Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0469

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki {SEG(2008) 2290} {SEG(2008) 2291}

    /* KUMM/2008/0469 finali - COD 2008/0160 */

    52008PC0469

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki {SEG(2008) 2290} {SEG(2008) 2291} /* KUMM/2008/0469 finali - COD 2008/0160 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell,

    COM(2008) 469/3

    2008/xxxx (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

    (ippreżentata mill-Kummissjoni) {SEC(2008) 2290} {SEC(2008) 2291}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Il-Kuntest tal-proposta

    ( Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Din il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija maħsuba biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni, it-tranżitu u l-esportazzjoni tal-prodotti mill-foki fil-Komunità. Madankollu, il-kummerċ f’dawn il-prodotti jkun possibbli meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, li jikkonċernaw il-mod u l-metodu li bih jinqatlu u jinselħu l-foki. Tistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta’ informazzjoni mmirati biex jiżguraw li l-prodotti mill-foki li l-kummerċ tagħhom ikun possibbli permezz ta’ deroga għall-projbizzjonijiet li jkunu fis-seħħ ikunu identifikati b’mod ċar li ġejjin minn pajjiż li jissodisfa l-kundizzjonijiet rekwiżiti, jew alternattivament li jkunu nqatlu jew nselħu minn persuni li jaġixxu taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet imsemmija huma ssodisfati.

    Il-projbizzjonijiet huma maħsuba li jissotitwixxu l-miżuri varji adottati, jew li l-adozzjoni tagħhom hija ppjanata, minn ċerti Stati Membri biex jipprojbixxu l-importazzjoni, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, skont il-każ, ta’ prodotti derivati mill-foki, sabiex ikun hemm kundizzjonijiet armonizzati li jirregolaw il-kummerċ ta’ dawk il-prodotti fil-Komunità. Id-dispożizzjonijiet tal-abbozz tar-Regolament jimmiraw ukoll li jiżguraw li l-prodotti mill-foki prodotti barra l-Komunità ma jkunux jistgħu jiġu impurtati fil-Komunità, jgħaddu minnha bi tranżitu jew esporati lejha.

    Il-prodotti mill-foki qed jiġu impurtati fil-Komuità u kummerċjalizzati fiha. L-evidenza disponibbli turi li bosta minn dawn il-prodotti joriġinaw f’pajjiżi terzi, anki minkejja xi produzzjoni teżisti minħabba li fil-Finlandja u l-Iżvezja jinqatlu u jinselħu foki, filwaqt li prodotti mill-foki jiġu prodotti fi Stati Membri oħra, bħal fir-Renju Unit (l-Iskozja), fejn tintuża l-ġilda peluża tal-foki li toriġina f’pajjiżi oħra.

    Għal bosta snin, bosta membri tal-pubbliku kienu mħassba dwar l-aspetti tal-benessri tal-annimali fil-qtil u tislieħ tal-foki u dwar il-kummerċ li jseħħ tal-prodotti li possibbilment jkunu ġejjin mill-foki li jkunu nqatlu u nselħu bi uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta’ tbatija li setgħu jiġu evitati, li l-foki, bħala mammiferi senzentji, huma kapaċi jħossu. Dan it-tħassib għalhekk ġie espress mill-pubbliku għal raġunijiet etiċi. Il-Kummissjoni rċeviet matul l-aħħar snin għadd enormi ta’ ittri u petizzjonijiet dwar il-kwistjoni li jesprimu l-għadab u l-istmerrija serji taċ-ċittadini dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki f’tali kundizzjonijiet.

    B’riżultat ta’ tħassib espress miċ-ċittadini, bosta Stati Membri adottaw, jew huma fil-proċess li jadottaw jew li jeżaminaw, leġiżlazzjoni li timmira lejn ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni tal-prodotti mill-foki. Il-leġiżlaturi nazzjonali qed jindirizzaw din il-kwistjoni permezz ta’ miżuri differenti li jipprojbixxu l-importazzjoni, il-produzzjoni, l-kummerċjalizzazzjoni, jew tqegħid fis-suq, skont il-każ, tal-prodotti derivati mill-foki jew ċerti speċijiet ta’ foki. It-trawwim ta’ aktar kuxjenza fost il-pubbliku u l-pressjoni tagħhom fuq il-leġiżlaturi nazzjonali x’aktarx iwasslu għal aktar inizjattivi leġiżlattivi fl-Istati Membri mmirati biex jindirizzaw it-tħassib mifrux ta’ wħud mill-pubbliku kif imsemmi aktar kmieni.

    Żewġ Stati Membri għandhom fis-seħħ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-kummerċ tal-prodotti mill-foki.

    Filwaqt li l-kummerċ tal-prodotti mill-foki huwa (jew fil-qrib jista’ jkun) soġġett għal regoli restrittivi f’ċerti Stati Membri, ma ddaħħlu l-ebra rekwiżiti speċifiċi f’dan ir-rigward fi Stati Membri oħra, għalhekk fl-istess waqt jeżistu kundizzjonijiet differenti għall-kummerċ fil-Komunità li jvarjaw minn Stat Membru wieħed (jew grupp ta’ Stati Membri) għall-ieħor. Għaldaqstant, is-suq intern huwa frammentat filwaqt li n-negozjanti jeħtieġu jaġġustaw il-prattiċi kummerċjali tagħhom għad-dispożizzjonijiet differenti fis-seħħ f’kull Stat Membru.

    It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ma jipprovdix bażi legali speċifika li tippermetti lill-Komunità biex tilleġiżla fil-kamp tal-etika per se . Madankollu, fejn it-Trattat jisseta’ lill-Komunità biex tilleġiżla f’ċerti oqsma u fejn il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawk il-bażijiet legali jiġu sodisfatti, iċ-ċirkostanza nnifisha li l-l-leġiżlatur Komunitarju jsejjes fuq kunsiderazzjonijiet etiċi, ma jċaħħdux milli jadotta miżuri leġiżlattivi. Għandu jiġi nnutat, f’dan ir-rigward, li t-Trattat jippermetti l-Komunità biex taddotta miżuri mmirati lejn l-istabbiliment u ż-żamma ta’ suq intern, li huwa suq mingħajr fruntieri interni skont l-Artikolu 14 tat-Trattat.

    Mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fejn jeżistu differenzzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma tali li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk għandhom effett dirett fuq l-operat tas-suq intern, miżuri Komunitarji huma ġġustifikati sabiex jiġu pprevenuti ostakli ta’ din ix-xorta. Skont iċ-ċirkostanzi, dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu fi projbizzjonijiet proviżorji jew definittivi tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew prodotti[1].

    Hemm differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-prodotti mill-foki. Tnejn minnhom diġà ċaħħdu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodotti u ieħor innotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan. Fi Stati Membri oħra għaddejin diskussjonijiet publiċi intensi dwar il-ħtieġa ta’ tali leġiżlazzjoni. Dawk il-miżuri huma maħsuba, skont l-awturi tagħhom, biex iwaqqfu l-kummerċ tal-prodotti mill-foki prinċipalment abbażi ta’ raġunijiet etiċi marbuta mal-benessri tal-annimali. Dawk il-projbizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni jikkontribwixxu favur żvilupp eteroġenu ta’ dak is-suq u għalhekk huma tali li jikkostitwixxu l-moviment ħieles tal-merkanzija.

    Waqt li jiġu kkunsidrati l-kuxjenza u s-sensitività kull ma jmur jikbru tal-pubbliku għall-kunsiderazzjonijiet etiċi dwar kif jinkisbu l-prodotti mill-foki, x’aktarx li ostakli għall-moviment ħieles ta’ dawn il-prodotti jirriżulta minħabba l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ġodda li jirriflettu dan it-tħassib.

    Azzjoni mill-leġiżlatur Komunitarju abbażi tal-Artikolu 95 KE hija għalhekk ġustifikata fir-rigward tal-prodotti mill-foki[2].

    L-armonizzazzjoni tal-projbizzjonijiet differenti u/jew miżuri restrittivi oħra attwalment fis-seħħ hija l-aktar faċli u l-eħfef mod biex jiġi żgurat li l-benessri tal-foki li minnhom jinkisbu l-prodotti jitqies meta jseħħ kummerċ tal-prodotti mill-foki, skont il-kundizzjoni li ċerti rekwiżiti jiġu sodisfatti.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ħarsien tal-benessri tal-annimali huwa għan leġittimu fl-interess pubbliku[3].

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fejn il-kundizzjonijiet għar-rikors għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali jiġu ssodisfati, il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jinċaħad milli jsejjes fuq dik il-bażi legali minħabba li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fattur deċiżiv fl-għażliet li jsiru[4].

