Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0437

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi

    /* KUMM/2008/0437 finali - ACC 2008/0134 */

    52008PC0437

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi /* KUMM/2008/0437 finali - ACC 2008/0134 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 8.7.2008

    KUMM(2008) 437 finali

    2008/0134 (ACC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1. Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

    Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi, u adotta d-direttivi meħtieġa għan-negozjati.

    Kien hemm bosta skambji ta’ proposti mal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Wara n-negozjati, it-test tal-Ftehim ġie aċċettat fit-13 ta’ Marzu 2008. Il-Ftehim issa qiegħed jitressaq quddiem il-Kunsill sabiex jiġi ffirmat u konkluż.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-test huwa skond id-direttivi għan-negozjati adottati mill-Kunsill fis-27 ta' Ġunju 2006.

    Sabiex il-Ftehim dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi jkun jista’ jiġi ffirmat, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill japprova l-proposta mehmuża għal deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim.

    1.2. Il-kuntest ġenerali

    Il-Komunità għadha meqjusa bħala waħda mis-sorsi ewlenin ta' drogi sintetiċi fid-dinja, eż. l-amfetamini u l-MDMA (li komunement jissejħu ecstasy). Is-sustanzi prekursuri tad-drogi sintetiċi meħtieġa għall-produzzjoni ta’ dawk id-drogi mhumiex faċilment disponibbli fil-Komunità u jridu jinġiebu minn barra. Iċ-Ċina hija l-fornitur ewlieni fid-dinja ta’ dawn is-sustanzi prekursuri tad-drogi sintetiċi. Il-miżura proposta għandha tgħin biex tevita l-iżvijar ta' dawn is-sustanzi mill-kummerċ legali u l-użu ħażin tagħhom fil-manifattura illeċita tad-drogi fil-Komunità.

    1.3. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Din il-proposta żżid ma’ dispożizzjonijiet Komunitarji eżistenti li għandhom l-għan li jimmonitorjaw il-kummerċ legali tas-sustanzi prekursuri tad-drogi biex jevitaw l-iżvijar tagħhom mill-kummerċ legali għall-użu ħażin fil-manifattura tad-drogi illeċiti.

    Ir-regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ tas-sustanzi prekursuri tad-drogi huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prekursuri tad-drogi u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jfassal ir-regoli għas-sorveljanza tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 li jistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw għar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi prekursuri tad-drogi u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jfassal ir-regoli għas-sorveljanza tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi tas-sustanzi prekursuri tad-drogi.

    1.4. Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni

    Il-proposta hija konsistenti mal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Drogi (2005 - 2008) u l-istrateġija ġenerali ta’ l-UE dwar id-Drogi.

    2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

    2.1. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Mhux rilevanti

    2.2. Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

    2.3. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

    L-għan ewlieni tal-miżura proposta huwa li jżid il-kapaċità biex jiġi evitat l-iżvijar tal-prekursuri tad-drogi mill-kummerċ legali u biex sussegwentement jiġi evitat l-użu ħażin tagħhom fil-manifattura illeċita tad-drogi.

    Huwa mistenni li ż-żieda proposta fil-monitoraġġ tal-kummerċ legali permezz ta’ mekkaniżmi u għodod eżistenti se tnaqqas il-manifattura illeċita tad-drogi sintetiċi fil-Komunità.

    3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1. Is-sommarju ta’ l-azzjoni proposta

    Il-ftehim bilaterali maċ-Ċina se jippermetti t-twaqqif ta’ kontrolli kkoordinati bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti taċ-Ċina abbażi ta’ l-istrumenti ta’ kontroll imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jfassal ir-regoli għas-sorveljanza tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi tas-sustanzi prekursuri tad-drogi.

    Fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-1988 kontra t-traffikar illeċitu tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi, il-Komunità waqqfet miżuri biex timmonitorja l-kummerċ ta’ sustanzi prekursuri tad-drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi. Fost il-qbid ta’ sustanzi prekursuri tad-drogi, b’mod partikolari s-sustanzi prekursuri ta’ l-ATS, jirriżulta li l-parti l-kbira kienu joriġinaw miċ-Ċina.

