EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0436

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi {SEG(2008) 2208} {SEG(2008) 2209}

/* KUMM/2008/0436 finali - COD 2008/0147 */

52008PC0436

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi {SEG(2008) 2208} {SEG(2008) 2209} /* KUMM/2008/0436 finali - COD 2008/0147 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.7.2008

KUMM(2008) 436 finali

2008/0147 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi

{SEG(2008) 2208} {SEG(2008) 2209}

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Fl-2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar mudell applikabbli b’mod ġenerali, trasparenti u li jiftiehem għall-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tat-trasport, bħat-tniġġis u l-konġestjoni, biex iservi bħala bażi għall-kalkoli tat-tariffi għall-użu ta’ l-infrastruttura. Il-Kummissjoni ntalbet tipproponi strateġija għal implimentazzjoni gradwali tal-mudell għal kull mezz trasport, akkumpanjata jekk xieraq bi proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi[1].

Aktar riċenti, fir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar il-politika għat-trasport Ewropew sostenibbli, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ b’dan it-tip ta’ mudell, bi strateġija biex timplimentaha għall-mezzi kollha, u proposti leġiżlattivi li jibdew b’analiżi tad-Direttiva.

Komunikazzjoni li tinkludi mudell u strateġija qiegħda titressaq quddiem il-Parlament u l-Kunsill flimkien ma’ din il-proposta (ara COM(2008) 435). L-għan huwa li jiġu ffissati l-prezzijiet tat-trasport b’mod korrett sabiex jirriflettu aħjar l-użu attwali tal-vetturi, il-ferroviji, l-ajruplani jew il-vapuri f’termini ta’ tniġġis, konġestjoni u tibdil fil-klima.

Dan jitlob approċċ gradwali għall-mezzi kollha tat-trasport, iżda b’mod partikolari fis-settur tat-toroq minħabba l-influwenza ta’ dan is-settur fuq is-sistema tat-trasport u l-effett li bih jikkontribbwixxi għat-traffiku u għall-emissjonijiet. F’dan is-settur, dan jimplika li aktar spiss wieħed ikollu jirrikorri għat-taxxi għall-użu tat-triq li jvarjaw skond id-distanza li wieħed jivvjaġġa, il-lok u l-ħin ta’ l-użu meta mqabbla ma’ l-ispejjeż esterni kkawżati mill-vetturi.

Il-proposta mehmuża tikkontribwixxi għal din l-istrateġija aktar wiesgħa. L-objettivi tagħha huma li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimplimentaw prezzijiet differenzjati sabiex itejbu l-effiċjenza u r-rendiment ambjentali tat-trasport tal-merkanzija fit-toroq. Hija maħsuba biex temenda d-Direttiva 1999/62/KE biex tistabbilixxi qafas li jippermetti lill-Istati Membri jikkalkulaw u jvarjaw it-taxxi għall-użu tat-triq abbażi ta’ l-ispejjeż tat-tniġġis minħabba t-traffiku u tal-konġestjoni b’mod li huwa kompatibbli mas-suq intern.

Tariffi ta’ dan it-tip għandhom jinkoraġixxu lill-operaturi tat-trasport biex jużaw vetturi aktar nodfa, biex jagħżlu rotot anqas imblukkati bit-traffiku, biex jgħabbu l-vetturi tagħhom bl-aħjar mod possibbli, u fl-aħħarnett biex jużaw l-infrastruttura b’mod aktar effiċjenti.

1.2. Il-kuntest ġenerali

It-trasport għandu rwol ewlieni fl-ekonomija u s-soċjetà. Iżda jiddependi ħafna fuq iż-żejt u l-użu tiegħu joħloq spejjeż għas-soċjetà f’termini ta’ spejjeż tas-saħħa u nuqqas ta’ produzzjoni minħabba tniġġis ta’ l-arja, it-tniġġis fil-forma ta’ storbju u l-inċidenti; ħin u fjuwil moħlija fil-konġestjoni; u ħsara ambjentali aktar wiesgħa bħat-tibdil fil-klima.

Attwalment dawn l-ispejjeż esterni jiġġarbu mill-bqija tas-soċjetà jew permezz tat-tassazzjoni ġenerali li titħallas għall-pulizija, għas-servizzi tal-ġestjoni tat-toroq, u għat-trattament l-isptar jew permezz ta’ l-impatt ta’ l-istorbju, l-emissjonijiet u l-inċidenti fuq is-saħħa tal-bnedmin u l-kwalità tal-ħajja.

Bejn wieħed u ieħor 90 % ta’ dawn l-impatti negattivi huma ġeneralment attribwiti lit-trasport fit-toroq u kwart minnhom lit-trasport tal-merkanzija fit-toroq. Meta jitqies it-tkabbir sod fit-trasport tal-merkanzija fit-toroq, b’mod partikolari t-trasport internazzjonali tal-merkanzija fit-toroq, li previżjonijiet jindikaw possibbiltà ta’ rduppjar bejn l-2000 u l-2020, hemm ċans akbar li dawn l-ispejjeż soċjali jiżdiedu.

Kif spjegat fl-analiżi ta’ l-2006 tal-Politika Ewropea għat-Trasport, hija meħtieġa firxa wiesgħa ta’ għodod tal-politika fil-livell ta’ l-UE jew ta’ l-Istati Membri biex ktajjen ta’ loġistika Ewropej jitjiebu bl-aħjar mod possibbli, it-trasport kollu jsir aktar ekoloġiku u effiċjenti, u fl-aħħarnett ikun żgurat trasport aktar sostenibbli. It-taħlita t-tajba tal-politiki ma għandhiex tieħu azzjoni biss fil-forniment tat-trasport, għandha tindirizza l-ipprezzar, li f’ekonomija tas-suq huwa mod effiċjenti ta’ kif wieħed jimmaniġġa aħjar id-domanda għat-trasport u jikseb użu aktar effiċjenti ta’ l-infrastruttura.

It-taxxi attwali fuq it-trasport tal-merkanzija fit-toroq jirriflettu varjetà wiesgħa ta’ approċċi bejn l-Istati Membri. Uħud mill-pajjiżi jiddependu minn taħlita ta’ strumenti fiskali differenti (taxxi fuq il-fjuwil u l-vetturi). F’oħrajn, it-taħlita fiskali tvarja aktar u tinkludi tariffi għall-użu tat-triq biex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta' l-infrastruttura minn trasportaturi tal-merkanzija fuq l-awtostradi. It-tariffi għall-użu tat-triq ikunu f’forma ta’ tariffi abbażi tal-ħin (eż. l-Eurovignette[2]), spiss introdotti bħala sistemi tranżizzjonali, jew tariffi abbażi tad-distanza (taxxi għall-użu tat-triq) imposti fuq partijiet individwali tat-toroq jew fuq in-netwerk primarju kollu.

Fil-maġġoranza tal-każijiet, it-taxxi attwali imposti mill-Istati Membri mhumiex qegħdin jagħtu sinjali tajba dwar prezzijiet. L-utenti tat-toroq huma trattati kollha bl-istess mod, irrispettivament mill-konġestjoni u t-tniġġis li jistgħu joħolqu. Mhumiex qegħdin jingħataw inċentivi effettivi biex jużaw vetturi aktar nodfa u biex jadattaw l-għażla tar-rotta u l-mod kif iġibu ruħhom fil-mobilità tagħhom. Filwaqt li trakk jista’ jkollu jħallas għall-użu ta’ awtostrada li tgħaddi minn żona rurali, normalment ma jkollu jħallas l-ebda tariffa għall-użu tat-triq meta jgħaddi minn żona b’densità għolja ta’ popolazzjoni anke jekk il-prezz ta’ din f’termini ta’ tniġġis u konġestjoni jista’ tipikament ikun ħames darbiet aktar.

Bl-eċċezzjoni tat-tibdil fil-klima, il-parti l-kbira ta’ l-ispejjeż esterni jġarrbuhom il-popolazzjoni u l-gvernijiet lokali jew nazzjonali tat-territorju fejn iseħħ it-trasport u mhux fejn tkun irreġistrata l-vettura, u lanqas fejn il-vettura terġa’ tingħata l-fjuwil. Dawn l-ispejjeż ivarjaw skond id-distanza li wieħed jivjaġġa, ir-rendiment ambjentali tal-vettura (eż. l-istandards Ewropej ta’ emissjonijiet) u l-ħinijiet differenti tal-ġurnata (l-aktar traffikużi jew l-anqas traffikużi) u ż-żona (żona li jkollha jew ma jkollhiex densità għolja ta’ popolazzjoni). Dan japplika speċjalment fil-każ ta’ l-ispejjeż tat-tniġġis ta’ l-arja, mill-istorbju u tal-konġestjoni.