    Mill-qari kumplessiv tal-każistika msemmija hawn fuq jiġi konkluż li l-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jinċaħad milli jsejjes fuq l-Artikolu 95 KE minħabba li l-kunsiderazzjonijiet tal-benessri tal-annimali jkunu fattur deċiżiv fl-għażliet li jsiru.

    Fi kwalunkwe każ, l-abbozz tar-Regolament, fejn jimmira li jistipula kundizzjonijiet uniformi li bihom il-prodotti mill-foki jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b’deroga mill-projbizzjoni applikabbli, jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’ dik il-merkanzija fis-suq intern.

    Billi l-akbar ammont ta’ prodotti mill-foki fil-Komunità joriġinaw minn pajjiżi terzi, l-istabbiliment ta’ projbizzjoni tal-kummerċ għandha tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ekwivalenti fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodotti lejn il-Komunità.

    Projbizzjoni fuq it-tranżitu u l-esportazzjoni għandha tiżgura wkoll li l-prodotti mill-foki ma jgħaddux bi tranżitu mill-Komunità u lanqas ma jiġu manifatturati fil-Komunità għall-esportazzjoni. Tali projbizzjonijiet addizzjonali jgħinu biex il-projbizzjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tkun aktar effettiva, minħabba li hemm is-sogru li l-prodotti mill-foki li jiddaħħlu taħt proċedura tranżitorja jew li jiġu allegatament prodotti għall-esportazzjoni jiddaħlu b’kuntrabandu fis-suq Komunitarju.

    Safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jaffettwaw l-attivitajiet kummerċjali tal-prodotti tal-foki f’pajjiżi terzi, lil hinn minn dak meħtieġ biex tiġi ppreservata l-projbizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju, għandha titqies bħala miżura li tirregola l-kummerċ internazzjonali.

    Il-projbizzjonijiet varji previsti minn dan ir-Regolament iwieġbu għat-tħassib dwar il-benessri tal-annimali espress minn uħud mill-pubbliku fir-rigward tal-introduzzjoni possibbli fil-Komunità tal-prodotti mill-foki miksuba minn foki li jista’ jkun li ma jkunux inqatlu u nselħu mingħajr ma kkawżawlhom uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta’ tbatija.

    Madankollu għandu jkun possibli l-kummerċ tal-prodotti mill-foki fejn il-metodi tal-qtil u s-slieħ użati jkunu tali li joffru garanziji raġonevoli li l-qtil u s-slieħ isir mingħajr uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta’ tbatija.

    Il-qafas regolatorju li jiġi stabbilit ikun għalhekk maħsub biex jinċentiva l-pajjiżi konċernati biex jirrevedu u jtejbu, fejn ikun meħtieġ, il-leġiżlazzjoni u l-prattika fir-rigward tal-metodi li għandhom jitħarsu fil-qtil u s-slieħ tal-foki.

    L-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet Inuit li tradizzjonalment jikkaċċaw il-foki ma għandhomx jiġu affettwati b’mod avvers. Prodotti mill-foki derivati minn kaċċa tradizzjonali għall-foki tradizzjonalment imwettqa mill-komunitajiet Inuit u li jikkontribwixxu għall-għixien tagħhom ma għandhomx għalhekk ikunu koperti bil-projbizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament.

    - Il-kuntest ġenerali

    Il-prodotti mill-foki qed jiġu kkummerċjalizzati fil-Komuità u barra minnha.

    Fil-Komunità, il-foki jinqatlu u jinselħu fl-Iżvezja, il-Finlandja u r-Renju Unit (fl-Iskozja) bil-ħsieb li jinkisbu prodotti derivati mill-foki jew għal raġunijiet ta’ kontroll tal-pesti. Barra l-Komunità, l-foki jinqatlu u jinselħu bl-istess għan fil-Kanada, il-Groenlandja, in-Namibja, in-Norveġja u r-Russja.

    Il-Komunità sa minn żmien ilu adottat leġiżlazzjoni xierqa li timmira li jiġi żgurat li l-kaċċa fil-Komunità u barra minnha ma twassalx għall-ipperikolar tal-istat tal-konservazzjoni ta’ bosta speċijiet tal-foki (ara hawn taħt).

    Apparti dan it-tħassib dwar il-konservazzjoni, metodi użati għall-qtil tal-foki u l-friegħ tagħhom ħolqu tħassib serju fost membri mill-pubbliku, organizzazzjonijiet u ċerti Stati Membri għal bosta snin minħabba l-biża’, uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta’ tbatija li jgħaddu minnha l-foki u l-friegħ tagħhom.

    Fis-17 ta’ Novembru 2006, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea adottat rakkomandazzjoni dwar il-kaċċa tal-foki li tistieden l-istati membri u osservaturi li jwettqu kaċċa għal foki, fost kwistjonijiet oħra, " sabiex jipprojbixxu l-metodi krudili kollha tal-kaċċa, li ma jiggarantux l-mewt istantanja, mingħajr tbatija, tal-annimali, u biex jipprojbixxu l-istordament tal-annimali bi strumenti bħall-ħakapiks, debbusijiet u xkubetti ".

    Fis-26 ta’ Settembru 2006, il-Parlament Ewropew adotta dikjarazzjoni fejn talab il-Kummissjoni Ewropea biex tirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti kollha mill-foki Pagophilus Groenlandicus u Cystophora cristata , filwaqt li jiġi żgurat li din ir-regolamentazzjoni ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-kaċċa tradizzjonali tal-foki mill-Inuit.

    Fis-16 ta’ Marzu 2007 il-Belġju adotta Att li jipprojbixxi l-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foku filwaqt li l-Olanda adottat Digriet tal-4 ta’ Lulju 2007 li jemenda d-Digriet tal-Att dwar il-Flora u l-Fawna (Identifikazzjoni tal-Ispeċijiet tal-Annimali u l-Pjanti) u d-Digriet dwar l-Ispeċijiet Protetti tal-Annimali u l-Pjanti (Eżenzjoni) b’rabta mal-projbizzjoni tal-kummerd tal-prodotti mill-foki Pagophilus Groenlandicus u mill-foki Cystophora cristata . Il-Ġermanja fi ħsiebha tadotta Att li jipprojbixxi l-importazzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki. Inizjattivi simili minn Stati Membri oħra mhumiex esklużi għall-futur.

    - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Il-kummerċ fil-prodotti mill-foki huwa soġġett sa ċertu punt għad-dispożizzjonijiet Komunitarji, li l-ambitu u l-ħsieb warajhom huwa madankollu konsiderevolment differenti.

    Id-Direttiva tal-Kunsill 83/129/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 jipprojbixxi l-importazzjoni kummerċjali tal-ġlud ta’ ċerti friegħ tal-foki[5] u ta’ prodotti derivati minnhom[6]. Id-Direttiva ġiet adottata wara studji varji li qajmu dubji rigward l-istat tal-poplazzjoni tal-foki Pagophilus Groenlandicus u Cystophora cristata , u speċjalment dwar l-effett tal-kaċċa mhux tradizzjonali fuq il-konservazzjoni u l-istat tal-poplazzjoni tal-foki Cystophora cristata . Billi l-kaċċa, kif imwettqa mill-Inuit tradizzjonalment, id-Direttiva ma tapplikax għall-prodotti li jirriżultaw minn din il-forma partikolar ta’ kaċċa.

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna selvaġġau l-flora[7] tipproteġi l-ispeċijiet kollha preżenti fil-Komunità. Fir-rigward tal-ispeċijiet (u ħabitats) l-oħra kollha koperti mid-Direttiva, il-mira kumplessiva tagħha hija li jinżamm u jiġi rrestawrat stat favorevoli ta’ konservazzjoni fir-rigward tal-ispeċijiet tal-foki li jokkorru fil-Komunità.

    Bħala parti mill-miżuri mfassla biex jilħqu dan l-għan, l-Artikolu 15 tad-Direttiva jipprojbixxi l-użu tal-mezzi kollha arbitrarji li kapaċi jikkawżaw l-għibien lokali tal-popolazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċijiet, jew id-disturb serju tagħhom. Il-metodi projbiti u l-mezzi ta’ qbid u qtil huma elenkati fl-Anness VI (a) u l-forom projbiti tal-qbid u l-qtil minn mezzi ta’ trasport huma elenkati fl-Anness VI (b).

