EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0822

Proposta għal regolament tal-Kunsill (KE) Nru …/.. li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

/* KUMM/2008/0822 finali */

52008PC0822

Proposta għal regolament tal-Kunsill (KE) Nru …/.. li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina /* KUMM/2008/0822 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.12.2008

KUMM(2008)822 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru …/..

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (“ir-Regolament bażiku”). |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta hi magħmula fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Miżuri proviżorji ġew imposti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008[1]. |

Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TAL-IMPATT |

Il-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati |

Il-partijiet interessati milquta mill-proċedura diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert |

Ma kien hemm ebda ħtieġa għal għarfien espert estern. |

L-istima tal-impatt Din il-proposta hi r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrita ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Is-sommarju tal-azzjoni proposta Fl-20 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bdiet proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. L-investigazzjoni sabet li l-prodott ikkonċernat kien qed jiġi ddampjat, bi ħsara għall-industrija Komunitarja. L-investigazzjoni sabet ukoll li ma kien hemm ebda interess Komunitarju konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping. Fuq din il-bażi, ġew imposti miżuri proviżorji permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008. It-tkomplija tal-investigazzjoni kkonfermat is-sejbiet proviżorji essenzjali. Għalhekk, hu ssuġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament biex jimponi miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |

Il-bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

Il-forma ta’ azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma jibqa’ ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini hu minimizzat u proporzjonali għall-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

L-għażla ta’ strumenti |

L-istrument propost: Regolament. |

Mezzi oħrajn mhumiex adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet oħrajn. |

IMPLIKAZZJONI FUQ IL-BAĠIT |

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

1. Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru …/..

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[2] (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. MIŻURI PROVIŻORJI

2. Fl-20 ta’ Ottubru 2007 il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-bidu ta’ proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjoni fil-Komunità ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat u ppriżervat (principalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”)[3]. Fl-4 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 642/2008[4] (“ir-Regolament proviżorju”) imponiet dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat li joriġina mir-RPĊ.

3. Il-proċedura nbdiet b’riżultat ta’ lment imressaq fis-6 ta’ Settembru 2007 mill-Federazzjoni Nazzjonali Spanjola tal-Assoċjazzjonijiet tal-Frott u l-Ħaxix Ipproċessat (FNACV) (“l-entità li għamlet l-ilment”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw 100 % tat-total tal-produzzjoni tal-Komunità ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin eċċ.). L-ilment kien fih evidenza ta’ ddampjar tal-prodott ikkonċernat u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, u li tqieset biżżejjed biex tkun iġġustifikata l-bidu ta’ proċedura.

4. Kif ġie stabbilit fil-premessa 12 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (“PI”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ћsara kopriet il-perjodu mill-1 ta Ottubru 2002 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”).

5. Fid-9 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjoni tal-istess prodott li joriġina fir-RPĊ suġġetta għal reġistrazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 1295/2007 tal-5 ta’ Novembru 2007[5].

6. Qed jiġi mfakkar li miżuri ta’ salvagwardja kienu fis-seħħ kontra l-istess prodott sat-8 ta’ Novembru 2007. Il-Kummissjoni imponiet miżuri proviżorji ta’ salvagwardja kontra importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) bir-Regolament (KE) Nru 1964/2003 tas-7 ta’ Novembru 2003.[6] Il-miżuri definittivi ta’ salvagwardja ġew segwiti bir-Regolament (KE) Nru 658/2004 tas-7 ta’ April 2004 (ir-“Regolament tas-Salvagwardji”).[7] Kemm il-miżuri proviżorji kif ukoll definittivi ta’ salvagwardja kienu jikkonsistu minn kwota ta’ rata ta’ tariffa jiġifieri dazju kien dovut meta l-volum tal-importazzjonijiet mingħajr dazju jkun ġie eżawrit.

B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI

7. Wara l-impożizzjonijiet ta’ dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ; diversi partijiet interessati ressqu kummenti bil-miktub. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

8. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni spiċċat l-investigazzjoni fejn qieset l-aspetti ta’ interess Komunitarju. F’dan ir-rigward, saru spezzjonijiet ta’ verifika fil-bini tal-importaturi indipendenti fil-Komunità li ġejjin:

9. Wünsche Handelsgesellschaft International (GmbH & Co KG), Hamburg, il-Ġermanja – ,

10. Hüpeden & Co (GmbH & Co.), Hamburg, il-Ġermanja – ,

11. I. Schroeder KG. (GmbH & Co.), Hamburg, il-Ġermanja – ,

12. Zumdieck GmbH, Paderborn, il-Ġermanja –

13. Gaston spol. s r.o., Zlin, ir-Repubblika Ċeka –

14. Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-PRĊ u l-ġbir definittiv ta’ ammonti miġbura bħala dazju proviżorju. Ingħataw wkoll perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

15. Ċerti importaturi pproponew laqgħa flimkien mal-partijiet interessati, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Bażiku; madankollu t-talba ma ġietx aċċettata minn wieħed minnhom.

16. Il-kummenti verbali u bil-miktub imressqa mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, ittieħed rendikont tagħhom.

C. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

17. Żewġ importaturi indipendenti tal-KE qalu li ċerti tipi ta’ mandolin għandhom jiġu eżentati mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kemm minħabba l-livell tal-ħlewwa tagħhom jew minħabba l-ippakkjar tagħhom meta esportati. F’dan ir-rigward, hu nnotat li dawn it-talbiet ma kellhomx magħhom xi tip ta’ informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata u dejta li tipprova li dawn it-tipi għandhom karatteristiċi li jagħmluhom differenti mill-prodott ikkonċernat. Hu nnotat ukoll li d-differenzi fl-ippakkjar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala element kritiku meta jiġi ddefinit il-prodott ikkonċernat, speċjalment meta l-formati tal-ippakkjar kienu diġà kkunsidrati meta ġie ddefinit il-prodott ikkonċernat kif stiplulat fil-premessa (16) tar-Regolament proviżorju. Dawn l-argumenti huma għalhekk rrifjutati.

