EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0605(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft bid-Deċiżjoni C(2005) 4420 finali u li temenda dik id-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-ammont tal-ħlas perjodiku ta' penali (Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft) (notifikata bid-dokument numru C (2006) 3143)

ĠU C 138, 5.6.2008, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 138/10


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta' Lulju 2006

li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft bid-Deċiżjoni C(2005) 4420 finali u li temenda dik id-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-ammont tal-ħlas perjodiku ta' penali

(Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft)

(notifikata bid-dokument numru C (2006) 3143)

(It-test fl-ilsien Ingliż biss huwa awtentiku)

(2008/C 138/07)

Fit-12 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft bid-Deċiżjoni C(2005) 4420 finali u li temenda dik id-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-ammont tal-ħlas perjodiku ta' penali. Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), hawnhekk il-Kummissjoni qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut tad-Deċiżjoni, inkluża kull multa imposta, wara li kkunsidrat l-interess legali ta' l-impriżi għall-protezzjoni ta' l-interessi kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux konfidenzjali tat-test sħiħ tad-deċiżjoni kif ukoll tad-Deċiżjoni C(2005) 4420 ta' l-10 ta' Novembru 2005 tinsab fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fil-websajt tad-DĠ COMP:

http://europa.eu.int/comm/competition/index_en.html

1.   TAQSIRA TAL-KAŻ

1.1.   L-isfond tal-każ

1.

Fl-24 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (C(2004) 900) fi proċediment skond l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (Każ COMP/C-3/37.792) indirizzata lill-Microsoft). F'din id-deċiżjoni (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni sabet li, fost l-oħrajn, il-Microsoft kienet kisret l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi minn Ottubru ta' l-1998 sad-data tad-Deċiżjoni, irrifjutat li tikxef ċerta “Informazzjoni ta' Interoperabbiltà” (2) speċifika lil bejjiegħa ta' prodotti ta' work group server operating system, sabiex huma jkunu jistgħu jiżviluppaw u jiddistribwixxu prodotti kompatibbli.

2.

l-Artikolu 5 (a) tal-parti operattiva tad-Deċiżjoni taqra kif ġej:

“Il-Korporazzjoni Microsoft għandha, fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, tagħti l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà lil kwalunkwe impriża interessata fl-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' prodotti ta' group server operating system u għandha, b'termini raġonevoli u mhux diskriminatorji, tippermetti l-użu ta' l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà minn tali impriżi għall-iskop ta' l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' prodotti ta' work group server operating system.”

3.

L-applikazzjoni tal-Microsoft għal miżuri temporanji kontra d-Deċiżjoni ġew irrifjutati bl-ordni tal-President tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-22 ta' Diċembru 2004 (T-201/04 R).

4.

Fid-dawl tan-nuqqas ta' konformità kontinwa tal-Microsoft mad-Deċiżjoni, wara aktar minn sena mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni, fl-10 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li timponi fuq il-Microsoft il-ħlas perjodiku ta' penali skond l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“l-Artikolu 24(1) Deċiżjoni”). L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 24(1) jaqra kif ġej:

“Sal-15 ta' Diċembru 2005, il-Korporazzjoni Microsoft għandha tiżgura li tissodisfa bis-sħiħ l-obbligi stipulati fl-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C(2004) 900) ta' l-24 ta' Marzu 2004.

Fin-nuqqas ta' tali konformità, għandu jiġi impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft ħlas perjodiku ta' penali ta' EUR 2 miljuni kuljum, ikkalkolat minn dik id-data.”

1.2.   Il-Ħatra ta' Trustee tal-Monitoraġġ

5.

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni jipprevedi li:

“Fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Korporazzjoni Microsoft għandha tressaq proposta lill-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu xieraq li jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-koformità tal-Korporazzjoni Microsoft ma' din id-Deċiżjoni. Dak il-mekkaniżmu għandu jinkludi trustee tal-monitoraġġ li għandu jkun indipendenti mill-Microsoft.

Fil-każ li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-mekkaniżmu propost mill-Korporazzjoni Microsoft ma jkunx xieraq, hija żżomm id-dritt li timponi tali mekkaniżmu permezz ta' deċiżjoni.”

6.

Fit-28 ta' Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skond l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ previst fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (“id-Deċiżjoni dwar it-Trustee”) (3). Id-Deċiżjoni dwar it-Trustee tipprevedi, fost l-oħrajn, il-ħatra ta' Trustee tal-Monitoraġġ.

7.

Permezz ta' l-ittra tat-12 ta' Awwissu 2005, il-Microsoft ipproponiet erba' kandidati għall-kariga ta' Trustee tal-Monitoraġġ. Wara li intervistat l-erba' kandidati, il-Kummissjoni ħatret wieħed mill-kandidati proposti mill-Microsoft, il-Professur Neil Barrett, bħala Trustee tal-Monitoraġġ (it-“Trustee”) permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Ottubru 2005.

