Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0838

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinovabbli fid-djar

/* KUMM/2008/0838 finali - COD 2008/0245 */

52008PC0838




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 3.12.2008

KUMM(2008) 838 finali

2008/0245 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinovabbli fid-djar

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta |

110 | Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Fit-trattament tal-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li tipproponi lill-Istati Membri qafas immirat biex jistimula l-ekonomija reali[1] Din l-inizjattiva approvata mill-Istati Membri kienet sussegwentement issostanzjata mill-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku[2] li, fost affarijiet oħrajn, jissuġġerixxi l-adozzjoni ta’ azzjonijiet fl-oqsma ta’ prijorità tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Fir-rigward tal-enerġija, għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jipprogrammaw mill-ġdid il-Programmi Operattivi tal-Fondi Strutturali tagħhom sabiex jiddedikaw sehem akbar lill-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija, inkluż meta jiffinanzjaw id-djar. Biex dan iseħħ, teħtieġ li ssir emenda mal-qafas regolatorju kurrenti. |

120 | Kuntest ġenerali It-tħaffif tal-investiment fl-enerġija fil-bini jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-potenzjal Ewropew għat-tkabbir sostenibbli, għall-promozzjoni tal-kompetittività tal-UE, għat-titjib fl-għarfien fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u enerġija rinovabbli u għall-promozzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropeja dwar l-Enerġija. Barra minn hekk, l-investiment pubbliku favur il-familji bi dħul baxx jikkonferma s-solidarjetà u jiżgura koeżjoni soċjali f’dan il-perjodu. Għalkemm mhijiex f’ambitu ta’ kompetenza tal-UE, il-politiki differenti tal-UE għandhom impatt fuq id-djar. Id-deċiżjoni għall-appoġġ tal-investiment fl-enerġija fil-bini, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali, għandha tittieħed fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri. Dan l-aħħar, il-Ministri għad-Djar fil-laqgħa informali tagħhom li saret f’Marsilja fl-24 ta’ Novembru 2008 saħqu dwar l-importanza u l-ħtieġa għal appoġġ bħal dan. Fis-sitwazzjoni kurrenti, fl-ewwel stadju, hu importanti li jsir użu possibbli tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għal dan it-tip ta’ investiment billi l-Istati Membri jiġu pprovduti bl-istrument legali xierqa u, sussegwentement, biex ikun assigurat l-użu xieraq ta’ din il-faċilità mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-appoġġ pubbliku kofinanzjat mill-UE għandu jkun limitat biss għal dawk il-familji li huma l-aktar fil-bżonn. Il-proposta prevista tippromwovi investiment fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinovabbli li tikkostitwixxi wieħed mill-elementi ewlenin tal-Enerġija tal-UE u l-Istrateġija tal-Bidla fil-Klima u t-tnejn li huma jikkostitwixxu interventi ta’ prijorità skont il-FEŻR. |

130 | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Skont il-qafas regolatorju kurrenti, interventi ta’ appoġġ tal-FEŻR fis-settur tad-djar, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, huma riżervati biss għall-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006. |

140 | Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni Il-proposta hi konsistenti b’mod sħiħ mal-għanijiet tal-politika tal-UE fl-oqsma tal-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u enerġija rinovabbli u tippromwovi l-għanijiet tad-Direttiva 2002/91/KE dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini[3], tad-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali ta'l-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE[4] u ta’ proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli[5]. |

2. Il-Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt |

Konsultazzjoni ma' partijiet interessati |

211 | Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira, u l-profil ġenerali tal-parteċipanti Żewġ laqgħat tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Fondi fl-24 ta' Settembru 2008 u fit-21 ta' Ottubru 2008 pprovdew opportunitajiet biex jiġi eżaminat il-limitu ta' flessibbiltà permessa skont it-test tar-Regolament permezz ta’ nota ta’ gwida dwar l-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinovabbli fil-bini (Nota COCOF Nru 08/0034/02). |

212 | Taqsira tat-tweġibiet u kif tqiesu Ir-riżultat ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kollha kien li l-Istati Membri ħassew li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1080/2006 ma kinux adegwati. |

Ġbir u użu tal-għarfien espert |

229 | Ma kienx hemm ħtieġa ta’ kompetenza esterna. |

230 | Valutazzjoni tal-impatt Il-proposta preżenti ttemm serje ta’ aġġustamenti mhux regolatorji li fittxu li jiżguraw li l-Istati Membri kollha jistgħu jisfruttaw b’mod sħiħ il-possibbiltajiet eżistenti ta’ kofinanzjament skont il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni (Nota COCOF Nru 08/0034/02). Din twessa’ l-ambitu ta’ eliġibbiltà ta’ infiq fuq id-djar, sabiex tippermetti u tiffaċilita investimenti ulterjuri li ma jistgħux ikunu possibbli mingħajr modifika tal-qafas regolatorju eżistenti. |