    Id-Direttiva tipprojbixxi l-forom kollha ta’ qbid jew qtil intenzjonat ta’ xempji minn dawn l-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV (a), li jinkludu l-ispeċijiet ta’ foki li ġejjin: Monachus monachus u Phoca hispida saimensis . Teħtieġ ukoll li l-Istati Membri, fid-dawl tas-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati, jiżguraw li t-teħid mis-selvaġġ ta’ xempji minn dawn l-ispeċijiet ta’ fawna selvaġġa elenkati fl-Anness V - li jinkludu l-ispeċijiet kollha tal-foki li jokkorru fil-Komunità li mhumiex elenkati fl-Anness IV - kif ukoll l-isfruttar tagħhom ikunu kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludu r-regolamentazzjoni tal-metodi li bihom jittieħdu xempji, l-applikazzjoni, meta jittieħdu l-kampjuni, tar-regoli tal-kaċċa li jqisu l-konservazzjoni ta’ tali popolazzjonijiet, jew ir-regolamentazzjoni tax-xiri, bejgħ, offerti għal bejgħ, iż-żamma għal bejgħ jew it-trasport għal bejn tal-kampjuni.

    L-Istati Membri huma obbligati li jirrappurtaw kull sitt snin dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont id-Direttiva 92/43. L-aħħar perjodu ta’ rappurtar kopra l-2001-2006 u żvela għall-ewwel darba informazzjoni dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-foki li għalihom tapplika d-Direttiva.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom[8] jimplimenta l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta’ Speċijiet Perikolati tal-Fawna u Flora Selvaġġi (CITES) fil-Komunità L-għan tar-Regolament (u tas-CITES) huwa li jiggarantixxi l-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ tagħhom. Skont is-CITES u r-Regolament, il-kummerċ jseħħ biss jekk dan ma jkunx ta’ theddida għas-sopravivenza tal-ispeċijiet ikkonċernati. Bosta speċijiet tal-pinnipedi huma elenkati fl-Appendiċi I jew II għas-CITES u l-Annessi A u B korrispondenti fir-Regolament. Il-proposta għal Regolament tkopri biss speċi waħda – il-foki pelużi ta’ Nambia Cape ( Arctocephalus pusillius pusillus ) -, li hija wkoll attwalment inkluża fis-CITES (fl-Appendiċi II tagħha).

    Fil-qosor, il-leġiżlazzjoni eżistenti taqdi għanijiet ta’ konservazzjoni u l-implimentazzjoni reali tagħha tiddependi sa ċertu punt (talanqas fir-rigward tad-Direttiva 92/43) fuq l-evoluzzjoni fl-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet konċernati. Fi kwalunkwe każ, ma tipprojbix l-attivitajiet kummerċjali kollha fir-rigward tal-ispeċijiet kollha tal-foki kif tagħmel din il-proposta għal Regolament, wisq anqas ma tindirizza speċifikament il-metodi li bihom il-foki jinqatlu u jinselħu fis-sens tal-benessri tal-annimali.

    - Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

    Il-ħarsien tal-benessri tal-annimali huwa għan leġittimu li l-Komunità għandha tfittex fl-interess pubbliku meta teżerċita s-setgħat leġiżlattivi konferiti lilha mit-Trattat KE[9]. Kunsiderazzjonijiet għall-benessri tal-annimali jittieħdu mil-leġiżlatur Komunitarju f’diversi oqsma. F’ċerti oqsma, bħas-suq intern, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma saħansitra marbuta li jqisu r-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali meta jilleġiżlaw[10].

    Il-benessri tal-annimali hija wkoll fiċ-ċentru tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kommunità dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006 -2010[11]. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jirrifletti l-Protokoll tat-Trattat KE dwar il-Protezzjoni tal-Annimali definiti bħala esseri senzjenti. Kif maqbul meta ġie adottat il-Pjan ta’ Azzjoni u sabiex tiġi appoġġata l-armonizzazzjoni tal-istandards tal-benessri tal-annimali adottata fil-Komunità kemm fuq il-bażi pubblika kif ukoll privata, il-Kummissjoni varat studju dwar il-vijabbiltà li jinħoloq Ċentru Ewropew għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali. Iċ-Ċentru Ewropew jista’ jiġi żviluppat b’mod li jgħin lill-Komunità u l-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-kwistjonijiet tal-benessri tal-annimali kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-livell internazzjonali. Jekk u meta jiġi stabbilit, tali Ċentru jkun jista’ pereżempju jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazjzoni tar-rekwiżiti tat-tikkettjar/l-immarkar li l-elementi bażiċi tagħhom għandhom jiġu stabbiliti minn dan ir-Regolament.

    Ma hemm l-ebda kunflitt bejn din il-proposta u leġiżlazzjoni eżistenti Komunitarja oħra. il-proposta tiffoka fuq kunsiderazzjonijiet tal-benessri tal-annimali filwaqt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tindirizza kwistjonijiet ta’ konservazzjoni u, safejn dan ir-Regolament jimponi dispożizzjonijiet aktar stretti f’termini ta’ kummerċ, dan hu possibli minħabba li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprevedi biss rekwiżiti minimi. Bil-kontra, fil-każ li l-kummerċ tal-prodotti tal-foki jitħalla jsir fl-ambitu tal-benefiċċju tad-deroga, huwa neċessarju li jiġi żgurat li r-reġimi speċifiċi previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti jkomplu jibqgħu applikabbli.

    Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-importazzjoni, din hi konformi mal-Artikolu XX(a) tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ u t-Tariffi (GATT), li bis-saħħa tiegħu l-adozzjoni jew ir-rinforz minn kull parti kontraenti ta’ miżuri neċessarji għal protezzjoni tal-morali pubbliċi jitħallew isiru bil-kundizzjoni li miżuri ta’ din ix-xorta ma jiġux applikati b’mod li jista’ jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux iġġustifikata. Ir-Regolament propost ma huwiex diskriminatorju minħabba li l-projbizzjonijiet varji li jipprevedi se japplikaw għall-kummerċ intra-Komunitarju kif ukoll għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

    2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

    ( Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-metodi ta’ konsultazzjoni, l-oqsma prinċipali mmirati u profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu

    Bħala kontribut għat-tfassil tal-politika, il-Kummissjoni Ewropea wettqet konsultazzjoni pubblika fuq l-internet li tat il-possibbiltà liċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll dawk li ma humiex, li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar ir-regolamentazzjoni tal-kaċċa tal-foki. Daħlu 73 153 tweġiba miċ-ċittadini minn 160 pajjiż madwar id-dinja. Dan l-għadd kbir ta’ tweġibiet (apparti madwar 1 350 ittra-e) jindikaw li l-kaċċa għall-foki hija kwistjoni saljenti ħafna għal għadd kbir ta’ ċittadini. It-tweġibiet urew nuqqas kbir ta’ approvazzjoni għall-prattiċi attwali tal-kaċċa tal-foki, talanqas kif jaraha l-pubbliku inġenerali. Maġġoranza kbira tal-kontributuri madwar iż-żona ġeografika kważi kollha analizzata jippreferu projbizzjoni. Il-maġġoranza tal-kontributuri jgħixu fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u fil-Kanada.

    Barra minn hekk, saret konsultazzjoni mal-partijiet konċernati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-qafas tal-ħidma tagħha biex tistabbilixxi opinjoni dwar l-aspetti tal-benessri tal-annimali fil-qtil u s-slieħ tal-foki (ara hawn taħt). Il-partijiet konċernati ġew mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-kompletezza u l-affidabbiltà tad-dejta ppreżentata fl-abbozz tar-rapport imħejji mill-grupp ta’ ħidma tal-EFSA, sabiex tiġi evitata kwalunkwe possibbiltà li titħalla barra xi evidenza xjentifika importanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea organizzat werkxopp, ma’ esperti mill-pajjiżi tal-foki, organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar il-benessri tal-annimali, kif ukoll assoċjazzjonijiet tal-kummerċ tal-fer u tal-kaċċaturi bl-għan li tirċievi reazzjoni dwar l-informazzjoni fattwali miġbur fl-eżeriċizju tar-rappurtar mill-pajjiżi (sistemi ta’ ġestjoni nazzjonali dwar il-kaċċa) imwettaq fil-qafas tal-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni. Saru wkoll laqgħat bilaterali ma’ firxa sħiħa ta’ partijiet konċernati u saru fuq livell politiku kif ukoll fuq livell tekniku.

    Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu

    Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet urew li bosta minn dawk li wieġbu huma kontra l-kaċċa tal-foki fuq prinċipju, li wkoll jista’ jkollu l-għeruq f’ċerti perċezzjonijiet dwar ir-relazzjoni bejn il-bniedem u n-natura. Madankollu, ir-riżultati wrew ukoll li għal xi kontributuri l-livell ta’ aċċettabbiltà tal-kaċċa tal-foki huwa influwenzat minn kif il-kaċċa tal-foki tkun ġestita u tiżvolġa u għal liema raġunijiet.

