EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0550

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fl-Indja wara investigazzjoni għar-reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL] li jimponi dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

/* KUMM/2008/0550 finali */

52008PC0550

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fl-Indja wara investigazzjoni għar-reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL] li jimponi dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 /* KUMM/2008/0550 finali */


TRADE/XXXX

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.9.2008

KUMM(2008)550 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fl-Indja wara investigazzjoni għar-reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL] li jimponi dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna (i) l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004 ('ir-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidju') fil-proċediment ta’ kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja u (ii) l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 ('ir-Regolament bażiku tal-anti-dumping') fil-proċediment ta’ anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja. |

Kuntest ġenerali Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku tal-anti-dumping u tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidju u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati f’dawn ir-Regolamenti bażiċi. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2002 li jimponi dazju ta' kontro-bilanċ definittiv u għal ġbir definittiv tad-dazju ta' kontro-bilanċ proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mill-Indja, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 123/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru [DAĦĦAL] li jimponi dazi ta’ anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja wara investigazzjoni għar-reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96. |

Konsistenza ma’ politiki u objettivi oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TAL-IMPATT |

Konsultazzjoni tal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati bil-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Ġabra u użu ta’ għarfien espert |

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal għarfien espert estern. |

Stima tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrijenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu stmati. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Sommarju tal-azzjoni proposta Fl-24 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni għar-reviżjoni tal-iskadenza dwar il-miżuri ta’ kontro-bilanċ applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fl-Indja. L-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza saret wara talba li ġiet ippreżentata fl-24 ta’ April 2007 minn żewġ produtturi tal-Komunità, li jirrappreżentaw 100% tal-produzzjoni tal-Komunità tal-aċidu sulfaniliku. Fid-29 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha, reviżjoni interim parzjali limitata għal-livell ta’ sussidji minħabba li l-Kummissjoni kellha evidenza prima facie suffiċjenti li ċ-ċirkostanzi marbuta mas-sussidji, u li fuq il-bażi ta’ dawn kienu ġew stabbiliti l-miżuri, kienu nbidlu u dawn kienu ta’ natura permanenti. Il-proposta tal-Kummissjoni hawn mehmuża għal Regolament tal-Kunsill fiha s-sejbiet definittivi dwar is-sussidji, id-dannu u l-interess tal-Komunità. Għalhekk, huwa propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża li għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mit-23 ta’ Ottubru 2008. |

Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004. |

Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà b’hekk ma japplikax. |

Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi aktar ’il fuq u ma tħalli l-ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jiġi minimizzat u huwa proporzjonali għall-għan tal-proposta, ma tapplikax. |

Għażla tal-istrumenti |

Strumenti proposti: regolament. |

Mezzi oħra mhumiex adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI |

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fl-Indja wara investigazzjoni għar-reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL] li jimponi dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara likkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea [1] (‘ir-Regolament bażiku’), partikolarment l-Artikoli 15, 18 u 19 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1. PROĊEDURA

2. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti

3. F’Lulju 2002, bir-Regolament (KE) Nru 1338/2002[2], il-Kunsill impona dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv ('il-miżuri eżistenti') ta’ 7,1% fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2921 42 10 (kodiċi TARIC 2921 42 10 60) li joriġinaw mill-Indja. Il-miżuri imposti ġew ibbażati fuq ir-riżultati ta’ proċedura ta’ kontra s-sussidju skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku ('l-investigazzjoni oriġinali').

4. Fl-istess waqt, bir-Regolament (KE) Nru 1339/2002[3], il-Kunsill impona dazju ta’ anti-dumping definittiv ta’ 18,3% fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina fl-Indja.

5. Fil-qafas tal-proċeduri ta’ kontro-bilanċ u ta’ anti-dumping imsemmija aktar ’il fuq, il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2002/611/KE[4] aċċettat impenn ta’ prezz minn produttur esportatur Indjan, Kokan Synthetics and Chemicals Pvt. Ltd ('Kokan').

6. F’Diċembru 2003, Kokan informat lill-Kummissjoni li din xtaqet tirtira l-impenn tagħha b’mod volontarju. B’hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenn ġiet revokata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/255/KE[5].

7. F’April 2005, wara talba li ġiet ippreżentata minn Kokan, il-Kummissjoni bdiet[6] reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96[7] ('ir-Regolament bażiku tal- anti-dumping ') rispettivament, li hija limitata fl-ambitu għall-eżami tal-aċċettabbiltà ta’ impenn li kellu jiġi offrut mill-kumpanija.

8. Wara investigazzjoni, f’Diċembru 2005, bid-Deċiżjoni 2006/37/KE[8], il-Kummissjoni aċċettat l-impenn offrut minn Kokan b’rabta mal-proċeduri ta’ anti-dumping u ta’ kontro-bilanċ li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fl-Indja.

9. F’Jannar 2006, bħala riżultat tal-investigazzjoni msemmija fil-premessa (6) aktar ’il fuq, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 123/2006[9], ir-Regolament (KE) 1338/2002 li jimponi dazju ta' kontrobilanċ definittiv u għal ġbir definittiv tad-dazju kompensatorju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mill-Indja u r-Regolament (KE) Nru 1339/2002 li jimponi dazju ta’ anti-dumping u ġbir definittiv ta’ dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċtu sulphanilic u joriġina fl-Indja, ġew emendati sabiex tkun ikkunsidrata l-aċċettazzjoni tal-impenn imsemmi.

10. Wara reviżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL][10], impona dazju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja.

11. Talba għal reviżjoni

12. Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż tal-iskadenza viċina[11] tal-miżuri eżistenti, il-Kummissjoni, fl-24 ta’ April 2007, irċeviet talba għal reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Din it-talba ġiet ippreżentata minn żewġ produtturi tal-Komunità (l-'applikanti') li jirrappreżentaw 100% tal-produzzjoni Komunitarja tal-aċidu sulfaniliku.

13. It-talba għal reviżjoni tal-iskadenza kienet ibbażata fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ sussidji u dannu għall-industrija tal-Komunità.

14. Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza mressqa mill-applikanti u kkunsidrataha bħala suffiċjenti sabiex jiġi ġustifikat il-bidu tar-reviżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ħabbret nhar l-24 ta’ Lulju 2007, permezz ta’ avviż ta’ inizjazzjoni ippubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [12], il-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

15. Ta’ min jinnota li qabel il-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza, u skont l-Artikoli 10(9) u 22(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvern tal-Indja (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-'GI') li din kienet irċeviet talba għal reviżjoni li kienet dokumentata kif jixraq, u stiednet lill-GI għall-konsultazzjonijiet sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni rigward il-kontenut tal-ilment u sabiex dawn jaslu għal soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku. Il-GI ma ta l-ebda reazzjoni għal din l-offerta ta’ konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet ġew offruti u saru wkoll mal-awtoritajiet Indjani fil-kuntest ta’ reviżjoni interim parzjali msemmija aktar ’il quddiem. Dawn il-konsultazzjonijiet ma wasslux għal soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku li setgħet twassal sabiex ma tinbedix ir-reviżjoni.

16. Reviżjoni interim parzjali

17. B’avviż ta’ inizjazzjoni ippubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea nhar id-29 ta’ Settembru 2007[13] (l-"avviż ta’ inizjazzjoni tal-Artikolu 19"), il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, bdiet fuq inizjattiva tagħha stess reviżjoni interim parzjali limitata għal-livell ta’ sussidji, minħabba li l-Kummissjoni kellha evidenza prima facie suffiċjenti li ċ-ċirkostanzi li jikkonċernaw is-sussidji, li fuq il-bażi ta’ dawn ġew stabbiliti l-miżuri, kienu nbidlu u dawn kienu ta’ natura permanenti.

18. Ir-reviżjoni kienet limitata għal-livell ta’ sussidji tal-kumpanija Kokan elenkata fl-Anness għall-avviż ta’ inizjazzjoni tal-Artikolu 19 kif ukoll għall-esportaturi l-oħra li kienu mistiedna sabiex jagħmlu lilhom infushom magħrufa taħt il-kundizzjonijiet u fil-limitu ta’ żmien stipulati fl-avviż ta’ inizjazzjoni.

19. Investigazzjoni

20. Perjodu għall-investigazzjoni

21. L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni jew tar-rikorrenza tas-sussidji kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2006 sal-31 ta’ Marzu 2007 (‘il-perjodu għall-investigazzjoni tar-reviżjoni' jew 'PIR '). Dan il-perjodu ntuża wkoll għall-eżami tal-allegat ċirkostanzi li nbidlu li wasslu għall-bidu tar-reviżjoni interim parzjali. L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill-2003 sat-tmiem tal-perjodu għall-investigazzjoni tar-reviżjoni ('il-perjodu kkunsidrat').

22. Partijiet ikkonċernati bl-investigazzjoni

23. Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom, lir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi, lill-applikanti u lill-produtturi tal-Komunità bit-tnedija tar-reviżjoni tal-iskadenza u bir-reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ inizjazzjoni.

24. Il-partijiet interessati kollha li talbu hekk u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingћataw seduta ta’ smigħ.

25. Waqt ir-reviżjoni tal-iskadenza ntbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha li kien magћruf li huma kkonċernati, jiġifieri liż-żewġ produtturi tal-Komunità, lill-produttur esportatur fl-Indja u lill-importaturi u lill-utenti magħrufa kollha u lill-GI. Fir-rigward tar-reviżjoni interim parzjali, il-kwestjonarji ntbagħtu lill-produttur esportatur fl-Indja u lill-GI.

