Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0576

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/EEC, 78/855/EEC u 82/891/EEC u d-Direttiva 2005/56/EC fir-rigward ta' rekwiżiti ta' rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta' kumpaniji {SEC(2008) 2486} {SEC(2008) 2487}

    /* KUMM/2008/0576 finali - COD 2008/0182 */

    52008PC0576

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/EEC, 78/855/EEC u 82/891/EEC u d-Direttiva 2005/56/EC fir-rigward ta' rekwiżiti ta' rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta' kumpaniji {SEC(2008) 2486} {SEC(2008) 2487} /* KUMM/2008/0576 finali - COD 2008/0182 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 24.9.2008

    KUMM(2008) 576 finali

    2008/0182 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/EEC, 78/855/EEC u 82/891/EEC u d-Direttiva 2005/56/EC fir-rigward ta' rekwiżiti ta' rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta' kumpaniji

    (preżentata mill-Kummissjoni) {SEC(2008) 2486}{SEC(2008) 2487}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1. Kuntest ġenerali

    Fl-2006, il-Kummissjoni adottat programm ta' simplifikazzjoni aġġornat[1] bil-ħsieb li tikkalkula l-ispejjeż amministrattivi u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi li jxekklu bla bżonn l-attivitajiet ekonimiċi tan-negozji Ewropej. Il-Programm ta' Azzjoni u l-għan tiegħu li jnaqqas il-piżijiet ammnistrattivi b'25% sas-sena 2012 ġew approvati mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa f'Marzu tal-2007[2]

    Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni adottat, f'Ġunju tal-2007, komunikazzjoni li tistipula l-proposti tagħha biex jiġu ssimplifikati l-oqsma tal-liġi dwar il-kumpaniji, tal-kontabbilitá u tal-verifika interna[3] Barra minn hekk, f'Marzu 2007 u f'April 2008, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti ta' proċedura rapida sabiex jinkiseb tnaqqis fil-pront tal-piżijiet amministrattivi permezz ta' tibdiliet żgħar fl-acquis tal-UE. L-ewwel waħda ġiet adottata f'Novembru tal-2007[4] It-tieni proposta[5] li tiġbor ċerti elementi li ġew ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni ta' Lulju tal-2007 għadha qed tiġi kkunsidrata fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill Possibilitajiet oħra ta' simplifikazzjoni li ġew ippreżentati fil-Komunikazzjoni flimkiem ma' proposti oħra li nġabru matul il-proċess ta' konsultazzjoni huma preżentati f'din il-proposta.

    1.2. Ġustifikazzjoni u l-għanijiet tal-inizjattiva

    L-għan tal-inizjattiva huwa li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE billi jnaqqas il-piżijiet amministrattivi imposti taħt id-Direttivi Ewropej dwar il-Liġi tal-Kumpaniji fejn dan jista' jsir mingħajr ebda impatt negattiv maġġuri fuq il-partijiet interessati.

    L-inizjattiva tiffoka fuq it-Tielet Direttiva (id-Direttiva tal-Kunsill 78/855/EEC[6]) li tikkonċerna l-għaqda ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabbilitá limitata u s-Sitt Direttiva (id-Direttiva tal-Kunsill 82/891/EEC[7]) li tikkonċerna d-diviżjoni tal-kumpaniji pubbliċi ta' responsabbilitá limitata, li t-tnejn li huma jittrattaw dwar il-modalitajiet tal-amalgamazzjonijiet u d-diviżjonijiet domestiċi. Barra minn hekk, b'rabta mad-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet Transkonfinali (id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar merġers transkonfinali ta' kumpaniji ta' responsabbilitá limitata[8]) jeżistu żewg punti li għandhom jaqblu mat-tibdiliet li saru fir-reġimi tal-amalgamazzjonijiet domestiċi. Iżjed minn hekk, tibdiliet prinċipalment tekinċi jridu jsiru fit-Tieni Direttiva (id-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE[9]) dwar il-koordinazzjoni tas-salvagwardji li, minħabba l-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta' oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri tal-kumpaniji fi ħdan it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, fir-rigward tal-formazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi ta' responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-ħsieb li dawn is-salvagwardji jsiru ekwivalenti.

    It-Tielet u s-Sitt Direttiva attwalment fihom numru ta' rekwiżiti ddettaljati dwar rappurtar li kumpaniji li huma involuti f'proċess ta' amalgamazzjoni jew diviżjoni jridu bilfors jikkonformaw magħhom u dawn ir-rekwiżiti jimponu spejjeż konsiderevoli fuqhom. F'ċerti sitwazzjonijiet, il-konnessjoni mat-Tieni Direttiva tista' twassal għal żieda ulterjuri fl-ispejjeż. Barra minn hekk, il-mezzi previsti fid-direttivi li bihom il-partijiet interessati jistgħu jiġu informati dwar id-dettalja tat-tranżazzjonijiet, ġew imfassla 30 sena ilu u għalhekk ma jikkunsidrawx il-possibilitajiet tat-teknologija moderna li hawn illum. Dan iwassal għal spejjeż bla bżonn u għall-użu eċċessiv tal-karti li jista' jiġi evitat. Fl-aħħar nett, tibdiliet li saru f'direttivi oħra matul dawn l-aħħar snin u b'mod partikolari li saru fit-Tieni Direttiva f'dan il-qasam ta' protezzjoni għall-kreditur wasslu għal ċerti inkonsistenzi bejn id-direttivi differenti.

    2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    2.1. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanjawha huma bbażati fuq proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa li sar wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni ta' Lulju 2007.

    Fit-22 ta' Novembru 2007, il-Kunsill tal-Kompetittività adotta konklużjonijiet li laqgħu tajjeb l-inizjattiva ta' simplifikazzjoni[10] Fil-21 ta' Mejju 2007, il-Parlament Ewropew adotta rapport li jirrifletti appoġġ wiesa’ għal iniżjattiva biex il-liġi Ewropea dwar il-kumpaninji tiġi simplifikata u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi[11] Bil-ħsieb li jistgħu jsiru modifikazzjonijiet ulterjuri fit-Tielet u s-Sitt Direttiva, ir-rapport jikkonferma li aġġornament ulterjuri huwa meħtieġ iżda fl-istess ħin ifakkar li l-interessi tal-partijiet interessati kollha li jinkludu l-investituri, il-proprjetarji, il-kredituri u l-impjegati, għandhom jkunu kkunsidrati wkoll u li l-armonizzazzjoni f'dan il-qasam m'għandhiex titlef mis-sustanza tagħha.