L-aqwa strumenti ta’ pprezzar sabiex dawn l-ispejjeż jiġu assenjati lill-utenti b’mod ġust u effiċjenti huma t-taxxi għall-użu tat-triq. Ir-raġuni ewlenija hija li t-taxxi għall-użu tat-triq jistgħu jvarjaw skond il-kawżi ewlenin ta’ l-ispejjeż tat-tniġġis u l-konġestjoni. B’differenza għat-taxxi fuq il-fjuwil, jistgħu jvarjaw skond l-istandards ta’ l-emissjonijiet tal-vetturi; għall-kuntrarju t-taxxi fuq il-vetturi jew it-tariffi għall-użu tat-triq skond il-ħin tal-ġurnata (vignettes), jistgħu jiġu varjati skond l-intensità, il-lok u l-ħin ta’ l-użu. Dan jippermetti li t-taxxi għall-użu tat-triq jiġu ffissati f’livell li jirrifletti aħjar l-użu reali tal-vetturi u b’hekk l-ispejjeż esterni li l-utenti jikkawżaw verament.

L-analiżi ta’ l-impatt li twettqet mill-Kummissjoni tissuġġerixxi li anke bi ftit differenzjazzjoni t-taxxi għall-użu tat-triq ikkalkulati abbażi ta’ l-ispiża tat-tniġġis ta’ l-arja u ta’ l-istorbju minħabba t-traffiku u l-ispiża tal-konġestjoni imposti fuq vetturi oħra jipproduċu benefiċċji soċjali konsiderevoli f’termini ta’ ħin iffrankat, tnaqqis tat-tniġġis, titjib fis-sikurezza tat-toroq u l-użu ta’ l-infrastruttura bl-aħjar mod possibblu u tas-sistema tat-trasport in ġenerali. Jekk jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil li jinħela fil-konġestjoni, jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport fit-toroq. Għalhekk, skemi bħal dawn ta' taxxi għall-użu tat-triq, ikunu kontribut li jintlaqa' tajjeb għall-istrateġija dwar it-tibdil fil-klima. Għandu jkun enfasizzat li taxxa għall-użu tat-triq iffissata abbażi ta’ l-ispejjeż tal-konġestjoni u t-tniġġis hija relatata direttament ma’ l-użu ta’ l-infrastuttura. L-għan ewlieni tagħha huwa li kemm jista’ jkun titjieb is-sistema tat-trasport u l-mobilità ssir aktar sostenibbli. It-taxxa għall-użu tat-triq hija ħlas għall-ispejjeż lill-Istat Membru, lil min jipprovdi l-infrastruttura u lill-popolazzjoni lokali. Konsegwentement dan il-ħlas jagħti d-dritt għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-possibilità ta’ konsum baxx ta’ kapaċità u riżorsi. Kif previst fil-proposta mehmuża, id-dħul minnha se jintuża biex jiġu żviluppati alternattivi għat-trasport (vetturi aktar nodfa, infrastruttura ġdida). Minħabba li taxxa għall-użu tat-triq titħallas mill-utenti kollha, irrispettivament mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tagħhom (fejn huma dovuti t-taxxi għall-vetturi domestiċi) jew ta’ fejn il-vettura terġa’ tingħata l-fjuwil (fejn jitħallsu t-taxxi domestiċi fuq il-fjuwil), m’hemm l-ebda riskju li din toħloq tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-merkanzija minn Stati Membri differenti.

F’dak li għandu x'jaqsam mat-tibdil fil-klima, l-impatt tal-vetturi motorizzati huwa globali. L-ispiża tiegħu ma tiddependix fuq il-ħin u l-lok fejn tintuża l-vettura iżda fuq il-konsum tal-fjuwil. Għalhekk, it-taxxi fuq il-fjuwil huma spiss ikkunsidrati bħala mod sempliċi u effettiv ta’ kif din l-ispiża tista' tkun internalizzata irrispettivament minn kwalunkwe miżura oħra li tittieħed biex tintlaħaq il-mira miftiehma għat-tnaqqis tas-CO2 fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea. Dwar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni diġà pproponiet l-invokazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea biex ittejjeb il-koordinazzjoni tat-taxxi fuq il-fjuwil għall-vetturi motorizzati, parzjalment billi tgħolli r-rata minima Komunitarja għad-diżil u l-fjuwil kummerċjali[3]. Il-Kummissjoni se tanalizza aktar fil-fond id-Direttiva dwar it-tassazzjoni ġenerali ta’ l-enerġija biex tiżgura li tirrifletti aħjar il-miri ta’ l-UE f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima u l-enerġija. Madankollu, jekk sa l-aħħar ta’ l-2013 ir-riżultati li jinkisbu ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk tanalizzax aktar fil-fond id-Direttiva dwar l-iċċarġjar tal-vetturi ta’ merkanzija tqila sabiex ma tkunx qed timpedixxi lill-Istati Membri milli jinkludu element ta' ċċarġjar għas-CO2 fit-taxxi għall-użu tat-triq.

Fl-aħħarnett l-inċidenti fit-toroq jikkostitwixxu parti importanti mill-ispejjeż socjali. Fl-2003, il-Kummissjoni pproponiet li l-ispejjeż relatati ma’ l-inċidenti jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tat-taxxi għall-użu tat-triq. Iżda din id-dispożizzjoni partikolari ġiet eventwalment irrifjutata mill-Parlament u l-Kunsill[4]. Ir-riskji għall-inċidenti mhumiex relatati biss mad-distanza li wieħed jivvjaġġa iżda wkoll ma’ fatturi kumplessi bħal sewqan mgħaġġel, sewqan taħt l-influwenza ta’ alkoħol jew jekk ma jintużax iċ-ċinturin tas-sikurezza, għalhekk strumenti bħar-rati ta’ assikurazzjoni jistgħu jkunu għodda aktar effettiva. Se ssir riflessjoni aktar fil-fond dwar din il-kwistjoni fl-analiżi tal-Programm ta’ Azzjoni Ewropew għas-sikurezza fit-toroq li l-Kummissjoni bi ħsiebha twettaq sa l-2010.

1.3. Id-Direttiva li hemm fis-seħħ

Id-Direttiva 1999/62/KE tirrikonoxxi l-prinċipju “l-utent iħallas” billi tippermetti lill-Istati Membri jintaxxaw it-tariffi abbażi tad-distanza (it-taxxi għall-użu tat-triq) biex jirkupraw l-ispejjeż tal-bini, tal-manutenzjoni u tat-tħaddim ta’ l-infrastruttura. Id-Direttiva tawtorizza wkoll it-tariffi abbażi tal-ħin u li jkunu taħt rata massima.

Ir-rati tat-taxxi għall-użu tat-triq jistgħu jvarjaw skond l-istandards ta’ emissjonijiet tal-vettura jew il-livelli tal-konġestjoni, iżda b’kundizzjoni ta’ newtralità tad-dħul fuq bażi ta’ kull sentejn. Madankollu, ħlief fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka din l-għażla ftit li xejn intużat. Waħda mir-raġunijiet hija l-kumplessità kbira għall-operaturi ta’ l-infrastruttura biex jaġġustaw l-istruttura ta’ ċċarġjar tagħhom b’reazzjoni għad-domanda b’mod li jżommu d-dħul tagħhom kostanti.

Fl-2006, id-Direttiva ġiet emendata bid-Direttiva 2006/38/KE biex tiddefinixxi r-regoli biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż ta’ l-infrastruttura li għandhom jiġu ċċarġjati. Ippermettiet li t-taxxi għall-użu tat-triq fiż-żoni muntanjużi, jiżdiedu b’riżultat ta’ qligħ sa massimu ta’ 25 % sabiex jikkofinanzjaw infrastrutturi alternattivi li l-Parlament u l-Kunsill ssemmewhom proġetti prijoritarji tan-netwerk trans-Ewropew. Din il-mark-up hija attwalment applikata fuq l-awtostrada Brenner (l-Awstrija) biex tikkofinanzja l-mina tal-bażi ferrovjarja ta' Brenner li tagħmel parti mill-assi prijoritarju minn Berlin sa Palermo. L-emenda daħħlet ukoll dispożizzjoni dwar tariffi regolatorji mfassla speċifikament biex jikkumbattu t-tniġġis u l-konġestjoni iżda ħalliet inċertezzi legali dwar fejn u kif dawn għandhom jiġu applikati. Minħabba f'dan l-Istati Membri qegħdin isibuha bi tqila biex japplikawhom.

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq jikkostitwixxu pass fid-direzzjoni t-tajba biex jitjieb is-sinjal dwar il-prezzijiet. Iżda xorta ma jippermettux li l-Istati Membri japplikaw l-aqwa sistema ta’ pprezzar. Id-Direttiva tabilħaqq tillimita d-dħul mit-taxxi għall-użu tat-triq għal dak li hu strettament meħtieġ biex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta' l-infrastruttura, anke f’żoni esposti għal spejjeż tat-tniġġis minħabba t-traffiku u l-konġestjoni ogħla mill-ispejjeż tal-bini li qegħdin jiġu rkuprati. Tonqos milli tipprovdi inċentivi effettivi biex ikun hemm distinzjoni bejn it-tariffi sabiex dwan ikunu jaqblu mal-kawżi ewlenin ta’ l-ispejjeż li huma l-perjodi tal-ħin, il-lok u t-tipi tal-vetturi. Barra dan, tkopri biss l-użu tan-netwerk trans-Ewropew, u dan jista’ jwassal għal ipprezzar inkonsistenti bejn il-passaġġi ewlenin u t-toroq interurbani l-oħra użati mit-trasport internazzjonali.