    Il-kontroll tal-kummerċ internazzjonali tas-sustanzi prekursuri tad-drogi jaffettwa direttament id-disponibilità ta’ kimiki għall-manifattura illegali tad-drogi. It-titjib fil-kooperazzjoni internazzjonali jagħmel il-provvista tad-drogi illegali aktar diffiċli u b’hekk jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tas-saħħa pubblika billi jnaqqas il-kwantità ta' drogi illegali fis-suq.

    3.2. Il-bażi legali

    L-Artikolu 133 u l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300 (2) tat-Trattat tal-KE

    3.3. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

    3.4. Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta hija skond il-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja:

    Din il-proposta żżid ma’ dispożizzjonijiet Komunitarji eżistenti li għandhom l-għan li jimmonitorjaw il-kummerċ tas-sustanzi prekursuri tad-drogi biex jevitaw l-iżvijar tagħhom mill-kummerċ legali għall-użu ħażin fil-manifattura illeċita tad-drogi.

    It-titjib tal-kapaċità ta’ individwazzjoni ta’ kunsinni ta’ riskju għoli ta’ sustanzi prekursuri u l-evitar ta’ l-użu ħażin tagħhom fil-produzzjoni tad-drogi illeċiti jistgħu jinkisbu b'żieda minima fil-livell ta' sorveljanza ta' movimenti fil-kummerċ bl-użu ta' mekkaniżmi eżistenti (inklużi l-għodod ta’ l-IT implimentati).

    3.5. L-għażla ta’ l-istrumenti

    L-istrumenti proposti: Deċiżjoni tal-Kunsill

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja:

    Jistgħu jiġu kkunsidrati Memoranda ta’ Ftehim li jindirizzaw kooperazzjoni msaħħa maċ-Ċina f’dan il-qasam fuq bażi volontarja. Madankollu, għażla bħal din ma tkunx suffiċjenti, eż. ma tipprovdix il-bażi ġuridika meħtieġa biex tipprojbixxi l-esportazzjoni jew importazzjoni suspettuża ta’ konsenji.

    4. L-IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI

    L-implikazzjonijiet baġitarji huma marġinali (eż. fir-rigward tal-partiti li ġew allokati attwalment u l-użu ta’ riżorsi eżistenti).

    5. TAGħRIF ADDIZZJONALI

    5.1. Klawżola ta’ analiżi/reviżjoni/estinzjoni

    Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni.

    5.2. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

    Il-proposta tissuġġerixxi monitoraġġ tal-kummerċ, il-possibilità li jiġu sospiżi konsenji, għajnuna amministrattiva reċiproka, skambju ta’ tagħrif u kooperazzjoni teknika u xjentifika. Tipprovdi wkoll il-possibilità ta’ laqgħat ta’ grupp konġunt ta’ segwitu, fejn meħtieġ.

    2008/0134 (ACC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(2),

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi.

    (2) Il-Komunità jeħtieġ li ssaħħaħ il-kontrolli fuq il-konsenji tas-sustanzi prekursuri mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, minħabba r-riskju ta’ l-iżvijar tagħhom għal skopijiet ta’ manifattura illeċita ta’ drogi sintetiċi fil-Komunità

    (3) Huwa meħtieġ li l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi jkun approvat

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1. Il-Kummissjoni, megħjuna minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri, għandha tirrappreżenta l-Komunità Ewropea fil-Kumitat Konġunt ta’ Segwitu mwaqqaf skond l-Artikolu 9 tal-Ftehim.

    2. Il-Kummissjoni hija awtorizzata biex tapprova, f’isem il-Komunità, emendi għall-Annessi għall-Ftehim adottat mill-Grupp Konġunt ta’ Segwitu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 10 tal-Ftehim.

    Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna fit-twettiq ta’ din il-biċċa xogħol permezz ta’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill u inkarigat biex jistabbilixxi pożizzjoni komuni.

    3. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun limitata għal dawk is-sustanzi li huma diġà koperti mill-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuni li għandhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika stipulata fl-Artikolu 12 tal-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea[1].