    Barra minn hekk, tmintax-il gvern mill-Istati Membri flimkien ma' gvern ta' wieħed mill-pajjiżi taż-ŻEE u 110 parti interessata wieġbu għall-istedina, fil-Komunikazzjoni, biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-proposti bil-miktub, sa nofs Ottubru 2007. Dawn il-kontribuzzjonijiet mill-gvernijiet u l-partijiet interessati oriġinaw minn 23 pajjiż b'kollox, li jinkludu 22 Stat Membru. Rapport dwar ir-reazzjonijiet li nġabru bejn Lulju u Diċembru 2007 mingħand l-Istati Membri u l-partijiet interessati jinsab fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi (DĠ MARKT) fil-websajt http://ec.europa.eu/internal_market/company/simplification/index_en.htm.

    Il-Grupp ta' Partijiet Interessati Independenti ta' Livell Għoli, fir-rapport tiegħu li ġie adottat fl-10 ta' Lulju 2008 jilqa' b'mod favorevoli l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirrevedi r-rekwiżiti ta' rappurtar fit-Tielet u s-Sitt Direttiva u jagħmel sejħa għal proposti leġiżlattivi ambizzjużi li jistgħu jiksbu, kemm jista' jkun, il-potenzjal ta' tnaqqis identifikat f'dawn iż-żewġ direttivi filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu l-interessi kemm tal-partijiet interessati kif ukoll tal-kredituri.

    Is-sors prinċipali tal-informazzjoni li fuqha hija bbażata l-Valutazzjoni tal-Impatt, huwa l-kejl fuq skala wiesgħa tal-ispejjeż amministrattivi, li sar minn konsorzju ta' kuntratturi li ressaq ir-rapport finali komplut tiegħu fil-31 ta' Lulju 2008. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-mudell ta' spejjeż Standard tal-UE F'ċirkustanzi fejn il-kejl ma kienx kapaċi jforni figuri rappreżenttattivi biżżejjed, intużat informazzjoni ulterjuri biex tappoġġja jew tikkoreġi d-dejta li nġabret prinċipalment mill-Istati Membri.

    2.2. Valutazzjoni tal-Impatt

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt turi li hemm potenzjal sinifikanti biex il-kumpaniji jiffrankaw l-ispejjeż fl-oqmsa msemmija hawn fuq.

    2.2.1. Ir-rekwiżiti ta' rappurtar

    Ir-rekwiżiti ta' rappurtar fit-tielet u s-sitt Direttiva jikkonsistu minn (1) l-obbligazzjoni tal-amministrazzjoni tal-kumpanija li tħejji rapport bil-miktub dwar il-bażi ekonomiċi u legali tal-amalgamazzjoni/ diviżjoni; (2) rapport imħejji minn espert indipendenti li jeżamina b'mod partikolari l-proporzjon ta' skambju ta’ ishma propost; u (3) dikjarazzjoni ta' kontabbilitá li fiha l-kotba ta' kontabbilitá annwali għandhom iżjed minn sitt xhur żmien, meta mqabbla mad-data ta' meta jkun sar l-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni jew tad-diviżjoni Dawn id-dokumenti għandhom jitressqu fil-laqgħa ġenerali tal-partijiet interessati li li fiha tittieħed deċiżjoni dwar l-amalgamazzjoni jew id-diviżjoni.

    B'kunsiderazzjoni għar-rapport tal-amministrazzjoni u tad-dikjarazzjoni ta' kontabbiltá, il-Valutazzjoni ta' Impatt tirrakomanda li tintroduċi l-possibbiltá li jkun hemm renunzja anonima, kif kienet introduċiet id-Direttiva 2007/63/KE b'kunsiderazzjoni għar-rapport imħejji mill-esperti. B'dan il-mod se jiġi evitat impatt negattiv fuq l-interessi tal-partijiet interessati filwaqt li jsir xi tfaddil mill-kumpaniji involuti.

    Barra minn hekk, qed issir il-proposta li jitneħħa r-rekwiżit għal dikjarazzjoni ta' kontabbilitá meta l-kumpanija tkun fasslet rapport finanzjarju f'nofs is-sena taħt id-Direttiva ta' Trasparenza[12]

    It-tfaddil totali marbut ma' dawn il-piżijiet amminstattivi mistenni li jilħaq madwar 7.12 miljun € fis-sena.

    2.2.2. Miżuri li tfasslu minħabba kumpaniji li twaqqfqu jew li jżiedu l-kapital tagħhom fil-kuntest ta' amalgamazzjoni jew ta' diviżjoni.

    F'każijiet fejn l-operazzjoni hija marbuta kemm mal-waqfien ta' kumpanija ġdida kif ukoll ma' żieda fil-kapital tal-kumpanija li qiegħda tirċievi, hemm attwalment rekwiżiti doppji marbutin mar-rapporti mħejjija mill-esperti minħabba r-regoli stipulati fis-Sitt Direttiva fuq naħa u dawk stipulati fit-Tieni Direttiva fuq in-naħa l-oħra. Fil-każ ta' amalgamazzjonijiet u offerti pubbliċi, Stat Membru jista', kif stipulat fit-Tieni Direttiva, jagħżel li kumpaniji jkunu eżentati mir-rapport dwar il-kontribuzzjonijiet li saru u li kellhom iħejju minħabba l-istess direttiva.

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt tirrakomanda li din l-għażla tal-Istat Membru għandha tkun estiża għal każijiet fejn ikun hemm diviżjoni ta' kumpaniji. It-tfaddil potenzjali fuq piżijiet amministrattivi, li se jirriżulta minħabba dawn il-miżuri proposti huwa stmat li se jkun bejn 3.26 u 9.43 miljun € fis-sena, dejjem skont in-numru ta' Stati Membru li jagħmlu użu mill-għażla li se tingħatalhom.

    2.2.3. Mizuri li jikkonċernaw amalgamazzjoniet sinplifikati u l-firda bejn kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom.

    Fil-preżent, L-Istati Membri għandhom l-għażla li jeżentaw kumpaniji mill-obbligu tagħhom li jiltaqgħu waqt laqgħa ġenerali u mir-rekwiżiti dwar ċertu rappurtar u dwar infomazzjoni fil-każ li jkun hemm amalgamazzjoni jew diviżjoni bejn kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom. Madanakollu, ftit huma l-Istati Membri li jagħmlu użu sħiħ jew kważi sħiħ mill-għażliet li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

    Il-konklużjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt hija li l-Istati Membri għandhom joffru l-possibbiltá ta' amalgamazzjonijiet/diviżjonijiet ssimplifikati lill-kumpaniji li joperaw fit-territorji taghħom. It-tfaddil potenzjali, li jista' jirriżulta minħabba din l-għażla, huwa stmat li se jlaħħaq madwar 153.5 miljun € fis-sena.