1.4. Niftħu t-triq għal iċċarġjar aktar effiċjenti u aktar ekoloġiku

It-taxxi eżistenti imposti fuq it-toroq ma rriżultawx effettivi biżżejjed biex jinternalizzaw l-ispejjeż esterni tat-trasport tal-merkanzija fit-toroq. It-taxxi għall-użu tat-triq jistgħu jsiru aktar effettivi, iżda minħabba d-Direttiva attwali dan ma jistax iseħħ.

Il-Kummissjoni ilha favur l-implimentazzjoni ta’ aktar tariffi differenzjati għall-infrastruttura li jirriflettu l-ispejjeż esterni. Mill-1996[5] hija pproponiet miżuri leġiżlattivi biex tawtorizza lill-Istati Membri biex jintegraw fit-taxxi għall-użu tat-triq fuq vetturi ta’ merkanzija tqila element ta' spiża esterna. Dak iż-żmien, l-Istati Membri kkunsidraw dan il-pass bħala wieħed prematur minħabba inċertezzi kemm dwar il-kalkolu ta’ l-ispejjeż esterni kif ukoll dwar l-iżvilupp tat-teknoloġiji li kienu meħtieġa għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq.

Dawn ir-raġunijiet ma għadhomx validi.

Issa hawn disponibbli metodi li bihom jista jiġi ffissat il-valur finanzjarju ta’ l-ispejjeż esterni tat-tniġġis, ta’ l-istorbju u tal-konġestjoni kkawżati minn vetturi. Il-maġġoranza tagħhom fil-fatt diġà jintużaw fi kważi l-Istati Membri kollha, fi wħud aktar minn f’oħrajn, għal finiiet ta’ l-analiżi tal-qligħ meta mqabbel man-nefqa ta’ proġetti ta’ l-infrastruttura. Barra minn hekk, il-mudell li l-Kummissjoni fasslet b’segwitu għall-inizjattiva tal-PE (ara COM (2008)…) jipprovdi metodi affidabbli u firxa ta’ valuri ta’ kull unità li jistgħu jservu bħala bażi għall-kalkolu tat-tariffi għall-użu tat-triq.

Fir-rigward ta’ teknoloġiji biex jinġabru t-taxxi għall-użu tat-triq, sistemi elettroniċi li jikkombinaw tranżazzjonijiet awtomatiċi ta’ ħlas u l-lok tal-vetturi diġà qegħdin jitħaddmu f’għadd ta’ Stati Membri u ntsab li huma affidabbli u effettivi f’sens ta’ nfiq. Għadd ta’ Stati Membri oħra ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jinstallawhom fuq in-netwerk tat-toroq ewlenin tagħhom sa l-2011. Diġà hemm provvediment dwar interoperabilità teknika u kuntrattwali sħiħa għall-utenti fid-Direttiva 2004/52/KE. Sistemi ta’ dan it-tip għandhom vantaġġi oħra; ma joħolqux kjuwijiet lokali u inkonvenjenzi bħalma joħolqu l-kabini tal-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq fejn it-trakkijiet ikollhom jieqfu spiss.

Il-Kummissjoni qiegħda tipprevedi approċċ pass pass sabiex tiftaħ it-triq għal iċċarġjar aktar effiċjenti u aktar ekoloġiku. Il-pass li jmiss issa huwa li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkalkulaw it-taxxi għall-użu tat-triq abbażi ta’ l-ispejjeż tat-tniġġis lokali u tat-toroq traffikużi ħafna waqt il-perjodi l-aktar traffikużi. Tipprovdi wkoll inċentivi kemm biex ir-rati ta’ ħlas għall-użu tat-triq ikunu differenzjati skond il-każ kif ukoll biex jiġu installati sistemi ta’ ġbir mingħajr kabini tal-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq.

Il-qafas li ġie propost iħalli d-deċiżjoni dwar jekk jintaxxawx it-tariffi għall-użu tat-triq abbażi ta’ spejjeż esterni f'idejn l-Istati Membri. Għad hemm inċertezzi dwar il-qligħ meta mqabbel man-nefqa tas-sistemi ta’ ġbir tal-ħlas għall-użu tat-triq meħtieġa fin-netwerks li jintużaw anqas f'uħud mill-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, approċċ ta’ implimentazzjoni gradwali li jippermetti skemi pilota u li jinkuraġġixxi żieda gradwali u qsim ta’ esperjenzi huwa preferibbli għal approċċ vinkolanti bbażat fuq tariffi għall-użu tat-triq obbligatorji. Madankollu, ill-Kummissjoni se tirrevedi din l-istrateġija fl-2013 biex tidentifika jekk huwiex konċepibbli approċċ aktar vinkolanti għall-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni fid-dawl tal-possibilità probabbli li t-teknoloġija li tinforza t-taxxi għall-użu tat-triq torħos. Ir-reviżjoni se tivvaluta wkoll jekk l-ispiża ta’ l-emissjonijiet tas-CO2 tistax tiġi inkluża fit-taxxi għall-użu tat-triq skond il-progress li jsir biex jiġi definit element komuni ta' taxxa fuq il-fjuwil relatat mat-tibdil fil-klima fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.

Biex jiġi żgurat li t-taxxi għall-użu tat-triq abbażi ta’ l-ispejjeż esterni jiġu applikati b’mod uniformi fi ħdan is-suq intern, il-proposta mehmuża tistipula ċerti regoli li jixbhu lil dawk fid-Direttiva attwali li tikkonċerna t-taxxi għall-użu tat-triq biex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta’ l-infrastruttura. Dawn ir-regoli jevitaw kwalunkwe diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi domestiċi tal-merkanzija u dawk barranin. Jiżguraw li t-taxxi għall-użu tat-triq la joħolqu ostakli sproporzjonati għall-moviment ħieles u lanqas ma jinvolvu kontrolli jew iċċekkjar fil-fruntieri interni. B’mod partikolari jistabbilixxu prinċipji u mekkaniżmi ta’ ċċarġjar komuni biex jevitaw iċċarġjar żejjed minn monopolji ta’ l-infrastuttura. Jimponu l-użu ta’ metodu komuni u trasparenti biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż li għandhom jiġu ċċarġjati. Barra minn hekk, jippromwovu r-rikors għal sistemi elettroniċi ta' ġbir ta’ taxxa għall-użu tat-triq li ma joħolqux tfixkil fiċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku. Fl-aħħarnett jiżguraw li it-trasportatur tal-merkanzija jinħariġlu dokument li jindika l-ammont tat-tariffa sabiex it-trasportatur jista' faċilment jgħaddi l-ispiża lil dak li jieħu ħsieb il-merkanzija

It-trasport sostenibbli jeħtieġ l-implimentazjoni ta’ strumenti ta’ pprezzar aħjar iżda wkoll investiment konsiderevoli fir-riċerka, l-iżvilupp u l-infrastruttura. Finanzjament huwa meħtieġ b’mod partikolari biex it-tniġġis jitnaqqas mis-sors, jitjieb r-rendiment tal-vetturi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ CO2 u enerġija u biex joffri għażla akbar ta’ alternattivi realistiċ għall-utenti. L-iċċarġjar għandu jkun aktar realistiku meta dawn il-ħtiġijiet jiġu indirizzati kif suppost. Id-Direttiva attwali tirrakkomanda li d-dħul minn tariffi għall-infrastruttura għandhom jintużaw biex jibbenefikaw lis-settur tat-trasport u biex is-sistema kollha tat-trasport titjieb bl-aħjar mod. Fir-rigward tal-mark-up fiż-żoni muntanjużi, il-leġiżlatur speċifika li din it-tip ta’ mark-up fuq it-taxxa għall-użu tat-triq, li titħallas mill-utenti li ġejjin mill-UE kollha, tista’ tiġi intaxxata iżda biss fil-każ fejn id-dħul ikun allokat b’mod ċar għal proġetti speċifiċi tan-netwerk Trans-Ewropew, jiġifieri proġetti għat-trasport ta’ interess Komunitarju ġenerali. B’ispirazzjoni għall-istess prinċipju, il-Kummissjoni tipproponi li kwalunkwe dħul addizzjonali minn parti ta’ taxxa għall-użu tat-triq li għandha x'taqsam mat-tniġġis u l-konġestjoni tintuża biex it-trasport ikun aktar sostenibbli, għalhekk dan qed isir b’interess Komunitarju u b’benefiċċji fuq tul ta’ żmien għall-utenti tat-trasport in ġenerali.

Bħala konklużjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-għażla li nonqsu milli nippermettu pprezzar aktar effiċjenti u aktar ekoloġiku għall-użu tat-toroq ma teżistix, la għall-mobilità sostenibbli u lanqas għas-suq intern. Meta jitqies l-impatt dejjem akbar tat-trasport fuq l-ambjent, nintebħu li ż-żmien qed jagħfas u li pprezzar effiċjenti huwa mod tajjeb kif innaqqsu l-impatt negattiv fuq it-trasport bl-inqas spiża għall-ekonomija. Il-gvernijiet lokali f’żoni esposti għal ħafna konġestjoni u tniġġis ikkawżati mit-trasport internazzjonali jista' jkun li ma jibqgħalom l-ebda alternattiva ħlief dik li b’mod mhux koordinat jieħdu kull tip ta’ miżura oħra, bħal per eżempju l-projbizzjoni ta’ traffiku settorjali. Dan iħarbat il-ktajjen tal-forniment u joħloq ostakli sproporzjonati għall-moviment ħieles.