26. Waslu tweġibiet għall-kwestjonarji mill-GI, miż-żewġ produtturi tal-Komunità u mill-produttur esportatur mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll minn erba’ utenti. Ħadd mill-importaturi ma wieġeb għall-kwestjonarju u ħadd mill-importaturi l-oħra ma forna lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni jew għamel lilu nnifsu magħruf waqt dawn l-investigazzjonijiet.

27. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li tqis neċessarju għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidju u tad-dannu li jirriżulta, tal-interessi tal-Komunità kif ukoll tal-allegat livell mibdul ta’ sussidji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fil-bini tal-GI f’Delhi, tal-Gvern ta’ Maharashtra f’Mumbai, fil-Bank ta’ Riżerva tal-Indja f’Mumbai, u fil-bini ta’ dawn il-kumpaniji li ġejjin:

28. Il-produttur esportatur fl-Indja:

29. Kokan Synthetics & Chemicals Pvt Ltd., Mumbai, L-Indja;

30. Il-produtturi tal-Komunità:

31. Ardenity, Givet, Franza,

32. CUF Quimicos Industrials, Estarreja, il-Portugall;

33. L-utenti:

34. Kemira Germany GmbH, Leverkusen, il-Ġermanja,

35. Robama SA, Palafolls, Spanja.

36. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

37. Il-prodott ikkonċernat

38. Il-prodott li qed jiġi kkunsidrat huwa l-aċidu sulfaniliku li joriġina fl-Indja (‘il-prodott ikkonċernat’), li bħalissa huwa klassifikat fil-kodiċi NM ex 2921 42 10 (TARIC 2921 42 10 60). Bażikament jeżistu żewġ gradi ta’ aċidu sulfaniliku, li jiġu determinati skont il-purità tagħhom: grad tekniku u grad purifikat. Barra minn hekk, kultant il-grad purifikat jiġi kummerċjalizzat fil-forma ta’ melħ tal-aċidu sulfaniliku. L-aċidu sulfanliku jintuża bħala materja prima fil-produzzjoni ta’ sustanzi li joħolqu luminożità ottika, addittivi tal-konkrit, koloranti tal-ikel u żebgħa. Filwaqt li l-aċidu sulfaniliku għandu użi differenti, il-gradi u l-forom kollha huma meqjusin mill-utenti li jistgħu jiġu sostitwiti b’mod raġonevoli, jintużaw bħallikieku l-istess f’bosta applikazzjonijiet u, għaldaqstant, huma ttrattati, bħal fil-każ tal-investigazzjoni oriġinali, bħala prodott wieħed.

39. Il-prodott simili

40. Kif ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, dawn l-investigazzjonijiet tar-reviżjoni kkonfermaw li l-aċidu sulfaniliku u l-imluħa tiegħu huma prodotti purament ta’ komodità u l-kwalità u l-karatterisitiċi fiżiċi tagħhom huma identiċi minkejja l-pajjiż tal-oriġini. Il-prodott ikkonċernat u l-prodotti manifatturati u mibjugħin mill-produttur esportatur ikkonċernat fis-suq domestiku tiegħu u esportat lejn pajjiżi terzi, kif ukoll dawk manifatturati u mibjugħin mill-produtturi tal-Komunità fis-suq tal-Komunità, għaldaqstant, instabu li għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi, u għalhekk huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament bażiku.

41. IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA’ SUSSIDJU

42. Introduzzjoni

43. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fit-talba għar-reviżjoni u t-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji, ġew investigati.

44. Skemi ta' sussidju investigati fl-investigazzjoni oriġinali

45. Skemi nazzjonali

46. L-Iskema ta’ Proċessar għall-Esportazzjoni ( Export Processing Zones Scheme - 'EPZS')/L-Iskema ta’ Żoni Ekonomiċi Speċjali ( Special Economic Zones Scheme - 'SEZS')/L-Iskema tal-Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni ( Export Oriented Units Scheme - 'EOUS')

47. L-Iskema tal- Passbook għall-Intitolar tad-Dazji ( Duty Entitlement Passbook Scheme - 'DEPBS')

48. L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni ( Export Promotion Capital Goods Scheme - 'EPCGS')

49. L-Iskema ta’ Eżenzjoni Fiskali ( Income Tax Exemption Scheme - 'ITES')

50. L-Iskema tal-Liċenzja bil-quddiem ( Advance Licence Scheme - 'ALS')/L-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-quddiem ( Advance Authorisation Scheme - 'AAS')

51. Skemi reġjonali

52. L-Iskema ta’ Pakkett ta’ Inċentivi ('PSI') tal-Gvern ta’ Maharashtra

53. Skemi ta' sussidju mhux investigati fl-investigazzjoni oriġinali

54. Skemi nazzjonali

55. L-Iskema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni ta’ qabel u wara t-trasport bil-baħar ( Export Credit Scheme - 'ECS')

56. L-iskemi (a), (b), (c) u (e) speċifikati aktar ’il fuq huma bbażati fuq l-Att tal-1992 dwar il-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolament) (Nru 22 tal-1992) li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 1992 (‘l-Att dwar il-Kummerċ Barrani’). L-Att dwar il-Kummerċ Barrani jawtorizza lill-Gvern tal-Indja biex joħroġ notifiki dwar il-politika tal-esportazzjoni u l-importazzjoni. Dawn ġew miġbura fil-qosor fid-dokumenti ‘Politika dwar l-Esportazzjoni u l-Importazzjoni’ li, mill-1 ta’ Settembru 2004, din ġiet intitolata ‘Il-Politika dwar il-Kummerċ Barrani’ u dawn jinħarġu mill-Ministeru tal-Kummerċ kull ħames snin u jiġu aġġornati regolarment. Dokument wieħed dwar il-Politika tal-Esportazzjoni u l-Importazzjoni huwa rilevanti għall-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni ta’ dan il-każ, jiġifieri il-pjan ta’ ħames snin relatat mal-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009 (‘politika EXIM 2004-2009’). Barra minn hekk, il-Gvern tal-Indja stabbilixxa wkoll il-proċeduri li jirregolaw il-politika EXIM 2004-2009 fil-‘Manwal ta’ Proċeduri – l-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009, Volum I’ (‘HOP I 2004-2009’).

57. L-Iskema tal-Eżenzjoni Fiskali speċifikata f’(d) hija bbażata fuq l-Att tal-1961 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li jiġi emendat kull sena bl-Att dwar il-Finanzi.

58. L-iskema (f) hija ġestita mill-Istat ta’ Maharashtra u hija bbażata fuq ir-riżoluzzjonijiet tad-Dipartiment tal-Industrija, l-Enerġija u x-Xogħol tal-Gvern ta’ Maharashtra.

59. L-Iskema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni speċifikata aktar ’il fuq f’(g) hija bbażata fuq it-Taqsimiet 21 u 35A tal-Att tal-1949 dwar ir-Regolamentazzjoni Bankarja, li jippermetti lill-Bank ta’ Riżerva tal-Indja (‘RBI’) jagħti struzzjonijiet lill-banek kummerċjali dwar il-kreditu fuq l-esportazzjoni.

60. L-Iskema ta’ Proċessar għall-Esportazzjoni ('EPZS')/l-Iskema ta’ Żoni Ekonomiċi Speċjali (‘SEZS’)/l-Iskema tal-Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni (‘EOUS’)

61. Instab li l-produttur esportatur li kkoopera la kien fl-SEZS u lanqas fl-EPZS. Madankollu, il-produttur esportatur li qiegħed jikkoopera ġie stabbilit taħt l-EOUS u rċieva sussidji ta’ kontro-bilanċ matul il-PIR. Id-deksrizzjoni u l-valutazzjoni t’hawn taħt, għalhekk, huma limitati għall-EOUS.

62. Bażi legali

63. Id-dettalji tal-EOUS jinstabu fil-kapitolu 6 tal-politika EXIM 2004-2009 u fil-HOP I 2004-2009.

64. Eliġibbiltà

65. Ħlief għall-kumpaniji purament kummerċjali l-intrapriżi kollha li, fil-prinċipju, jintrabtu li jesportaw il-produzzjoni kollha tagħhom ta’ oġġetti jew servizzi jistgħu jitwaqqfu taħt l-Iskemi EOUS. L-impenji fis-setturi industrijali għandhom jilħqu limitu ta’ investiment minimu f’assi fissi (10 miljun Rupee Indjan) sabiex ikunu eliġibbli għall-EOUS.

66. Implimentazzjoni prattika

67. L-EOUS tinsab u hija stabbilita kullimkien fl-Indja.

68. Applikazzjoni għal status ta’ EOUS għandha tinkludi d-dettalji għal ħames snin li jmiss dwar, inter alia , il-kwantitajiet ta’ produzzjoni ppjanati, il-valur proġettat tal-esportazzjonijiet, ir-rekwiżiti tal-importazzjoni u r-rekwiżiti indiġeni. Meta tiġi aċċettata mill-awtoritajiet tal-applikazzjoni tal-kumpanija, it-termini u l-kundizzjonijiet mehmuża ma’ din l-aċċettazzjoni jiġu kkomunikati lill-kumpanija. Il-ftehim sabiex tiġi rikonoxxuta bħala kumpanija bi status ta’ EOUS jibqa’ validu għal perjodu ta’ ħames snin. Il-ftehim jista’ jiġġedded għal perjodi oħra.