    Il-proposta tikkunsidra l-eżitu tal-konsultazzjonijiet li saru biex tipprova twieġeb għat-tħassib espress fir-rigward tat-tqegħid fis-suq Komunitarju, inkluż ukoll l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti mill-foki miksuba minn foki li setgħu ma nqatlux u nselħu mingħajr ma kkawżawlhom uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta’ tbatija. Barra minn hekk, l-iskema kumplessiva tal-proposta hija mfassla biex tinċentiva l-pajjiżi tal-foki biex itejbu l-metodi li bihom jinqatlu u jinselħu l-foki.

    ( Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert

    Il-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha lill-Parlament Ewropew fis-16 ta’ Jannar 2007, għarfet il-livell għoli tat-tħassib pubbliku fir-rigward tal-aspetti tal-benessri tal-annimali fil-kaċċa tal-foki. B’konformità mal-impenn tagħha favur strandards għolja ta’ benessri tal-annimali, daħlet biex twettaq valutazzjoni oġġettiva sħiħa tal-aspetti tal-benessri tal-annimali fil-kaċċa tal-foki u, abbażi tar-riżultati tirrapporta lill-Parlament Ewropew bi proposti leġiżlattivi possibbli jekk is-sitwazzjoni tippermetti. Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha abbażi ta’ elementi varji, fosthom, safejn jirrigwarda l-użu tal-għarfien espert, l-opinjoni xjentifika indipendenti tal-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u studju kkummissjunat biex jappoġġa l-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt.

    B’segwitu għat-talba tal-Kummissjoni f’Mejju 2007, fis-6 ta’ Diċembru 2007 l-EFSA adottat opinjoni xjentifika indipendenti dwar l-aspetti tal-benessri tal-annimali fir-rigward tal-metodi tal-qtil u slieħ tal-foki[12].

    L-EFSA kkonkludiet li "huwa possibbli li l-foki jinqatlu minnufih u b’mod effikaċi mingħajr ma jinħolqilhom uġigħ u dwejjaq evitabbli. Madankollu, il-Panil irrapporta wkoll evidenza, li fil-prattika, qtil effikaċi u uman ma jsirx daqshekk spiss."

    L-EFSA ma tieħux espliċitament pożizzjoni dwar il-metodi użati llum għall-qtil u s-slieħ tal-foki. Minflok, hi tistabbilixxi għadd ta’ kriterji għall-valutazzjoni tal-aċċettabbiltà tal-metodi applikati f’kaċeċ differenti għall-foki.

    Minħabba n-nuqqas ta’ dejta xjentifika soda analizzata lateralment, il-proċess tal-EFSA tal-Valutazzjoni tar-Riskju twettaq b’mod kwalitattiv. Madankollu, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ġenerali huma meqjusa bħala rigorużi biżżejjed biex jinfurmaw il-proċess ta’ tfassil il-politika.

    Imsejjes fuq l-opinjoni xjentifika tal-EFSA, studju (ikkummissjonat mill-Kummissjoni)[13] eżamina l-oqfsa regolatorji għal kaċeċ differenti għall-foki u l-prattiki tal-ġestjoni tagħhom.

    Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u ta’ infurzar f’għadd ta’ pajjiżi tal-foki, kemm fil-Komunità Ewropea u lil hinn minnha, ġew valutati u ġiet identifikata l-aqwa prattiki. Il-valutazzjonijiet issejsu fuq studji ta’ riċerka u tagħrif disponibbli pprovduti matul il-proċess kumplessiv ta’ konsultazzjoni; it-tim ta’ studju ma żarx l-istati kollha rilevanti madwar id-dinja.

    L-istudju jivvaluta wkoll l-impatt ta’ projbizzjoni possibbli ta’ prodotti mill-foki fuq aspetti kummerċjali u soċjo ekonomiċi oħra.

    ( Il-valutazzjoni tal-impatt

    Kemm il-miżuri leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi ta’ politika tqiesu fil-valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, ġew analizzati l-miżuri ta’ politika li ma humiex marbuta direttament mas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kaċċa għall-foki, bħal projbizzjoni totali tat-tqegħid fis-suq Komunitarju u/jew l-importazzjoni/esportazzjoni, kif ukoll miżuri li jistgħu jkunu marbuta mal-prattiki tajba jew ħżiena tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kaċċa għall-foki.

    Id-dimensjoni ambjentali tal-valutazzjoni hija limitata għall-impatti tal-aspetti tal-benessri tal-annimali għall-foki li, madankollu, huwa diffiċli li jitkejlu minħabba l-effikaċja tal-metodi tal-qtil użati għall-foki tvarja skont il-metodi użati, is-sengħa tal-operaturi u l-kundizzjonijiet ambjentali. Barra minn hekk, l-impatti ekonomiċi huma limitati għal dawk l-impatti fuq il-kummerċ u l-ekonomiji lokali, kemm min-naħa tal-pajjiżi tal-foki kif ukoll dawk ta’ tranżitu jew trasformazzjoni potenzjali, waqt li d-dimensjoni soċjali tittratta prinċipalment il-kundizzjonijiet għall-popolazzjoni tal-Inuit.

    Projbizzjoni totali tat-tqegħid fis-suq Komunitarju ta’ prodotti mill-foki ġiet ivvalutata li jkollha impatti ekonomiċi minimi fl-Istati Membri tal-Komunità. Dan jippreżumi, madankollu, li t-trażbord tal-ġlud tal-foki u prodotti oħra mill-foki u l-importazzjoni tal-ġlud tal-foki għal proċessar ulterjuru u l-esportazzjoni tkun tista’ tkompli. L-impatti ġew ivvalutati li jkunu kemm xejn aktar sinifikanti għal l-istati rilevanti mhux Komunitarji. Dan minħabba li d-daqs tal-kaċeċ għall-foki f’dawn il-pajjiżi mhux Komunitarji huwa ħafna akbar mill-istati Komunitarji rilevanti, u li s-suq Komunitarju - apparti r-Russja – huwa ta’ importanza. Din l-alternattiva ċċaħħad ukoll lill-konsumaturi mill-għażla biex jixtru l-prodotti mill-foki fil-Komunità.

    Projbizzjoni totali tal-importazzjoni u l-esportazzjoni jkollha wkoll impatti ekonomiċi medji fuq l-Istati Membri Komunitarji, minkejja li dawk l-impatti jistgħu jkunu konsiderevoli għall-Finlandja u l-Ġermanja, jekk tali projbizzjoni tkun tkopri wkoll il-kummerċ tranżitu. L-impatti jkunu kemm xejn aktar sinifikanti għall-istati rilevanti mhux Komunitarji. Dan ukoll miħabba l-fatt li d-daqs tal-kaċeċ għall-foki fil-pajjiżi mhux Komunitarji huwa ħafna akbar mill-istati Komunitarji rilevanti, u li s-suq Komunitarju - apparti r-Russja – huwa ta’ importanza. Madankollu, jekk il-projbizzjoni tiġi estiża għall-kummerċ tranżitu, il-Kanada partikolarment issofri, sakemm dan il-kummerċ ikun jista’ jiġi ttrasferit mill-Ġermanja u l-Finlandja għal barra l-Komunità (pereżempju għan-Norveġja). Għalhekk, in-Norveġja tkun tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-kummerċ tranżitu. Fir-rigward tal-konsumaturi, dawn ikollhom ukoll għażla tassew limitata ta’ prodotti mill-foki derivati minn speċijiet ta’ foki kkaċċati fil-Komunità u mibjugħa fis-suq lokali biss.

    Id-Danimarka u l-Italja huma qatigħ l-akbar żewġ impurtaturi tal-ġild tal-fer mill-foki mhux maħdum, għal proċessar ulterjuri jew bejgħ fis-suq Komunitarju, u għalhekk ikunu wkoll affettwati minn regolament bħal dan. Id-Danimarka timporta l-ġild tal-fer mhux maħdum direttament mill-Kanada u l-Groenlanda (li ma humiex kategorizzati bħala merkanzija fi tranżitu), filwaqt li l-Italja timporta l-ġlud tal-fer mhux maħdum mir-Russja, il-Finlanda u r-Renju Unit (l-Iskozja). Il-Greċja wkoll għandha kummerċ notevoli tal-ġlud mhux maħduma li joriġinaw miż-żewġ stati rilevanti tal-aħħar.

    Il-benefiċċji minn sistema tat-tikkettaw jistgħu jinkludu marġini ta’ qliegħ mis-suq tal-konsumaturi u fl-istess waqt żieda tal-immaġġni inġenerali tal-kaċċa għall-foki. Jekk is-sistema tkun volontarja, tkun tista’ tinkuraġġixxi proċess naturali ta’ awtoselezzjoni fir-rigward tal-konformità u għalhekk jinżamm il-bilanċ bejn id-dimensjonijiet tal-benessri tal-annimali, dawk ekonomiċi u soċjali, jiġifieri dawk li jadottaw it-tikkettar jistgħu jibbenefikaw aktar minn kemm tiswihom, u l-benessri tal-foki jkun jista’ jittejjeb. Barra minn hekk, huwa vvalutat li l-impatt se jkun akbar jekk din tkun sistema tat-tikkettar internazzjonali mifruza aktar milli sistema Komunitarja speċifika.