D. TEĦID TA’ KAMPJUNI

18. Teħid ta’ kampjuni għal produtturi li jesportaw fir-RPĊ

19. Żewġ importaturi indipendenti tal-KE argumentaw li l-produtturi esportaturi Ċiniżi magħżula għall-kampjun rrappreżentaw 60 % tal-esportazzjonijiet totali lejn il-Komunità. Madankollu, ma kinux kapaċi jipprovdu informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata li setgħet timmina l-preċiżjoni tal-informazzjoni tat-teħid tal-kampjuni ppreżentata mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw u b’mod wiesa’ kkonfermata matul aktar investigazzjoni. Dan l-argument hu għalhekk miċħud.

20. Tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw li ppreżentaw rappreżentazzjonijiet qalu li l-kumpaniji relatati tagħhom kienu produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat u għalhekk kellhom jiġu inklużi fl-Anness tal-produtturi esportaturi li qed jikkooperaw. Dawn it-talbiet kienu kkunsidrati ġġustifikati u kien deċiż li jiġi rivedut l-Anness rilevanti skont dan. Importatur indipendenti tal-KE argumenta li l-esportazzjonijiet lejn il-KE permezz ta’ negozjanti kellhom awtomatikament jitħallew jibbenefikaw mill-miżuri applikabbli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. F’dan ir-rigward, hu nnotat li l-miżuri anti-dumping huma imposti fuq prodotti mmanifatturati minn produtturi esportaturi fil-pajjiż li qed ikun investigat li qed jesportaw lejn il-KE (irrispettivament mil-liema kumpanija tikkommerċjalizzahom) u mhux fuq entitajiet kummerċjali involuti biss f’attivitajiet kummerċjali. Il-pretensjoni kienet għalhekk miċħuda.

E. DUMPING

21. It-trattament ta’ ekonomija tas-suq (MET)

22. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, ebda kumment ma kien ippreżentat mill-produttur esportatur Ċiniż li kkoopera fir-rigward tas-sejbiet tal-MET. Fin-nuqqas ta’ kummenti rilevanti, il-premessi (29) sa (33) tar-Regolament proviżorju huma hawn hekk ikkonfermati.

23. It-trattament individwali

24. Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti rilevanti, il-premessi (34) sa (37) tar-Regolament proviżorju li jirrigwardaw it-trattament individwali huma b’dan ikkonfermati.

25. Il-valur normali

26. Qed jiġi mfakkar li d-determinazzjoni tal-valur normali kienet ibbażata fuq dejta pprovduta mill-Industrija Komunitarja. Din id-dejta ġiet ivverifikata fil-bini tal-kumpaniji tal-produtturi Komunitarji li kkooperaw.

27. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi kollha li kkooperaw u ż-żewġ importaturi indipendenti tal-KE kellhom dubju dwar l-użu ta’ prezzijiet tal-Industrija Komunitarja għall-kalkolu tal-valur normali. Kien ippreżentat li l-valur normali missu ġie kkalkulat abbażi tar-rendikont tal-ispejjes tal-produzzjoni tar-RPĊ meħud għal kull aġġustament xieraq relatat mad-differenzi bejn is-swieq tal-KE u tar-RPĊ. F’dan ir-rigward hu nnotat li l-użu ta’ informazzjoni minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u b’mod partikolari minn kumpaniji li ma ngħatawx il-MET imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Intqal ukoll li d-dejta dwar il-prezzijiet mill-pajjiżi importaturi l-oħra kollha jew l-informazzjoni rilevanti ppubblikata setgħet intużat bħala rendikont raġonevoli tas-soluzzjoni meħud min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ pajjiż analogu. Madankollu, informazzjoni ġenerali ta’ din ix-xorta, meta mqabbla mad-dejta użata mill-Kummissjoni ma setgħetx tiġi vverifikata u ċċekkjata b’mod inkroċċjat fir-rigward tal-eżattezza skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Ebda argument ieħor ma kien ippreżentat li seta’ tefa’ dubju fuq il-fatt li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u, b’mod partikolari, il-fatt li din tikkostitwixxi f’dan il-każ partikolari l-unika bażi raġjonevoli li baqa’ biex jiġi kkalkulat il-valur nominali.

28. Minħabba li m’hemm ebda kummenti oħra, il-premessi (38) sa (45) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

29. Il-prezz tal-esportazzjoni

30. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoopera li ntuża fil-kampjun issottometta li l-prezz tiegħu għall-esportazzjoni kellu jiġi aġġustat biex jiġu kkunsidrati ċerti elementi ta’ spejjeż (b’mod partikolari it-trasport oċean tal-merkanzija). F’dan ir-rigward hu nnotat li din il-kwistjoni ġiet ittrattata matul il-verifika fuq il-post kemm fir-rigward ta’ din il-kumpanija kif ukoll fir-rigward tal-kumpaniji l-oħra f’dan il-kampjun. F’din l-okkażjoni, kull kumpanija ppreżentat informazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż inkwistjoni. L-ammont li attwalment qed jintalab mill-kumpanija hu konsiderevolment ogħla mill-ammont oriġinarjament irrapportat. Hu nnotat li din it-talba l-ġdida hi bbażata sempliċiment fuq dikjarazzjoni minn wieħed li jgħaddi t-trasport tal-merkanzija u ma tirriflettix id-dejta relatata ma’ tranżazzjoni vera. Ebda wieħed mill-produtturi esportaturi l-oħra li ntużaw fil-kampjun ma ddubita ċ-ċifri użati fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija fl-oċean. Madankollu, minħabba li l-preżentazzjoni ngħatat tard, din it-talba ma’ tista’ tiġi vverifikata. B’mod partikolari, l-aġġustament mitlub ma għandux x’jaqsam ma’ dejta li diġà tinsab fil-fajl. Wara din it-talba l-Kummissjoni madankollu analizzat mill-ġdid l-ammont tal-ispiża inkwistjoni tar-rendikont meħud tal-importanza ta’ din l-ispiża partikolari għat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-KE irrapportati mill-kumpanija. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kien aktar xieraq li tintuża l-ispiża medja tat-trasport oċean tal-merkanżija vverifikat fil-post għall-kumpaniji kollha Ċiniżi li ntużaw fil-kampjun. Konsegwentement, il-prezz ta’ esportazzjoni tal-kumpanija kien aġġustat skont dan.