69. Obbligu kruċjali ta’ EOUS kif spjegat fil-politika EXIM 2004-2009 huwa li jinkiseb dħul nett ta’ munita barranija (‘NFE’), jiġifieri f’perjodu ta’ referenza (ħames snin) il-valur totali tal-esportazzjonijiet irid ikun ikbar mill-valur totali tal-oġġetti importati.

70. L-unitajiet tal-EOUS huma intitolati għall-konċessjonijiet li ġejjin:

71. eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni fuq kull tip ta’ merkanzija (inklużi merkanzija kapitali, materja prima u oġġetti għall-konsum) meħtieġa għall-manifattura, il-produzzjoni, l-ipproċessar, jew marbuta magħhom;

72. eżenzjoni minn dazju tas-sisa fuq merkanzija miksuba minn sorsi indiġeni;

73. rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali mħallsa fuq merkanzija miksuba lokalment;

74. faċilità li tbiegħ sa 50% tal-valur FOB tal-esportazzjonijiet fis-suq domestiku, soġġett li jinkiseb dħul nett pożittiv ta’ munita barranija (NFE) fuq ħlas ta’ dazji konċessjonali, jiġifieri d-dazji tas-sisa fuq il-prodotti lesti;

75. rimborż parzjali tad-dazju mħallas fuq karburant miksub minn kumpaniji taż-żejt domestiċi;

76. eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul li normalment tkun dovuta fuq il-profitti magħmula fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni skont it-Taqsima 10B tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, għal perjodu ta’ 10 snin wara li jibdew l-operazzjonijiet tagħha, iżda mhux iktar tard mill-2010;

77. possibbiltà ta’ pussess ta’ ekwità barranija ta’ 100%.

78. L-unitajiet li joperaw taħt dawn l-Iskemi huma marbuta taħt is-sorveljanza tal-uffiċjali doganali skont it-Taqsima 65 tal-Att dwar id-Dwana.

79. Dawn l-unitajiet huma obbligati bil-liġi li jżommu rendikont xieraq tal-importazzjonijiet kollha, tal-konsum u l-użu tal-materjal importat kollu u tal-esportazzjonijiet li jkunu saru skont it-Taqsima 6.11.1 tal-HOP I 2004-2009. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu ppreżentati perjodikament lill-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ rapporti ta’ progress ta’ kull tliet xhur u ta’ kull sena.

80. Madankollu, “fl-ebda mument ma għandha [EOU] tkun mitluba tikkorrelata kull kunsinna importata mal-esportazzjonijiet, it-trasferimenti lil unitajiet oħra, il-bejgħ fid-DTA ( Domestic Tariff Area ) jew il-bilanċ fl-istokk tagħha”, skont it-Taqsima 6.11.2 tal-HOP 2004-09.

81. Il-bejgħ domestiku jintbagħat u jiġi rreġistrat fuq bażi ta’ awtoċertifikazzjoni. Il-proċess tad-dispaċċ tal-kunsinni għall-esportazzjoni ta’ EOU jkun sorveljat minn uffiċjal tad-dwana jew tas-sisa, li jkun stazzjonat fl-EOU b’mod permanenti.

82. Fil-każ preżent, il-produttur esportatur li kkoopera uża l-iskema sabiex jakkwista oġġetti fis-suq domestiku mingħajr dazju tas-sisa, sabiex jikseb ir-rimborż mit-taxxi fuq il-bejgħ u sabiex jikseb ir-rimborż parzjali tad-dazju mħallas fuq karburant miksub minn kumpaniji taż-żejt domestiċi. L-investigazzjoni żvelat li l-produttur esportatur ikkonċernat ma ħax vantaġġ mill-benefiċċji taħt id-dispożizzjonijiet tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-EOUS.

83. Konklużjonijiet fuq l-EOUS

84. Fil-każ tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq oġġetti li nkisbu minn sorsi indiġeni, instab li d-dazju mħallas fuq ix-xiri minn unità li mhix EOUS jista’ jintuża bħala kreditu għall-ħlasijiet ta’ dazju tal-futur, pereżempju sabiex jitħallas id-dazju tas-sisa fuq il-bejgħ domestiku (l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu “CENVAT”). Għalhekk, id-dazju tas-sisa mħallas fuq ix-xiri mhuwiex definittiv. Bis-sistema ta’ kreditu “CENVAT” id-dazju definittiv jaqa’ biss fuq il-valur miżjud, mhux fuq il-materjali bażiċi. Għalhekk, billi jiġi eżentat id-dazju tas-sisa fuq ix-xiri minn unità tal-EOUS, l-ebda dħul addizzjonali tal-gvern ma jinħafer u b’konsegwenza ma jkun hemm l-ebda ġbir ta’ benefiċċju addizzjonali għal EOUS.

85. Ir-rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali u r-rimborż parzjali tad-dazju mħallas fuq karburant miksub minn kumpaniji taż-żejt domestiċi jikkostitwixxu sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Id-dħul tal-Gvern li kieku jkun dovut fin-nuqqas ta’ din l-iskema jkun mitluf, u b’hekk jingħata benefiċċju lill-EOUS skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, minħabba li din tejbet il-likwidità tagħha billi ġew rimborżati t-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali kif ukoll id-dazji li normalment jitħallsu fuq il-karburant. Bil-liġi, is-sussidji huma soġġetti għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni u, għalhekk, jitqiesu bħala speċifiċi u kompensatorji skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku. L-għan tal-esportazzjoni ta’ EOUS kif stipulat fil-paragrafu 6.1 tal-politika EXIM 02-07 huwa conditio sine qua non sabiex ikun hemm l-inċentivi.

86. Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

87. L-ammont tas-sussidju kien ikkalkulat fuq il-bażi tat-taxxa tal-bejgħ ċentrali rimborżata fuq oġġetti miksuba lokalment u fuq ir-rimborż parzjali ta’ dazji mħallsa fuq karburant mixtri lokalment matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni. Id-drittijiet li neċessarjament kellhom jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku minn din is-somma biex wieħed jasal għall-ammont tas-sussidju bħala n-numeratur. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq il-fatturat tal-esportazzjoni tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kkundizzjonat mill-andament tal-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati. Il-marġni ta’ sussidju miksub b’dan il-mod kien ta’ 3,2%.

88. L-Iskema tal- Passbook għall-Intitolar tad-Dazji (‘DEPBS’)

89. Bażi legali

90. Deskrizzjoni dettaljata dwar id-DEPBS tinsab fit-Taqsima 4.3 tal-politika EXIM 2004-2009 u fit-Taqsima 4.37-4.53 tal-HOP I 2004-2009.

91. Sejbiet

92. Instab li l-produttur esportatur li kkoopera ma kiseb l-ebda benefiċċju taħt id-DEPBS matul il-PIR. Għalhekk, ma kienx meħtieġ li din l-iskema tiġi analizzata aktar f’din l-investigazzjoni.

93. L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni (‘EPCGS’)

94. Bażi legali

95. Deskrizzjoni dettaljata dwar il-EPCGS tinsab fil-Kapitolu 5 tal-politika EXIM 2004-2009 u fil-Kapitolu 5 tal-HOP I 2004-2009.

96. Sejbiet

97. Instab li l-produttur esportatur li kkoopera ma kiseb l-ebda benefiċċju taħt il-EPCGS matul il-PIR. Għalhekk, ma kienx meħtieġ li din l-iskema tiġi analizzata aktar f’din l-investigazzjoni.

98. L-Iskema ta’ Eżenzjoni Fiskali ('ITES')

99. Instab li l-produttur esportatur li kkoopera ma kiseb l-ebda benefiċċju taħt l-ITES matul il-PIR . Għalhekk, ma kienx meħtieġ li din l-iskema tiġi analizzata aktar f’din l-investigazzjoni.

100. L-Iskema tal-Liċenzja bil-quddiem (‘ALS’)/L-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-quddiem ('AAS')

101. Bażi legali

102. Deskrizzjoni dettaljata dwar l-iskema tinsab fit-Taqsimiet 4.1 sa 4.1.14 tal-politika EXIM 2004-2009 u fil-Kapitoli 4.1 sa 4.30 tal-HOP I 2004-2009. L-isem tal-iskema nbidel għall-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-quddiem mil-1 ta’ April 2006.

103. Sejbiet

104. Instab li l-produttur esportatur li kkoopera ma kiseb l-ebda benefiċċju taħt l-AAS matul il-PIR. Għalhekk, ma kienx meħtieġ li din l-iskema tiġi analizzata aktar f’din l-investigazzjoni.