1.5. Il-konsistenza mal-politiki l-oħra u l-objettivi ta’ l-Unjoni

Id-direttiva proposta tagħmel parti mill-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni (TREN/2008/073) u mill-pakkett ‘Nagħmlu t-Trasport Aktar Ekoloġiku’. Mill-perspettiva ġenerali, din tikkontribbwixxi kemm għall-aġenda ta’ Liżbona ta' l-UE kif ukoll għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli għaliex tippermetti li tittieħed azzjoni biex il-konġestjoni tkun immaniġġata aħjar, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport fl-arja u anke għaliex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tat-trasport aktar nodfa.

2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT

Il-konsultazzjoni pubblika u l-valutazzjoni ta’ l-impatt koprew kemm l-istrateġija aktar wiesgħa relatata mal-mezzi kollha tat-trasport kif ukoll il-proposta mehmuża.

Bejn id-29 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru 2007 twettqet konsultazzjoni fuq l-internet u warajha fil-31 ta’ Jannar 2008, kien hemm smigħ tal-partijiet interessati.

Dawk li wieġbu appoġġaw il-prinċipju ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tat-trasport, ikkunsidraw li t-tniġġis ta’ l-arja u l-konġestjoni kien l-akbar żewġ inkonvenjenzi fit-trasport fit-toroq u li l-aqwa strumenti ekonomiċi biex jiġu ttrattati dawn l-ispejjeż kienu tariffi differenzjati skond l-użu. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima, l-użu tat-tassazzjoni fuq l-enerġija, jew l-integrazzjoni tat-trasport fis-Sistema ta’ Skambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet, kienu kkunsidrati bħala adegwati aktar. In ġenerali nħasset il-ħtieġa li d-dħul mill-internalizzazzjoni għandu jiġi investit f’infrastrutturi alternattivi tat-trasport, teknoloġiji aktar nodfa jew jintuża b’mod aktar ġenerali biex jitnaqqsu l-aspetti esterni negattivi tat-trasport[6].

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt tagħti ħarsa ġenerali ta’ l-għarfien espert estern li pprovda appoġġ fil-metodoloġija jew fit-tfassil biex il-proposta tiġi abbozzata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet studju biex tanalizza t-teorija u l-prattika l-aktar riċenti biex jiġu stmati u internalizzati l-ispejjeż esterni[7].

Il-valutazzjoni kkonfermat li sitwazzjoni ta’ “ħidma bħas-soltu", jiġifieri li ma tittieħed l-ebda azzjoni ġdida biex tinkoraġġixxi pprezzar effiċjenti, tonqos milli tikseb mobilità sostenibbli. Intwera li tariffi differenzjati skond l-użu kienu aktar effiċjenti mit-taxxi tat-trasport tas-soltu li jintużaw biex jitrattaw it-tniġġis ta’ l-arja, l-ispejjeż ta’ l-istorbju u l-konġestjoni fit-trasport fit-toroq.

Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ skemi ta’ ċċarġjar mhux obbligatorji ġew imqabbla ma’ skemi ta’ ċċarġjar obbligatorji għat-trasport tal-merkanzija fit-toroq. Irriżulta li filwaqt li hemm benefiċċji ċari u immedjati li jistgħu jitgawdew minn Stati Membri li għandhom ħafna traffiku, il-vijabbiltà finanzjarja ta’ sistemi ta’ ċċarġjar għall-ispejjeż esterni fi Stati Membri b’anqas traffiku teħtieġ aktar studji.

L-impożizzjoni ta’ tariffa jew taxxa speċfika għas-CO2 miżjuda mat-tariffi għat-tniġġis ta' l-arja u għall-istorbju ġiet ikkunsidrata wkoll. Ġie konkluż li minkejja li din tista’ trendi benefiċċji addizzjonali, għandha tiġi indirizzata permezz ta’ approċċ aktar koordinat fil-livell ta’ l-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’effett serra abbażi tas-Sistema ta’ Skambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet jew element komuni ta' taxxa fuq il-fjuwil fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.

L-impatt ta' l-impożizzjoni ta' taxxa fuq il-konġestjoni f’punti traffikużi ġie vvalutat ukoll. Din l-għażla tnaqqas il-konġestjoni iżda tnaqqas ukoll b’mod sinifikanti kemm l-emissjonijiet tat-tniġġis kif ukoll tas-CO2, b’mod partikolari jekk tariffi simili jiġu applikati wkoll għall-karozzi.

Irriżulta wkoll li jekk l-ambitu ta’ l-iskemi ta’ ċċarġjar għan-netwerk trans-Ewropew jiġi estiż għal toroq interurbani oħra tista’ tiġi evitata l-problema ta’ devjazzjoni tat-traffiku minn awtostradi fejn titħallas taxxa għall-użu tat-triq għal toroq interurbani fejn ma titħallasx din it-taxxa.

Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ l-allokazzjoni ta’ dħul minn tariffi għall-ispejjeż esterni ġew eżaminati wkoll kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll f’termini ta’ faċilitazzjoni ta’ l-għarfien u appoġġ aħjar bejn l-utenti tat-trasport.

Jekk l-Istati Membri kollha jagħżlu li jdaħħlu t-tariffi għall-użu tat-toroq kif permess permezz tal-proposta l-valutazzjoni tikkalkula tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ pollutanti lokali u ta’ diossidu tal-karbonju minn trasport tal-merkanzija fit-toroq, u tnaqqis fil-konġestjoni u fl-imwiet fit-toroq. Il-varjazzjoni tat-tariffi skond l-istandards Ewropej ta’ l-emissjonijiet tal-vetturi se taċċellera t-tiġdid tal-flotot, u dan se jirriżulta f’titjib fir-rendiment ambjentali. L-effetti pożittivi fuq il-konġestjoni se jwasslu għal tnaqqis ta’ 8 % fil-konsum tad-diżil mit-trakkijiet u għalhekk għal tnaqqis ta' emissjonijiet ta’ CO2. Dan ikun kontribut ċar għat-tnaqqis tat-tniġġis u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Mhux se jkun hemm impatt fuq il-livell ġenerali tal-mobilità (ara SEC(2008)... għal aktar dettalji).

3. L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

3.1. Sinteżi ta’ l-azzjoni proposta

Id-Direttiva proposta tippermetti li l-Istati Membri jintegraw ammont, li jirrifletti l-ispiża tat-tniġġis ta’ l-arja u mill-istorbju ikkawżati mit-traffiku, fit-taxxi għall-użu tat-triq fuq vetturi ta’ merkanzija tqila. Waqt il-perjodi l-aktar traffikużi, tippermetti wkoll li t-taxxi jiġu kkalkulati abbażi ta’ l-ispiża tal-konġestjoni imposta fuq il-vetturi l-oħra. L-ammonti se jvarjaw skond id-distanza li wieħed jivvjaġġa, il-lok u l-ħin ta’ l-użu tat-toroq, sabiex jirriflettu aħjar dawn l-ispejjeż esterni. Id-dħul għandu jintuża mill-Istati Membri sabiex it-trasport isir aktar sostenibbli permezz ta’ proġetti bħar-riċerka u l-iżvilupp għal vetturi aktar nodfa u li jużaw l-enerġija b’mod aktar effiċjenti, biex b’hekk itaffu l-effett tat-tniġġis tat-trasport fit-toroq jew jipprovdu kapaċità alternattiva ta’ l-infrastruttura għall-utenti.

L-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla għandhom jirrispettaw il-prinċipji komuni ta’ ċċarġjar flimkien ma’ mekkaniżmi biex jinnotifikaw u jirrapurtaw lill-Kummissjoni dwar l-iskemi ta' ntaxxar għall-użu tat-triq. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet indipendenti biex jiffissaw l-ispejjeż li għandhom jiġu ċċarġjati billi jużaw metodu komuni li jista’ jiġi faċilment immonitorjat u adattat għall-progress xjentifiku. Dan se jiżgura li l-iskemi ta’ ċċarġjar ikunu trasparenti, jikkorrispondu ma’ l-objettiv fil-mira, u ma jiddiskriminawx kontra n-nazzjonalità tat-trasportaturi tal-merkanzija.

It-tariffa għandha tinġabar permezz ta’ sistemi elettroniċi li ma joħolqux xkiel għaċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku u inkonvenjent lokali fil-kabini tal-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq, u li jistgħu jiġu estiżi għall-partijiet l-oħra tan-netwerk fi stadju aktar avvanzat mingħajr investimenti oħra sinifikanti. Hemm ippjanat perjodu ta’ tranżizzjoni għas-sistemi attwali li għandhom grada. Sabiex jiġi evitat ċċarġjar żejjed ta’ l-utenti, għandhom jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet oħra meta t-tariffa għall-ispejjeż tal-konġestjoni u tat-tniġġis tiġi kkombinata ma’ tariffa għall-irkupru ta’ l-ispiża ta’ l-infrastruttura.