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-GVERN TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA DWAR IS-SUSTANZI PREKURSURI TAD-DROGI U S-SUSTANZI LI SPISS JINTUŻAW FIL-MANIFATTURA ILLEĊITA TAD-DROGI NARKOTIĊI JEW TAS-SUSTANZI PSIKOTROPIĊI

    FTEHIM

    bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

    minn hawn 'il quddiem ‘il-Komunità’, min-naħa l-waħda, u

    IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA,

    minn hawn 'il quddiem ‘Il-gvern Ċiniż’, min-naħa l-oħra,

    minn hawn ’il quddiem imsejħin ‘Il-Partijiet’

    FI ĦDAN IL-QAFAS tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi, iffirmata fl-20 ta’ Diċembru 1988 fi Vjenna, minn hawn ‘il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ l-1988’ u skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Isati Membri tal-Komunità;

    IDDETERMINATI li jevitaw u jiġġieldu kontra l-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi billi jevitaw l-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi u tas-sustanzi kimiċi użati ta’ spiss għal għanijiet bħal dawn, (minn hawn ‘il quddiem ‘sustanzi prekursuri tad-drogi’);

    B‘RIKONOXXIMENT ta’ l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ l-1988,

    KONVINTI li l-kummerċ internazzjonali jista' jkun użat għall-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi, u li jenħtieġ li jiġu konklużi u implimentati ftehimiet bejn ir-reġjuni kkonċernati, li jistabbilixxu kooperazzjoni wiesgħa u, b’mod partikolari, jgħaqqdu l-kontrolli ta' l-esportazzjoni u l-importazzjoni;

    JAGĦRFU li l-użu prinċipali u mifrux tas-sustanzi prekursuri tad-drogi huwa għal skopijiet leġittimi u li l-kummerċ internazzjonali ma għandux jiġi mfixxkel minn proċeduri eċċessivi ta' monitoraġġ;

    IDDEĊIDEW li jikkonkludu Ftehim dwar l-evitar ta’ l-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-ambitu tal-Ftehim

    1. Dan il-Ftehim jiddefinixxi miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Partijiet biex tevita l-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet normali tal-kummerċ u r-rikonoxximent dovut ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-industrija.

    2. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jgħinu lil xulxin, kif stipulat f’dan il-Ftehim, b’mod partikolari billi:

    - jimmonitorjaw il-kummerċ ta’ bejniethom tas-sustanzi prekursuri tad-drogi msemmija fil-paragrafu 3, bil-għan li jiġi evitat l-iżvijar tagħhom għal skopijiet illeċiti,

    - jipprovdu għajnuna amministrattiva reċiproka biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom tal-kontroll tal-kummerċ tas-sustanzi prekursuri tad-drogi tiġi applikata tajjeb.

    3. Mingħajr preġudizzju għal emendi possibbli li jistgħu jsiru skond l-Artikolu 10, dan il-Ftehim japplika għas-sustanzi elenkati fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Monitoraġġ tal-kummerċ

    1. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u jgħarrfu lil xulxin fuq inizjattiva tagħhom kull meta jkollhom provi raġonevoli dwar xi suspett li s-sustanzi prekursuri tad-drogi jistgħu jiġu żvijati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, b’mod partikolari meta konsenji ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni jseħħu fi kwantitajiet mhux tas-soltu jew taħt ċirkostanzi mhux tas-soltu.

    2. Fir-rigward tas-sustanzi prekursuri tad-drogi elenkati fl-Anness A għal dan il-Ftehim, l-awtorità kompetenti tal-Parti li qiegħda tesporta għandha tibgħat notifika ta’ qabel l-esportazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Parti li qiegħda timporta. It-tweġiba bil-miktub tal-Parti li qiegħda timporta għandha tasal fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol wara li tkun irċeviet il-messaġġ mingħand il-Parti li qiegħda tesporta. In-nuqqas ta’ tweġiba fi żmien dan il-perjodu għandu jitqies daqs li kieku m’hemm l-ebda oġġezzjoni biex tintbagħat il-konsenja. Fi żmien dan il-perjodu għandha tiġi nnotifikata oġġezzjoni bil-miktub lill-Parti li qiegħda tesporta, u għandhom jingħataw ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni.

    3. Fir-rigward tas-sustanzi prekursuri tad-drogi elenkati fl-Anness B għal dan il-Ftehim, l-awtorità kompetenti tal-Parti li qiegħda tesporta għandha tibgħat notifika ta’ qabel l-esportazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Parti li qiegħda timporta skond il-liġi nazzjonali tagħha. It-tagħrif speċifiku għandu jingħata fejn l-operatur jibbenifika, fil-pajjiż li qiegħed jesporta, minn awtorizzazzjoni ssimplifikata ta’ esportazzjoni li tkopri operazzjonijiet ta’ esportazzjoni multipli.