105. L-Iskema ta’ Pakkett ta’ Inċentivi ('PSI') tal-Gvern ta’ Maharashtra (‘GM’)

106. Bażi legali

107. Sabiex jinkoraġġixxi l-istabbiliment tal-industriji fiż-żoni inqas żviluppati tal-Istat ta’ Maharashtra, il-GM ilu jagħti inċentivi lill-unitajiet ġodda li jespandu u jistabbilixxu ruħhom f’reġjuni li qed jiżviluppaw tal-Istat, sa mill-1964, taħt l-iskema magħrufa b’mod komuni bħala l-'Iskema ta’ Pakkett ta’ Inċentivi' ('PSI'). L-iskema ġiet emendata diversi drabi mid-dħul tagħha u l-'iSkema tal-2001' kienet operattiva bejn l-1 ta’ April 2001 sal-31 ta’ Marzu 2006 li wara ġiet estiża b’sena sal-31 ta’ Marzu 2007. Il-PSI tal-GM hija magħmula minn bosta sotto-skemi li l-iktar ewlenin fosthom hemm: (i) ir-rifużjoni tat-taxxa octroi /it-taxxa fuq id-dħul, (ii) l-eżenzjoni mid-dazju tal-elettriku u (iii) l-eżenzjoni mit-taxxa tal-bejgħ lokali/id-differiment tat-taxxa tal-bejgħ lokali. Skont il-GM, l-iskema tal-2001 ma tinkludix l-iskema ta’ taxxa tal-aħħar, jiġifieri la l-eżenzjoni mit-taxxa tal-bejgħ u lanqas id-differimenti tat-taxxa tal-bejgħ. Madankollu, l-investigazzjoni stabbiliet li l-intitolament ta’ kumpanija għall-benefiċċji taħt l-iskema huwa stipulat fiċ-'Ċertifkat tal-Eliġibbiltà'. L-investigazzjoni żvelat li l-unika sotto-skema użata mill-produttur esportatur li kkoopera matul il-PIR kienet, fil-fatt, dik li tikkonċerna d-differimenti tat-taxxa tal-bejgħ (parti minn (iii) aktar ’il fuq).

108. Eliġibbiltà

109. Biex ikunu eliġibbli, il-kumpaniji jridu jinvestu fiż-żoni inqas żviluppati tal-Istat (dawn iż-żoni huma kklassifikati skont l-iżvilupp ekonomiku tagħhom f’kategoriji differenti, pereżempju żona inqas żviluppata, żona ħafna inqas żviluppata, u żona l-inqas żviluppata) jew billi jwaqqfu stabbiliment industrijali ġdid jew billi jagħmlu investiment kapitali fuq skala kbira biex jespandu jew jiddiversifikaw stabbiliment industrijali eżistenti. Il-kriterju prinċipali biex ikun stabbilit l-ammont ta’ inċentivi huwa ż-żona li fiha l-intrapriża tinsab jew se tkun tinsab u d-daqs tal-investiment.

110. Implimentazzjoni prattika

111. Iċ-Ċertifikat tal-Eliġibbiltà maħruġ mill-GM lill-produttur esportatur li kkoopera kkonferma li l-kumpanija, taħt is-sotto-skema tad-differiment tat-taxxa tal-bejgħ, setgħet tiddiferixxi l-ħlas tat-taxxa tal-bejgħ tal-Istat miġbura minn fuq il-bejgħ domestiku tiegħu għal perjodu ta’ 12-il sena mis-sena tal-ġbir.

112. Konklużjoni

113. Is-sotto-skema tad-differiment tat-taxxa tal-bejgħ tal-PSI tal-GM tforni sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Is-sotto-skema eżaminata tikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja mill-GM, minħabba li din il-konċessjoni tipposponi l-ġbir tad-dħul tal-GM li kien ikun dovut mod ieħor. Dan id-differiment jikkonferixxi benefiċċju fuq il-kumpanija minħabba li dan itejjeb il-likwidità tal-kumpanija.

114. Is-sotto-skema hija disponibbli biss għall-kumpaniji li jkunu investew f’ċerti żoni ġeografiċi magħżula li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat ta’ Maharashtra. Din mhix disponibbli għall-kumpaniji li jinsabu barra dawn iż-żoni. Il-livell ta’ benefiċċju jvarja skont iż-żona kkonċernata. L-iskema hija speċifika skont l-Artikolu 3(2)(a) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku, u għalhekk hija kumpensatorja.

115. Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

116. L-ammont differit tat-taxxi tal-bejgħ tal-Istat, taħt l-element tad-differiment tal-iskema, miġbur matul il-PIR huwa kkunsidrat bħala ekwivalenti għal self bla imgħax tal-istess ammont li jkun ingħata mill-GM. Għaldaqstant, il-benefiċċju għall-produttur esportatur li kkoopera ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-imgħax li tħallas fuq self kummerċjali paragunabbli mill-kumpanija matul il-PIR.

117. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, l-ammont tas-sussidju (in-numeratur) kien allokat fuq il-fatturat totali tal-kumpanija matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju mhuwiex ikkundizzjonat mill-esportazzjonijiet u dan ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

118. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ammont tas-sussidju li l-kumpanija ħadet taħt din l-iskema kien ta’ 0,6%.

119. L-Iskema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni (‘ECS’)

120. Bażi legali

121. Id-dettalji dwar l-iskema huma stipulati fiċ-Ċirkulari Prinċipali IECD Nru 02/04.02.02/2006-07 (Kreditu għall-Esportazzjoni f’Munita Barranija) u fiċ-Ċirkulari Prinċipali IECD Nru 01/04.02.02/2006-07 (Kreditu għall-Esportazzjoni fir-Rupee) tal-Bank ta’ Riżerva tal-Indja (‘RBI’), li huma indirizzati lill-banek kummerċjali kollha fl-Indja.

122. Eliġibbiltà

123. L-esportaturi li jimmanifatturaw u n-negozjanti li jesportaw huma eliġibbli għal din l-iskema. Il-produttur esportatur li kkoopera instab li bbenefika mill-ECS.

124. Implimentazzjoni prattika

125. Taħt din l-iskema, ir-RBI jiffissa b’mod obbligatorju l-ogħla livell ta’ rati ta’ imgħax applikabbli għall-kreditu għall-esportazzjoni, kemm fir-Rupee Indjan kif ukoll fil-munita barranija, li l-banek kummerċjali jistgħu jiċċarġjaw lill-esportatur "bil-ħsieb li l-kreditu jsir disponibbli għall-esportaturi b’rati kompetittivi internazzjonalment". L-ECS tikkonsisti f’żewġ sotto-skemi, l-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni qabel it-trasport bil-baħar ("kreditu għall-ippakkjar"), li tkopri kreditu pprovdut lill-esportatur biex jiffinanzja x-xiri, l-ipproċessar, il-manifattura, l-ippakkjar u/jew it-trasport bil-baħar tal-oġġetti qabel ikunu esportati, u l-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni wara t-trasport bil-baħar, li tipprovdi għal self ta’ kapital ċirkolanti bl-iskop li wieħed jaħdem bih sakemm jidħol il-ħlas tal-oġġetti esportati. Ir-RBI jordna wkoll lill-banek biex jipprovdu ċertu ammont mill-kreditu bankarju nett tagħhom għall-finanzjament tal-esportazzjoni.

126. B’riżultat ta’ dawn iċ-Ċirkularijiet Prinċipali tar-RBI, l-esportaturi jistgħu jiksbu kreditu għall-esportazzjoni b’rati ta’ imgħax preferenzjali meta mqabbla mar-rati ta’ imgħax għall-krediti kummerċjali ordinarji (kreditu ta’ flus), li jiġu ffissati skont il-kundizzjonijet tas-suq.

127. Konklużjoni dwar l-ECS

128. L-ewwel nett, ir-rati ta’ imgħax preferenzjali ta’ kreditu tal-ECS stabbiliti biċ-Ċirkularijiet Prinċipali tal-RBI jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-imgħax tal-esportatur meta mqabbla mal-isejjeż tal-kreditu stabbiliti purament skont il-kundizzjonijiet tas-suq u, f’dan il-każ, jikkonferixxu benefiċċju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku fuq tali esportatur. Fil-każ biss meta nstab li kienet teżisti din id-differenza fir-rata tal-imgħax, ġie konkluż li kien ingħata benefiċċju. Id-differenzi fir-rati bejn il-krediti mogħtija skont iċ-Ċirkolarijiet Prinċipali tal-RBI u r-rati kummerċjali (krediti ta’ flus) ma jistgħux jiġu spjegati bħala reazzjoni sempliċi għas-sitwazzjoni tas-suq mill-banek kummerċjali.

129. It-tieni nett, u minkejja l-fatt li l-krediti preferenzjali taħt l-ECS ingħataw minn banek kummerċjali, dan il-benefiċċju huwa kontribuzzjoni finanzjarja mill-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku. Ir-RBI huwa entità pubblika u jaqa’ għalhekk taħt id-definizzjoni ta’ “gvern” kif stipulat fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament bażiku. Dan huwa proprjetà tal-Istat, jissokta l-għanijiet tal-politika pubblika, pereżempju l-politika monetarja, u d-diriġenti tiegħu jinħatru mill-GI. Ir-RBI jidderieġi l-għażla ta’ entitajiet privati, skont it-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku, minħabba li l-banek kummerċjali huma marbutin bil-kundizzjonijiet li dan jimponi, inter alia, l-ogħla livelli għar-rati tal-imgħax fuq il-krediti tal-esportazzjoni li jiġu ppubblikati fiċ-Ċirkularijiet Prinċipali tar-RBI, kif ukoll bid-dispożizzjonijiet tar-RBI li l-banek kummerċjali jridu jiddestinaw ċertu ammont ta’ kreditu bankarju nett tagħhom għall-finanzjament tal-esportazzjonijiet. Din id-direzzjoni tobbliga lill-banek kummerċjali sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku, f’dan il-każ is-self fil-forma ta’ finanzjament preferenzjali għall-esportazzjonijiet. Dan it-trasferiment dirett ta’ fondi fil-forma ta’ self taħt ċerti kundizzjonijiet normalment jaqa’ fil-kompetenza tal-amministrazzjoni pubblika, u din il-prattika ma tvarjax wisq mill-prattiki li normalment jiġu segwiti mill-gvernijiet fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku. Dan is-sussidju jitqies bħala speċifiku u kompensatorju minħabba li r-rati tal-imgħax preferenzjali huma disponibbli biss fir-rigward tal-finanzjament ta’ tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni, u għalhekk huwa kkundizzjonat mill-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet, skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

130. Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

131. L-ammont tas-sussidju kien ikkalkulat fuq il-bażi tad-differenza bejn l-imgħax imħallas għall-krediti tal-esportazzjoni li ntużaw matul il-PIR u r-rata tal-imgħax li kellha titħallas għall-krediti kummerċjali ordinarji użati mill-kumpanija partikulari. Dan l-ammont tas-sussidju (in-numeratur) kien allokat fuq il-fatturat totali tal-esportazzjonijiet matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, għaliex is-sussidju huwa kkundizzjonat mill-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati. Il-produttur esportatur li kkoopera nstab li bbenefika mill-ECS u kiseb sussidju ta’ 0,9%.