    2.2.4. Dmirijiet marbutin ma' pubblikazzjoni u dokumentazzjoni

    Taħt ir-regoli tat-Tielet u s-Sitt Direttiva flimkien ma' dik dwar l-Amalgamazzjonjiet Transkonfinali, il-kumpaniji għandhom iressqu l-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni jew tad-diviżjoni lill-awtoritá li tirreġistra l-kumpaniji u jippubblikaw dan l-abbozz tat-termini fil-gazzetta nazzjonali jew fuq il-pjattaforma elettronika ċentrali. Barra minn hekk, it-Tielet u s-Sitt Direttiva jistipulaw li lill-partijiet interessati għandu jingħatalhom aċċess għal ċerti dokumenti fil-lokalitá tal-indirizz irreġistrat tal-kumpanija u għandhom ukoll jirċievu kopji bla ħlas ta' dawn id-dokumenti. Mandanakollu, permezz tat-teknoloġija tal-informatika li nsibu fil-preżent l-aċċess għal din it-tip ta' informazzjoni huwa eħfef u irħas u l-mezzi disponibbli diġá ntużaw f'direttivi aktar reċenti, bħad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-Azzjonijisti[13]

    Għalhekk il-Valutazzjoni tal-Impatt tirrakomanda li l-kumpaniji għandhom jitħallew jużaw il-websajt tagħhom biex jippubblikaw l-informazzjoni. Huwa stmat li din l-istrateġija se toffri potenzjal ta' tfaddil ta' 'l fuq minn 3.5 miljun € fis-sena.

    2.2.5. Il-protezzjoni tal- kredituri

    Tibdiliet fit-Tieni Direttiva[14] li saru dan l-aħħar wasslu, inter alia, għal kjarifikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-kredituri taħt l-istess direttiva fis-sens li l-kredituri għandhom juru b'mod kredibbli li operazzjoni li tinvolvi l-kapital tal-kumpanija hija ta' periklu għat-talbiet tagħhom, jekk iridu jakkwistaw kwoti. Minħabba raġunijiet ta' koerenza, il-Valutazzjoni tal-Impatt tirrakomanda li r-regoli tat-Tielet u s-Sitt Direttiva għandhom jiġu adottati bi qbil ma' dan

    Impatt materjali fuq l-ispejjeż tal-kumpaniji minħabba din l-għażla mhuwiex mistenni

    3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1. Il-Bażi Legali

    Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 44(2) tat-Trattat.

    3.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

    Azzjoni fil-livell tal-UE hija neċessarja sabiex dawn il-problemi jiġu solvuti għaliex ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u dokumentazzjoni indirizzati fil-proposta joriġinaw mill-liġi tal-UE. F'ċerti oqsma msemmijin f'din il-proposta, l-Istati Membri diġá għandhom l-għażla li jnaqqsu r-rekwiżiti li jintalbu mill-kumpaniji. Madanakollu, kif turi l-valutazzjoni tal-impatt li tikkompanja din il-proposta u fir-rapport dwar il-kejl fuq skala wiesa' tal-ispejjeż amministrattivi li ġie mħejji f'isem il-Kummissjoni, jeżistu numru konsiderevoli ta' Stati Membri li sal-ġurnata tal-lum ma jagħmlux użu ta' dawn il-possibilitajiet, minkejja l-potenzjal importanti li għandhom biex jiffrankaw l-ispejjeż. Sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji kollha jistgħu jgawdu minn dan it-tnaqqis fl-ispejjeż, hija meħtieġa azzjoni fuq il-livell tal-UE .

    Il-modifiki proposti huma limitati għal x'inhuwa meħtieġ sabiex jitneħħew il-piżijiet amministrattivi bla bżonn fl-oqsma kkonċernati u huma proporzjonali ma' dan il-għan.

    4. SIMPLIFIKAZZJONI

    Din il-proposta hija prevista fil-Programm Kurrenti ta' Simplifikazzjoni għall-adozzjoni mill-Kummissjoni fl-2008[15] Qegħdin jitfasslu benefiċċji ta' simplifikazzjoni sinifikanti. Ir-rekwiżiti ta' raportaġġ tnaqqsu peress li qiegħda tingħata aktar flessibilitá lill-Istati Membri u lill-kumpaniji biex jiddeċiedu huma liema rapporti huma tassew meħtieġa għal każ speċifiku. Ir-regoli li jwasslu għal rappurtar doppju se jitneħħew, biex jiġu eliminati spejjeż bla bzonn li jridu jitħallsu mill-kumpaniji. Dmirijiet ta' pubblikazzjoni u dwar informazzjoni ġew adottati skont it-teknoloġija moderna li nsibu llum, u dan se jkun ta' benefiċċju għall-ambjent ukoll. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kredituri fit-Tielet u s-Sitt Direttiva jaqblu mat-tibdiliet li saru dan l-aħħar fil-bqija tal- acquis tal-liġi dwar il-Kumpaniji. It-total ta' tfaddil potenzjali fuq il-piżijiet amministrattivi ta' dawn il-miżuri huwa stmat se jlaħħaq il-€172 miljun fis-sena.

    5. KUMMENTI DWAR ARTIKOLI SPEċIFIċI

    1. Artikolu 1: Emenda fit-Tielet Direttiva

    1.1. Taħt il-punt numru 1, il-lista ta' kumpaniji li għalihom japplikaw it-Tielet Direttiva u -permezz ta' riferenza f'Artikolu 1(1) tagħha – is-Sitt Direttiva hija adottata sabiex tirrefletti bidla fil-liġi nazzjonali ta' Finlandja.

    1.2. Il-punt numru 2 jintroduċi alternattiva, għal kumpaniji, għall-mekkaniżmu ta' publikazzjoni tal-Ewwel Direttiva. L-abbozz tat-termini dwar amalgamazzjoni jista' jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-kumpanija jew fuq websajt ieħor minflok ma jitressaq lill-awtoritá li tirreġistra l-kumpaniji (b'mod partikolari meta l-kumpanija tista' tuża l-websajt, per eżempju, ta' assoċjazzjoni tan-negozju). Madanakollu, sabiex l-azzjonisti u partijiet interessati oħra jkunu jistgħu jsibu d-dokument, għandha tiġi ppublikata referenza u link fuq il-pjattaforma elettronika ċentrali li għandhom ikunu introdotti bħala strument obligatorju fl-Artikolu 3(4) tal-Ewwel Direttiva, mid-direttiva li ġiet ipproponuta fil-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2008[16] Minħabba l-fatt li ċerti proviżjonijiet (bħal per eżempju l-Artikolu 13 tat-Tielet Direttiva u l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva b'ħarsa lejn il-protezzjoni tal-kredituri) jirreferu għad-data ta' pubblikazzjoni, din id-data għandha tkun imniżżla wkoll fil-pjattaforma elettronika ċentrali.