31. Produttur esportatur Ċiniż ieħor li kkoopera li ntuża fil-kampjun enfasizza żewġ żbalji ta’ komputazzjoni dwar il-kalkolu tal-prezz tiegħu ta’ esportazzjoni relatat mal-listi ppreżentati ta’ esportazzjoni. It-talba tqieset li kienet iġġustifikata u l-prezz rilevanti ta’ esportazzjoni tal-produttur ġie rrivedut skont dan.

32. Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-premessa (46) tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata.

33. Il-paragun

34. Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (47) u (48) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

35. Il-marġni tal-iddampjar

36. Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-marġini tad-dumping definittivi riveduti, espressi bħala perċentwali tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:

- Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang 139,4 %

- Huangyan No.1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang, 86,5 %

- Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat magħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province 136,3 %

- Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun 131 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 139,4 %.

F. ĦSARA

37. Il-produzzjoni Komunitarja u l-industrija Komunitarja

38. Fin-nuqqas ta’ kummenti ssostanzjati, is-sejbiet previsti fil-premessi (52) sa (54) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

39. Il-konsum Komunitarju

40. Waħda mill-partijiet esportaturi qalet li kien hemm diskrepanza bejn il-livell tal-konsum stabbilit fir-Regolament ta’ salvagwardja Nru 658/2004 u l-livell stabbilit fir-Regolament proviżorju. Qed jiġi enfasizzat li d-differenza fil-livell tal-konsum seħħet bażikament minħabba l-iskop differenti tal-prodott fl-investigazzjoni korrenti u minħabba l-għadd differenti ta’ Stati Membri f’dawn iż-żewġ investigazzjonijiet. Ebda informazzjoni ssostanzjata ġdida ma waslet f’dan ir-rigward. Is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (55) u (57) tar-Regolament proviżorju hu għaldaqstant konfermat. B’mod korollarju, il-partijiet sussegwenti tal-analiżi li straħet fuq il-konsum huma wkoll ikkonfermati f’dan ir-rigward.

41. L-Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(a) Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

42. Fir-rigward tas-sehem mis-suq ċerti partijiet interessati opponew l-istqarrija tal-Kummissjoni stabbilita fil-premessa (58) li indikat żieda tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet iddampjati. Huma qalu li għall-kuntrarju tas-sejbiet tal-Kummissjoni s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu. Il-valutazzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ bħala volum u bħala sehem mis-suq kienet ivverifikata. Kif iddefinit fil-premessa (58) tar-Regolament proviżorju kien hemm sena waħda biss fejn is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu. Għall-bqija tal-perjodu eżaminat is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina baqa’ konsistentament għoli. Għalhekk is-sejbiet ippreżentati fl-istadju proviżorju huma kkonfermati.

43. Xi partijiet qalu li l-volumi li saru wara l-PI għandhom jiġu wkoll eżaminati biex jiġi vvalutat jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi humiex qed jiżdiedu. Għandu jiġi nnotat li kienu vvalutati t-tendenzi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina għall-perjodu 2002/2003 sa 2006/2007 u kienet osservata żieda ċara. Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, il-fatti ta’ wara l-PI ma jitqisux, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Fi kwalunkwe każ, kif iddikjarat hawn taħt fil-premessa (48) kien eżaminat il-livell tal-importazzjonijiet ta’ wara l-PI u nsab li kien sinifikanti.

(b) Traħħis fil-prezz

44. Tliet produtturi esportaturi li kkooperaw ikkontestaw is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar it-traħħis. Wieħed minnhom ikkontesta l-metodoloġija użata għall-kalkolu tat-traħħis u talab aġġustament biex jiġu riflessi l-ispejjeż li saru min-negozjanti għall-bejgħ indirett tagħhom. Fejn iġġustifikat, il-kalkolu kienu adattati. It-tqabbil irrivedut wera li, waqt il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat inbiegħu fil-Komunità bi prezzijiet li jraħħsu l-prezzijiet tal-industrija tal-Komunità, f’firxa ta’ 18,4 % sa 35,2 % ibbażata fuq id-dejta li ġiet sottomessa mill-produtturi esportaturi fil-kampjun li kkooperaw.

45. Il-qagħda tal-industrija Komunitarja

46. Żewġ importaturi u l-assoċjazzjoni tal-importaturi kkontestaw id-dewmien tal-istaġun tal-ippakkjar indikat fil-premessa (79) tar-Regolament proviżorju. Huma qalu li l-istaġun tal-ippakkjar fi Spanja jdum biss tliet xhur minflok erba’ sa ħames xhur kif indikat fir-Regolament proviżorju. Madankollu din l-allegazzjoni hi marbuta mal-prodott (varjabbli min-natura) u mal-kwantità prodotta u fi kwalunkwe każ ma għandhiex impatt fuq il-fatturi ta’ ħsara kif analizzati mis-servizzi tal-Kummissjoni.

47. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument ssostanzjat ieħor rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità, il-premessi (63) sa (86) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

48. Il-konklużjoni dwar il-ħsara

49. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, ċerti importaturi u ċerti produtturi esportaturi qalu, b’referenza għall-premessi (83) sa (86) tar-Regolament proviżorju, li d-dejta użata mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit il-livell tal-ħsara ma kinitx la korretta u lanqas ivvalutata b’mod oġġettiv. Huma qalu li kważi l-indikaturi kollha relatati mal-ħsara wrew tendenzi pożittivi u li għalhekk ma tista’ tinstab ebda evidenza ta’ ħsara.