132. L-ammont ta’ sussidji suġġetti għal miżuri ta' kontro-bilanċ

133. L-ammont ta’ sussidji suġġetti għal miżuri ta' kontro-bilanċ li nstab matul il-PIR skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, imfisser ad valorem , għall-produttur esportatur investigat huwa ta’ 4.7%.

134. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-produttur esportatur li kkoopera kien responsabbli għal 100% tal-esportazzjonijiet tal-aċidu sulfaniliku mill-Indja lejn il-Komunità matul il-PIR. Ma kien hemm l-ebda informazzjoni li turi li l-livell ta’ sussidju ta’ produtturi esportaturi oħra li seta’ kien hemm kien aktar baxx.

Konsum (tunnellati) | 10 684 | 10 443 | 10 899 | 9 939 | 9 997 |

Indiċi | 100 | 98 | 102 | 93 | 94 |

136. Importazzjonijiet preżenti mill-pajjiż kkonċernat

137. Sabiex tiġi rispettata l-informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju, minħabba l-fatt li Kokan tirrappreżenta 100% tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja u li l-industrija tal-Komunità tikkonsisti minn żewġ produtturi biss, l-informazzjoni fit-Tabelli 2 sa 5 t’hawn taħt qed tiġi ppreżentata fil-forma ta’ indiċi.

138. Il-volum tal-importazzjoni u s-sehem fis-suq tal-importazzjonijiet ikkonċernati matul il-PIR

139. Il-volumi u l-ishma fis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja żviluppaw kif stabbilit fit-tabelli t’hawn taħt.

Tabella 2: Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

Importazzjonijiet () | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Indiċi | 100 | 54 | 59 | 56 | 60 |

Sors: Eurostat |

Tabella 3: Sehem fis-suq tal-pajjiżi kkonċernati

Sehem fis-suq | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Indiċi | 100 | 55 | 58 | 60 | 64 |

140. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqsu b’40% bejn l-2003 u l-PIR u s-sehem fis-suq tal-importaturi Indjani naqas b’36%.

141. L-evoluzzjoni tal-prezz u l-imġiba tal-prezz tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat

Tabella 4: Prezzijiet tal-importazzjonijiet ikkonċernati

Prezzijiet ta’ unità | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Indiċi | 100 | 85 | 96 | 110 | 111 |

Sors: Eurostat |

142. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet ikkonċernati li joriġinaw mill-Indja żdied bi 11% matul il-perjodu kkunsidrat.

143. Sabiex jiġi kkalkulat il-livell tat-traħħis fil-prezz matul il-PIR, il-prezzijiet tal-fabbrika tal-industrija tal-Komunità lill-konsumaturi mhux relatati tqabblu mal-prezzijiet CIF tal-importazzjoni fuq il-fruntiera tal-Komunità tal-pajjiż ikkonċernat, aġġustati kif jixraq sabiex jirriflettu l-prezz ta’ wara l-kunsinna. Dan l-aġġustament sar biż-żieda fil-prezzijiet tad-dazju doganali normali u tal-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni. It-tqabbil żvela li l-prezzijiet aġġustati tal-Indja ma kinux irħas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Komunità. Iż-żieda fil-prezz osservata u n-nuqqas ta’ traħħis fil-prezz għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tad-diversi impenji fuq il-prezz li ġew offruti mill-esportatur Indjan bl-impożizzjoni tal-miżuri fl-2002.

144. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Tabella 5: Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Il-bqija tad-dinja | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | RIP |

Importazzjonijiet (Indiċi) | 100 | 93 | 114 | 91 | 91 |

Sehem fis-suq (Indiċi) | 100 | 95 | 112 | 98 | 97 |

Prezzijiet medji (€/tunnellata) | 855 | 930 | 1 077 | 1 059 | 1 018 |

Indiċi | 100 | 109 | 126 | 124 | 119 |

Sors: Eurostat |

145. Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra naqas b’9% matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem tagħhom fis-suq naqas ftit bi 3%. Il-pajjiżi esportaturi ewlenin, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika u r-RPĊ, ammontaw għal kważi 100% ta’ dawn l-importazzjonijiet matul il-perjodu kkundsidrat.

146. Il-prezzijiet tal-aċidu sulfaniliku mill-pajjiżi terzi l-oħra kienu bħala medja inqas minn dawk tal-industrija tal-Komunità kif ukoll inqas mill-prezzijiet Indjani. Ta’ min ifakkar li l-importazzjonijiet tal-aċidu sulfaniliku li joriġinaw mir-RPĊ kienu suġġetti għal dazju ta’ anti-dumping ta’ 21% fl-2002, li żdied għal 33,7% fl-2004 wara investigazzjoni ta’ kontra l-assorbiment.

147. Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Komunità

148. Rimarki preliminari

149. Sabiex tiġi rispettata l-informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju, l-informazzjoni rigward iż-żewġ kumpaniji li jiffurmaw l-industrija Komunitarja qiegħda tiġi ppreżentata f’forma ta’ indiċi.

150. Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, ġew eżaminati l-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċijiet li jappartjenu għall-industrija tal-Komunità.

151. Data rigward l-industrija tal-Komunità

152. Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni installata u rata tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità

Tabella 6: Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni installata, utilizzazzjoni tal-kapaċità

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Tunnellati ta’ kapaċità (indiċi) | 100 | 100 | 100 | 105 | 112 |

Tunnellati ta’ produzzjoni (indiċi) | 100 | 119 | 115 | 115 | 117 |

Utilizzazzjoni tal-kapaċità (indiċi) | 100 | 119 | 115 | 109 | 105 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

153. Il-livell tal-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità matul il-PIR kien 17% ogħla mil-livell reġistrat fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità wkoll żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat bi 12% minħabba li wieħed mill-produtturi tal-Komunità żied il-kapaċità tiegħu b’investiment f’tagħmir sabiex jipproduċi aċidu sulfaniliku ta’ grad pur. Il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ fatturi wasslet sabiex matul il-perjodu kkunsidrat ikun hemm żieda ġenerali fir-rata tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità tal-industrija tal-Komunità. Ta’ min jinnota wkoll li matul il-PIR l-industrija tal-Komunità laħqet livell sodisfaċenti fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità (fil-medda ta’ 75-80%).

154. Inventarji

155. Matul il-perjodu kkunsidrat il-livelli ta’ ħażniet ta’ għeluq is-sena tal-industrija tal-Komunità naqsu bi 22%. Il-livelli tal-ħażna waqgħu b’mod sinjifikanti fl-2004 u l-2005 iżda żdiedu progressivament fl-2006 u matul il-PIR.

Tabella 7: Il-ħażna fl-għeluq is-sena f’volumi

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Tunnellati ta’ ħażniet (indiċi) | 100 | 35 | 38 | 64 | 78 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

156. Il-volum tal-bejgħ, is-sehem fis-suq u t-tkabbir

157. Il-volumi ta’ bejgħ tal-industrija tal-Komunità matul il-PIR kienu 5% ogħla meta mqabbla mal-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Minħabba li l-konsum tal-Komunità naqas b’6% matul il-perjodu kkunsidrat (ara l-premessa (77) aktar ’il fuq), is-sehem fis-suq li kellha l-industrija tal-Komunità żdied bi 12% matul l-istess perjodu. B’mod speċifiku, matul il-perjodu kkunsidrat l-industrija tal-Komunità kisbet madwar 7 punti perċentwali tas-sehem fis-suq. Is-sehem fis-suq tal-industrija tal-Komunità inżamm ’il fuq minn 50% matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 8: Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem fis-suq

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Volumi ta’ bejgħ - tunnellati (indiċi) | 100 | 114 | 107 | 105 | 105 |

Sehem fis-suq % (indiċi) | 100 | 116 | 105 | 113 | 112 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

158. Ta’ min jinnota li t-tnaqqis fil-konsum tal-Komunità fl-2006 u matul il-PIR affettwa xi ftit it-tkabbir tal-industrija tal-Komunità. Iż-żieda fis-sehem fis-suq huwa spjegat kważi b’mod ugwali b’żieda fil-volumi ta’ bejgħ u bil-konsum iktar dgħajjef lejn tmiem il-perjodu kkunsidrat.