    1.3. Il-Punt numru 3 jadotta l-Artikolu 8 (b) għat-tibdil propost fl-Artikolu 11 (4) li skont dan l-istess Artikolu u għal darba oħra fil-każ li d-dokumenti l-oħra li għalissa m'għandhomx għalfejn jidħlu fir-reġistru tal-kumpaniji iżda jridu xorta waħda jkunu disponobbli għall-azzjonisti, il-kumpanijia tista' tuża l-websajt tagħha fuq l-Internet.

    1.4. Il-Punt numru 4 jadotta, fil-paragrafu l-ġdid tiegħu bin-numru 2, din id-dispożizzjoni għal dispożizzjoni parallela tal-Artikolu 7(3) tas-Sitt Direttiva li skont l-istess Direttiva l-amministrazzjoni hija obbligata li tinforma l-laqgħa ġenerali dwar it-tibdiliet li saru fiż-żmien bejn meta tfassal l-abbozz tat-termini dwar l-amalgamazzjoni u l-ħin tal-laqgħa ġenerali. Eżenzjoni kemm mir-rekwiżit ta' rappurtar li ġie stabbilit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu kif ukoll mill-obbligazzjoni ta' informazzjoni għandha tapplika fejn l-azzjonisti tal-kumpaniji kollha involuti jkunu ftiehmu hekk bejniethom.

    1.5. It-tibdiliet li saru fl-Artikolu 11 li ġew proposti fil-punt numru 5 għandhom bħala mira li jiżguraw li:

    - Kumpanija m'għandiex għalfejn toqgħod tħejji dikjarazzjoni ta' kontabilitá

    - Fil-każ li l-kumpanija hija soġġetta għall-obbligazzjoni, taħt id-Direttiva tat-Trasparenza, li tħejji rapporti finanzjarji kull sitt xhur u fattwalment irnexxielha tagħmel dan;

    - Fil-każ li l-azzjonisti kollha jaqblu bejniethom li m'għandhomx bżonnu

    - Li l-kopji tad-dokumenti li ġew mfasslin f'paragrafu 1 ta' dan l-artikolu jistgħu jintbagħtu bil-posta elettronika kemm-il darba l-azzjonista jaqbel li għandu jintuża dan il-mod ta' komunikazzjoni, per eżempju billi jagħti l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu/tagħha lill-kumpanija. Minkejja li t-test attwali ma jeskludix il-possibbiltá li l-kopja tista' tkun f'sura elettronika, s'issa għadu mhuwiex ċar taħt liema kundizzjonijet il-kumpanija tista' tuża dawn il-mezzi elettroniċi. Fil-preżent, l-azzjonista jista' jinsisti li jrid jibqa' jirċievi kopja tal-karti filwaqt li dan ma jkunx il-każ iżjed kemm-il darba d-dispożizzjoni tinbidel kif ġie propost;

    - Li, il-kumpanija tista' tpoġġi d-dokumenti fuq il-websajt tagħha minflok ma toqgħod tagħmilhom disponibbli fil-lokalitá tal-indirizzi rreġistrat tagħha. Din il-possibbiltá tiffaċilita l-proċedura għall-kumpanija u permezz tagħha l-aċċess għad-dokumenti mill-azzjonisti mhux residenti u anke mil-kredituri huwa aktar faċili, kemm-il darba l-kumpanija tippermetti aċċess mifthuħ għal dan il-websajt. Kull meta d-dokumenti jitniżżlu mill-websajt, jonqos ukoll il-bżonn li l-azzjonisti tingħatalhom dritt speċifiku li tħallihom jakkwistaw kopja individwali, filwaqt li jrid jiġi kkunsidrat ukoll li l-proċess biex jintbagħtu dawn id-dokumenti (anke f'forma elettronika) tinvolvi spejjeż żejda għall-kumpanija.

    1.6. Fil-punt numru 6, qed issir il-proposta taħt it-Tielet Direttiva, li l-mekkaniżmu tal-protezzjoni tal-kreditur għandu jaqbel mal-mekkaniżmu li gie introdott fit-Tieni Direttiva mid-Direttiva 2006/68/KE.

    1.7. Il-Punt numru 7 huwa l-konsegwenza tal-proposta, fl-Artikolu 4(2) u (3), biex il-proviżjonijiet dwar eżenzjonjiet mir-rekwiżit ta' rappurtar jiġu centralizzati taħt it-Tieni Direttiva f'dik l-istess Direttiva.

    1.8. Il-Punti 8 u 12 huma mmirati biex l-għażliet attwali tal-Istati Membri, fl-Atikoli 24 u 29 tat-Tielet Direttiva, biex jagħmlu amalgamazzjonjiet simplifikati obbligatorji għall-Istati Membri. Barra minn hekk, punt numru 11, huwa mmirat biex jissimplifika l-kitba attwali tal-Artikolu 27.

    2. Artikolu 2: Emenda fis-Sitt Direttiva

    Il-biċċa l-kbira tal-modifikazzjonijiet li huma proposti f'dan l-artikolu jirreflettu dawk proposti għat-Tielet Direttiva. Għal spjegazzjoni ta' dawn it-tibdiliet, tista' ssir referenza għal punt numru 1 hawn fuq. Fejn tidħol biss il-possibbiltá li għandhom l-azzjonisti biex jirrinunzjaw għar-rekwiżiti ta' rappurtar, it-teknika tal-proposti taħt il-punti 3 u 5 (b'ħarsa lejn l-Artikolu 9(1)(c)) hija xi ftit differenti minn dik użata fil-każ tat-Tielet Direttiva, peress li fis-Sitt Direttiva, dawn il-possibilitajiet ta' rinunzja huma ċentralizzati fl-Artikolu 10.

    Barra minn hekk, taħt il-punt numru 8, huwa propost li jitneħħa l-punt (c) tal-Artikolu 20, u jiġi kkunsidrat li fis-sitwazzjoni mfissra fl-Artikolu 20, l-azzjonisti kollha huma involuti fl-istabbiliment tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni. Għalhekk, dawn m'għandhomx għalfejn ikollhom dritt ta' minoritá biex bih jagħmlu sejħa għall-laqgħa ġenerali, kif huwa l-każ attwalment.