    Ftehimiet bi/multilaterali bejn il-Komunità u wieħed jew aktar mill-istati rilevanti jkunu jistgħu jsiru, li jkun jista’ jkabbar iż-żona ġeografika li ma għandhiex tkun koperta b’xi miżuri leġiżlattivi. L-impatt se jkun simili għal dak ta’ projbizzjoni limitata li tippermetti kummerċ jekk il-kaċċa għall-foki tikkonforma ma’ xi standards stabbiliti kif imsemmija hawn fuq.

    Fid-dawl tat-tħassib dwar il-benessri tal-annimali espress mill-pubbliku, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, miżuri awtonomi mhux leġiżlattivi ma humiex meqjusa biżżejjed biex jindirizzaw il-kwistjoni.

    L-opinjoni xjentifika tal-EFSA tindika b’mod ċar li hemm evidenza rappurtata li, fil-prattika, il-qtil effikaċi mhux dejjem jitwettaq, u li hija rinfurzata minn aktar sejbiet tal-valutazzjoni. Għalhekk hemm raġunijiet validi biex jitqies li jittieħdu passi prekawzjonarji biex jiġi żgurat li l-prodotti derivati minn foki li jinqatlu u jinselħu b’mod li jikkawżalhom uġigħ, dwejjaq u tbatija evitabbli, jiċċaħdu aċċess għas-suq Komunitarju.

    It-tikkettar waħdu tal-prodotti mill-foki ma hux alternattiva għall-projbizzjoni tal-kummerċ ta’ dawn il-prodotti minħabba li t-tikkettar ikun biss rilevanti biex itaffi t-tħassib etiku taċ-ċittadini u l-konsumaturi dwar il-benessri tal-annimali li l-metodi tal-qtil u s-slieħ fis-seħħ fil-pajjiżi tal-foki jkunu jaqblu mal-kriterji previsti f’dan ir-Regolament. Għalhekk għandu jkun hemm inċentivi għall-pajjiżi tal-foki biex jadattaw il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tagħhom b’dak il-mod, li jista’ jsir biss permezz ta’ projbizzjonijiet kummerċjali.

    3. L-elementi ġuridiċi tal-proposta

    - Sommarju tal-azzjoni proposta

    Din il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija maħsuba biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni, it-tranżitu u l-esportazzjoni tal-prodotti mill-foki fil-Komunità. Madankollu, il-kummerċ f’dawn il-prodotti jkun possibbli meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, li jikkonċernaw il-mod u l-metodu li bih jinqatlu u jinselħu l-foki. Tistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta’ informazzjoni mmirati biex jiżguraw li l-prodotti mill-foki li l-kummerċ tagħhom ikun possibbli permezz ta’ deroga għall-projbizzjonijiet li jkunu fis-seħħ ikunu indikati b’mod ċar li ġejjin minn pajjiż li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, jew alaternattivament li jkunu nqatlu jew nselħu minn persuni li jaġixxu taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet imsemmija huma ssodisfati.

    - Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 95 u 133 tat-Trattat. Fl-abbozzar ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qieset il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn il-Qorti stipulat il-kundizzjonijiet għar-rikors għall-Artikolu 95[14].

    Minħabba li l-proposta timmira wkoll li tipprojbixxi l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti konċernati minn barra l-Komunità, refernza għad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 133 hija wkoll neċessarja. Sewwasew il-proposta għandha natura binarja minħabba li fl-istess waqt timmira għal żewġ għanijiet differenti (il-projbizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju u l-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-esportazzjoni) li huma marbuta flimkien mingħajr ma wieħed ikun sekondarju jew indirett għall-ieħor.

    Il-proċeduri stipulati għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja skont l-Artikoli 95 u 133 rispettivament fit-Trattat KE ma humiex inkompatibbli għal xulxin.

    - Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

    Il-proposta timmira għal armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar il-kummerċ fil-prodotti mill-foki. Din l-aromonizzazzjoni fil-livell Komunitarju hija neċessarja biex tiġi eliminata l-frammentazzjoni attwali tas-suq intern, li tirriżulta mid-differenzi eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li jirregolaw il-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali. Tali riżultat jista’ biss jinkiseb permezz ta’ miżuri meħuda fil-livell Komunitarju billi miżuri nazzjonali, inkluż projbizzjonijiet totali, skont kif definit huma biss infurzabbli f’partijiet tas-suq intern.

    Bl-istess mod, miżuri ta’ tkomplija possibbli tal-kummerċ tal-prodotti mill-foki, permezz ta’ deroga għall-projbizzjonijiet li jkunu applikabbli, ikun aħjar li jittieħdu f’livell Komunitarju minħabba li dan jiżgura li kundizzjonijiet uniformi jiġu ssodisfati qabel jingħataw derogi u li l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti li jibbenefikaw minn derogi jkun irregolat permezz ta’ regoli armonizzati madwar is-suq intern. L-istess raġunament huwa validu fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tikkettar u mmarkar applikabbli għall-prodotti li jibbenefikaw minn derogi, billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-istess suġġett bi dritt ma tkunx applikabbli għall-Komunità kollha u twassal għal frammentazzjoni tas-suq.

    Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-għażla ta’ strumenti

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in.

    It-tikkettar waħdu tal-prodotti mill-foki ma hux alternattiva għall-projbizzjoni tal-kummerċ ta’ dawn il-prodotti minħabba li t-tikkettar ikun biss rilevanti biex itaffi t-tħassib etiku taċ-ċittadini u l-konsumaturi dwar il-benessri tal-annimali li l-metodi tal-qtil u s-slieħ fis-seħħ fil-pajjiżi tal-foki jkunu jaqblu mal-kriterji previsti f’dan ir-Regolament. Għalhekk għandu jkun hemm inċentivi għall-pajjiżi tal-foki biex jadattaw il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tagħhom b’dak il-mod, li jista’ jsir biss permezz ta’ projbizzjonijiet kummerċjali.

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, projbizzjonijiet flimkien mal-possibbiltà li jinħarġu derogi huma l-anqas miżuri onerużi li għandhom jittieħdu li jistgħu jilħqu effikaċement l-għanijiet mmirati.

    Rekwiżiti xierqa għandhom ikunu previsti biex jiġi żgurat li d-derogi għall-projbizzjonijiet tal-kummerċ jkunu jistgħu jiġu infurzati kif xieraq skont dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandhom isiru dispożizzjonijiet dwar l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni kif ukoll dwar it-tikkettar u mmarkar. L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw li l-prodotti mill-foki li jkunu ċertifikati li ġejjin minn foki jkunu nqatlu u nselħu skont ir-rekwiżiti xierqa, li jkunu infurzati effikaċement, u li l-għan tagħhom huwa li jiġi żgurat li l-foki jinqatlu u jinselħu mingħajr ma jinħolqilhom uġigħ, dwejjaq u kwalunkwe forma oħra ta’ tbatija evitabbli.

    Il-miżuri kollha adottati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    - L-għażla tal-istrumenti

    Strument propost: Regolament.

    Dan joffri vantaġġi li għandu applikazzjoni ġenerali u uniformi, jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha fl-istess jum, mingħajr il-ħtiega ta’ piż amministrattiv addizzjonali li jkun meħtieġ att nazzjonali għat-traspożizzjoni.

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati. Direttiva teħtieġ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni u żżid ir-riskju ta’ applikazzjoni diverġenti. L-infurzat ta’ projbizzjoni jiddependi fuq l-Istati Membri filwaqt li huma jibqgħu ħielsa dwar kif jiżguraw li l-prodotti mill-foki ma jitpoġġewx aktar fis-suq, impurtati jew esportati u kif jiżviluppaw il-metodi ta’ kif tiġi infurzata l-projbizzjoni. Bl-istess mod hemm il-ħtieġa ta’ garanzija ta’ applikazzjoni uniformi ta’ derogi possibbli għall-projbizzjonijiet ta’ kummerċ li jkunu applikabbli.

    4. Implikazzjonijiet baġitarji

    Il-Proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

    5. Informazzjoni addizzjonali

    - Simplifikazzjoni

    Il-Proposta ma għandhiex element ta’ simplifikazzjoni minħabba li ma tmissx leġiżlazzjoni eżistenti.