50. F’dan ir-rigward, hu nnotat li anke jekk ċerti indikaturi juru xi titjib żgħir, is-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja kellha tkun ivvalutata b’mod sħiħ u billi jitqies il-fatt li l-miżuri ta’ salvagwardja kienu fis-seħħ sal-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni. Din il-kwistjoni kienet studjata fit-tul fil-premessi (51) sa (86) tar-regolament proviżorju. Il-proċess profond ta’ ristrutturazzjoni li ppermettew dawn il-miżuri, li rriżulta fi tnaqqis kbir fil-produzzjoni u l-kapaċità, f’ċirkostanzi normali kien iwassal għal titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ġenerali tal-produtturi Komunitarji, inklużi l-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ, id-divrenzjalitajiet bejn il-prezz u l-ispiża. Minflok, l-indikaturi tal-volum baqgħu dgħajfa, l-ħażniet żdiedu b’mod sostanzjali u l-indikaturi finanzjarji komplew li juru kellhom jagħtu aktar milli jieħdu - b’xi wħud anki jiħżienu.

51. Abbażi ta’ dan, il-konklużjonijiet rigward il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja kif stabbilit fir-Regolament proviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argumenti oħra ssostanzjati, dawn hu għalhekk definitivvament ikkonfermati.

G. KAWŻALITÀ

52. L-effett tal-importazzjonijiet iddampjati

53. Ċerti partijiet qalu li l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien stabbli mill-1982 u li għalhekk dawn ma setgħux ikkawżaw ħsara kif spjegat fir-Regolament proviżorju (ara premessa 58). Fil-fatt, kif spjegat hawn fuq fil-premessa (26), l-importazzjonijiet miċ-Ċina matul il-perjodu eżaminat żdiedu b’mod sinifikanti għad-detriment tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-UE. Barra minn hekk, l-argument jirreferi għat-tendenza fl-importazzjonijiet li jaqbżu ferm aktar mill-perjodu inkwistjoni għalhekk l-argument qed jiġi miċħud.

54. Kif issemma fil-premessa (28) hawn fuq, hu definittivament konkluż li matul il-PI, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun li kkooperaw raħħsu l-prezzijiet Komunitarji medji b’perċentwali b’firxa bejn 18,4 % sa 35,2 %. Ir-reviżjoni tal-marġni tat-traħħis ma taffettwax il-konklużjonijiet tal-effett tal-importazzjonijiet iddampjati stipulati fil-premessi (100) u (101) tar-Regolament proviżorju.

55. Iċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju

56. Wara l-impożizzjoni tad-dazji proviżjorji ċerti importaturi komplew jisħqu dwar l-influwenza negattiva tar-rata tal-kambju fuq il-livell tal-prezzijiet. Huma qalu li l-livell tar-rata tal-kambju hu l-fattur prinċipali li kkawża l-ħsara. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi biss għal differenza bejn il-livelli tal-prezzijiet bla ebda ħtieġa li jiġu analizzati l-fatturi li jaffettwaw il-livell ta’ dawn il-prezzijiet. Konsegwentement instabet konnessjoni ċara ta’ kkawżar bejn il-livell għoli ta’ ddampjar u l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja u għalhekk jista’ jkunu kkonfermati l-premessi (95) tar-Regolament proviżorju.

57. Il-provvista u l-prezz tal-materja prima

58. Ċerti partijiet interessati qalu li l-ħsara mhix ikkawżata mill-importazzjonijiet iddampjati iżda pjuttost bil-provvista skarsa ta’ frott frisk jiġifieri l-materja prima għall-mandolin tal-bott.

59. Madankollu, id-dejta uffiċjali mill-Ministeru tal-Agrikultura Spanjol tikkonferma li l-kwantità disponibbli għall-industrija tat-tqegħid fil-bottijiet hi aktar mill-suffiċjenti biex tiġi koperta l-kapaċità kollha tal-produzzjoni tal-produtturi Spanjoli.

60. Il-produtturi jikkompetu sa ċertu punt għal frott frisk mas-suq dirett ta’ prodott frisk għall-konsumaturi. Madankollu, din il-kompetizzjoni ma tiksirx din il-konnessjoni ta’ kkawżar. Raġuni ċara, sinifikanti għall-produzzjoni, il-bejgħ u s-sehem mis-suq relattivament baxxa tal-industrija Komunitarja pjuttost hi l-pressjoni ta’ importazzjonijiet massivi miċ-Ċina bi prezzijiet ferm baxxi. F’din is-sitwazzjoni, u meta jitqies li l-prezz tas-suq hu ddettat mill-importazzjonijet li jkopru aktar minn 70 % tas-suq, li jipparteċipaw fit-traħħis tal-prezzijiet, soppressjoni u depressjoni, ma jkunx ekonomiku li jkun ipproduċut aktar mingħajr aspettattivi raġonevoli għal bejgħ tal-prodott bi prezzijiet li jippermettu profitt normali. Għalhekk l-industrija Spanjola tista’ raġonevolament tipprovdi kwantitajiet b’mod sinifikanti ogħla bil-kundizzjoni li l-prezz tas-suq ma jippenalizzax ir-riżultati ekonomiċi tagħhom.

61. Fatt ieħor li jikkonferma din l-analiżi hu l-eżistenza konsistenti ta’ ammont sinifikanti ta’ ħażniet mill-produtturi tal-Komunità, li jenfasizzaw li s-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja seħħet mhux biss minħabba produzzjoni insuffiċjenti, iżda minħabba produzzjoni li ma tistax tinbiegħ minħabba l-pressjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi.