    3. Artikolu 3: Emenda fid-Direttiva dwar amalgamazzjonijiet Transkonfinali .

    Punt 1 tal-Artikolu 3 jirrifletti t-tibdiliet proposti fit-Tielet u s-Sitt Direttiva b'ħarsa lejn l-iżvelar tal-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni.

    Iż-żieda, fl-Artikolu 15(2) proposta fil-punt 2 hija mmirata biex tikkunsidra l-fatt li, permezz tat-tibdiliet proposti fl-Artikolu 1 u 2, l-Istati Membri, fil-futur, ma jistgħux jibqgħu jsaqsu għar-rapporti msemmijin f'dik il-proviżjoni f'kull każ li jiltaqgħu magħha.

    4. Artikolu 4: Emenda fit-Tieni Direttiva

    4.1. Il-punt numru 1 fiha l-istess tibdil li ġie propost fit-Tielet Direttiva.

    4.2. Il-Punti 2 u 3 huma mmirati biex jiċċentraliżżaw il-possibbiltá ta eżenzjoni, għall-Istati Membri, mir-rekwiżit tat-tħejjija ta' rapport espert dwar il-kontribuzzjoniet mhux fi flus fit-Tieni Direttiva. Fl-istess ħin, huwa propost ukoll il-possibbiltá ta' eżenzjoni b'ħarsa lejn id-diviżjonijiet tal-kumpaniji, sabiex dawn ir-regoli jiġu jaqblu ma' dawk dwar amalgamazzjonijiet. Minkejja li fid-direttivi dwar l-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta' kumpaniji ma hemm ebda obbligu li jitħejjew rapporti esperti rekwiżiti minn dawn id-direttivi disponnibbli għall-kredituri (għall-kuntrarju tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 10 tat-Tieni Direttiva) il-kredituri se jkollhom fil-prattika aċċess għalih, b'mod partikolari fil-każ li r-rapport jitpoġġa fuq l-internet.

    Madankollu, meta l-azzjonisti jagħmlu użu tal-possibbiltá li jirrinunzjaw għar-rapport mħejji mill-esperti taħt it-Tielet u s-Sitt Direttiva jew taħt id-direttiva dwar l-amalgamzzjonijiet Transkonfinali l-obbligazzjoni li jitħejja rapport dwar il- kontribuzzjoni mhux fi flus għandu tibqa' tapplika, sabiex jibqa' jkun hemm livell suffiċjenti ta' protezzjoni għall-kredituri.

    2008/0182 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/EEC, 78/855/EEC u 82/891/EEC u d-Direttiva 2005/56/EC fir-rigward ta' rekwiżiti ta' rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta' kumpaniji

    Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[17]

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[18],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[19],

    Billi:

    (1) Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007, qabel li l-piżijiet aministrattivi fuq il-kumpaniji għandhom jitnaqqsu b'25% sas-sena 2012, biex tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji fil-Komunità.

    (2) Il-liġi tal-kumpaniji kienet identifikata bħala qasam li fih hemm għadd kbir ta' obbligi ta' informazzjoni għall-kumpaniji, li xi wħud minnhom jidhru skaduti jew eċċessivi. Għalhekk jeħtieġ li dawn l-obbligi ta' informazzjoni jiġu riveduti, fejn xieraq, biex il-piżijiet li qegħdin itaqqlu l-kumpaniji fil-Komunità jitnaqqsu għall-minimu meħtieġ biex ikun żgurat il-ħarsien tal-interessi tal-persuni interessati l-oħra.

    (3) L-iskop tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni tas-salvagwardji li, minħabba l-protezzjoni tal-interessi tal-membri u tal-interessi ta' oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpaniji fit-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, fir-rigward tal-formazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata u ż-żamma u l-bdil tal-kapital tagħhom, biex isiru dawn is-salvagwardji ekwivalenti[20] u tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 t’Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54 (3) (ġ) tat-Trattat dwar l-amalgamazzjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata [21], għandu jiġi adottat sabiex jirrifletti t-tibdiliet li saru fil-liġi dwar il-kumpaniji ta' Finlandja.

    (4) Il-websajts ta' kumpaniji xi drabi joffru alternattiva oħra għall-pubblikazzjoni permezz tal-awtorita' li tirreġistra l-kumpaniji. Għalhekk il-kumpaniji għandhom ikollhom il-possibbiltá li jużaw il-websajts tagħhom għall-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-terimini ta' amalgamazzjoni u ta' diviżjoni bejn kumpaniji u ta' dokumenti li saru fil-proċess disponibbli għall-azzjonisti u l-kredituri.

    (5) Ma hemm ebda ħtieġa li jiġi impost ir-rekwiżit li titħejja dikjarazzoni ta' kontabbilitá fil-każijiet fejn emmittent tat-titoli elenkati jippubblika dikjarazzjoni ta' kontabbilitá f'nofs is-sena, skont ir-regoli tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tat-tratsparenza tar-rekwiżiti fir-rigward ta' informazzjoni dwar emmittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozjar fuq suq regolat u li jemedaw id-Direttiva 2001/34/KE[22]

    (6) Ħafna drabi ma hemmx għalfejn isir rapport independenti mħejji minn esperti kif provdut taħt id-Direttiva 77/91/KEE fil-każ li rapport minn espert diġá tħejja, għal darba oħra, kif provdut taħt ir-regoli tad-Direttiva 78/855/KEE u taħt is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta' Diċembru 1982 ibbażati fuq l-Artikolu 54 (3) (g) tat-Trattat, li jikkonċernaw id-diviżjoni ta' kumpaniji b' responsabbilitá pubblika limitata[23] Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li f' każijiet bħal dawn jistgħu jeżentaw kumpaniji mir-rekwiżit ta' rappurtar taħt it-Tieni Direttiva jew jagħtu permess biex ż-żewġ rapporti jistgħu jitħejjew mill-istess espert.

    (7) L-amalagamazzjonijiet bejn kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom għandhom impatt ekonomiku iżgħar fuq l-azzjonisti u l-kredituri. L-istess japplika għal ċertu tip ta' diviżjoniet bejn il-kumpaniji, b'mod partikolari meta kumpaniji jinfirdu sabiex jitfasslu kumpaniji ġodda li huma proprjetá ta' azzjonisti bl-istess proporzjon tad-drittijiet li dawn l-azzjonisti kellhom fil-kumapanija li tkun qed tinqasam. F'dawn il-każijiet, ir-rekwiżiti ta' rappurtar li ġejjin mid-Direttivi 78/855/KEE u 82/891/KEE għandhom għalhekk jiġu mnaqqsa.

