni potenzjali minn Google fis-suq ta' servizzi għar-reklamar, id-Deċiżjoni teżamina l-fatt li Google bħalissa qed tiżviluppa prodott ta' servizzi għar-reklamar ġdid kemm għas-servizzi għar-reklamar viżwali għal dawk li jirreklamaw kif ukoll għall-pubblikaturi, iżda telimina kull tħassib dwar l-eliminazzjoni possibbli tal-kompetizzjoni potenzjali billi m'hemm l-ebda indikazzjoni li l-prodotti ġodda ta' Google kienu se jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jikkompetu mal-prodotti rispettivi ta' DoubleClick milli kienu l-bosta partijiet diġa' preżenti fis-suq.

6.3.   Effetti mhux orizzontali

6.3.1.   Esklużjoni bbażata fuq il-pożizzjoni fis-suq ta' DoubleClick fis-servizzi għar-reklamar

17.

Il-Kummissjoni investigat numru ta' strateġiji ta' esklużjoni bbażati fuq il-pożizzjoni fis-suq tas-servizzi għar-reklamar ta' DoubleClick li setgħat twettaq l-entità amalgamata. Dawn l-istrateġiji jinkludu (a) iż-żieda fil-prezz ta' l-għodod ta' DoubleClick meta użati minn pubblikaturi jew dawk li jirreklamaw meta qed jikkompetu ma' netwerks ta' reklamar jew żieda selettiva fil-preżż ta' l-għodod ta' DoubleClick lill-klijenti li huma inqas probabbli li jaqilbu għal fornituri oħra ta' għodod ta' servizzi għar-reklamar, (b) tnaqqis fil-kwalità ta' l-għodod ta' DoubleClick meta użati ma' netwerks ta' reklamar li qed jikkompetu magħhom, (c) assoċjazzjoni ta' l-għodod ta' DoubleClick mas-servizzi ta' intermedjazzjoni ta' Google (b'assoċjazzjoni pura jew imħallta), (d) “tgħawwiġ” tal-mekkanismu ta' l-arbitraġġ tar-reklami biex isservi reklami favur AdSense, u (e) tagħmel esklużjoni (jiġifieri tirrifjuta li tbigħ jew iżżid l-ispejjż tar-rivali) fil-bejgħ ta' għodod ta' servizzi għar-reklamar lil netwerks ta' reklamar li qed jikkompetu magħhom.

18.

Id-Deċiżjoni telimina dan it-tħassib kollu. L-ewwelnett, l-investigazzjoni tas-suq uriet li l-entità amalgamata ma tkunx tista' teskludi r-rivali tagħha fis-suq tas-servizzi għar-reklamar b'suċċess minħabba li DoubleClick qed tiffaċċja numru ta' limitazzjonijiet kompetittivi u mhux probabbli li teżerċita poter sinifikanti fis-suq.

19.

It-tieni, l-inċentivi ta' l-entità amalgamata biex toħloq l-istrateġiji deskritti wkoll tidher limitata. Differenzi (anke sinifikanti) fil-prezz ta' l-għodod tas-servizzi għar-reklamar mhux probabbli li jwasslu għal tibdil sinifikanti bejn netwerks ta' reklamar minħabba li l-ispejjeż tas-servizzi għar-reklamar jirrapreżentaw proporżjon żgħir ta' l-ispejjeż/id-dħul ta' reklamar online għal dawk li jirreklamaw u għall-pubblikaturi. Dan probabbilment inaqqas kull inċentiv biex DoubleClick toffri t-teknoloġija ta' servizzi għar-reklamar viżwali bi preżż inqas (jew anke b'xejn) lill-pubblikaturi meta użata ma' AdSense (jiġifieri assoċjazzjoni mħallta). Assoċjazzjoni pura (jiġifieri l-assoċjazzjoni tat-teknoloġija ta' servizzi għar-reklamar viżwali ma' intermedjazzjoni permezz ta' AdSense) mhux probabbli li tħalli profitt minħabba t-tranżizzjonijiet li din tista' teżiġi. L-istrateġija ta “tgħawwiġ” tikkostittwixxi nuqqas fl-obbligazzjonijet kuntrattwali ta' l-entità amalgamata lejn il-klijenti tagħha, li, jekk issir fuq livell sinifikanti, probabbilment tkun innutata.

20.

Fl-aħħarnett, ukoll jekk xi waħda minn dawn l-istrateġiji kellha tkun implimentata b'suċċess, it-tranżazzjoni xorta mhix probabbli li jkollha effett negattiv fuq il-kompetizzjoni billi l-entità amalgamata tkompli tikkompeti ma' numru ta' rivali finanzjarjament b'saħħithom u vertikalment integrati (inklużi Microsoft, Yahoo!, AOL u WPP) li joffru l-istess grupp ta' prodotti.