159. Fatturi li affettwaw il-prezzijiet tal-Komunità

160. Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Komunità żdiedu sostanzjalment b’26% matul il-perjodu kkunsidrat. L-iżviluppi osservati mill-2005 ’il quddiem jidhru li jirriflettu b’mod partikolari l-effetti tal-miżuri ta’ kontra l-assorbiment imposti fl-2004 kontra l-importazzjonijiet Ċiniżi. Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Komunità żdiedu b’mod sinjifikanti bejn l-2004 u l-2005 u baqgħu tista’ tgħid stabbli minn hemm ’il quddiem. Madankollu, din iż-żieda kienet f’rata aktar baxxa miż-żieda fil-prezz tal-anilina, li hija l-iktar materja prima importanti għall-produzzjoni tal-aċidu sulfaniliku. Fil-fatt, l-anilina, li hija derivattiva tal-benżin, kienet tirrappreżenta madwar 50% tal-ispiża totali tal-manifattura matul il-PIR, ikkaratterizzata b’żieda fil-prezz ta’ madwar 45% bejn l-2003 u l-PIR.

Tabella 9: Prezzijiet tal-bejgħ

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Prezz medju tal-bejgħ (indiċi) | 100 | 104 | 124 | 125 | 126 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

161. Impjiegi u produttività

162. Il-livell tal-impjiegi naqas b’9% bejn l-2003 u l-PIR, filwaqt li l-produzzjoni żdiedet, li b’hekk tirrifletti żieda fil-produttività u fil-kompetittività tal-industrija tal-Komunità. L-ispiża medja għal kull impjegat, madankollu, telgħet matul l-istess perjodu bi 15%.

Tabella10: Impjiegi u produttività

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Impjiegi (indiċi) | 100 | 96 | 96 | 98 | 91 |

Produttività (indiċi) | 100 | 125 | 120 | 117 | 129 |

Spiża medja tax-xogħol (indiċi) | 100 | 82 | 94 | 106 | 115 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

163. Profitabbiltà

Tabella 11: Profitabbiltà

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Indiċi | 100 | -1 286 | 1 519 | 335 | 191 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

164. Il-profitabbiltà tal-industrija tal-Komunità, ħlief għas-sena 2005, kienet ta’ madwar jew taħt il-1% tal-fatturat tagħha. Fl-2004 ġie rreġistrat telf importanti, filwaqt li l-industrija tal-komunità rreġistrat profitti fl-2005, l-2006 u l-PIR. Minħabba li l-profitabbiltà tal-industrija tal-Komunità kienet baxxa ħafna fl-2003, iż-żieda evidenti fil-perjodu kkunsidrat wasslet għal livell ta’ profitabbiltà ferm aktar baxx minn dak aċċettabbli f’din it-tip ta’ industrija.

165. Ta’ min jinnota wkoll li l-profitabbiltà tal-industrija tal-Komunità kienet influwenzata bl-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima. L-ispiża medja tal-produzzjoni żdiedet b’25% bejn l-2003 u l-PIR. Kif issemma fil-premessa (91) aktar ’il fuq, l-anilina hija l-iktar materjal importanti fil-produzzjoni tal-aċidu sulfaniliku u dan jammonta għal madwar nofs l-ispiża tal-manifattura. Meta jitqies li l-prezzijiet tal-anilina telgħu b’mod sinjifikanti fl-2004, l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tgħaddi din iż-żieda fil-prezz fuq il-konsumaturi, u allura ġarrbet telf. Is-sitwazzjoni għall-industrija tal-Komunità tjiebet fl-2005 minħabba li l-prezzijiet tal-anilina stabbilizzaw ruħhom u l-industrija tal-Komunità setgħet iżżid il-prezzijiet tagħha tal-aċidu sulfaniliku sakemm kien possibbli sabiex tkopri ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima. Fl-2006 u fil-PIR, ikkonfrontata biż-żieda ġdida fil-prezzijiet tal-analina, il-profitabbiltà tal-industrija tal-Komunità, fir-rigward tal-fatturat, naqset għal-livelli taħt il-1%.

166. Investimenti, qligħ fuq l-investiment u l-kapaċità li jinġabar il-kapital

Tabella 12: Investimenti, qligħ fuq l-investiment

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Investimenti (indiċi) | 100 | 39 | 57 | 255 | 305 |

Qligħ fuq l-investiment (indiċi) | 100 | -1 779 | 2 498 | 420 | 224 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

167. Matul il-perjodu kkunsidrat l-industrija tal-Komunità kompliet tagħmel investimenti fl-attivitajiet tagħha tal-aċidu sulfaniliku. Fl-2006 u matul il-PIR, minbarra l-investimenti relatati primarjament maż-żamma tal-assi kapitali eżistenti, wieħed mill-produtturi tal-Komunità għamel investimenti sabiex iżid il-kapaċità tiegħu fil-produzzjoni ta’ aċidu sulfaniliku ta’ grad pur. Madankollu, ta’ min jinnota li din il-kapaċità ġdida hija mistennija li tibda topera b’mod sħiħ mill-2008.

168. Waqt li matul il-perjodu kkunsidrat l-industrija tal-Komunità kellha profitti baxxi, il-qligħ fuq l-investiment, li jesprimi r-riżultat ta’ qabel it-taxxa bħala perċentwali tal-valur medju nett tal-ftuħ u l-għeluq tal-assi kif imniżżel fil-kotba użat fil-produzzjoni tal-aċidu sulfaniliku, ukoll baqa’ baxx ħafna, jiġifieri madwar 2% matul il-PIR.

169. L-investigazzjoni żvelat li r-rekwiżiti tal-kapital tal-industrija tal-Komunità ġew affettwati b’mod ħażin minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli. Għalkemm wieħed mill-produtturi tal-Komunità jifforma parti minn grupp kbir, ir-rekwiżiti tal-kapital mhux dejjem intlaħqu sal-livell mixtieq, minħabba li f’dan il-grupp ir-riżorsi finanzjarji jiġu ġeneralment allokati lill-aktar entitajiet li jagħmlu qligħ.

170. Likwidità

171. Il-likwidità naqset b’mod sinjifikanti, b’85% bejn l-2003 u l-PIR, iżda xorta waħda baqgħet pożittiva. Il-likwidità mhijiex issegwi x-xejra tal-profitabbiltà minħabba li din kienet influwenzata b’elementi mhux kontanti, bħalma huma d-deprezzament u l-movimenti tal-inventarju.

Tabella 13: Likwidità

Likwidità | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Indiċi | 100 | 41 | 64 | 32 | 15 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Komunità |

172. Konklużjoni

173. Bejn l-2003 u l-PIR, ħafna mill-indikaturi li jappartjenu għall-industrija tal-Komunità żviluppaw b’mod pożittiv: il-volumi tal-bejgħ, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-produzzjoni, il-ħażniet fl-għeluq, il-produttività, l-investimenti u l-qligħ fuq l-investiment. Madankollu, matul il-PIR il-profitabbiltà tagħha baqgħet taħt il-1% tal-fatturat.

174. L-industrija tal-Komunità bbenefikat minn żieda fil-prezz tal-aċidu sulfaniliku l-aktar mill-2004 sa tmiem il-PIR. Madankollu, iż-żieda fil-prezz tal-bejgħ ma setgħetx tikkumpensa b’mod sħiħ għaż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni u, għalhekk, il-marġni ta’ profitt naqas.

175. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-konsum tal-Komunità fl-2006 u fil-PIR xekkel xi ftit l-irkupru tal-industrija tal-Komunità.

176. B’mod ġenerali, l-introduzzjoni tal-miżuri ta’ kontra s-sussidju ippermettiet lill-industrija tal-Komunità sabiex tistabbilizza s-sitwazzjoni tagħha, iżda mhux biex tirkupra b’mod sħiħ mis-sitwazzjoni dannuża li kienet fiha minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima li l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tgħaddi fuq il-konsumaturi tagħha. Minkejja dan, l-investigazzjoni żvelat li matul il-perjodu kkunsidrat l-industrija tal-Komunità bdiet tinvesti f’tagħmir ġdid.

177. Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, ħareġ, min-naħa waħda, li l-indikaturi tal-volum żviluppaw b’mod pożittiv matul il-perjodu kkunsidrat. Mill-banda l-oħra, l-indikaturi finanzjarji li jappartjenu għall-industrija tal-Komunità, bħall-profitabbiltà u l-likwidità, żvelaw li l-industrija tal-Komunità għadha f’sitwazzjoni ekonomika vulnerabbli. Għalhekk, huwa konkluż li din ma tistax tirkupra b’mod sħiħ mill-effetti ta’ sussidji dannużi.

178. PROBABBILTÀ TAR-RIKORRENZA TAD-DANNU

179. Ġenerali

180. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, saret analiżi dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu li kieku l-miżuri eżistenti kellhom jiġu revokati. F’dan ir-rigward, ġie eżaminat b’mod partikolari l-iżvilupp probabbli tal-volumi u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll l-effetti probabbli ta’ dawn fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Komunità fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri.

181. L-iżvilupp tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat kieku l-miżuri kellhom jiġu revokati

182. Ta’ min ifakkar li anke bil-miżuri ta’ kontra s-sussidju fis-seħħ, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat kellhom sehem fis-suq ta’ 9,7% matul il-PIR.