62. Bħala prodott agrikolu, il-prezz tal-materja prima hu soġġett għal varjazzjonijiet staġunali minħabba n-natura agrikola tiegħu. Madankollu, fil-perjodu ta’ ħames snin analizzati, li inkludew ħsad bi prezzijiet aktar baxxi u ogħla, il-Kummissjoni tosserva li l-ħsara (jiġifieri b’forma ta’ telf finanzjarju) isseħħ irrispettivament minn dawn il-varjazzjonijiet u għalhekk ir-riżultati ekonomiċi tal-industrija Komunitarja mhumiex direttament korrelatati ma’ varjazzjonijiet staġjonali ta’ din ix-xorta.

63. Id-differenzi fil-kwalità

64. Ċerti partijiet qalu li l-prodott Ċiniż kien ta’ kwalità ogħla mill-produzzjoni Komunitarja. Madankollu, kull differenza fil-prezz li tirriżulta minn dan ma kinitx issostanzjata b’mod suffiċjenti, u ma kienx hemm evidenza li l-preferenza allegata tal-konsumatur għal prodotti Ċiniżi kellha tkun tant intensiva li tkun il-kawża tas-sitwazzjoni ddeterjorata tal-industrija Komunitarja. Fi kwalunkwe każ differenzi allegati ta’ prezzijiet bħal dawn kellhom jiffavorixxu lill-prodott Ċiniż, iżidu l-livell tat-traħħis/bejgħ baxx. Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument ssostanzjat ġdid, il-premessa (99) tar-Regolament proviżorju hi hawnhekk ikkonfermata.

65. Iż-żidiet tal-ispejjeż

66. Ċerti partijiet qalu li ż-żidiet tal-ispejjeż ta’ ċerti produtturi kienu l-kawża tal-ħsara. Dawn l-allegazzjonijiet ma kinux issostanzjati b’mod suffiċjenti. L-analiżi tal-Kummissjoni ma sabitx fatti bħal dawn li setgħu jibdlu l-valutazzjoni tal-kawżalità jew jaffettwaw il-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara.

67. Ċerti partijiet ippreżentaw kummenti dwar l-ispejjeż miżjuda tal-produzzjoni u l-inabbiltà tal-industrija Komunitarja li tnaqqashom. Ċerti punti ta’ spejjeż (bħalma hi l-enerġija) żdiedu, iżda l-impatt tagħhom mhux tant li jkisser il-konnessjoni tal-ikkawżar f’kuntest fejn ammont tassew sinifikanti ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi ddampjati qed jitfa’ lura l-bejgħ u l-produzzjoni (biex b’hekk jikbru l-unitajiet tal-ispejjeż Komunitarji) u jissopprimaw u jiddeprimaw il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja.

68. L-iskemi ta’ għajnuna

69. Kien allegat li l-iskemi ta’ għajnuna tal-KE kkawżaw tkabbir artifiċjali ta’ pproċessar fl-KE u mbagħad inkoraġġixxew livelli mnaqqsa ta’ provvista ta’ materja prima għall-prodott ikkonċernat. Din l-allegazzjoni kienet ta’ natura ġenerali u ma kinitx issostanzjata b’mod suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, l-iskemi inkwistjoni kienu mmodifikati fl-1996 meta l-għajnuna ngħatat lill-bdiewa minflok lil dawk li jipproċessaw il-prodott ikkonċernat. L-analiżi tal-Kummissjoni ma sabitx effetti residwali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li setgħet tkisser il-konnessjoni tal-ikkawżar. Fir-rigward tal-provvista, qed issir referenza għal premessi (40) u (41) hawn fuq.

70. Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

71. Fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni jew argumenti ssostanzjati ġodda, il-premessi (87) sa (101) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

72. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejba proviżorja ta’ eżistenza ta’ konnessjoni kawżali bejn il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet Ċiniżi ddampjati hija kkonfermata.

H INTERESS KOMUNITARJU

73. L-iżviluppi wara l-perjodu ta’ investigazzjoni

74. Mid-9 ta’ Novembru 2007 l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu soġġetti għar-reġistrazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1295/2007 tal-5 ta’ Novembru 2007 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal reġistrazzjoni (“ir-Regolament tar-Reġistrazzjoni”).[8] Dan sar bl-għan ta’ impożizzjoni retroattiva possibbli ta’ dazji anti-dumping. Konsegwentement u eċċezzjonalment, l-iżviluppi wara l-PI ġew ukoll analizzati. Id-dejta tal-Eurostat tikkonferma li l-importazzjonijiet miċ-Ċina għandhom sinifikanti u din kienet ikkorroborata minn ċerti importaturi. Il-volum għall-aħħar 10 xhur wara l-PI laħaq livell ta’ 74 000 tunnellata fi prezzijiet baxxi stabbli.

75. L-abbiltà tal-produtturi Komunitarji biex jiġi fornut is-suq Komunitarju

76. Għadd ta’ partijiet ikkummentaw dwar il-livell baxx tal-produzzjoni Spanjola, li huma qalu mhix kapaċi li tforni b’mod sħiħ is-suq Komunitarju. Filwaqt li hu korrett li jiġi ddikjarat li fis-sitwazzjoni preżenti l-industrija Komunitarja ma tfornix is-suq ġenerali tal-UE, għandu jkun innotat li dan il-fatt hu konness mall-effett tal-importazzjonijiet ta’ ħsara, kif spjegat hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, l-effett maħsub tal-miżuri mhux li jingħalaq is-suq Komunitarju għall-importazzjonijiet Ċiniżi, iżda biex jitneħħew l-effetti ta’ ddampjar ta’ ħsar. Minħabba fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ żewġ sorsi biss ta’ provvista ta’ dawn il-prodotti, hu meqjus li f’każ li jiġu imposti miżuri definittivi, il-prodotti Ċiniżi se jkomplu jgawdu minn talba sinifikanti fil-Komunità.