    4. Il-Partijiet jaċċettaw ir-responsabbiltà li jwieġbu bil-miktub malajr kemm jista’ jkun, rigward kwalunkwe tagħrif li jingħata jew miżura mitluba skond dan l-Artikolu.

    Artikolu 3

    Sospensjoni ta' konsenja

    1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi ta’ nfurzar, konsenji għandhom jiġu sospiżi jekk, fl-opinjoni ta’ Parti waħda jew ta’ l-oħra, hemm biżżejjed provi dwar xi suspett li s-sustanzi prekursuri tad-drogi jistgħu jiġu żvijati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, jew fejn, fil-każijiet deskritti fl-Artikolu 2(2), il-Parti li qiegħda timporta titlob bil-miktub is-sospensjoni, u fejn xieraq, tipprovdi dokumenti ta’ evidenza u miżuri ta’ ċertezza li għandhom jittieħdu fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw billi jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe tagħrif relatat ma’ l-iżvijar ta’ operazzjonjiet suspetti jekk ikunu bbażati fuq talba għal għajnuna amministrattiva reċiproka.

    Artikolu 4

    Għajnuna amministrattiva reċiproka

    1. Il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin fuq talba għal għajnuna amministrattiva reċiproka bi kwalunkwe tagħrif biex jiġi evitat l-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi u għandhom jinvestigaw każijiet suspettużi ta’ żvijar. Fejn meħtieġ għandhom jadottaw miżuri xierqa ta’ prekawzjoni biex jevitaw l-iżvijar.

    2. Il-konformità ma’ kwalunkwe talba għal tagħrif jew miżuri ta’ prekawzjoni għandha ssir fil-ħin.

    3. It-talbiet għal għajnuna amministrattiva għandhom isiru skond id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tal-Parti li qiegħda tagħmel it-talba.

    4. Uffiċjali akkreditati ta' waħda mill-Partijiet jistgħu, bi ftehim mal-Parti l-oħra u skond il-kundizzjonijiet stipulati minn ta’ l-aħħar, ikunu preżenti għall-investigazzjonijiet li jitwettqu fit-territorju tal-Parti l-oħra.

    5. Il-Partijiet għandhom jgħinu lil xulxin biex jiffaċilitaw il-provvediment ta’ evidenza jekk ikun ibbażat fuq talba ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka.

    6. L-għajnuna amministrattiva stipulata f’dan l-Artikolu ma għandhiex tippreġudika r-regoli li jirregolaw l-għajnuna reċiproka fil-kwistjonijiet kriminali, u lanqas ma għandha tapplika għal tagħrif miksub permezz ta’ setgħat eżerċitati fuq it-talba ta’ awtorità ġudizzjali, ħlief meta l-komunikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ tagħrif tkun awtorizzata minn dik l-awtorità.

    7. Parti waħda tista’, abbażi ta' kull każ individwali u permezz ta' konsulta, tipprovdi, fuq talba tal-Parti l-oħra, tagħrif dwar sustanzi li jintużaw spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi iżda li mhumiex inklużi fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 5

    L-iskambju tat-tagħrif u l-kunfidenzjalità

    1. Kull tagħrif ikkomunikat fi kwalunkwe forma skond dan il-Ftehim għandu jkun ta' natura kunfidenzjali jew ristretta, skond ir-regoli applikabbli f’kull Parti u għandu jkun kopert mill-obbligu tas-segretezza uffiċjali.

    2. L-iskambju ta' dejta personali jista’ jsir biss meta l-Parti li tista’ tirċievi din id-dejta taċċetta r-responsabbiltà li tħares tali dejta talanqas bl-istess mod li huwa applikabbli għal dak il-każ partikolari fil-Parti li tista' tforniha. Għal dan il-għan, il-Partijiet jikkomunikaw lil xulxin tagħrif dwar ir-regoli applikabbli tagħhom, inkluż id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Komunità.