Il-proposta testendi l-ambitu tad-Direttiva attwali lil hinn min-netwerk trans-Ewropew sabiex tevita skemi ta’ pprezzar inkonsistenti bejn passaġġi ewlenin u toroq interurbani oħra. Permezz tal-proposta, id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva attwali li jirrigwardaw il-mark-up intaxxata minn żoni muntanjużi għall-kofinanzjament ta’ proġetti li l-UE tikkunsidra bħal prijoritarji, isiru aktar prattikabbli.

Ma twaqqafx lill-Istati Membri milli japplikaw tariffi regolatorji, fuq toroq urbani, imfassla speċifikament biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku jew jikkumbattu l-impatti ambjentali fiż-żoni mibnija.

3.2. Il-bażi ġuridika, il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 71 tat-Trattat, għaliex it-titjib fl-effiċjenza u fir-rendiment ambjentali tat-trasport tal-merkanzija fit-toroq huwa għan ewlieni tal-politika komuni għat-trasport.

Hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjaretà u l-proporzjonalità. Meta jitqiesu l-importanza tat-trasport għas-suq intern u d-dimensjoni transkonfinali u l-ispiża esterna tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji komuni ta’ ċċarġjar għat-toroq interurbani kollha, inkluż in-netwerk trans-ewropew, sabiex l-istati Membri kunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż esterni permezz tat-taxxi għall-użu tat-triq. Dan jista’ jinkiseb biss jekk direttiva eżistenti tiġi mibdula u għalhekk dan ma jistax jinkiseb mill-Istati membri waħedhom.

Il-proposta tħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jiddeċiedu jekk, u fuq liema toroq, jimponux taxxi għall-użu tat-triq u jekk jinkorporawx l-ispejjeż lokali ambjentali u ta’ konġestjoni fit-taxxi għall-użu tat-triq jew le. L-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati bid-dħul ta’ tariffa ta’ dan it-tip jitħalla wkoll f’idejn l-Istati Membri sakemm il-proġetti magħżula jikkontribwixxu għall-mobilità sostenibbli. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

L-istrument propost huwa direttiva għaliex regolament jista’ jnaqqsu bla bżonn il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri.

Tikkonċerna kwistjoni rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea u għalhekk għandha tiġi estiża għaliha.

Il-proposta mhux se jkollha impatt fuq il-baġit Komunitarju.

4. SPJEGAZZJONI DETTALJATA TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 2 iżid definizzjonijiet ġodda relatati mat-taxxi għall-użu tat-toroq, it-tariffi ta' l-ispiża ta’ l-infrastruttura, it-tariffi ta’ l-ispiża esterna, l-ispejjeż tat-tniġġis ta’ l-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku u l-ispejjeż tal-konġestjoni. Il-kunċett ta’ qabel ta' taxxa medja differenzjata għall-użu tat-triq jinbidel bil-kunċett ta' tariffa medja differenzjata għall-infrastruttura.

L-Artikolu 7 jispeċifika li Stat Membru ma jistax jimponi kemm taxxi għall-użu tat-triq kif ukoll tariffi għall-użu mal-pajjiż kollu, u għalhekk irid jagħżel bejn iż-żewġ sistemi.

L-Artikolu 7a jispeċifika l-proporzjonijiet li għandhom jiġu applikati bejn ir-rati għal ġurnata, għal ġimgħa, għal xahar u għal sena ta’ tariffi ibbażati fuq il-ħin (vignettes) biex jiġi żgurat li t-tariffi imħallsa ma jiddiskriminawx lil dawk li jużaw it-toroq kultant, li spiss ikunu trasportaturi tal-merkanzija barranin.

L-Artikolu 7b jippermetti li l-Istati Membri jintaxxaw permezz tat-taxxi għall-użu tat-triq tariffa ibbażata fuq l-ispiża tat-tniġġis ta' l-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku u tal-konġestjoni jew tariffa biex jiġu rkuprati l-bini, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ l-infrastruttura, jew it-tnejn.

L-Artikolu 7c jimponi li t-tariffa abbażi ta’ spejjeż esterni għandħa tiġi varjata skond it-tipi ta’ vetturi, toroq u perjodi tal-ħin. L-ammont tat-tariffa se jkun iffissat minn awtorità indipendenti skond il-metodu ta’ l-Anness IIIa.

L-Artikolu 7e jippermetti mark-up fuq alternattivi għar-rotta prinċipali li fiha tiġi intaxxata mark-up f’żona muntanjuża u jintroduċi regola biex jiġi evitat iċċarġjar doppju meta tariffa ibbażata fuq spejjeż esterni tiġi intaxxata flimkien ma' mark-up

L-Artikolu 7f(5) jevita l-iċċarġjar doppju li jista’ jirriżulta minn varjazzjoni doppja kemm tat-tariffa relatata ma’ l-ispiża ta’ l-infrastruttura kif ukoll tat-tariffa abbażi ta’ l-ispejjeż esterni.

L-Artikolu 7g jaġġorna r-rekwiżiti tan-notifika.

L-Artikolu 7h jipprojbixxi skontijiet u tnaqqis fit-tariffi abbażi ta’ l-ispejjeż esterni.

L-Artikolu 7i jeżiġi li tinġabar tariffa abbażi ta’ spejjeż esterni permezz ta’ sistema elettronika ta' ġbir ta’ taxxa għall-użu tat-triq li tevita tfixkil fiċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku u li sussegwentement tista’ tiġi estiża mingħajr il-ħtieġa ta’ gradi li jimplikaw investiment addizzjonali fit-triq. Huwa ppjanat perjodu ta’ tranżizzjoni għal taxxi eżistenti għall-użu tat-triq It-trasportatur tal-merkanzija għandu jasallu dokument li jindika l-ammont tat-tariffa.

L-Artikolu 8c jiżgura li l-Kummissjoni tiġi involuta meta għadd ta’ Stati Membri jikkooperaw fl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ġbir ta’ taxxa għall-użu tat-triq.

L-Artikolu 9(1)a jispeċifika li tariffi regolatorji huma permessi fuq toroq urbani f’żoni mibnija.

L-Artikolu 9 jalloka l-parti tat-taxxa għall-użu tat-triq abbażi ta’ spejjeż esterni għal diversi miżuri li jikkontribwixxu għat-trasport sostenibbli.

L-Artikolu 9b-c jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadatta l-metodu biex jiġu kkalkulati t-tariffi għall-progress xjentifiku.

L-Artikolu 11 jintroduċi r-rekwiżit tar-rappurtar għall-istati Membri u l-Kummissjoni. Sal-31 ta’ Diċembru 2013 se jsir rapport fuq estensjoni oħra tad-Direttiva.

L-Artikoli l-oħra jirrepetu d-dispożizzjonijiet eżistenti u jiddaħħlu għal raġunijiet ta’ ċarezza legali.

(L-artikoli jirreferu għad-Direttiva li ġiet emendata u mhux għad-Direttiva li qiegħda temenda).

2008/0147 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[8],

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[9],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[10],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1) Il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli hija element essenzjali fil-politika komuni għat-trasport. Għal dan il-għan, l-impatti negattivi tat-trasport, b’mod partikolari l-konġestjoni, li tfixkel il-mobilità, it-tniġġis, li joħloq ħsara għas-saħħa u għall-ambjent, u l-kontribut tiegħu għat-tibdil fil-klima għandhom jitnaqqsu. Barra dan, ir-rekwiżiti għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjonu u l-implimentazzjoni ta’ poltiki Komunitarji oħra, inkluża l-politika komuni għat-trasport.

(2) L-objettiv tat-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tat-trasport għandhom jintlaħqu b’tali mod li jevita ostakli sproporzjonati għall-moviment ħieles fl-interess ta' tkabbir ekonomiku sod u ta’ tħaddim kif suppost tas-suq intern.

(3) Sabiex is-sistema tat-trasport titjieb bl-aħjar mod possibbli skond dan, il-politika komuni għat-trasport għandha tuża taħlita ta’ strumenti biex l-infrastuttura u t-teknoloġiji tat-trasport jitjiebu u jippermettu ġestjoni aktar effiċjenti tad-domanda għat-trasport. Dan jitlob implimentazzjoni ogħla tal-prinċipju “l-utent iħallas” u għall-iżvilupp tal-prinċipju “min iniġġes iħallas” fis-settur tat-trasport.

(4) L-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11] jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mudell għall-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni kollha li jirriżultaw mill-użu ta’ l-infrastruttura tat-trasport biex iservi bħala bażi għall-kalkoli futuri tat-tariffi għall-infrastruttura. Il-mudell kellu jiġi akkumpanjat b’analiżi ta’ l-impatt ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni għall-mezzi kollha tat-trasport u strateġija għall-implimentazzjoni pass pass tal-mudell u, jekk xieraq, bi proposti għal aktar reviżjoni ta' dik id-Direttiva.