77. L-interess tal-industrija u l-fornituri Komunitarji

78. Waħda mill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi allegat li miżuri anti-dumping mingħajr limitazzjonijiet ta’ kwantitajiet ma kinux se jgħinu biex tiġi protetta l-industrija Spanjola iżda kienu se joħolqu b’mod awtomatiku attivitajiet illegali ta’ kummerċ. Dan hu argument li jindika pjuttost il-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li jiżguraw monitoraġġ xieraq għall-inforzar tal-miżuri, pjuttost milli kontra l-benefiċċji li l-miżuri jista’ jkollhom għall-produtturi Komunitarji.

79. Importatur ieħor qal li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma kinitx se ttejjeb is-sitwazzjoni tal-produtturi Spanjoli, minħabba l-eżistenza ta’ ħażniet kbar akkumulati mill-importarturi fl-UE, li jistgħu jissodisfaw id-domanda tas-suq fil-futur ġejjieni. Id-daqs tal-ħażniet u tal-fenomenu tal-akkumulazzjoni tal-ħażniet kienu appoġġati minn importatur ieħor. Dawn il-kummenti jikkonfermaw l-analiżi tal-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju u fi bnadi oħra f’dan ir-Regolament. Madankollu, qed jitfakkar li l-miżuri maħsuba biex jipprovdu serħan minn iddampjar ta’ ħsara matul perjodu ta’ ħames snin – mhux waħda biss.

80. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument issostanzjat ġdid f’dan ir-rigward, il-konklużjoni meħuda fil-premessi (103) sa (106) u (115) tar-Regolament proviżorju dwar l-interess tal-industrija Komunitarja huma b’dan ikkonfermati.

81. L-interess ta’ importaturi/negozjanti indipendenti fil-Komunità

82. Importaturi li kkooperaw esprimew interess ġenerali fiż-żamma ta’ żewġ sorsi ta’ provvista tal-prodott ikkonċernat, prinċipalment Spanja u ċ-Ċina, biex tinżamm is-sigurtà tal-provvista bi prezzijiet kompetittivi.

83. Madankollu l-maġġoranza tal-importaturi, li kieku kellhom jiġu imposti miżuri definittivi, kienu jippreferu miżura li jkollha wkoll elementi kwantitattivi. Din mhix meqjusa adegwata, kif spjegat hawn taħt fil-premessa (68).

84. Id-dejta mill-importaturi fil-kampjun li kkooperaw kienet ivverifikata u kkonfermat li s-settur tal-mandolin tal-bottijiet jirrappreżenta anqas minn 6 % tal-fatturat totali u li dawn iwettqu, bħala medja, livell ta’ profittabilità li taqbeż l-10 % matul kemm il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu tal-2004-2008.

85. Dak li ntqal hawn fuq jenfasizza li, wara li jitqies kollox, l-impatt potenzjali tal-miżuri fuq l-importaturi/negozjanti ma kellux ikun disproporzjonat għall-effetti pożittivi li joriġinaw minnhom.

86. L-interess tal-utenti/il-bejjiegħa bl-imnut

87. Utent, li jirrappreżenta anqas minn 1 % tal-konsum, ippreżenta kummenti ġeneriċi dwar id-disponibilità mnaqqsa tal-mandolin fl-UE u dwar il-kwalità superjuri tal-prodott Ċiniż. Hu kien mistieden biex jikkoopera aktar billi jipprovdi dejta individwali iżda ma aċċettax u ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet tiegħu. Bejjiegħ bl-imnut ieħor, membru tal-assoċjazzjoni prinċipali tal-importaturi, oppona b’mod ġenerali żieda fil-prezz. Ebda preżentazzjoni oħra li tikkonċerna l-interess tal-utenti/bejjiegħ bl-imnut ma twasslet matul l-investigazzjoni. F’din is-sitwazzjoni u fin-nuqqas ta’ kummenti ssostanzjati minn utenti/bejjiegħa bl-imnut, il-konklużjonijiet meħuda fil-premessi (109) sa (112) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

88. L-interess tal-konsumaturi

89. Għall-kuntrarju ta’ dak li kien intqal minn wieħed mill-importaturi, tqies l-interess tal-konsumaturi f’dan l-istadju proviżorju. Is-sejbiet tal-Kummissjoni nġabru fil-qosor fil-premessi (113) u (114) tar-Regolament proviżorju. Partijiet oħra ssuġġerixxew li l-impatt fuq il-konsumaturi kellu jkun sinifikanti. Madankollu, ebda informazzjoni ma kienet ipprovduta u dan seta’ jitfa’ dubju fuq is-sejbiet fil-premessi msemmija hawn fuq. Anki jekk dazji kellhom iwasslu għal żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur, ebda parti ma ħaditha kontra l-fatt li dan il-prodott kien parti ferm żgħira tan-nefqa għall-ikel domestiku. Għalhekk fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kummenti mill-konsumaturi u ta’ aktar informazzjoni ġdida u ssostanzjata dawn il-premessi huma kkonfermati.

90. Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

91. L-analiżi addizzjonali ta’ hawn fuq dwar l-interess inkwistjoni ma bidlitx il-konklużjonijiet proviżorji f’dan ir-rigward. Id-dejta tal-importaturi fil-kampjun li kkooperaw kient ivverifikata u kkonfermat li s-settur tal-mandolin tal-bottijiet jirrappreżentalhom anqas minn 6 % tal-fatturat totali u li huma wettqu, b'termini medji riżultat komdu matul kemm il-perjodu ta’ investigazzjoni kif ukoll matul il-perjodu eżaminat tal-2004-2008, għalhekk l-impatt tal-miżuri fuq l-importaturi kien se jkun minimu. Kien ukoll aċċertat li l-impatt finanzjarju fuq il-konsumatur finali kellu jkun neġliġibbli, meta jitqies li jinxtraw kwantitajiet marġinali per capita fil-pajjiżi konsumaturi. Jitqies li l-konklużjonijiet rigward l-interess Komunitarju kif stabbilit fir-Regolament proviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, dawn il-konklużjonijiet iddefiniti fir-Regolament proviżorju huma għalhekk ikkonfermati b’mod definittiv.