183. L-investigazzjoni żvelat li l-produttur esportatur Indjan li kkoopera kellu kapaċità żejda sinjifikanti, li tikkorrispondi għal aktar minn 30% tal-konsum tal-Komunità. Din il-kapaċità mhux użata tindika li dan il-produttur esportatur għandu l-possibbiltà li jżid il-produzzjoni preżenti tiegħu, u għalhekk iżid ukoll l-esportazzjonijiet tiegħu tal-aċidu sulfaniliku lejn il-Komunità.

184. Ta’ min jinnota wkoll li l-konsum tal-Komunità naqas bi ftit matul il-perjodu kkunsidrat u mhux mistenni li fis-snin li ġejjin id-domanda tkun tali li tassorbi ż-żieda potenzjali fl-importazzjonijiet mill-Indja li kieku l-miżuri jiġu revokati. F’dan ix-xenarju, l-esportazzjonijiet tal-aċidu sulfaniliku mill-Indja x’aktarx jissostitwixxu sehem kbir mill-bejgħ imwettaq mill-industrija tal-Komunità, minħabba li l-prezzijiet tal-importazzjoni x’aktarx ikunu aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Komunità.

185. L-investigazzjoni żvelat li s-suq tal-Komunità se jibqa’ attraenti għall-produttur esportatur Indjan. Fil-fatt, instab li l-prezz medju tal-esportazzjoni tal-bejgħ tiegħu lil pajjiżi terzi oħra kien taħt il-prezz medju tal-esportazzjoni lejn il-Komunità. Il-fatt li ma nstab l-ebda traħħis fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni Indjani huwa spjegat bl-impenn ta’ prezz, u għalhekk il-miżuri, li hemm fis-seħħ għall-Indja. Madankollu, anke wara, il-prezzijiet CIF Indjani tal-esportazzjoni nstabu, li bħala medja, kienu aktar baxxi mill-prezz medju tal-industrija tal-Komunità (madwar 7%).

186. Għalhekk, x’aktarx li fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri, il-produttur esportatur Indjan kien ikollu inċentiv sabiex juża kwantitajiet sinjifikanti ta’ kapaċità mhux użata u sabiex jidderieġi mill-ġdid l-esportazzjonijiet tiegħu lil pajjiżi terzi oħra lejn is-suq aktar attraenti tal-Komunità, bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk fis-seħħ fl-industrija tal-Komunità.

187. Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu

188. Fuq il-bażi ta’ dan li ġie spjegat hawn fuq, huwa konkluż li, li kieku l-miżuri kellhom jiskadu, l-importazzjonijiet fis-suq tal-Komunità mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx iseħħu f’volumi sinjifikati bi prezzijiet issussidjati, li jkunu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Komunità. Probabbilment dan ikollu l-effett li jintroduċi xejra ta’ tnaqqis fil-prezz fuq is-suq tal-Komunità, bil-konsegwenza li jkun mistenni impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Komunità. B’mod partikolari dan jista’ jreġġa’ lura l-irkupru miksub matul il-perjodu kkunsidrat, li jwassal għal rikorrenza tad-dannu.

189. L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

190. Introduzzjoni

191. Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri ta’ kontra s-sussidju eżistenti tmurx jew le kontra l-interess tal-Komunità b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Komunità ġiet ibbażata fuq apprezzament ta’ diversi interessi involuti.

192. Il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, li għalhekk tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri ta’ kontra s-sussidju jkunu diġà fis-seħħ, jippermetti li ssir l-istima ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet ikkonċernati bil-miżuri ta’ kontra s-sussidju li hemm fis-seħħ.

193. Fuq din il-bażi, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ sussidju dannuż, kienx hemm raġunijiet konvinċenti li setgħu jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

194. L-interess tal-industrija tal-Komunità

195. Wieħed għandu jistenna b’mod raġonevoli li l-industrija tal-Komunità se tkompli tibbenefika mill-miżuri li huma imposti bħalissa u tkompli tirkupra aktar billi tikseb mill-ġdid is-sehem fis-suq u ttejjeb il-profitabbiltà tagħha. Jekk il-miżuri ma jinżammux, l-industrija tal-Komunità x’aktarx li għal darb’oħra tibda tbati d-dannu, minħabba l-importazzjonijiet miżjuda bi prezzijiet issussidjati mill-pajjiż ikkonċernat, u s-sitwazzjoni finanzjarja fraġli preżenti tagħha tmur għall-agħar.

196. Fuq din il-bażi, huwa konkluż li l-kontinwazzjoni tal-miżuri tkun fl-interess tal-industrija tal-Komunità.

197. L-interess tal-importaturi

198. Ta’ min ifakkar li fl-investigazzjoni oriġinali kien instab li l-impożizzjoni tal-miżuri ma kellhiex impatt serju fuq l-importaturi tal-Komunità tal-aċidu sulfaniliku. Dan jiġi kkonfermat bin-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’din l-investigazzjoni. Għalhekk, ma ġiet ippreżentata l-ebda raġuni konvinċenti li l-impożizzjoni tal-miżuri tmur kontra l-interess tal-importaturi.

199. L-interess tal-utenti

200. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil 31 utent li kienu magħrufa kollha, li minnhom erba’ biss wieġbu għall-kwestjonarju. Tliet tweġibiet waslu mingħand il-kumpaniji tal-Komunità li jipproduċu sustanzi li joħolqu luminożità ottika filwaqt li tweġiba waħda waslet mingħand kumpanija li tipproduċi ż-żebgħa. Madankollu, l-informazzjoni fornuta minn dawn l-utenti fir-rigward tal-effett tal-miżuri u l-proporzjon li l-aċidu sulfaniliku rrappreżenta fl-ispejjeż tal-manifattura tagħhom ma kinitx sinifikattiva.

201. Il-volumi tal-prodott ikkonċernat impurtat minn dawn l-erba’ utenti jirrappreżentaw 47,3% tal-importazzjonijiet totali fil-Komunità. Barra minn hekk, minħabba li dawn l-erba’ utenti xtraw volumi sinjifikanti ta’ aċidu sulfaniliku mill-industrija tal-Komunità, dawn kienu jammontaw għal madwar 40% tal-konsum tal-Komunità matul il-PIR.

202. Tliet utenti għamlu l-istess kummenti li jopponu l-kontinwazzjoni tal-miżuri minħabba li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità mhix biżżejjed sabiex tlaħħaq mad-domanda domestika, u minħabba l-fatt li l-miżuri qiegħdin ikunu ta’ dannu għall-kompetittività tagħhom fuq il-prodotti downstream . Ir-raba’ utent ma qal xejn dwar jekk kienx favur jew kontra ż-żamma tal-miżuri.

203. Rigward is-sitwazzjoni tal-provvista fis-suq tal-Komunità, ta’ min jinnota li l-kapaċità tal-produzzjoni eżistenti tal-industrija tal-Komunità tista’ tissodisfa madwar 80% tal-konsum tal-Komunità. Ta’ min jenfasizza wkoll li l-industrija tal-Komunità investiet f’faċilitajiet ġodda sabiex iżżid il-produzzjoni tagħha ta’ aċidu sulfaniliku ta’ grad pur. Fi kwalunkwe eventwalità, l-għan tal-miżuri mhuwiex li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat jiġu evitati milli jidħlu fis-suq tal-Komunità, iżda li jiġi żgurat li dawn isiru bi prezzijiet mhux issussidjati u li ma jkunux ta’ dannu. Għalhekk, ta’ min jistenna li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat se jkomplu jidħlu fis-suq kif ġara wara l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2002.

204. Ta’ min jinnota wkoll li l-produzzjoni tal-aċidu sulfaniliku barra l-Komunità issa hija ristretta għal ftit pajjiżi fid-dinja, bħall-Indja, ir-RPĊ u l-Istati Uniti. Għalhekk huwa importanti li l-industrija tal-Komunità titħalla topera taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva sabiex il-provvisti domestiċi tal-prodott ikomplu jkunu disponibbli għall-utenti kollha fil-Komunità.

205. Rigward il-kompetittività tal-utenti, ta’ min jinnota li, minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni miksuba mill-utenti fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni, fl-investigazzjoni oriġinali ġie żvelat li l-miżuri ta’ kontra s-sussidju setgħu iżidu l-ispejjeż sħaħ fir-rigward ta’ sustanzi li joħolqu luminożità ottika u ta’ żebgħa li jkollhom fihom l-aċidu sulfaniliku b’inqas minn 1%.

206. Fuq il-bażi ta’ dan li għadu kif intqal, kif ġie konkluż fl-investigazzjoni oriġinali, huwa kkunsidrat ukoll fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni għal reviżjoni tal-iskadenza, li ż-żamma tal-miżuri ma jkollhiex impatt ħażin kbir fuq is-sitwazzjoni tal-utenti.

207. Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

208. Minn dan t’hawn fuq, huwa konkluż li mhemmx raġunijiet konvinċenti kontra ż-żamma tal-miżuri preżenti ta’ kontra s-sussidju.

209. MIŻURI TA' KONTRO-BILANĊ

210. Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li l-miżuri eżistenti jinżammu u jiġu emendati. Dawn ingħataw ukoll perjodu sabiex jippreżentaw il-fehmiet u l-kummenti tagħhom. Ma waslu l-ebda kummenti li kienu ta’ sustanza sabiex jinbidlu l-konklużjonijiet t’hawn fuq.