(5) Sabiex nimxu lejn politika sostenibblli għat-trasport, il-prezzijiet tat-trasport għandhom jirriflettu aħjar l-ispejjeż relatati mat-tniġġis ta’ l-arja u ma’ l-istorbju tat-traffiku, it-tibdil fil-klima u l-konġestjoni kkawżati mill-użu reali tal-vetturi, tal-ferroviji, ta’ l-ajruplani jew tal-vapuri bħala mezz għall-aħjar titjib ta’ l-użu ta’ l-infrastruttura, it-tnaqqis tat-tniġġis lokali, il-ġestjoni tal-konġestjoni u mezz kif nikkumbattu kontra t-tibdil fil-klima bl-inqas spiża għall-ekonomija. Dan jitlob approċċ gradwali fil-mezzi kollha tat-trasport, fejn jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tagħhom.

(6) Fis-settur tat-trasport fit-toroq, minħabba li t-taxxi għall-użu tat-triq, huma tariffi għall-użu ta’ l-infrastruttura abbażi tad-distanza, jikkostitwixxu strument ġust u effiċjenti biex jintlaħaq dan l-objettiv għaliex għandhom relazzjoni diretta ma’ l-użu ta’ l-infrastruttura u jistgħu jvarjaw skond id-distanza li wieħed jivvjaġġa, ir-rendiment ambjentali tal-vetturi u l-lok u l-ħin ta’ l-użu tal-vetturi u għalhekk jistgħu jiġu ffissati f’livell li jirrifletti l-ispiża tat-tniġġis u l-konġestjoni kkawżati mill-użu reali tal-vetturi. Barra dan it-taxxi għall-użu tat-triq ma joħolqu l-ebda tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern għaliex jitħallsu mill-operaturi kollha irrispettivament mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew ta’ fejn huma stabbiliti u huma proporzjonati ma’ l-intensità ta’ l-użu tan-netwerk tat-toroq.

(7) L-analiżi ta’ l-impatt turi li l-applikazzjoni ta’ taxxi għall-użu tat-triq ikkalkulati abbażi ta’ l-ispiża tat-tniġġis, u fuq it-toroq traffikużi ħafna, abbażi ta’ l-ispiża tal-konġestjoni jkollha effett pożittiv fuq is-sistema tat-trasport u tikkontribwixxi għall-istrateġija ta’ l-UE biex tikkumbatti t-tibdil fil-klima. Tnaqqas il-konġestjoni u t-tniġġis lokali billi tinkuraġġixxi l-użu ta’ teknoloġiji aktar nodfa, ittejjeb bl-aħjar mod possibbli l-funzjonament tal-loġistika u tnaqqas il-vjaġġ lura mingħajr tagħbija. Indirettament ikollha rwol importanti fit-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u fil-kontribut għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Taxxi għall-użu tat-triq li jintegraw fil-kalkolu tagħhom għall-użu ta’ toroq traffikużi ħafna element ta’ spiża relatat mal-konġestjoni għandhom ikunu aktar effettivi fit-tnaqqis tal-konġestjoni jekk l-Istati Membri jinkludu l-utenti l-oħra tat-toroq li mhumiex fl-ambitu ta’ din id-Direttiva fi skema ta’ natura simili.

(8) L-ispejjeż tat-tniġġis ta’ l-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku u l-konġestjoni, bħall-ispejjeż tas-saħħa, inkluż il-kura medika, it-telfien ta’ uċuħ u telfien ieħor ta’ produzzjoni, u l-ispejjeż soċjali, joriġinaw fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru li fih iseħħ it-trasport.

(9) Il-mudell li l-Kummissjoni fasslet biex tikkalkula dawn l-ispejjeż esterni jipprovdi metodi affidabbli u firxa ta’ valuri ta’ kull unità li jistgħu jservu bħala bażi għall-kalkolu tat-tariffi għall-użu tat-triq.

(10) Għad hemm inċertezzi rigward l-ispejjeż u l-benefiċċji tas-sistemi meħtieġa biex jiġu infurzati tariffi differenzjati skond l-użu tat-triq fuq toroq bi ftit traffiku. Sakemm jitneħħew dawn l-inċertezzi, jidher li approċċ flessibbli f'livell Komunitarju huwa l-akar xieraq. Dan l-approċċ flessibbli għandu jħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk u fuq liema toroq jintroduċux it-tariffi għall-ispiża esterna abbażi tal-karatteristiċi lokali u nazzjonali tan-netwerk.

(11) Tariffi u taxxi għall-użu tat-triq ibbażati fuq il-ħin ma għandhomx jiġu applikati b’mod simultanju fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru sabiex tiġi evitata frammentazzjoni ta’ l-iskemi ta’ ċċarġjar b’effetti negattivi għall-industrija tat-trasport, ħlief għall-ċerti każijiet speċifiċi fejn huwa meħtieġ il-finanzjament ta’ bini ta’ mini, pontijiet jew passaġġi fil-muntanji.

(12) Tariffi ibbażati fuq il-ħin li jiġu intaxxati kuljum, kull ġimgħa, kull xahar jew kull sena ma għandhomx jiddiskriminaw kontra l-utenti okkażjonali, għaliex parti kbira ta’ dan it-tip ta’ untenti ġeneralment ikunu trasportaturi tal-merkanzija li mhumiex nazzjonali. Għalhekk għandhom jiġu ffissati proporzjonijiet aktar dettaljati bejn ir-rati għal ġurnata, għal ġimgħa, għal xahar u għal sena.

(13) Għandhom jiġu evitati skemi ta’ ċċarġjar inkonsistenti bejn in-netwerk trans-Ewropew u partijiet oħra tan-netwerk tat-toroq li jistgħu jintużaw mit-traffiku internazzjonali. Għalhekk l-istess prinċipji ta’ ċċarġjar għandhom jiġu applikati lin-netwerk interurban kollu tat-toroq.

(14) Taxxi għall-użu tat-triq ibbażati fuq id-distanza li wieħed jivvjaġġa għandhom ikunu jistgħu jinkludu element ta’ l-ispiża esterna bbażata fuq l-ispiża tat-tniġġis ta’ l-arja u ta’ l-istorbju mit-traffiku u fuq toroq li ġeneralment ikunu traffikużi ħafna u matul il-perjodi l-aktar traffikużi li l-biċċa l-kbira tagħhom jiġġarbu f’livell lokali. L-element ta’ l-ispiża esterna inkluż fit-taxxi għall-użu tat-triq għandu jkun jista’ jiġi miżjud ma’ l-ispiża ta’ l-infrastruttura, sakemm jiġu rispettati ċerti kundizzjonijiet fil-kalkolu ta’ l-ispejjeż sabiex ikun evitat ċċarġjar żejjed.

(15) It-tariffa għall-ispiża esterna għandħa tvarja skond it-tipi ta' toroq, it-tipi ta’ vetturi u l-perjodi tal-ħin bħall-perjodi l-aktar u lanqas traffikużi tal-ġurnata, tal-ġimgħa u ta’ l-istaġun u l-perjodu tal-lejl, sabiex jirriflettu aħjar l-ispiża tat-tniġġis ta’ l-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku.

(16) L-operat mingħajr xkiel tas-suq intern jeħtieġ qafas Komunitarju sabiex ikun żgurat li t-tariffi għall-użu tat-toroq definiti abbażi ta’ l-ispiża lokali tat-tniġġis ta’ l-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku jkunu trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Dan jeħtieġ prinċipji komuni ta’ ċċarġjar, metodi ta’ kalkolu u valuri għal kull unità ta’ l-ispejjeż esterni bbażati fuq metodi xjentifiċi approvati flimkien ma’ mekkaniżmi biex il-Kummissjoni tkun mgħarrfa u tingħata rapporti dwar l-iskemi tat-taxxi għall-użu tat-triq.

(17) L-awtorità li tiffissa t-tariffa għall-ispiża esterna ma għandha jkollha l-ebda interess ta’ setgħa li tiffissa l-ammont f’livell mhux xieraq u għalhekk għandha tkun indipendenti mill-korp li jiġbor u jimmaniġġa id-dħul tat-taxxi għall-użu tat-triq. L-esperjenza wriet li mark-up fuq it-taxxi għall-użu tat-triq fiż-żoni muntanjużi, sabiex tiffinanzja proġetti ta’ prijorità tan-netwerk trans-Ewropew, mhijiex għażla prattika għall-operaturi ta’ l-infrastruttura jekk id-devjazzjoni tat-traffiku li tista’ tirriżulta miż-żieda tat-taxxa għall-użu tat-triq tkun b’tali mod li timplika telf ta’ dħul. Sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata, mark-up għandha tkun permessa fuq rotot alternattivi li t-traffiku jista’ alternattivament jiġi devjat fihom.

(18) Sabiex tingħata preċedenza lill-bini ta’ proġetti prijoritarji ta’ interess Ewropew, l-Istati Membri li għandhom il-possibilità li japplikaw mark-up għandhom jużaw din l-għażla qabel jintaxxaw tariffa għall-ispiża esterna. Sabiex jiġi evitat ċċarġjar żejjed ta’ l-utenti, tariffa għall-ispiża esterna ma għandhiex tiġi kkombinata ma’ mark-up sakemm l-ispejjeż esterni ma jaqbżux l-ammont tal-mark-up li diġà ġiet intaxxata. F’każ bħal dan, huwa għalhekk xieraq li l-ammont tal-mark-up għandu jitnaqqas mit-tariffa għall-ispiża esterna.