1.3.   Passi proċedurali

8.

Fil-21 ta' Diċembru 2005, fid-dawl tar-rapporti mogħtija mit-Trustee dwar id-dokumentazzjoni teknika mressqa mill-Microsoft li ppruvat iżżomm Informazzjoni ta' Interoperabbiltà, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-Microsoft kienet għadha ma ssodisfatx l-obbligi stipulati fl-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet li tistqarr li, permezz ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, bi ħsiebha tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali, li kien impost fuq il-Microsoft bl-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni, għan-nuqqas ta' konformità ma' l-obbligu tagħha li tagħmel l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà disponibbli lill-impriżi interessati skond l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni, għall-perjodu bejn il-15 ta' Diċembru 2005 u d-data speċifikata f'deċiżjoni skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru1/2003.

9.

Wara li ngħatat estensjoni tad-data, fil-15 ta' Frar 2006 il-Microsoft wieġbet għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet.

10.

Fl-10 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Microsoft li kienet tinkludi rapporti ulterjuri tat-Trustee u ta' l-esperti tekniċi tal-Kummissjoni dwar id-dokumentazzjoni teknika mogħtija mill-Microsoft u stiednet lill-Microsoft sabiex tressaq il-kummenti tagħha, kif għamlet fl-14 ta' April 2006.

11.

Fit-30 u l-31 ta' Marzu 2006 sar smigħ orali fi Brussell.

12.

Fil-11 ta' April 2006, il-Microsoft ressqet verżjoni riveduta tad-dokumentazzjoni teknika fejn ippruvat tinkludi l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà.

13.

Fid-19 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Microsoft li kienet tinkludi rapporti ġodda dwar id-dokumentazzjoni teknika mressqa f'April mit-Trustee u mill-esperti tekniċi tal-Kummissjoni, u stiednet lill-Microsoft sabiex tressaq il-kummenti tagħha, kif għamlet fid-9 ta' Ġunju 2006.

1.4.   Il-kumpanija u l-prodott ikkonċernat

14.

Il-Microsoft hija kumpanija ta' software ibbażata f'Redmond, l-istat ta' Washington, l-Istati Uniti. Il-valur tal-bejgħ għas-sena fiskali bejn Lulju 2004 u Ġunju 2005, li hija l-aħħar sena finanzjarja sħiħa tal-Microsoft, kien ta' USD 39,788 miljun. Il-Microsoft timpjega 55 000 persuna madwar id-dinja. Din il-kumpanija tinsab fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE.

15.

Il-prodotti kkonċernati mill-proċedura kurrenti huma l-“Windows Work Group Server Operating Systems” kif imfissra fl-Artikolu 1(9) tad-Deċiżjoni.

1.5.   In-natura tan-nuqqas ta' konformità

16.

Kif stipulat fil-premessa 1003 tad-Deċiżjoni, l-għan tad-Deċiżjoni huwa li “tiżgura li l-kompetituri tal-Micrsoft jistgħu jiżviluppaw prodotti interoperabbli mal-Windows architecture domain li oriġinarjament hija appoġġjata fid-dominant Windows client PC operating system u għalhekk jikkompetu b'mod vijabbli mal-work group server operating system tal-Microsoft”.

17.

Il-Kummissjoni vvalutat il-konformità tal-Microsoft ma' l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tal-kompletezza u l-preċiżjoni tal-verżjoni tad-dokumentazzjoni teknika ta' Diċembru 2005, kif ukoll tal-verżjonijiet tad-dokumentazzjoni teknika mressqa mill-Microsoft sa April 2006. Il-Kummissjoni ġiet megħjuna mit-Trustee kif ukoll mill-esperti tekniċi tagħha stess. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-Microsoft, aktar minn sentejn wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, għadha mhix konformi ma' l-ordni ta' żvelar stipulata f'dik id-Deċiżjoni billi ma tatx dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkludi l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà li tippermetti lill-kumpetituri jiżviluppaw servers kompatibbli mad-dominant PC and work group server operating systems tal-Microsoft.

2.   L-AMMONT DEFINITTIV TAL-ĦLAS PERJODIKU TA' PENALI

2.1.   Il-perjodu relevanti ta' nuqqas ta' konformità

18.

Din id-deċiżjoni tikkonċerna biss il-perjodu bejn is-16 ta' Diċembru 2005 u l-20 ta' Ġunju 2006, id-data meta ntbagħat l-abbozz ta' deċiżjoni lill-membri ta-Kumitat Konsultattiv skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“il-perjodu rilevanti”).