    3. It-tagħrif miksub skond dan il-Ftehim għandu jintuża biss għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim. Meta waħda mill-Partijiet tkun tixtieq tuża dan it-tagħrif għal għanijiet oħra, għandha tikseb minn qabel il-permess bil-miktub ta’ l-awtorità li provdiet it-tagħrif. Dan l-użu għandu mbagħad ikun suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni stipulata minn dik l-awtorità.

    4. L-użu fi proċeduri istitwiti minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi msemmija fl-Artikolu 3, tat-tagħrif miksub skond dan il-Ftehim, huwa kkunsidrat biss għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim. Għalhekk, waqt proċeduri, il-Partijiet jistgħu jużaw bħala evidenza t-tagħrif miksub u d-dokumenti li jkunu ġew ikkonsultati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. L-użu ta’ evidenza huwa soġġett għall-permess mogħti minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti li tkun forniet dak it-tagħrif jew li tkun tat aċċess għal dawk id-dokumenti.

    Artikolu 6

    Eċċezzjonijiet għall-obbligu li tkun ipprovduta l-għajnuna

    1. L-għajnuna tista' tiġi rrifjutata jew tista' tkun soġġetta li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti, f’każijiet fejn Parti tkun ta' l-opinjoni li l-għajnuna skond dan il-Ftehim:

    (a) x’aktarx li tippreġudika s-sovranità tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew dik ta’ Stat Membru tal-Komunità li kien mitlub jipprovdi l-għajnuna skond dan il-Ftehim; jew

    (b) x'aktarx li tippreġudika l-politika pubblika, is-sigurtà jew l-interessi l-essenzjali l-oħra, b'mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2); jew

    (c) tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.

    2. L-għajnuna tista' tiġi posposta mill-awtorità li tkun irċeviet tali talba fuq il-bażi li tista' tfixkel investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment li tkun/jkun għadha/għadu għaddejja/għaddej. F'każ bħal dan, l-awtorità li tkun irċeviet tali talba għandha tikkonsulta ma' l-awtorità applikanti biex tiddetermina jekk l-għajnuna tistax tingħata soġġetta għal dawk it-termini u l-kundizzjonijiet kif jistgħu jkunu meħtieġa mill-awtorità li tkun irċeviet tali talba.

    3. Meta l-awtorità applikanti tfittex għajnuna li jekk mitluba ma tkunx tista’ tipprovdiha hija stess, għandha tiġbed l-attenzjoni għal dak il-fatt fit-talba tagħha. Imbagħad l-awtorità li tkun irċeviet tali talba għandha tiddeċiedi hi kif twieġeb għal din it-talba.

    4. Għall-każijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, id-deċiżjoni ta' l-awtorità li tkun irċeviet tali talba u r-raġunijiet għaliha għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti fl-iqsar żmien possibbli.

    Artikolu 7

    Kooperazzjoni teknika u xjentifika

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-identifikazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ żvijar kif ukoll dwar kontromiżuri xierqa, li jinkludu kooperazzjoni teknika u b’mod partikolari, taħriġ u programmi ta’ skambju għall-uffiċjali kkonċernati, biex isaħħu l-istrutturi amministrattivi u ta’ infurzar f’dan il-qasam u jippromwovu l-kooperazzjoni man-negozji u l-industrija.

    Artikolu 8

    Miżuri ta' implimentazzjoni

    1. Għandha tinħatar awtorità kompetenti min-naħa taċ-Ċina, mill-Kummissjoni Ewropea u minn kull Stat Membru rispettivament sabiex tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Dawn l-awtoritajiet għandhom jikkommunikaw direttament ma’ xulxin għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u sussegwentement iżommu lil xulxin infurmati dwar ir-regoli dettaljati ta' implimentazzjoni li jiġu adottati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 9

    Grupp Konġunt ta’ Segwitu

    1. Grupp Konġunt ta’ Segwitu, minn hawn 'il quddiem ‘il-Grupp Konġunt ta' Segwitu’, li fih se jkunu rappreżentati l-Partijiet, huwa b’dan stabbilit.

    2. Il-Grupp Konġunt ta' Segwitu għandu jaġixxi bi qbil reċiproku.

    3. Jekk ikun hemm il-ħtieġa, il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu għandu jiltaqa’, b’data, post u programm iffissati bi qbil reċiproku.