    (8) Ġaladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi relatati b'mod partikolari mal-obbligi ta' pubblikazzjoni u dokumentazzjoni ta' ċerti tipi ta' kumpaniji fi ħdan il-Komunità, ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, għar-raġuni tal-iskala u l-effetti tal-miżuri, jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (9) Għalhekk id-Direttivi 77/91/KEE, 78/855/KEE, 82/891/KEE u 2005/56/KEE għandhom jiġu emendati kif xieraq.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva Nru 78/855/KEE

    Id-Direttiva 78/855/KE hija emendata kif ġej:

    1. Fl-Artikolu 1(1), l-ewwel inċiż huwa mibdul bit-test li ġej: "- Finlandja: julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag".

    2. Fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    Kumpanija m'għandiex l-obbligu li tippubblika pubblikazzjoni bħal din kemm-il darba, għal-perjodu kontinwu ta' żmien li jibda mhux aktar tard minn xahar qabel il-ġurnata tal-laqgħa ġenerali, tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni waħedha jew fuq xi websajt ieħor fl-Internet ieħor. Fil-każ li kumpanija tagħmel użu minn din l-possibbiltá għandha tippubblika referenza li tagħti aċċess għal websajt fuq il-pjattaforma ċentrali elettronika msemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KEE. Din ir-referenza gġandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni fuq il-websajt tal-Interenet.

    3. Fl-Artikolu 8, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "Għall-iskopijiet ta' punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikoli 11 (2), (3) u (4) għandhom japplikaw".

    4. L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 9

    1. Il-korpi ta' amministrazzjoni jew tmexxija ta' kull waħda mill-kumpaniji li qegħdin jiġu inkorporati għandhom ifasslu rapport dettaljat bil-miktub li jispjega l-abbozz tat-termini ta' għaqda u jagħti r-raġunijiet legali u ekonomiċi tagħhom, b' mod partikolari l-proporzjoni tal-bdil tal-ishma.

    Ir- rapport għandu jiddeskrivi wkoll kwalunkwe diffikultajiet speċjali ta' valutazzjoni li jkunu nqalgħu.

    2. Il-korpi amministrattivi jew ta' tmexxija ta' kumpanija li qiegħda tiġi diviża għandhom jinfurmaw il-laqgħa ġenerali ta' dik il-kumpanija u l-korpi amministrattivi jew ta' tmexxija tal-kumpaniji reċipjenti ħalli huma jistgħu jinfurmaw il-laqgħat ġenerali rispettivi tagħhom b'kull bidla materjali fl-attiv u l-passiv bejn id-data ta' preparazzjoni tal-abbozz ta' kundizzjonijiet ta' diviżjoni u d-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li qiegħda tiġi diviża li għandha tiddeċiedi fuq l-abbozz ta' kundizzjonijiet tad-diviżjoni.

    3. Ir-rapport msemmi f'paragrafu 1 u l-informazzjoni msemmija f'paragrafu 2 mhumiex obbligatorji kemm-il darba l-azzjonisti kollha, flimkien ma' dawk li għandhom xi titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta' kull kumpanija involuta fl-amalgamzzjoni, jaqblu dwar dan.

    5. L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i) Il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

    "(d) fejn hu applikabbli, ir-rapporti tal-korpi amministrattivi jew ta' tmexxija tal-kumpaniji li qegħdin jiġu amalgamati kif provdut fl-Artikolu 9",

    (ii) għandu jiġi miżjud is-sottoparagrafu li ġej:

    "Għall-fini ta' punt (c) tal-ewwel sottoparagrafu, dikjarazzjoni ta' kontabbilitá mhijiex rekwiżita fi kwalunkwe minn dawn is-sitwazzjoniiet li ġejjin:

    (a) kemm-il darba kumpanija tippubblika rapport finazjarju f'nofs is-sena, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE, u tagħmlu disponibbli għall-azzjonijsti, b'konformitá ma' dan il-paragrafu;

    (b) kemm-il darba l-azzjonisti kollha flimkien ma' dawk li għandhom xi titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta' kull kumpaniji involuta fl-amalgamazzjoni, jaqblu bejniethom li mhijiex meħtieġa"

    (b) Fil-paragrafu 3 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    "Fil-każ li azzjonista jkun tal-kunsens tiegħu li tħalli l-kumpanija tuża mezzi elettroniċi biex twassal l-informazzjoni, kopji ta' din l-informazzjoni jistgħu jiġu forniti permezz tal-posta elettronika".

    (c) Għandu jiżdied il-paragrafu 4:

    "4. Kumpanija m'għandhiex għalfejn tagħmel id-dokumenti msemmijin f'paragrafu 1 disponibbli fl-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tagħha kemm-il darba, għall-perjodu kontinwu ta' żmien li jibda mhux aktar tard minn xahar qabel il-ġurnata tal-laqgħa ġenerali, tagħmilhom disponibbli fuq il-websajt tal-Internet tagħha.

    Il-Paragrafu 3 ma japplikax kemm-il darba l-websajt tal-Internet joffri lill-azzjonijisti l-possibbiltá li jżommu kopja elettronika tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1, matul il-perjodu msemmi f'paragrafu 1."

    6. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

    "2. Għal dan il-fini, il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jiddisponu li dawn il-kredituri għandu jkollhom id-dritt li jiksbu salvagwardji adegwati meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji li qegħdin jiġu inkorporati tagħmel din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri m'għandhomx diġà dawn is-salvagwardji.

    L-Istati Membri għandhom jistipulaw l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni pprovduta f'paragrafu 1 u fl-ewwel sottoparagrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kredituri huma awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati sabiex huma jistgħu juru b’mod kredibbli li minħabba t-tnaqqis fil-kapital sottoskritt l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom huwa mnaqqas u li l-kumpanija ma tagħthomx salvagwardji adegwati.”

    7. Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 4 jitħassar.

    8. L-Artikolu 24 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) It-tieni sentenza tinbidel b'dan li ġej:

    "Dawn l-operazzjonijiet għandhom ikunu regolati mill-proviżjonijiet tal-Kapitolu II"

    (b) Tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

    "Madanakollu, l-Istati Membru m'għandhomx jimponu r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 5(2)(b) (c) u (d) 9, 10, 11 (1) (d) u (e), 19 (1) (b), 20 u 21".

    9. L-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-frażi ta' introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

    "L-Istati Membri ma jistennewx li amalgamazzjoni tiġi approvata skont l-Artikolu 24 permezz ta' laqgħa ġenerali kemm-il darba jintlaħħqu l-kundizzjoniet li ġejjin:"

    (b) Fil-punt (b) l-aħħar sentenza tħassret.