I. MIŻURI DEFINITTIVI

92. Il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara

93. Importatur wieħed qal li l-marġni ta’ profitt fil-livell ta’ 6,8 % użat bħala referenza fl-istadju proviżorju kien ikkalkulat aktar milli kien. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-istess livell intuża u kien aċċettat għal miżuri ta’ salvagwardja bħala l-profitt attwali mwettaq mill-industrija Komunitarja fil-perjodu 1998/99 sa 2001/02. Dan jirreferi għall-profitti tal-produtturi Komunitarji f’sitwazzjoni normali ta’ kummerċ qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet li wasslu għall-ħsara fl-industrija. Għaldaqstant l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

94. Il-produtturi Komunitarji qalu li d-dazji proviżorji ma kkunsidrawx is-sitwazzjoni irregolari tas-suq tal-mandolin tal-bottijiet, fejn il-produzzjoni hi kkonċentrata f’pajjiż wieħed biss u l-parti l-kbira tal-bejgħ u tal-importazzjonijiet huma kkonċentrati f’pajjiż Ewropew ieħor. Minħabba dan intalab li l-kalkoli finali jikkunsidraw l-ispiża tat-trasport mill-pajjiż produttur lejn il-pajjiż konsumatur. Din it-talba kienet iġġustifikata u raġonevoli u kienu adattati kalkoli skont dan biex tiġi riflessa l-konċentrazzjoni tal-bejgħ fiż-żoni rilevanti tal-Komunità.

95. Parti waħda għamlet kummenti dwar it-traħħis u l-bejgħ bit-telf. Fejn kien raġonevoli saru aġġustamenti fi stadju definittiv.

96. Il-marġni li rriżultaw tal-ħsara, li qiesu, meta raġonevoli, it-talbiet mill-partijiet interessati, espressi bħala perċentwali tal-valur totali tal-KAT (kost, asssigurazzjoni, tagħbija) waqt l-importazzjoni ta’ kull esportatur Ċiniż fil-kampjun kienu anqas mill-marġni ddampjati misjuba, kif ġej:

97. Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang 100,1 %

98. Huangyan No. 1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang 48,4 %

99. Zhejiang Xinshiji Food Co., Ltd, u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshji Foods Co., Ltd., Sanmen 92,0 %

100. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun 90,6 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 100,1 %

101. Ir-retroattività

102. Kif speċifikat fil-premessa (4), fid-9 ta’ Novembru 2007 il-Kummissjoni ġiegħlet lill-importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat li joriġina mir-RPĊ ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni abbażi tat-talba tal-industrija Komunitarja. Din it-talba ġiet irtirata u għalhekk il-kwistjoni ma tkomplitx tiġi eżaminata.

103. Il-miżuri definittivi

104. Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa dwar l-iddampjar, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju, u b’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fil-livell tal-marġnijiet l-aktar baxxi ta’ ddampjar u ta’ ħsara misjuba, skont ir-regola tal-inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tkun stabbilita skont dan fil-livell tal-ħsara misjuba

105. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq u skont il- corrigendum ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali L 258[9] id-dazju definittiv għandu jammonta kif ġej:

106. Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang 531,2 EUR/tun

107. Huangyan No.1 Canned Food Factory Huangyan, Zhejiang, 361,4 EUR/tun

108. Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province 490,7 EUR/tun

109. Produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun 499,6 EUR/tun

Il-kumpaniji l-oħra kollha 531,2 EUR/Tun

110. Il-forma tal-miżuri

111. Għadd ta’ partijiet talbu miżuri li ġabru flimkien elementi ta’ prezzijiet u ta’ kwantità, filwaqt li għal volum inizjali ta’ importazzjoni ma jitħallas ebda dazju jew tnaqqis ta’ dazju. F’ċerti każijiet, dan kien konness mas-sistema tal-liċenzji.

112. Din l-għażla tqieset iżda ma kinitx aċċettata, b’mod partikolari, għar-raġunijiet li ġejjin. Dazji anti-dumping kienu imposti għax il-prezz tal-esportazzjoni hu aktar baxx mill-valur normali. L-ammonti esportati lill-Komunità huma rilevanti għall-analiżi jekk importazzjonijiet iddampjati jikkawżaw ħsara. Madankollu, dawn l-ammonti huma, normalment, irrilevanti għal-livell tad-dazju li kellu jiġi impost. Fi kliem ieħor, jekk jinsab li importazzjonijiet iddampjati jikkawżaw ħsara, l-iddampjar jista’ jkun ikkumpensat b’dazju li japplika mill-ewwel kunsinna importata wara d-dħul fis-seħħ tad-dazju. Finalment, safejn jinsab li hu fl-interess tal-Komunità li matul ċertu perjodu, il-prodotti jistgħu jiġu importati mingħajr ma jiġu imposti dazji anti-dumping, l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku jippermetti sospensjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

113. Ċerti partijiet allegaw li kull forma ta’ miżuri mingħajr limitazzjoni kwantitattiva se jwasslu għall-ħrib mid-dazju. Il-partijiet irreferew għal darb’oħra għall-akkumulazzjoni tal-ħażniet li seħħew wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. L-analiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni kkonfirmat li dan kien tentattiv ċar biex jiġu evitati d-dazji. Minħabba dawn l-istqarrijiet u minħabba l-fatti deskritti fir-regolament proviżorju fil-premessi (123) u (125), il-Kummissjoni se tissorvelja l-iżviluppi biex tieħu l-azzjonijiet neċessarju ħalli tiżgura l-infurzar xieraq tal-miżuri.

114. Partijiet oħra argumentaw li l-miżuri kellhom jeskludu l-volumi li huma diġà soġġetti għall-kuntratti eżistenti ta’ bejgħ. Fil-prattika dan kellu jammonta għal eżenzjoni mid-dazji li setgħu jimminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri, u għalhekk dan ma kienx aċċettat. Qed issir ukoll referenza għal premessi (51) u (52) hawn fuq.