    Ta’ min jinnota fir-rigward tar-Regolament Nru 338/97 li ma jkunx xieraq li jitneħħew minn dak ir-Regolament l-ispeċijiet tal-foki li attwalment jinsabu inklużi fih, minħabba li tali deċiżjonijiet huma intrisikament marbuta mad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-korpi governattivi tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċijiet Perikolati (CITES) (Anki minkejja li l-Komunità ma hix parti fis-CITES, ir-Regolament Nru 338/97 espressament ifittex li jimplimenta dik il-Konvenzjoni fil-Komunità).

    Ara hawn taħt fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Friegħ tal-Foki 83/129/KEE.

    - Ir-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    L-adozzjoni tal-Proposta ma hix se twassal għar-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti billi din tal-aħħar jew tkopri elementi oħra jew hija bbażata fuq raġunijiet differenti u tfittex li t-taffi tħassib differenti minħabba li tittratta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati.

    Aktar speċifiku dwar id-Direttiva dwar il-Friegħ tal-Foki 83/129/KEE (kif emendata), huwa ċar li dan ir-Regolament jinkludi l-projbizzjoni ta’ importazzjoni kummerċjali ta’ prodotti speċifiċi koperti minn din il-leġiżlazzjoni. Madankollu, din id-Direttiva għandha tibqa’ mhux mittiefsa minħabba li dan ir-Regolament jikkontempla l-possibbiltà li l-kummerċ jitkompla permezz ta’ derogi għall-projbizzjonijiet li jkunu applikabbli. Jekk jingħataw tali derogi, jkun neċessarji li jiġi żgurat li l-għanijiet ta’ konservazzjoni maħsuba fi-Direttiva 83/129 xorta jitħarsu, li konsegwentament jimplika li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni li tipprevedi d-Direttiva tkompli tapplika. Għalhekk ma jkunx xieraq li d-Direttiva 83/129 tiġi rrevokata.

    - Il-klawżola ta’ analiżi / reviżjoni /estinzjoni

    Il-proposta ma tinkludi ebda waħda minn dawn il-klawsoli.

    - Riformulazzjoni

    Il-proposta ma tinvolvi ebda riformulazzjoni.

    - Tabella ta’ korrelazzjoni

    M/A minħabba li tabelli ta’ korrelazzjoni jkunu biss meħtieġa fir-rigward tad-Direttivi.

    - Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)

    L-att propost jikkonċerna affari taż-ŻEE u għalhekk għandu jiġi estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

    2008/xxxx (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-kummerċ tal-prodotti tal-foki

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 95 u 133 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[15],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[16],

    Jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[17],

    Billi:

    (1) Il-foki huma annimali li jistgħu jħossu l-uġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra ta’ tbatija.

    (2) Il-foki huma kkaċċati fil-Komunità u barra minnha, u użati biex jinkisbu prodotti u oġġetti, bħal laħam, żejt, xaħam, ġlud tal-fer u oġġetti magħmulin minnhom, li jinbiegħu kummerċjalment fi swieq differenti, inkluż fil-Komunità.

    (3) Il-kaċċa għall-foki wasslet għall-espressjoni ta’ tħassib serju mill-membri tal-pubbliku, gvernijiet kif ukoll mill-Parlament Ewropew dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-benessri tal-annimali, billi hemm indikazzjonijiet li l-foki ma jistgħux jinqatlu u jinselħu mingħajr uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta’ tbatija.L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet, fl-opinjoni xjentifika tagħha dwar l-aspetti tal-Benessri tal-Annimali tal-qtil u s-slieħ tal-foki, illi huwa possibbli l-foki jinqatlu malajr u b’mod effettiv mingħajr ma dan jikkawżalhom uġigħ jew dwejjaq evitabbli, filwaqt li rrapurtat ukoll li fil-prattika, il-qtil effettiv u mhux dejjem iseħħ[18].

    (4) B’reazzjoni għat-tħassib dwar l-aspetti tal-benessri tal-annimali fil-qtil u s-slieħ tal-foki, bosta Stati Membri adottaw, jew fi ħsiebhom jadottaw, leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċ tal-prodotti tal-foki, billi tiġi pprojbita l-importazzjoni tagħhom, u l-produzzjoni, filwaqt li ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi Stati Membri oħra.

    (5) Għalhekk hemm differenzi bejn id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li jirregolaw il-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki. Dawk id-differenzi bejn il-miżuri nazzjonali jaffettwaw l-operazzjoni tas-suq intern. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom għalhekk jarmonizzaw ir-regoli madwar l-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali dwar il-prodotti mill-foki.

    (6) Biex tiġi eliminata l-frammentazzjoni attwali tas-suq intern, hemm il-ħtieġa li jkunu previsti regoli armonizzati filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tal-benessri tal-annimali. Projbizzjoni fuq it-tqegħid tal-prodotti mill-foki fis-suq hija xierqa għal dak il-għan.

    (7) Il-maġġoranza l-kbira tal-prodotti mill-foki fil-Komunità toriġina f’terzi pajjiżi. Sabiex tkun aktar effikaċi, il-projbizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi akkumpanjata minn projbizzjoni fuq l-introduzzjoni tal-istess prodotti fil-Komunità.

    (8) Projbizzjoni fuq it-tranżitu u l-esportazzjoni għandha tiżgura wkoll li l-prodotti mill-foki ma jgħaddux bi tranżitu mill-Komunità u lanqas ma jiġu manifatturati fil-Komunità għall-esportazzjoni. Tali projbizzjonijiet jikkontribwixxu biex il-projbizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju ssir aktar effikaċi, minħabba li hemm riskju li l-prodotti tal-foki taħt proċedura ta’ tranżitu jew allegament manifatturati għall-esportazzjoni jistgħu jiddaħħlu fis-suq Komunitarju b’kuntrabandu.

    (9) Safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jaffettwaw l-attivitajiet kummerċjali tal-prodotti tal-foki f’pajjiżi terzi, lil hinn minn dak meħtieġ biex tiġi ppreservata l-projbizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju, għandha titqies bħala miżura li tirregola l-kummerċ internazzjonali.

    (10) Il-projbizzjonijiet varji previsti f’dan ir-Regolament għandhom iwieġbu għat-tħassib dwar il-benessri tal-annimali espress mill-membri tal-pubbliku fir-rigward tat-tqegħid fis-suq Komunitarju, inkluż aktar importazzjoni minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti mill-foki miksuba minn forki li setgħu ma nqatlux u nselħu mingħajr uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta’ tbatija evitabbli.

    (11) Huwa xieraq, madankollu, li tkun prevista l-possibbiltà ta’ derogi mill-projbizzjoni ġenerali tat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti mill-foki sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet xierqa msejsa fuq kunsiderazzjonijiet tal-benessri tal-annimali. Għalhekk, għandhom jingħataw kriterji ta' konformità li bihom jiġi żgurat lil-foki jinqatlu u jinselħu mingħajr ma jgħaddu minn uġigħ, dwejjaq u forom oħra ta' tbatija evitabbli. Kwalunkwe tali deroga għandha tingħata fuq livell Komunitarju ħalli jkunu applikabbli kundizzjonijiet uniformi madwar il-Komunità fir-rigward tal-kummerċ speċifikament permess skont dawk id-derogi u l-operat tajjeb tas-suq intern jiġi ppreservat.

    (12) Il-prodotti mill-foki għandhom biss jitqiegħdu fis-suq, jiġu impurtati, jgħaddu bi tranżitu, jew esportati jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti għal dak il-għan f’dan ir-Regolament. Madankollum, jekk jitqiegħdu fis-suq, jiġu impurtati jew esportati skont deroga mogħtija skont dan ir-Regolament, il-prodotti mill-foki se jkollhom jikkonformaw ukoll mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, inkluż dispożizzjonjiet dwar is-saħħa ta’ u s-sikurezza tal-ikel u l-għalf, kif xieraq. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-obbligi skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman[19] dwar ir-rimi ta’ prodotti mill-foki għall-raġunijiet ta’ saħħa pubblika u tal-annimali.

    (13) L-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet Inuit li tradizzjonalment jikkaċċaw il-foki bħala mezz biex jiggarantixxu l-għixien tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati b’mod avvers. Il-kaċċa hija parti integrali mill-kultura u l-identità tal-membri tas-soċjetà tal-Inuit. Tirrappreżenta sors ta’ dħul u tikkontribwixxi għall-għixien tal-kaċċatur. Għalhekk, prodotti mill-foki derivati minn kaċċa mwettqa tradizzjonalment mill-komunitajiet Inuit u li jikkontribwixxu għall-għixien tagħhom ma għandhomx għalhekk ikunu koperti bil-projbizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament.