(19) Fejn jiġu intaxxati tariffi differenzjati għall-ispiża esterna, varjazzjoni fit-tariffa għall-infrastruttura għall-iskop ta’ tnaqqis fil-konġestjoni, l-aħjar titjib possibbli fl-użu ta’ l-infrastruttura, tnaqqis fil-ħsara għall-infrastruttura jew sikurezza fit-toroq tkun tirrappreżenta piż żejjed fuq ċerti kategoriji ta’ utenti u għandha għalhekk tiġi prekluża.

(20) Skontijiet fuq it-tariffa għall-ispiża esterna ma għandhomx ikunu permessi għaliex jista’ jkun hemm riskju sinifikanti li jiddiskriminaw iżżejjed kontra ċerti kategoriji ta’ utenti.

(21) L-iċċarġjar ta’ spejjeż esterni permezz ta’ taxxi għall-użu tat-triq għandu jkun aktar effettiv fl-influwenza fuq id-deċiżjonijiet ta’ l-utenti dwar it-trasport jekk l-utenti jkunu konxji minn dawn l-ispejjeż. Għandhom għalhekk jiġu identifikati seperatament fuq dikjarazzjoni, kont jew dokument ekwivalenti mill-operatur tat-taxxi għall-użu tat-triq. Barra minn hekk tali dokument jista’ jagħmilha aktar faċli biex it-trasportaturi tal-merkanzija jgħaddu t-tariffa għall-ispiża esterna lil dak li jieħu ħsieb il-merkanzija jew lil kwalunkwe klijent ieħor.

(22) L-użu ta’ sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq huwa essenzjali biex jevita t-tfixkil għaċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku u biex jevita effetti negattivi fuq l-ambjent lokali kkawżati minn kjuwijiet quddiem il-gradi tal-kabini għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq. Huwa għalhekk xieraq li jkun żgurat li t-tariffa għall-ispiża esterna tinġabar permezz ta’ tali sistema, soġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità li tipprevedi miżuri xierqa u proporzjonati biex ikun żgurat li interessi tekniċi, legali, kummerċjali u ta' protezzjoni ta' dejta u privatezza jiġu indirizzati kif inhu xieraq fl-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi[12]. Barra minn hekk sistemi ta’ dan it-tip għandhom jitfasslu mingħajr gradi fit-toroq u f’tali mod li jippermettu estensjoni sussegwenti mingħajr ħafna spejjeż għal kwalunkwe triq parallela. Madankollu għandu jsir provvediment għall-perjodu tranżizzjonali li jippermetti li jsiru l-adattamenti meħtieġa.

(23) Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, għandu jkun speċifikat fejn tariffi regolatorji mfasslin speċifikament biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku jew jikkumbattu impatti ambjentali, inkluż il-kwalità ħażina ta’ l-arja, huma permessi.

(24) Skond l-objettivi tal-politika għat-trasport ta’ din id-Direttiva, id-dħul addizzjonali ġġenerat mit-tariffa għall-ispiża esterna għandu jintuża fi proġetti b’interess Komunitraju wiesgħa u mfassal biex jippromwovi l-mobilità sostenibbli in ġenerali. Proġetti ta’ dan it-tip għandhom għalhekk ikunu marbuta ma’ kif ikun iffaċilitat pprezzar aktar effiċjenti, tnaqqis mis-sors ta’ tniġġis tat-trasport, kif jittaffew l-effetti tiegħu, titjib fir-rendiment tas-CO2 u ta’ l-enerġija tal-vetturi, u l-iżvilupp ta’ infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport. Tinkludi per eżempju riċerka u żvilupp dwar vetturi aktar nodfa u l-implimentazzjoni tal-parti dwar it-trasport fil-pjanijiet ta’ azzjoni skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti [arja ambjentali][13] u d-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes [ta’ l-istorbju] ambjentali[14], li jistgħu jinkludu miżuri biex jittaffa t-tniġġis ta’ l-arja u mill-ħsejjes minħabba t-traffiku [l-istorbju mit-traffiku] madwar infrastrutturi kbar u f’agglomerazzjonijiet. L-allokazzjoni ta’ dan id-dħul ma teżonerax lill-Istati Membri mill-obbligu stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat li l-Kummissjoni tkun mgħarrfa dwar ċerti miżuri nazzjonali lanqas ma tippreġudika l-konklużjoni ta’ kwalunkwe proċedura mibdija skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat.

(25) Sabiex tiġi mħeġġa l-interoperabilità ta’ l-arranġamenti tat-taxxi għall-użu tat-triq, żewġ Stati Membri jew aktar għandu jkollhom l-permess li jikkooperaw biex jintroduċu sistema komuni ta’ taxxi għall-użu tat-triq, soġġetti għall-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet.

(26) Skond din id-Direttiva għandha tintbagħat valutazzjoni komprensiva ta’ l-esperjenza miksuba f’dawk l-Istati Membri li japplikaw it-tariffa għall-ispiża esterna, fil-ħin mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament. Din il-valutazzjoni għandha tinkludi wkoll analiżi tal-progress fl-istrateġija biex nikkumbattu t-tibdil fil-klima, li tinkludi d-definizzjoni ta’ element komuni ta’ taxxa fuq il-fjuwil relatat mat-tibdil fil-klima fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku[15], inkluża tal-fjuwil użat minn vetturi ta’ merkanzija tqila. Fid-dawl ta’ dan il-progress il-kwistjoni dwar l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju għandha tiġi inkluża u għandha titkompla analiżi ta’ kwalunkwe azzjoni oħra xierqa.

(27) L-Artikolu 55(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni[16] jistipula li d-dħul iġġenerat minn tariffi li jiġġarrbu direttament mill-utenti għandu jiġu kkunsidrat fid-determinazzjoni tan-nuqqas ta’ finanzjament f’każ ta’ proġett li jiġġenera d-dħul. Madankollu, minħabba li d-dħul iġġenerat minn tariffa għall-ispiża esterna huwa allokat għall-proġetti bl-għan li jnaqqsu t-tniġġis tat-trasport fit-toroq mis-sors, itaffu l-effetti tiegħu, itejbu r-rendiment tas-CO2 u ta’ l-enerġija tal-vetturi, u jiżviluppaw infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport, ma għandux jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tan-nuqqas ta’ finanzjament. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[17].

(28) B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa biex tadatta l-Annessi 0, III, IIIa u IV għall-progress tekniku u xjentifiku, u l-Annessi I u II għall-inflazzjoni. Minħabba li dawk il-miżuri huma ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(29) Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni li huma biex jinkuraġġixxu ċċarġjar differenzjat ibbażat fuq l-ispejjeż esterni bħala mezz li jwassal għal trasport sostenibbli ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk jistgħu, minħabba l-importanza tad-dimensjoni transkonfinali tat-trasport, jinkisbu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif definit f'dak l-Artikolu, din id-direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 1999/62/KE hija emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 2, il-punti (b) u (ba) jinbidlu bil-punti li ġejjin:

"(b) ‘taxxa għall-użu tat-triq' tfisser ammont speċifiku li għandu jitħallas għal vettura bbażat fuq id-distanza li wieħed jivvjaġġa fuq infrastruttura partikolari u li jinkludi tariffa għall-infrastruttura u/jew tariffa għall-ispiża esterna;

(ba) ‘tariffa għall-infrastruttura’ tfisser tariffa intaxxata permezz ta’ taxxa għall-użu tat-triq imġarrba minn Stat Membru għall-iskop ta’ rkupru ta’ spejjeż relatati ma’ l-infrastruttura;

(bb) ‘tariffa għall-ispiża esterna’ tfisser tariffa intaxxata permezz ta’ taxxa għall-użu tat-triq imġarrba minn Stat Membru għall-iskop ta’ rkupru ta’ spejjeż relatati mat-tniġġis ta’ l-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku u l-konġestjoni;

(bc) ‘spiża tat-tniġġis ta’ l-arja minħabba t-traffiku’ tfisser l-ispiża tal-ħsara kkawżata mir-rilaxx ta’ ċerti emissjonijiet ta’ ħsara fl-arja meta vettura tkun qiegħda titħaddem;

(bd) ‘spiża tat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku’ tfisser l-ispiża tal-ħsara kkawżata mill-istorbju li vettura tagħmel jew li jkun ġġenerat mill-interazzjoni tal-vettura mal-wiċċ tat-triq;

(be) ‘l-ispiża tal-konġestjoni’ tfisser l-ispiża addizzjonali f’termini ta’ ħin mitluf, ħin mhux affidabbli ta’ kemm jieħu l-vjaġġ, żieda fil-konsum tal-fjuwil u spejjeż ta’ manutenzjoni tal-vettura imposti fuq vetturi oħra meta l-użu ta’ l-infrastruttura joqrob il-kapaċità massima;

(bf) ‘it-tariffa medja differenzjata għall-infrastruttura’ tfisser id-dħul totali ta’ tariffa għall-infrastruttura fuq perjodu ta’ żmien speċifiku diviż bin-numru ta’ kilometri li l-vettura tkun vjaġġat fuq il-partijiet tat-toroq soġġetti għat-tariffa matul dak il-perjodu;

(bg) ’it-tariffa medja differenzjata għall-ispiża esterna’ tfisser id-dħul totali ta’ tariffa għall-ispiża esterna fuq perjodu ta’ żmien speċifiku diviż bin-numru ta’ kilometri li l-vettura tkun vjaġġat fuq il-partijiet tat-toroq soġġetti għat-tariffa matul dak il-perjodu;”

2. L-Artikoli 7, 7a u 7b jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu taxxi u/jew tariffi għall-użu tat-triq fuq in-netwerk tat-toroq tagħhom jew fuq ċertu partijiet ta’ dak in-netwerk skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 7a sa 7j.