2.2.   L-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali għall-perjodu rilevanti

19.

L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru1/2003 jipprovdi li, meta l-impriża kkonċenrnata tissodisfa l-obbligu li kellu jiġi infurzat mill-ħlas perjodiku ta' penali, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali għal ammont anqas minn dak stabbilit mid-deċiżjoni oriġinali. Barra minn hekk il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa tistabbilixxi ammont definittiv għal perjodu partikolari ta' żmien fejn impriża ma tkunx għadha ssodisfat, sat-tmiem ta' tali perjodu, l-obbligu li kellu jiġi infurzat mill-ħlas perjodiku ta' penali. Inkella, l-impriża tkun tista' taħrab mill-obbligu ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali imposti fuqha billi tibqa' ma tikkonformax, u dan il-fatt ineħħi l-effett utli ta' l-Artikolu 24.

20.

Fl-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet ħlas perjodiku ta' penali ta' EUR 2 miljuni kuljum. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat il-ħtieġa li timponi ħlas perjodiku ta' penali għoli biżżejjed biex tiġi żgurata l-konformità tal-Microsoft mad-Deċiżjoni u safejn in-nuqqas tal-Microsoft li tissodisfa l-obbligi skond l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni naqqset l-effikaċja tar-rimedju. Filwaqt li d-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, marbuta b'mod esklussiv ma' aspett tan-nuqqas ta' konformità tal-Microsoft, jiġifieri li tipprovdi dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkorpora l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà, għamlitha ċara li l-livell tal-ħlas perjodiku ta' penali għandu jirrefletti l-limitu safejn dan l-aspett tan-nuqqas ta' konformità tal-Microsoft naqqas l-effettività tar-rimedju.

21.

F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li li n-nuqqas kontinwu ta' konformità tal-Microsoft mad-Deċiżjoni u sabiex ittemm il-ksur tant serju tagħha ta' l-Artikolu 82 tat-Trattat u ta' l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (4)  (5) jista' jżid riskji ulterjuri għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-work group server operating system identifikat fid-Deċiżjoni (6). Hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti ħlasijiet ta' multi perjodiċi f'livell li jsaħħaħ l-inċnentiv tal-konformità mad-Deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 billi l-impriża kkonċernata titpoġġa f'sitwazzjoni fejn ikun ekonomikament razzjonali għaliha li tikkonforma ma' tali deċiżjoni u mhux taħsad il-benefiċċji talli ma tikkonformax. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa li tistabbilixxi ħlasijiet perjodiċi ta' penali li huma proporzjonati u biżżejjed biex twassal għall-konformità ta' impriża bħall-Microsoft, bid-daqs u r-riżorsi finanzjarji sostanzjali tagħha.

22.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li matul il-perjodu relevanti d-dokumentazzjoni teknika ma kinitix sħiħa u preċiża sa tali punt li ma kinitx bażi xierqa għal impriża interessata sabiex tibda tiżviluppa work group server operating systems kompatibbli mal-prodotti tal-Microsoft, kif previst mid-Deċiżjoni. Għalhekk, ġie stabbilit li matul il-perjodu relevanti, l-effikaċja ta' l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni kien totalment, jew almenu fil-biċċa l-kbira tagħha, eliminata, irrispettivament dwar jekk ir-remunerazzjoni mitluba mill-Microsoft kinitix raġjonevoli jew le fir-rigward ta' l-informazzjoni pprovduta. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tkun intitolata bis-sħiħ li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali għall-fattur waħdieni tan-nuqqas ta' konformità stabbilit mid-deċiżjoni fuq il-bażi ta' EUR 2 miljuni kuljum matul il-perjodu relevanti kollu.

23.

Madankollu, teżisti l-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-Microsoft naqset mill-tikkonforma ma' l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni fir-rigward tar-raġonevolezza tar-remunerazzjoni mitluba wara l-15 ta' Diċembru 2005 għall-informazzjoni pprovduta. Għalhekk f'dan l-istadju, għall-iskopijiet ta' infurzar effettiv, huwa meħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jiġi stabbilit ammont definittiv għal dan il-fattur ta' nuqqas ta' konformità mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni.

24.

Għalhekk l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali fir-rigward tan-nuqqas tal-Microsoft li tissodisfa l-obbligi b'rabta ma' l-għoti ta' dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkorpora l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà skond l-Artikolu 5(2) u (c) tad-Deċiżjoni, ġie kkalkolat fuq il-bażi ta' ammont ta' EUR 1,5 miljuni matul il-perjodu rilevanti kollu.

2.3.   Konklużjoni

25.

L-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali impost fuq il-Microsoft, skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għan-nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi fir-rigward ta' l-għoti ta' dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkorpora l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà stipulata fl-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni ġie stabbilit għall-ammont ta' EUR 280,5 miljuni għall-perjodu inklussiv bejn is-16 ta' Diċembru 2005 u l-20 ta' Ġunju 2006.