6.3.2.   Esklużjoni bbażata fuq il-pożizzjoni fis-suq ta' Google fir-reklamar ta' tfittxija u s-servizzi ta' intermedjazzjoni tar-reklamar

21.

Minħabba l-pożizzjoni b'saħħitha ta' Google fil-forniment ta' reklami ta' tfittxija, Google tista' wkoll tuża din il-pożizzjoni tagħha biex tidħol fis-suq tas-servizzi għar-reklamar viżwali billi titlob lill-utenti tas-servizzi tagħha ta' reklami ta' tfittxija (intermedjazzjoni) jużaw il-prodotti DoubleClick biex iservu l-inventarju tagħhom kollu jew parti minnu. Id-Deċiżjoni telimina wkoll dan it-tħassib.

22.

Diġa' l-kapaċità biex jiġu esklużi r-rivali b'użu ta' din l-istrateġija tidher li hi limitata billi hemm numru limitat ħafna ta' klijenti komuni li jużaw kemm ir-reklami ta' tfittxija jew is-servizzi intermedjarji ta' reklami ta' tfittxija kif ukoll it-teknoloġija tas-servizz għar-reklamar viżwali. Minbarra hekk, minn naħa ta' dawk li jirreklamaw, jista' jkun hemm diffikultajiet prattiċi fil-każ li ż-żewġ partijiet relevanti tal-pakkett ma jkunux mibjugħa flimkien.

23.

Minbarra hekk, l-investigazzjoni tas-suq uriet li l-entità amalgamata ma jkollhiex inċentiv li taddotta strateġija bħal din billi din l-istrateġija probabbilment ma tkunx ta' profitt.

24.

Madanakollu, ukoll jekk xi waħda minn dawn l-istrateġiji kellha tkun implimentata b'suċċess, it-tranżazzjoni xorta mhix probabbli li jkollha effett negattiv fuq il-kompetizzjoni billi l-entità amalgamata tkompli tikkompeti ma' numru ta' rivali finanzjarjament b'saħħithom u vertikalment integrati (inklużiMicrosoft, Yahoo!, AOL u WPP) li diffiċli li jkunu esklużi..

6.3.3.   Esklużjoni bbażata fuq l-assi magħquda ta' Google u ta' DoubleClick

25.

Fl-aħħarnett, l-għaqda waħedha ta' l-assi ta' DoubleClick ma' dawk ta' Google, u partikularment id-databases li iż-żewġ kumpaniji għandhom u li jistgħu jiżviluppaw fuq il-bażi ta' l-imġiba online tal-klijenti tista' tħalli lill-entità amalgamata tilħaq pożizzjoni li ma tkunx tista' tintlaħaq mill-kompetituri tagħha. B'riżultat ta' din l-għaqda, il-kompetituri ta' Google ikunu progressivament marġinalizzati u fl-aħħar mill-aħħar dan jippermetti li Google tgħolli l-prezzijiet għas-servizzi tagħha ta' intermedjazzjoni.

26.

Madanakollu, l-investigazzjoni tas-suq uriet li dan it-tħassib m'għandux bazi. Il-kuntratti ta' DoubleClick ma dawk li jirreklamaw u l-pubblikaturi tagħha jħallu lil DoubleClick tuża d-dejta maħluqa permezz tat-teknoloġija tas-servizz għar-reklamar tagħha biss għall-benefiċċju tal-klijent rispettiv. M'hemm ebda indikazzjoni li l-entità amalgamata tkun tista' timponi bdil fil-kuntratti fuq il-klijenti li jħallu l-użu trażversali tad-dejta tagħhom fil-futur. Barra minn hekk, l-għaqda tad-dejta dwar it-tfittxija mad-dejta dwar l-imġiba tal-web surfing ta' l-utenti hija diġa' disponibbli għal numru ta' kompetituri ta' Google illum (eż. Microsoft u Yahoo).

VII.   GĦELUQ

27.

Id-Deċiżjoni għalhekk tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhux ser twassal għal tħassib dwar kompetizzjoni li bħala riżultat jimpedixxi b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Komuni jew f'parti sostanzjali minnu. Għalhekk, il-Kummissjoni ddikjarat li t-tranżazzjoni hija kompatibbli mas-Suq Komuni u l-Ftehim taż-ŻEE, skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta' Amalgamazzjoni u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


Top