211. Minħabba l-konklużjonijiet milħuqa fil-kuntest tar-reviżjoni tal-iskadenza rigward il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tas-sussidju , dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indja, dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu u dwar l-interess tal-Komunità, il-miżuri kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja għandhom jinżammu sabiex jiġi evitat li jkun hemm rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Komunità minħabba l-importazzjonijiet issussidjati.

212. Fir-rigward tar-riżultati tar-reviżjoni interim parzjali limitata għal-livell ta’ sussidju li jikkonċerna l-produttur esportatur fl-Indja li kkoopera, huwa xieraq li r-rata tad-dazju ta’ kontro-bilanċ applikabbli tiġi emendata minn 7,1% għal 4,7%. Minħabba li l-produttur esportatur li kkoopera ammonta għal 100% tal-esportazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġinaw mill-Indja lejn il-Komunità matul il-PIR, huwa xieraq li din ir-rata tad-dazju tapplika wkoll għall-importazzjonijiet manifatturati mill-produtturi l-oħra Indjani. Ir-rata ta’ dazju m’għandhiex tapplika għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li jiġi manifatturat u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-produttur esportatur li kkoopera, li mingħandu ġie aċċettat impenn bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/37/KE. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni tal-impenn aċċettat mill-kumpanija Indjana ġew emendati sabiex jirriflettu t-tnaqqis fir-rata tad-dazju ġenerali kkombinata ( anti-dumping u kontro-bilanċ) applikabbli għal din il-kumpanija.

213. L-emenda tar-rata tad-dazju ta’ kontro-bilanċ se jkollha impatt fuq id-dazju ta’ anti-dumping definittiv ta’ 18,3% impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu sulfaniliku mill-Indja bir-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL], minħabba li dan tal-aħħar kien aġġustat sabiex jiġi evitat li jingħaddu darbtejn l-effetti tal-benefiċċji mis-sussidji tal-esportazzjoni (ta’ min ifakkar li d-dazju ta’ anti-dumping definittiv kien ibbażat fuq il-marġni ta’ dumping minħabba li dan tal-aħħar instab li kien aktar baxx mil-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu). L-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku tal- anti-dumping jipprevedu li l-ebda prodott m’għandu jkun suġġett kemm għall-miżuri ta’ anti-dumping kif ukoll għal dawk ta’ kontro-bilanċ sabiex tiġi ttrattata l-istess sitwazzjoni li tirriżulta mid- dumping jew mis-sussidju tal-esportazzjoni. Fl-investigazzjoni oriġinali nstab li wħud mill-iskemi tas-sussidju investigati li kienu kumpensatorji, kienu jikkostitwixxu sussidji tal-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidju. Fil-fatt, dawn is-sussidji affettwaw il-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur Indjan, li b’hekk wassal għal marġni miżjuda ta’ dumping . Għalhekk, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku, id-dazju ta’ anti-dumping definittiv ġie aġġustat sabiex jirrifletti l-marġni ta’ dumping attwali li kien baqa’ wara l-impożizzjoni tad-dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv li jibbilanċja għall-effett tas-sussidji tal-esportazzjoni (ara l-premessa (46) tar-Regolament (KE) Nru 1339/2002).

214. Għaldaqstant, ir-rata ta’ dazju ta’ anti-dumping definittiv għall-Indja issa trid tiġi aġġustata sabiex tqis il-livell rivedut tal-benefiċċju miksub mis-sussidji tal-esportazzjoni matul il-PIR tal-investigazzjoni preżenti ta’ kontra s-sussidju. Minħabba li l-benefiċċji mis-sussidji tal-esportazzjoni ammontaw għal 4.1% matul il-PIR u l-livell tal-marġni ta’ dumping li ġie oriġinarjament stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2002 kien ta’ 24.6%, il-livell rivedut tad-dazju ta’ anti-dumping għandu jkun ta’ 20.5%. Ir-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL] għandu jiġi emendat kif jixraq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv qiegħed jiġi impost b’dan il-mezz fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu sulfaniliku li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2921 42 10 (kodiċi TARIC 2921 42 10 60) li joriġinaw mill-Indja.

2. Ir-rata tad-dazju ta’ kontro-bilanċ definittiv applikabbli, qabel id-dazju, għall-prezz nett tas-CIF ħieles fil-fruntiera tal-Komunità tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1, hija ta’ 4,7%.

3. Minkejja l-paragrafu 1, id-dazju definittiv ma japplikax għall-importazzjonijiet li jiġu rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa skont l-Artikolu 2.

4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1. L-importazzjonijiet dikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa li jiġu fatturati minn kumpaniji li mingħandhom ġew aċċettati impenji mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/37/KE, kif emendata minn żmien għall-ieħor, għandhom jiġu eżentati mid-dazju ta’ kontro-bilanċ impost bl-Artikolu 1, fuq kundizzjoni li:

- dawn ikunu fabbrikati, trasportati u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u

- dawn l-importazzjonijiet ikunu akkumpanjati b’fattura ta’ impenn li tkun fattura kummerċjali li jkollha mill-inqas l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament; u

- il-merkanzija ddikjarata u ppreżentata lid-dwana tikkorrispondi preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ impenn.

2. L-awtorità doganali għandha timponi dejn mill-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa kulmeta jiġi stabbilit, fir-rigward tal-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1 u eżentati mid-dazji taħt il-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1, li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jew aktar ma ġewx rispettati. Il-kundizzjoni stabbilita fit-tieni inċiż tal-paragrafu 1 għandha titqies bħala mhux milħuqa meta l-fattura tal-impenn tinsab li ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness jew tinsab li mhijiex awtentika jew fejn il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 jew l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidju b’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjoni(jiet) partikolari u tiddikjara li l-fattura(i) tal-impenn rilevanti hija/huma invalida(i).

3. L-importaturi għandhom jaċċettaw bħala riskju normali tan-negozju, li meta ma tintlaħaqx, minn kwalunkwe parti, waħda mill-kundizzjonijiet jew aktar elenkati fil-paragrafu 1 u definiti fil-paragrafu 2, dan jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 201 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi doganali tal-Komunità([14]). Id-dejn doganali impost għandu jiġi rkuprat meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazjoni tal-impenn.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru [DAĦĦAL] huwa mibdul b’li ġej:

"2. Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping definittiv applikabbli, qabel id-dazju, għall-prezz nett tas-CIF ħieles fil-fruntiera tal-Komunità tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1, hija kif ġejja:

Pajjiż | Dazju definittiv (%) |

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina | 33.7 |

L-Indja | 20.5 |

"

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNE SS

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ mill-kumpanija tal-aċidu sulfaniliku fil-Komunità li huwa suġġett għal impenn:

1. It-titlu "FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA L-MERKANZIJA SOĠĠETTA GĦALL-IMPENN ".

2. L-isem tal-kumpanija, imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/37/KE li taċċetta l-impenn, li qiegħda toħroġ il-fattura kummerċjali.

3. In-numru tal-fattura kummerċjali.

4. Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5. Il-kodiċi TARIC addizzjonali li taħtu, il-prodotti fil-fattura jiġu rilaxxati mid-dwana fuq il-fruntiera tal-Komunità.

6. Id-deskrizzjoni eżatta tal-oġġetti, inklużi:

- in-numru tal-kodiċi tal-prodott (PCN) użat għall-iskopijiet tal-investigazzjoni u l-impenn (pereżempju "PA99", "PS85" jew "TA98",

- l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi/fiżiċi tal-PCN, jiġifieri għal “PA99” u “PS85” white free flowing powder , u għal “TA98” grey free-flowing powder ,

- il-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija (CPC) (jekk applikabbli),

- il-kodiċi NM,

- il-kwantità (għandha tingħata f’tunnellati).

7. Id-deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ, inklużi:

- il-prezz kull tunnellata,

- it-termini ta’ ħlas applikabbli,

- it-termini tal-kunsinna applikabbli,

- tnaqqis il-prezz u roħs totali.

8. L-isem tal-kumpanija li qed taġixxi ta’ importatur fil-Komunità li fuqha hija maħruġa direttament mill-kumpanija l-fattura kummerċjali li qiegħda takkumpanja l-oġġetti soġġetta għal impenn.

9. L-isem tal-uffiċjal tal-kumpanija ħarġet il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-oġġetti koperti minn din il-fattura qiegħed isir fil-firxa ta’ applikazzjoni u skont it-termini tal-Impenn offrut minn [IL-KUMPANIJA], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2006/37/KE. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.”

[1] ĠU L 288, tal-21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, tat-13.3.2004, p. 12).

[2] ĠU L 196, tal-25.7.2002, p. 1.

[3] ĠU L 196, tal-25.7.2002, p. 11.

[4] ĠU L 196, tal-25.7.2002, p. 36.

[5] ĠU L 80, tat-18.3.2004, p. 29.

[6] ĠU C 101, tat-27.4.2005, p. 34.

[7] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, tat-23.12.2005, p.17).

[8] ĠU L 22, tas-26.1.2006, p. 52.

[9] ĠU L 22, tas-26.1.2006, p. 5.

[10] ĠU L [DAĦĦAL].

[11] ĠU C 272, tad-9.11.2006, p. 18.

[12] ĠU C 171, tal-24.7.2007, p. 14.

[13] ĠU C 229, tad-29.9.2007, p. 9.

[14] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, tal-20.12.2006, p. 1).

Top