115. Ir-Regolament proviżorju impona dazju anti-dumping b’forma ta’ dazju speċifiku għal kull kumpanija li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-marġni tal-eliminazzjoni tal-ħsara lill-prezzijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-iddampjar matul il-PI. Din il-metodoloġija hi kkonfermata fil-livell tal-miżuri definittivi.

116. L-impenji

117. Fi stadju tard tal-investigazzjoni diversi produtturi esportaturi fir-RPĊ offrew impenji ta’ prezzijiet. Dawn ma tqisux li kienu aċċettabbli minħabba l-volatilità sinifikanti tal-prezzijiet ta’ dan il-prodott, ir-riskju ta’ evitar u ħrib ta’ dazju għal dan il-prodott (ara l-premessi (124) u (125) tar-regolament proviżorju), u l-fatt li, ma kien hemm ebda garanziji fl-offerti mill-parti tal-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu monitoraġġ adegwat fil-kuntest ta’ kumpaniji li ma kinux mogħtija trattament ta’ ekonomija tas-suq

J. ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVIŻORJU

118. Fid-dawl tal-kobor tal-marġni tal-iddampjar misjub u minħabba l-livell tal-ħsara kkaġunata lill-industrija Komunitarja, jitqies meħtieġ li l-ammonti assigurati permezz tad-dazju proviżorju ta’ anti-dumping impost mir-Regolament proviżorju għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-limitu tal-ammont ta’ dazji proviżorji imposti. Fil-każ tal-produtturi esportaturi li għalihom id-dazju definittiv hu kemm kemm ogħla mid-dazju proviżorju, l-ammonti proviżorji assigurati għandhom jinġabru fil-livell iddeterminat fir-Regolament proviżorju, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament bażiku.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju definittiv anti-dumping hu b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ mandolin ippreparat u ppriżervat (inklużi t-tanġerin u s-satsumas), il-klementina, il-wilkings u frott taċ-ċitru ibridu ieħor simili, li mhux miżjud b’alkoħol, kemm jekk fih zokkor jew materja ta’ ħlewwa oħra u kemm jekk le, u kif iddefinit fl-intestatura tan-NM 2008, li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jaqa’ fil-parametri tal-kodiċi tan-NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (il-kodiċi TARIC 2008 30 90 61, 2008 30 90 63, 2008 30 90 65, 2008 30 90 67, 2008 30 90 69).

2. L-ammont tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 manifatturati mill-kumpaniji hawn taħt għandu jkun kif ġej:

Kumpanija | EUR/tunnellata prodott b’piż nett | TARIC kodiċi addizzjonali |

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang | 531,2 | A886 |

Huangyan No.1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang, | 361,4 | A887 |

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province | 490,7 | A888 |

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kif imfassal fl-Anness | 499,6 | A889 |

Il-kumpaniji l-oħra kollha | 531,2 | A999 |

Artikolu 2

1. F’każijiet fejn il-merkanziji ġarrbu ħsara qabel ma ddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u għalhekk, il-prezz li tħallas attwalment jew li għandu jitħallas hu mqassam għad-determinazzjoni tal-valur tad-dazju skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93[10], l-ammont tad-dazju anti-dumping, maħdum abbażi tal-Artikolu 1 hawn fuq, irid jitnaqqas b’perċentwali li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz imħallas attwalment jew li għandu jitħallas.

2. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 3

1. L-ammonti assigurati permezz ta’ dazju proviżorju ta’ anti-dumping skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008 dwar importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata ta’ dazju proviżorju.

2. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li b’mod żbaljat ma kinux elenkati fl-Anness ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008, prinċipalment Ningbo Pointer Canned Foods Co., Ltd, Xiangshan, Ningbo, Ninghai Dongda Foodstuff Co., Ltd, Ningbo, Zhejiang u Toyoshima Share Yidu Foods Co., Ltd, Yidu, Hubei, l-ammonti assigurati li huma aktar mid-dazju proviżorju applikabbli għall-produtturi li kkooperaw li mhumiex inklużi mal-kampjun għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (TARIC kodiċi addizzjonali A889)

Hunan Pointer Foods Co., Ltd, Yongzhou, Hunan

Ningbo Pointer Canned Foods Co., Ltd, Xiangshan, Ningbo

Yichang Jiayuan Foodstuffs Co., Ltd, Yichang, Hubei

Ninghai Dongda Foodstuff Co., Ltd, Ningbo, Zhejiang

Huangyan No.2 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang

Zhejiang Xinchang Best Foods Co., Ltd, Xinchang, Zhejiang

Toyoshima Share Yidu Foods Co., Ltd, Yidu, Hubei

Guangxi Guiguo Food Co., Ltd, Guilin, Guangxi

Zhejiang Juda Industry Co., Ltd, Quzhou, Zhejiang

Zhejiang Iceman Group Co., Ltd, Jinhua, Zhejiang

Ningbo Guosheng Foods Co., Ltd, Ninghai

Yi Chang Yin He Food Co., Ltd, Yidu, Hubei

Yongzhou Quanhui Canned Food Co., Ltd, Yongzhou, Hunan

Ningbo Orient Jiuzhou Food Trade & Industry Co., Ltd, Yinzhou, Ningbo

Guangxi Guilin Huangguan Food Co., Ltd., Guilin, Guangxi

Ningbo Wuzhouxing Group Co., Ltd, Mingzhou, Ningbo

[1] ĠU L 178, 5.7.2008, p. 19

[2] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

[3] ĠU C 246, 20.10.2007, p. 15.

[4] ĠU L 178, 5.7.2008, p. 19

[5] ĠU L 288, , 6.11.2007, p. 22.

[6] ĠU L 290, 8.11.2003, p. 3.

[7] ĠU L 104, 8.4.2004, p. 67.

[8] ĠU L 288, 6.11.2007, p. 22.

[9] ĠU L 258, 26.09.2008, p. 74

[10] ĠU L 253, 11.1.1993, p. 3.

Top