    (14) Rekwiżiti xierqa għandhom ikunu previsti biex jiġi żgurat li d-derogi għall-projbizzjonijiet tal-kummerċ jkunu jistgħu jiġu infurzati kif xieraq skont dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandhom isiru dispożizzjonijiet dwar l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni kif ukoll dwar it-tikkettar u mmarkar. L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw li l-prodotti mill-foki li jkunu ċertifikati li ġejjin minn foki jkunu nqatlu u nselħu skont ir-rekwiżiti xierqa, li jkunu infurzati effikaċement, u li l-għan tagħhom huwa li jiġi żgurat li l-foki jinqatlu u jinselħu mingħajr ma jinħolqilhom uġigħ, dwejjaq u kwalunkwe forma oħra ta’ tbatija evitabbli.

    (15) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[20].

    (16) Partikolarment, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri kollha neċessarji biex tiżgura li l-proċeduri jkunu fis-seħħ li jippermettu l-applikazzjonijiet għal derogi mill-projbizzjonijiet għall-kummerċ stipulati f’dan ir-Regolament li għandhom jiġu sottomessi u pproċessati b’mod effiċjenti kif ukoll biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u tikkettar u mmarkar. Billi dawk il-miżuri huma ta’ skop ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, fost l-oħrajn, billi jissupplimentawh b’elementi mhux essenzjali ġodda, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tiddeċiedi dwar derogi mill-projbizzjonijiet tal-kummerċ skont dan ir-Regolament, sospensjoni jew revoka tagħhom. Billi dawk il-miżuri huma adottati biex jiżguraw il-ġestjoni tal-iskema prevista f’dan ir-Regolament u japplikaw għall-każijiet individwali, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ ġestjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (17) L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diżwassivi.

    (18) L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw fuq bażi regolari dwar l-azzjonijiet meħuda biex jinfurzaw dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha hi nnifisha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (19) Billi l-għan ta’ dan ir-Regolament, notevolment l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-operat tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tal-projbizzjonijiet nazzjonali dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki fil-livell Komunitarju, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Il-kummerċ internazzjonali jista’ jiġi rregolat mill-Komunità skont l-Artikolu 133 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom jimmira.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni, it-tranżitu, jew l-esportazzjoni tal-prodotti mill-foki fil-Komunità Ewropea.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

    1. ‘foka’ tfisser xempju ta’ Pinnipedi li tappartjeni għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness I;

    2. ‘prodott mill-foki’ tfisser il-prodotti kollha, kemm jekk proċessati jew mhux proċessati, derivati jew miksuba mill-foki, inkluż laħam, xaħam, żejt u ġlud tal-fer mhux maħduma u ġlud tal-fer, ikkonzat jew imlibbes, inkluż ġlud tal-fer armati f’folji, slaleb u forom simili kif ukoll oġġetti magħmula mill-ġlud tal-fer tal-foki;

    3. ‘tqegħid fis-suq’ tfisser l-introduzzjoni fis-suq Komunitarju, li bih isir disponibbli għall-partijiet terzi, kemm jekk bi skambju għall-ħlas jew le;

    4. ‘importazzjoni’ tfisser kwanlkwe dħul ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-importazzjoni li:

    (i) tkun ta’ natura okkażjonali, u

    (ii) tikkonsisti esklussivament minn merkanzija għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom;

    5. ‘tranżitu’ jfisser it-trasport ta’ merkanzija bejn żewġ postijiet barra l-Komunità li jgħaddi mit-territorju tal-Komunità permezz, jew le, ta’ trażbord, ħżin, ħatt tat-tagħbija, jew bidla tal-mezz tat-trasport u li matulu kwalunkwe interruzzjoni fil-moviment toriġina biss mill-arranġamenti li din il-forma ta’ traffiku tkun tirrikjedi;

    6. ‘esportazzjoni’ tfisser kwanlkwe tluq ta’ merkanzija mit-territorju doganali tal-Komunità;

    7. ‘applikazzjoni ta’ talba għal deroga’ tfisser pajjiżi, inkluż Stati Membri, li jitolbu deroga mill-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament li fit-territorju tagħhom jew li taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom il-foki li minnhom isiru l-prodotti mill-foki, ikunu jinqatlu u jinselħu, kif ukoll il-pajjiż li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jaqgħu l-persuni li joqtlu u jisolħu l-foki, fejn il-qtil u s-slieħ isir fit-territorju ta’ pajjiż ieħor. Meta jiġu adottati l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni tiddeċiedi, b’konformità mal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, taħt liema kundizzjonijiet entitajiet li mhumiex pajjiżi għandhom jiġu inklużi. .

    Artikolu 3

    Projbizzjonijiet

    1. It-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni, it-tranżitu, jew l-esportazzjoni tal-prodotti mill-foki fil-Komunità għandu jkun projbit.

    2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċeċ tradizzjonalment imwettqa mill-komunitajiet Inuit u li jikkontribwixxi għall-għixien tagħhom.

    3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji biex timplimenta l-paragrafu 2, inkluż ir-rekwiżiti evidenzjarji dwar il-prova tal-oriġini tal-prodotti mill-foki.

    Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(3).

    Artikolu 4

    Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq, l-importazzjon, it-tranżitu u l-esportazzjoni

    1. Minkejja l-Artikolu 3(1), it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni, it-tranżitu, jew l-esportazzjoni tal-prodotti mill-foki fil-Komunità għandu jitħalla fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    1. ikunu nkisbu minn foki maqtula u misluħa f’pajjiż fejn, jew persuna li għaliha, huma applikabbli dispożizzjonijiet leġiżlattivi adegwati jew rekwiżiti oħra li jiżguraw li l-foki jinqatlu u jinselħu mingħajr ma jinħolqilhom uġigħ, dwejjaq u kwalunkwe forma oħra ta’ tbatija evitabbli;

    2. id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew ir-rekwiżiti l-oħra msemmija fil-punt (a) ikunu infurzat effikaċement mill-awtoritajiet rilevanti;

    3. ikun hemm fis-seħħ skema xierqa li permezz tagħha l-prodotti tal-foki, inkluż il-ġlud tal-foki u materjali oħra mhux maħduma derivati mill-foki użati għall-manifattura ta’ prodotti mill-foki, ikunu ċertifikati li ġejjin mill-foki li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet fil-punti (a) u (b); u

    4. is-sodisfar tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) u (c) ikun evidenzjat:

    (i) b’ċertifikat, u

    (ii) b’tikketta jew marka, fejn ċertifikat ma jkunx biżżejjed biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta’ dan ir-Regolament,

    skont l-Artikoli 6 u 7.

    2. L-Istati Membri ma għandhomx iċaħħdu t-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti mill-foki li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Id-derogi

    1. L-applikanti li jitolbu deroga li juru għas-sodisfazzjoni tal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) jintlaħqu għandhom jingħataw deroga.

    2. Il-Kummisjoni għandha tivvaluta s-sodisfar tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) abbażi tal-kriterji stipulati fl-Anness II.terji stipulati fl-Anness II.

    3. Derogi mogħtija skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu sospiżi jew revokati fejn kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu ma jibqgħux issodisfati.

    4. Il-Kummissjoni għandha tagħti derogi, u tiddeċiedi dwar is-sospensjoni jew ir-revoka tagħhom, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2).

    5. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji biex timplimenta dan l-Artikolu, bħal miżuri dwar l-applikazzjoni li għandha tiġi sottomessa għand il-Kummissjoni, inkluż ir-rekwiżiti evidenzjarji, sabiex tinkiseb id-deroga. B’dan, il-Kummissjoni tkun qed tqis il-kundizzjonijiet differenti li jistgħu jokkorru fit-territorji tal-pajjiżi differenti.

    Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(3).

    Artikolu 6

    Iċ-ċertifikati

    1. Iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 4(1)(d)(i) għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi li ġejjin:

    5. għandhom juru l-informazzjoni kollha rilevanti neċessarja għall-attestazzjoni li l-prodott jew prodotti mill-foki li għalihom jirreferu jissodisfaw il-kundizzjoni fl-Artikolu 4(1)(c); u

    6. għandhom jiġu vvalidati minn korp indipendenti jew awtorità pubblika li tattesta l-preċiżjoni tal-informazzjoni li jikkontjenu.

    2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji biex timplimenta dan l-Artikolu. Partikolarment, tista’ tispeċifika l-informazzjoni li għandha tintwera u r-rekwiżiti evidenzjarji li għandhom jiġu sottomessi għall-attestazzjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ġew issodisfati.

    Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(3).

    Artikolu 7

    It-tikkettar u l-immarkar

    1. It-tikketta jew il-marka msemmija fl-Artikolu 4(1)(d)(ii) għandhom jitwaħħlu b’mon intelleġibbli, indelibbli u viżibbli.