    (c) Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    Għall-għanijiet ta' din l-evalwazzjoni mill-ġdid , l-Artikoli 11(2), (3) u (4) għandhom japplikaw.

    10. L-Artikoli 26 u 27 jinbidlu b’dan li ġej:

    "Artikolu 26

    L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikoli 24 u 25 għal operazzjonijiet li bihom waħda jew aktar kumpaniji jiġu xolti mingħajr ma jispiċċaw f'likwidazzjoniji u jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil xi kumpanija oħra, jekk l-ishma u t-titoli l-oħra kollha speċifikati fl-Artikolu 24 tal-kumpanija jew kumpaniji li qed jiġu akkwistati jkunu tal-kumpanija li qed takkwista u/jew ta'persuni li jżommu dawn l-ishma u titoli f'isimhom imma mhux f'isem dik il-kumpanija.

    Artikolu 27

    Fil-każijiet ta' amalgamazzjoni fejn kumpaniji waħda jew aktar huma akkwistati minn kumpanija oħra li jkollha 90 % jew aktar, imma mhux it-total kollu, tal-ishma u titoli oħra ta' kull waħda minn dawk il-kumpaniji li jagħtu lid-detenturi tagħhom id-dritt tal-vot f'laqgħat ġenerali, l-Istati Membri m'għandhomx għalfejn jeħtieġu l-approvazzjoni tal-amalgamazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li qiegħda takkwista, dejjem jekk għall-inqas il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu mħarsa":

    11. Fl-Artikolu 28, il-frażi ta' introduzzjoni tinbidel b'dan li ġej: "L-Istati Memebri m'għandhomx jimponu r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9, 10 u 11 fil-każ ta' amalgamazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 27 kemm-il darba jintlaħħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:"

    12. L-Artikolu 29 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 29

    L-Artikoli 27 u 28 għandhom japplikaw għal operazzjonijiet li bihom kumpanija waħda jew aktar jinħallu mingħajr ma jispiċċaw f'likwidazzjoni, u jittrasferixxu l-assi u l-obbigazzjonijiet kollha tagħhom lil xi kumpanija oħra, jekk 90 % jew iktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u t-titoli msemmijin fl-Artikolu 27 tal-kumpanija jew kumpaniji li qed jiġu akkwistati jkunu tal-kumpanija li qiegħda takkwista u/jew minn persuni li għandhom dawn l-ishma u titoli f'isimhom imma mhux f'isem tal-kumpanija".

    Artikolu 2 Emendi għad-Direttiva Nru 82/891/KEE

    Id-Direttiva 82/891/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

    1. Fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "Kumpanija m'għandhiex l-obbligu li tippubblika din il-pubblikazzjoni kemm-il darba, għal-perjodu kontinwu ta' żmien li jibda mhux aktar tard minn xahar qabel il-ġurnata tal-laqgħa ġenerali, tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni waħedha jew fuq xi websajt ieħor fl-Internet. Fil-każ li kumpanija tagħmel użu minn din l-possibbiltá għandha tippubblika referenza li tagħti aċċess għal websajt fuq il-pjattaforma ċentrali elettronika msemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KEE. Din ir-referenza għandha tinkludi d-data ta' pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni fuq il-websajt tal-Interenet".

    2. Fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "Għall-iskopijiet ta' punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikoli 9 (2), (3) u (4) għandhom japplikaw".

    3. Fl-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    "Fejn applikabbli, għandu juri l-preparazzjoni tar-rapport dwar il-konsiderazzjoni għajr dik fi flus kif imsemmi f'Artikolu 27 (2) tad-Direttiva 77/91/KEE għal kumpaniji reċipjenti u r-reġistru fejn dak ir-rapport għandu jingħata.

    4. Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 jitħassar.

    5. L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) Fil-paragrafu 1 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    "Għall-fini ta' punt (c) tal-ewwel sottoparagrafu, dikjarazzjoni ta' kontabbilitá mhuwiex meħtieġ kemm-il darba kumpanija tippubblika rapport finazjarju f'nofs is-sena, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE, u tagħmlu disponibbli għall-azzjonijst, b'konformitá ma' dan il-paragrafu;"

    (b) Fil-paragrafu 3 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    "Fil-każ li azzjonista jkun ta' il-kunsens tiegħu li tħalli l-kumpanija tuża mezzi elettroniċi biex twassal l-informazzjoni, kopji ta' din l-informazzjoni jistgħu jiġu forniti permezz tal-posta elettronika".

    (c) Għandu jiżdied il-paragrafu 4:

    "4. Kumpanija m'għandhiex għalfejn tagħmel id-dokumenti msemmijin f'paragrafu 1 disponibbli fl-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tagħha kemm-il darba, għall-perjodu kontinwu ta' żmien li jibda mhux aktar tard minn xahar qabel il-ġurnata tal-laqgħa ġenerali, tagħmilhom disponibbli fuq il-websajt tal-Internet tagħha.

    Il-Paragrafu 3 ma japplikax kemm-il darba l-websajt tal-Internet joffri lill-azzjonijisti l-possibbiltá li jżommu kopja elettronika tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1, matul il-perjodu msemmi f'paragrafu 1."

    6. L-Artikolu 10 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 10

    Ir-Rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7 u 8, f'punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 9(2) u (3) ma japplikawx kemm-il darba l-azzjonisti kollha flimkien ma' dawk li għandhom xi titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot, ta' kull kumpaniji involuta fl-amalgamzzjoni jaqblu bejniethom li hekk għandu jkun."

    7. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 12 jinbidel b’dan li ġej:

    "2. Għal dan il-għan, il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jiddisponu li dawn il-kredituri jkollhom il-jedd li jiksbu protezzjoni adegwata meta l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija li qiegħda tiġi diviża u dik tal-kumpanija li lilha ser tkun trasferita l-obbligazzjoni skont l-abbozz tal-kundizzjonijiet tad-diviżjoni jagħmlu din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri ma għandhomx diġà din il-protezzjoni.

    L-Istati Membri għandhom jistipulaw l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni pprovduta f'paragrafu 1 u fl-ewwel sottoparagrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri huma awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati sabiex huma jistgħu juru b’mod kredibbli li minħabba d-diviżjoni proposta qed jiġu mhedda l-pretensjonijiet tagħhom, u li ma kisbu l-ebda salvagwardja adegwata mill-kumpanija.”