    Laqgħat straordinarji tal-Grupp Konġunt ta' Segwitu jistgħu jissejħu bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 10

    Ir-rwol tal-Grupp Konġunt ta’ Segwitu

    1. Il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu għandu jamministra dan il-Ftehim u jiżgura li jiġi implimentat kif xieraq. Għal dan il-għan:

    - Għandu jkun infurmat regolarment mill-Partijiet dwar l-esperjenzi tagħhom fl-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim,

    - Fil-każijiet stipulati fil-Paragrafu 2, għandu jieħu d-deċiżjonijiet,

    - Għandu jistudja u jiżviluppa miżuri tekniċi ta’ kooperazzjoni,

    - Għandu jistudja u jiżviluppa forom oħra possibbli ta’ kooperazzjoni.

    2. Il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu jista’ jadotta b’kunsens reċiproku li jemenda l-Annessi A u B. Dan it-tip ta’ deċiżjonijiet għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet skond il-leġiżlazzjoni tagħhom stess.

    3. Il-Grupp Konġunt ta' Segwitu jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet:

    (a) Emendi oħra għal dan il-Ftehim;

    (b) Miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 11

    Obbligi oħra imposti minn ftehimiet oħra

    1. Meta jiqiesu l-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim:

    - Ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi tal-Partijiet stabbiliti f’xi ftehim ieħor jew konvenzjoni oħra internazzjonali;

    - Ma għandhomx jaffettwaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u s-servizzi rilevanti ta’ l-Istati Membri tal-Komunità dwar kwalunkwe tagħrif miksub skond dan il-Ftehim li jista’ jkun ta’ interess għall-Komunità.

    2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali dwar sustanzi prekursuri tad-drogi u sustanzi oħra li jintużaw spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi li ġew jew jistgħu jiġu konklużi bejn l-Istati Membri individwali u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' dawn ta' l-aħħar ma jkunux kompatibbli ma' dawk ta’ dan il-Ftehim.

    3. Fir-rigward tal-mistoqsijiet relatati ma’ l-applikabilità ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jirriżolvu s-sitwazzjoni fil-qafas tal-Grupp Konġunt ta’ Segwitu.

    4. Il-Partijiet għandhom ukoll jinnotifikaw lil xulxin dwar kwalunkwe miżura dwar is-sustanzi kkontrollati li tittieħed ma’ pajjiżi oħra.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Kull parti għandha tagħti notifika bil-miktub li temmet il-proċeduri legali interni tagħha għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar ta’ wara d-data li fiha tasal l-aħħar notifika bil-miktub.

    Artikolu 13

    Dewma u denunzja tal-ftehim

    1. Dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal ħames snin u, sakemm Parti ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar il-ħsieb tagħha li ttemm il-Ftehim talanqas sitt xhur qabel il-perjodu ta’ skadenza, se jkun jiġġedded b’mod taċitu għal perjodi suċċessivi ta’ ħames snin.

    2. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat b'kunsens reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 14

    Testi awtentiċi

    Magħmul f'żewġ kopji bil-lingwa Ċiniża, Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża, fejn it-testi kollha huma awtentiċi ndaqs. F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim; it-test Ingliż u dak Ċiniż għandhom ikunu determinattivi.

    Magħmul fi …

    Għall-Komunità Ewropea

    Għall-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ANNESS A

    Sustanzi soġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(2)

    Aċidu N-Aċetilantraniliku

    Anidride Aċetiku

    Aċidu Antraniliku

    Efedrina

    Efedra

    Ergometrina

    Ergotamina

    Iżosafrol

    Aċidu Liserġiku

    3,4-Metilindiossifenil-2-propanon

    Norefedrina

    Aċidu Fenilaċetiku

    1-Fenil-2-propanon

    Piperonal

    Permanganat tal-Potassju

    Psewdoefedrina

    Safrol

    Żjut li fihom ħafna safrol

    Nota: Il-lista tas-sustanzi għandha dejjem tinkludi referenza għall-imluħ tagħhom, fejn xieraq.

    ANNESS B

    Sustanzi soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(3)

    Aċeton

    Etile ta’ l-Etere

    Aċidu Idrokloriku

    Metil Etil Keton

    Piperidin

    Aċidu Sulfuriku

    Toluwen

    [1] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Top