3.   IŻ-ŻJIEDA TAL-ĦLASIJIET PERJODIĊI TA' PENALI

26.

Id-dewmien tal-Microsoft biex tissodisfa l-obligi taħt id-Deċiżjoni jista' jwassal għal żjieda fir-riskju ta' l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq dwar il-work group server operating systems, billi, meta ttieħdet id-Deċiżjoni, il-Microsoft kienet diġà kisbet pożizzjoni dominanti u x'aktarx kienet se telimina l-kompetizzjoni kollha (il-premessa 1070 tad-Deċiżjoni). Data dwar is-suq tindika li s-sehem li l-Microsoft kellha mis-suq kompla jiżdied b'mod kostanti. Billi s-suq tal-work group server operating systems huwa karatterizzat minn ostakli kbar għal min ikun irid jidħol fih (il-premessi 515 sa 525 tad-Deċiżjoni), fost l-oħrajn minħabba effetti indiretti ta' netwerks li jsaħħu lil xulxin (ara l-premessa 653 tad-Deċiżjoni), hemm ir-riskju li din id-deterjorazzjoni ta' l-istruttura tas-suq issir irriversibbli. Għalhekk, aktar minn qatt qabel, issa l-iżgurar tal-konformità tal-Microsoft saret kwistjoni tassew urġenti.

27.

Skond l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni, li jimponi l-ħlas perjodiku ta' penali ta' EUR 2 miljuni kuljum, il-Microsoft ma ħaditx il-miżuri meħtieġa għal mill-anqas seba' xhur. Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit il-livell, il-ħlas perjodiku ta' penali issa żdied għal EUR 3 miljuni, b'effett mill-31 ta' Lulju 2006. Billi huwa possibbli li l-ordni ta' żvelar fl-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni tista' titneħħielu l-effikaċja sħiħa, jew il-parti l-kbira minnha, jew minħabba n-nuqqas tal-Microsoft li tipprovdi dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkopora l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà inkella billi l-Microsoft titlob remunerazzjoni li ma tkunx raġjonevoli, dan l-ammont għandu japplika għaż-żewġ aspetti tan-nuqqas ta' konformità tal-Micrsoft, li ġew identifikati b'mod preliminari fl-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni. Konsegwentement, jekk il-Microsoft ma tissodisfax l-obbligi tagħha sal-31 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tistabbilixxi l-ammont sħiħ ta' dan il-ħlas perjodiku ta' penali miżjud għal kwalunkwe perjodu rilevanti sussegwenti fir-rigward taż-żewġ aspetti tan-nuqqas ta' konformità tal-Microsoft meħuda b'mod individwali, jew għat-tnejn li huma f'salt.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 4119/2006 (ĠU L 269, 28.9.2006, p. 1).

(2)  It-terminu “informazzjoni ta' interoperabbiltà” huwa mfisser fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni. Ifisser “l-ispeċifikazzjonijiet sħaħ u preċiżi għall-Protokolli kollha implimentati fil-Windows Work Group Server Operating Systems u li jintużaw mill-Windows Work Group Servers għall-għoti ta' fajls u servizzi ta' stampar u servizzi ta' amministrazzjoni ta' grupp u ta' utent, inklużi s-servizzi ta' Windows Domain Controller, is-servizzi ta' Active Directory u s-servizzi ta' Group Policy, għal Windows Work Group Networks”. L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni jfisser “Protokoll” bħala “sett ta' regoli ta' interkonnessjoni u interazzjoni bejn diversi eżempji ta' Windows Work Group Server Operating Systems u Windows Client PC Operating Systems li jiffunzjonaw fuq kompjuters differenti f'Windows Work Group Network

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2005 rigward proċedura taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (Każ COMP/37.792 Microsoft), C(2005) 2988 finali.

(4)  Ara l-premessi 1068-1074 tad-Deċiżjoni.

(5)  F'dan ir-rigward ara s-Sentenza tal-Każi Konġunti 46/87 u 227/88, Hoechst [1989] ECR 2859, fil-paragrafu 64, fejn il-Qorti tirreferi għall-“obbligu impost fuq il-persuni kollha soġġetti għal-liġi Komunitarja sabiex jirrikonoxxu li l-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet ikunu effettivi bis-sħiħ sakemm ma jkunux ġew iddikjarati invalidi mill-Qorti u li jirrikonoxxu l-infurzar tagħhom sakemm il-Qorti ma tiddeċidix li tissospendi l-operazzjoni tal-miżuri msemmija (…).”

(6)  Ara l-premessi 590 sa 692 tad-Deċiżjoni.


Top