3. Elementi legali tal-proposta |

305 | Sommarju tal-azzjoni proposta Il-modifika proposta tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tfittex li tippermetti u tiffaċilita l-effiċjenza fl-enerġija u interventi fl-enerġija rinovabbli fis-settur tad-djar fl-Istati Membri kollha. Sabiex jinkisbu riżultati ekonomiċi sostanzjali, huwa importanti li dan it-tip ta’ investiment ma jitwettaqx b’mod frammentarju u iżolat iżda fil-qafas ta’ skema imwaqqfa mill-awtoritajiet nazzjonali pubbliċi fil-livell xieraq. Din l-iskema tista’ tkun bħal Skema ta’ Għajnuna mill-Istat jew programm ta’ xogħolijiet pubbliċi fi skala kbira. Huwa wkoll essenzjali fil-qafas ta’ interventi skont il-politika ta’ koeżjoni, biex l-isforzi jkunu kkonċentrati fuq fejn ikun meħtieġ l-intervent pubbliku, fil-każ li qed jissemma għall-benefiċċju tal-familji bi dħul baxx. Minħabba li m’hemmx definizzjoni tal-UE f’dan tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom japplikaw definizzjoni nazzjonali bbażata fuq dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ. |

310 | Bażi legali Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 fl-Artikolu 7 tiegħu jiddefinixxi r-regoli ta’ eliġibbiltà applikabbli għas-settur tad-djar. |

329 | Prinċipju ta' sussidjarjetà Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà sal-punt li hi tfittex li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri permezz ta’ bidliet li jsaħħu r-rwol tagħhom fil-qafas ta’ ġestjoni konġunta tal-Fondi. Barra minn dan, il-proposta prevista tippermetti lill-Istati Membri biex jikkonstitwixxu l-appoġġ pubbliku bil-mod li huma jqisu li hu l-aktar xieraq u, għad-definizzjoni tal-familji bi dħul baxx, biex jużaw definizzjonijiet nazzjonali. |

Il-prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin. |

331 | Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li hi limitata biex tipprovdi għall-eliġibbiltà fl-Istati Membri kollha skont l-FEŻR tal-investimenti fl-enerġija fis-settur tad-djar għall-familji bi dħul baxx mingħajr iffissar ta’ kondizzjonijiet addizzjonali. |

332 | Il-proposta toffri possibbiltà addizzjonali għal attività ta’ investiment fl-Istati Membri għall-benefiċċju ta’ dawk biss li jeħtieġu l-appoġġ pubbliku. |

L-għażla tal-istrumenti |

341 | L-istrumenti proposti: ir-regolament. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Il-Kummissjoni diġà esplorat il-limiti offruti mil-leġiżlazzjoni kurrenti. Anki bl-aktar interpretazzjoni flessibbli, ir-regoli kurrenti li jistipulaw eliġibbiltà limitata ma jippermettux investimenti importanti fis-settur tad-djar fl-Istati Membri kollha. |

4. Implikazzjoni baġitarja |

409 | Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

2008/0245 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinovabbli fid-djar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 162 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni[6],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[8],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-trattat,

Billi:

(1) Bil-għan li ssaħħaħ il-potenzjal Ewropew għat-tkabbir sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku[9] li jqis l-importanza li jsiru l-investimenti biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, inkluż is-settur tad-djar.

(2) Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jappoġġja interventi fis-settur tad-djar, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, favur biss tal-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999[10] huma ssodisfati. Appoġġ bħal dan għall-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tad-djar għandu jkun disponibbli għall-Istati Membri kollha.

(3) L-appoġġ għandu jingħata lil dawk l-investimenti li jsiru fil-qafas ta’ skemi pubbliċi b’konformità mal-għanijiet tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu finali tal-enerġija u s-servizzi tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE[11].

(4) Sabiex ikun żgur li l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika u soċjali kif stipulati fl-Artikolu 158 tat-Trattat tal-KE huma ssodisfati, l-interventi għandhom jimmiraw lejn familji bi dħul baxx, kif definit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

(5) Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa emendat kif ġej:

1. Il-paragrafu 1a. li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 1:

"1.a. L-infiq fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-użu ta’ enerġija rinovabbli fi djar eżistenti favur familji bi dħul baxx għandu jkun eliġibbli għall-Istati Membri kollha."

2. Il-frażi tal-bidu tal-paragrafu 2 għandha tinbidel b'dan li ġej:

"L-infiq fuq id-djar, minbarra dak tal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinovabbli kif stipulat fil-paragrafu 1a, għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn il-kondizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] KUMM(2008) 706.

[2] KUMM(2008) 800.

[3] ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65.

[4] ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

[5] KUMM(2008) 19, 23.1.2008.

[6] ĠU C […], […], p. […]..

[7] ĠU C […], […], p. […]..

[8] ĠU C […], […], p. […]..

[9] KUMM(2008) 800, 26.11.2008.

[10] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

[11] ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

Top