    2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji biex timplimenta dan l-Artikolu, bħal miżuri li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li l-marka u t-tikketta għandhom jissodisfaw u ċ-ċirkostanzi li fihom għandhom jitwaħħlu. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(3).

    Artikolu 8

    Emendi għall-Annessi

    Il-Kummissjoni tista’ temenda l-annessi. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(3).

    Artikolu 9

    Il-proċedura tal-kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97[21].

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/469/KE għandu japplika, billi jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

    3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/469/KE għandu japplika, billi jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

    Artikolu 10

    Penali u infurzar

    L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diżwassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 200X, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda għalihom sussegwenti.

    Artikolu 11

    Rapporti

    1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull ħames snin rapport dwar l-azzjonijiet meħuda biex jinfurzaw dan ir-Regolament.

    2. Abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien tnax-il xahar minn tmiem il-perjodu tar-rappurtar konċernat.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    L-Artikoli 3 u 4 għandhom japplikaw 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament sakemm il-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 3(3), 5(5), 6(2) u 7(2) ma jkunux fis-seħħ f’dik id-data, u f’dak il-każ għandhom ikunu applikabbli fil-jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, [...]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    ANNESS I

    Speċijiet tal-Pinnipedi msemmija fl-Artikolu 2

    1. Arctocephalus pusillus pusillus;

    2. Callorhinus ursinus;

    3. Cystophora cristata;

    4. Erignathus barbatus;

    5. Eumetopias jubatus;

    6. Halichoerus grypus;

    7. Histrophoca fasciata;

    8. Odobenus rosmarus rosmarus;

    9. Odobenus rosmarus divergens;

    10. Pagophilus groenlandicus;

    11. Phoca largha;

    12. Phoca vitulina;

    13. Phoca vitulina richardii;

    14. Pusa caspica;

    15. Pusa hispida;

    16. Pusa sibirica;

    17. Zalophus californianus.

    ANNESS II

    Kriterji għal valutazzjoni tal-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u rekwiżiti oħra fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 5(2)

    1. Prinċipji tal-benessri tal-annimali:

    Il-prinċipji tal-benessri tal-annimali kienu speċifikati fil-leġiżlazzjoni applikabbli jew rekwiżiti oħra.

    2. Għodod għall-kaċċa:

    Il-karatteristiċi tal-armi użati biex jinqatlu l-foku huma speċifikati. Huwa espliċitu fil-leġiżlazzjoni jew rekwiżiti oħra li l-armi permessi għall-istordament u/jew il-qtil tal-friegħ u liema huma permessi għall-istordament u/jew qtil tal-foki adulti.

    3. Il-verifika tal-insensittività u l-mewt bl-użu ta’ medtodi ta’monitoraġġ xierqa:

    Huma mfissra rekwiżiti speċifikament għal-metodi ta’ monitoraġġ xierqa li jobbligaw lill-kaċċatur jivverifika li l-foka tkun irrevokabbilment inkonxja qabel ma jiżvinaha u qabel ma jkompli bil-foka li jmiss.

    4. L-iżvinar ta’ annimali storduti:

    L-iżvinar tal-annimali kollha huwa rekwiżit direttament wara l-istordament adegwat, jiġifieri, qabel ma l-kaċċatur imur biex jistordi foka oħra.

    5. Kundizzjonijiet għall-kaċċa:

    Huma speċifikati rekwiżiti biex jiġi żgurat li l-foka u/jew il-kaċċatur ikunu stabbli biżżejjed u li l-mira tkun tista’ tiġi viżwalizzata kif xieraq. Fatturi oħra, rilevanti għall-kaċċa inkwistjoni, huma rregolati wkoll.

    6. Taħriġ għall-kaċċaturi:

    Livell definit ta’ għarfien u abbiltà tal-kaċċatur rigward il-bijoloġija tal-foka, il-metodi tal-kaċċa u l-proċedura fi "tliet stadji", hawn taħt użu prattiku tal-għodod tal-kaċċa, bħat-testijiet tal-isparar huma rekwiżiti. Il-proċedura fi "tliet stadji" hija metodu ta’ daqqiet/sparar effikaċi, mornitoraġġ effikaċi (bl-applikazzjoni tar-rifless tat-teptip jew tal-palpitazzjoni tal-għadam tar-ras, li l-annimal huwa irriversibbilment inkonxju jew mejjet), u żvinar effettiv sabiex jiġi żgurat li l-foka nqatlet mingħajr uġigħ, dwejjaq u tbatija evitabbli.

    7. Monitoraġġ indipendenti:

    Hija prevista sistema ta’ monitoraġġ u osservazzjoni tal-kaċċa, li tiżgura superviżjoni regolari tal-kaċċa u l-indipendenza tal-ispetturi.

    8. Possibbiltà tal-monitoraġġ minn parti terza

    Huwa possibbli li parti terza timmonitorja l-kaċċa, b’ostakli amministrattivi jew loġistiċi minimi.

    9. Rekwiżiti ta’ rappurtar:

    Huma previsti rekwiżiti ċari dwar ir-rappurtar immirati kemm għall-kaċċaturi kif ukoll l-ispetturi, li jkopru fejn u meta l-annimali jinqatlu u liema armi u munizzjoni jintużaw. Il-firxa ta’ fatturi ambjentali rilevanti għandha tiġi rrappurtata wkoll.

    10. Sanzjonijiet u konformità:

    Informazzjoni statistika dwar il-kaċċa, waqtiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli u azzjonijiet ta’ infurzar relatat ikunu kkumpilati u sistemizzati.[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

    [1] Sentenza tal-Qorti ta' l-14 ta’ Diċembru 2004 fil-kawża C-434/02 (Arnold André), il-paragrafi 34 u 35.

    [2] Ara l-paragrafi 37, 38, 39 u 41 tal-Kawża C-434/02.

    [3] Ara l-Każijiet Magħquda C-37/06 u C-58/06, Viamex Agrar Handels e.a., il-paragrafu 22.

    [4] Ara l-paragrafi 32 tal-Kawża C-434/02.

    [5] Friegħ tal-foki Pagophilus Groenlandicus bil-pil abjad u friegħ tal-foki Cystophora cristata (ta' daharhom iswed).

    [6] ĠU L 91, 9.4.1983, p. 30. Id-Direttiva emendata bid-Direttiva 89/370/KE (ĠU L 163, 14.6.1989, p. 37).

    [7] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE ta' l-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta d-Direttivi 73/239/KEE, 74/557/KEE u 2002/83/KE fil-qasam ta' l-ambjent, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

    [8] ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2008 (ĠU L 95, 8.4.2008, p. 3).

    [9] Ara l-Każijiet Magħquda C-37/06 u C-58/06, Viamex Agrar Handels e.a., il-paragrafu 22.

    [10] Il-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benessri ta' l-annimali tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU C 340, 10.11.1997, p. 110). Dan il-Protokoll huwa rifless fid-Dikjarazzjoni Nru 24 dwar il-protezzjoni ta' l-annimali anness ma' l-Att Finali tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.

    [11] COM(2006)13 finali, 23.1.2006.

    [12] The EFSA Journal (2007) 610, 1-122.

    [13] COWI " Assessment of the potential impact of a ban of products derived from seal species ", April 2008

    [14] Is-sentenza ta' l-10 ta’ Diċembru 2002 fil-Kawża C-491/01 British American Tobacco u Imperial Tobacco [2002] ECR I-11453, il-paragrafi 60 u 61; is-sentenzi ta' l-14 ta’ Diċembru 2004 fil-Kawża C-434/02 Arnold André [2004] ECR I-11825, il-paragrafi 34 u fil-Kawża C-210/03 Swedish Match [2004] ECR I-11893, il-paragrafi 33; is-sentenza ta' l-12 ta’ Lulju 2005 fil-Kawżi Magħquda C-154/04 u C-155/04 Alliance for Natural Health [2006] ECR I-6451, il-paragrafu 32 u tas-6 ta’ Diċembru 2005 fil-Kawża C-66/04 Ir-Renju Unit v il-Parlament u l-Kunsill [2005] ECR I-10553, il-paragrafu 41.

    [15] ĠU C , , p. .

    [16] ĠU C , , p. .

    [17] ĠU C , , p. .

    [18] Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar is-Saħħa u l-Benessri ta’ l-Annimali fuq talba mill-Kummissjoni dwar l-aspetti tal-Benessri ta’ l-Annimali fir-rigward tal-qtil u s-slieħ tal-foki. The EFSA Journal (2007) 610, 1-122.

    [19] ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 523/2008 tal-11 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 23).

    [20] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE, (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    [21] ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

    Top