    8. L-Artikolu 20 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-kliem tal-bidu għandu jinbidel b'li ġej:

    "Bla ħsara ghall-Artikolu 6, L-Istati Membri m'għandhomx jistennew li d-diviżjoni bejn żewġ kumpaniji tiġi approvata permezz ta' laqgħa ġenerali tal-kumpanija li qiegħda tinfired kemm-il darba l-kumpaniji reċipjenti jżommu llkoll l-ishma kollha tal-kumpanija li qiegħda tinfired u jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:"

    (b) Fil-punt (b) l-aħħar sentenza tħassret.

    (c) Il-punt (c) huwa mħassar.

    (d) Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    "Għall-għanijiet ta' punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikoli 9(2), (3) u (4) flimkien mal-Artikolu 10 għandhom japplikaw".

    9. L-Artikolu 22 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-Paragrafu 4 jitħassar;

    (b) Il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

    "5. L-Istati Membri m'għandhomx jimponu r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7, 8 u 9 (1) (c), (d) u (e) meta l-ishma f' kull waħda mill-kumpaniji l-ġodda huma allokati lill-azzjonisti tal-kumpanija li qiegħda tiġi diviża proporzjonatament għad-drittijiet tagħhom fil-kapital ta' dik il-kumpanija".

    Artikolu 3 L-emendi għad-Direttiva 2005/56/KE

    1. Fl-Artikolu 6 (1), għandu jiġi miżjud is-sottoparagrafu li ġej:

    "Publikazzjoni b'konformitá mal-ewwel sottoparagrafu m'hijiex meħtieġa l-obbligu mill-kimpanija kemm-il darba, għal-perjodu kontinwu ta' żmien li jibda mhux aktar tard minn xahar qabel il-ġurnata tal-laqgħa ġenerali, tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni waħedha jew fuq xi websajt oħra fl-Internet ieħor. Fil-każ li kumpanija tagħmel użu minn din l-possibbiltá għandha tippubblika referenza li tagħti aċċess għal websajt fuq il-pjattaforma ċentrali elettronika msemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KEE. Din ir-referenza għandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-amalgamazzjoni fuq il-websajt tal-Interenet."

    2. Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Fejn issir amalgamazzjoni transkonfinali b'akkwist minn kumpanija li jkollha 90 % jew iżjed iżda mhux l-ishma u s-sigurtajiet l-oħra li jikkonferixxu d-dritt għall-vot fl-laqgħat ġenerali ta' kumpanija oħra, rapporti mit-tmexxija jew korp amministrattiv, rapporti minn espert jew esperti indipendenti u d-dokumenti meħtieġa għall-iskrutinju għandhom jenħtieġu biss sakemm dik il-liġi nazzjonali li tiggverna jew il-kumpanija akkwirenti jew il-kumpanija li tkun qed tiġi akkwistata hekk teħtieġ, b'konformitá mad-Direttiva 78/855/KEE"

    Artikolu 4 Emendi għad-Direttiva Nru 77/91/KEE

    Id-Direttiva 77/91/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

    1. Fl-Artikolu 1(1), l-ewwel inċiż huwa mibdul bit-test li ġej: "- fil-Finlandja: julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag".

    2. Fl-Artikolu 10, għandu jiżdied il-paragrafu 5:

    "5. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx dan l-Artikolu fil-każ li titfassal kumpanija ġdida permezz ta' amalgamazzjoni jew diviżjoni meta rapport imħejji mill-esperti huwa stabbilit taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE[24], l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE[25] jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[26]

    Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw dan l-Artikolu fil-każijiet imsemmijin fl-ewwel sottoparagrafu, jistgħu jipprovdu li r-rapport taħt dan l-Artikolu u r-rapport taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 78/855/KEE flimkien mar-rapport taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 82/891/KEE jew ir-rapport taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jitħejjew mill-istess espert jew grupp ta' esperti."

    3. Fl-Artikolu 27, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    "3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fil-każ ta' żieda fil-kapital sottoskritt magħmula sabiex tagħti effett lil xi amalgamazzjoni jew offerta pubblika għax-xiri jew il-bdil ta' ishma u biex jitħallsu l-azzjonisti tal-kumpanija li qiegħda tiġi assorbita jew li hija s-suġġett tal-offerta pubblika għax-xiri jew skambju ta' ishma.

    Madanakollu, fil-każ ta' amalgamazzjoni jew diviżjoni ta' kumpaniji, dan għandu japplika biss fejn jkun tħejja rapport taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 78/855/KEE, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 82/891/KEE jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/56/KE.

    Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2 fil-każ li sseħħ amalgamazzjoni jew diviżjoni, jistgħu jipprovdu li r-rapport taħt dan l-Artikolu u r-rapport taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 78/855/KEE flimkien mar-rapport taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 82/891/KEE jew ir-rapport taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jitħejjew mill-istess espert jew grupp ta' esperti."

    Artikolu 5 Traspożizzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-30 ta' Ġunju 2011. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni, t-test ta’ dawk il-proviżjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, [...]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] COM(2006)689 finali, ĠU C 78, tal-11.4.2007, p. 9.

    [2] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell –dok. 7224/07 Konkl. 1

    [3] COM (2007) 394, mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    [4] Id-Direttiva 2007/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/855/KEE u 82/891/KEE fir-rigward tar-rekwiżit ta’ rapport mħejji minn espert indipendenti fl-okkażjoni tal-amalgamazzjoni jew d-diviżjoni ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, ĠU L300, 17.11.2007, p. 47.

    [5] COM (2008)194, (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [6] ĠU L 295, 14.3.1968, p. 36.

    [7] ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.

    [8] ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

    [9] ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

    [10] Id-dokument tal-Kunsill 15222/07 DRS 48.

    [11] A6-0101/2008

    [12] Id-Direttiva 2004/109/KE tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva Nru 2001/34/KE, ĠU L390, 31.12.2004, p. 1

    [13] Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpaniji kkwotati, OJ L 184, 14.7.2007, p. 17

    [14] Direttiva 2006/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, fir-rigward tal-formazzjoni ta’ kumpaniji pubbliċi ta’ responsabiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, ĠU L 264, 25.9.2006, p. 32.

    [15] COM (2008) 33, mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, p. 23

    [16] Ara n-nota tal-qiegħ 5

    [17] ĠU C […], […], p. […].

    [18] ĠU C […], […], p. […].

    [19] ĠU C […], […], p. […].

    [20] ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

    [21] ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.

    [22] ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

    [23] ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.

    [24] ĠU L 295, 20 .10.1978, p. 36.

    [25] ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.

    [26] ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

    Top