2. L-Istati Membri ma għandhomx jimponu fi ħdan it-territorju tagħhom kemm it-taxxi kif ukoll it-tariffi għall-użu tat-triq fuq kwalunkwe kategorija speċifika ta’ vetturi. Madankollu, l-Istati Membri li jimponu tariffa għall-użu tat-triq fuq in-netwerk tagħhom jistgħu jimponu wkoll taxxi għall-użu ta’ pontijiet, mini u passaġġi fil-muntanji.

3. Taxxi u tariffi għall-użu tat-triq ma jistgħux jiddiskriminaw, direttament jew indirettament, abbażi tan-nazzjonalità tat-trasportatur tal-merkanzija, ta’ l-Istat Membru jew tat-tielet pajjiż fejn it-trasportatur tal-merkanzija huwa stabbilit jew fejn il-vettura hija rreġistrata, jew ta' l-oriġini jew tad-destinazzjoni ta’ l-attività tat-trasport.

4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal rati mnaqqsa ta' taxxi jew tariffi għall-użu tat-triq jew eżenzjonijiet mill-obbligu li jitħallsu it-taxxi jew it-tariffi għall-użu tat-triq għal vetturi eżentati mir-rekwiżit li jistallaw jew jużaw tagħmir ta’ reġistrazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq[18], u fil-każijiet koperti minn, u soġġetti għall-kundizzjonijiet li hemm, fl-Artikolu 6(2) (a) u (b) ta' din id-Direttiva.

5. Għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2011 dakinhar inkluż, Stat Membru jista' jagħżel li japplika taxxi u/jew tariffi għall-użu tat-triq biss għal vetturi li għandhom piż massimu permissibbli meta mgħobbija ta' mhux inqas minn 12-il tunnellata. Mill-1 ta’ Jannar 2012, taxxi u jew tariffi għall-użu tat-triq għandhom jiġu applikati lill-vetturi kolla fl-ambitu ta’ l-Artikolu 2(d) sakemm Stat Membru ma jikkunsidrax li estensjoni għal vetturi ta’ inqas minn 12-il tunnellata tista’:

(a) toħloq effetti negattivi sinifikanti fuq il-fluss liberu tat-traffiku, l-ambjent, il-livelli ta' storbju, il-konġestjoni jew is-saħħa; jew

(b) tinvolvi spejjeż amministrattivi ta’ aktar minn 30 % tad-dħul addizzjonali li seta’ jiġi ġġenerat b’dik l-estensjoni.

Artikolu 7a

1. It-tariffi għall-użu tat-triq għandhom ikunu proporzjonati mat-tul ta’ żmien li fih ġiet użata l-infrastruttura u għandhom ikunu disponibbli għal tul ta' ġurnata, ġimgħa, xahar u sena. B’mod partikolari, ir-rata annwali għandha tkun ta’ mhux anqas mir-rata ta’ kuljum għal 80 darba, ir-rata ta’ kull xahar ta’ mhux anqas mir-rata ta’ kuljum għal 13-il darba u r-rata ta’ kull ġimgħa għandha tkun ta’ mhux anqas mir-rata ta’ kuljum għal ħames darbiet.

Stat Membru jista' japplika biss rati annwali għal vetturi rreġistrati f'dak l-Istat.

2. Tariffi għall-użu tat-triq, inklużi spejjeż amministrattivi, għall-kategoriji kollha tal-vetturi għandhom jiġu definiti mill-Istat Membru kkonċernat f’livell li ma jkunx iktar għoli mir-rati massimi stipulati fl-Anness II.

Artikolu 7b

1. It-tariffa għall-użu ta’ l-infrastruttura għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż ta' l-infrastruttura. It-tariffa medja differenzjata għall-infrastruttura għandha tkun relatata ma' l-ispejjeż tal-bini u ma' l-ispejjeż tat-tħaddim, tal-manutenzjoni u ta' l-iżvilupp tas-sistema ta’ l-infrastruttura kkonċernata. It-tariffa medja differenzjata għall-infrastruttura tista’ tinkludi wkoll dħul fuq il-kapital jew marġni ta' profitt ibbażat fuq il-kundizzjonijiet tas-suq.

2. It-tariffa għall-ispiża esterna għandha tkun relatata ma’ l-ispiża tat-tniġġis ta’ l-arja minħabba t-traffiku, l-ispiża tat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku, jew mat-tnejn. F’partijiet ta’ toroq soġġetti għall-konġestjoni t-tariffa għall-ispiża esterna tista’ tinkludi wkoll l-ispiża tal-konġestjoni matul il-perjodi meta dawn il-partijiet tat-toroq ikunu ġeneralment traffikużi ħafna.

3. L-ispejjeż meqjusa għandhom ikunu relatati man-netwerk jew ma’ parti minnu li fuqu huma imposti t-taxxi għall-użu tat-triq u mal-vetturi li huma soġġetti għalihom.

Artikolu 7c

1. It-tariffa għall-ispiża esterna għandha tvarja skond it-tip ta’ triq u l-klassifika Ewropea ta’ emissjonijiet, u wkoll il-perjodu tal-ħin f’każijiet fejn it-tariffa tinkludi l-ispiża tal-konġestjoni u/jew tat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku.

2. L-ammont tat-tariffa ta’ l-ispiża esterna għal kull kombinazzjoni ta’ klassifika ta’ vetturi, tip ta’ triq u perjodu ta’ ħin għandu jiġi definit skond ir-rekwiżiti minimi, il-formuli komuni u l-ispejjeż esterni massimi li jistgħu jiġu ċċarġjati fl-Anness IIIa.

3. L-ammont tat-tariffa ta’ l-ispiża esterna għandu jiġi definit minn awtorità maħtura mill-Istat Membru għal dan l-iskop. L-awtorità għandha tkun legalment u finanzjarjament indipendenti mill-organizzazzjoni responsabbli mill-ġestjoni u l-ġbir tat-tariffa jew ta’ parti minnha. Madankollu, jekk dik l-organizzazzjoni hija kkontrollata mill-Istat Membru, l-awtorità tista' tkun entità amministrattiva ta’ dak l-Istat.

Artikolu 7d

1. L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw it-tariffa għall-infrastruttura billi jużaw il-metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ewlenin tal-kalkolu definiti fl-Anness III.

2. Għat-taxxi ta’ konċessjoni għall-użu tat-triq, il-livell massimu tat-tariffa għall-infrastruttura għandha tkun ekwivalenti għal, jew inqas mil-livell li seta’ jirriżulta mill-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ewlenin tal-kalkolu definiti fl-Anness III. Il-valutazzjoni ta’ ekwivalenza ta’ dan it-tip għandha ssir abbażi ta’ perjodu ta’ referenza twil adegwat għan-natura ta’ dak il-kuntratt ta’ konċessjoni.

3. Arranġamenti ta' taxxi għall-użu tat-triq li jkunu diġà fis-seħħ fl-10 ta' Ġunju 2008 jew li għalihom ġew riċevuti sejħiet għal offerti jew tweġibiet għal stediniet ta' negozju, skond il-proċedura nnegozjata, b'segwitu għal proċess ta' akkwist pubbliku qabel l-10 ta' Ġunju 2008, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi definiti fil-paragrafi 1 u 2, sakemm dawn l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ u sakemm ma jiġux emendati b’mod sostanzjali.

Artikolu 7e

1. F’każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw infrastruttura f’reġjuni muntanjużi, u wara li tiġi mgħarrfa l-Kummissjoni, mark-up tista’ tiżdied mat-tariffa għall-infrastruttura intaxxata fuq partijiet speċifiċi ta’ toroq li huma soġġetti għall-konġestjoni kbira, jew li l-użu tagħhom minn vetturi huwa l-kawża ta’ ħsara ambjentali sinifikanti, b’kundizzjoni li:

1. (a) id-dħul iġġenerat mill-mark-up jiġi investit biex jiġi ffinanzjat il-bini ta' proġetti prijoritarji ta' interess Ewropew, identifikati fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE, li jikkontribwixxu direttament biex tittaffa l-konġestjoni jew il-ħsara ambjentali u li jinsabu fl-istess passaġġ tal-parti tat-triq li fuqha hija applikata l-mark-up;

2. (b) il-mark-up ma taqbiżx il-15 % tat-tariffa medja differenzjata għall-infrastruttura kkalkulata skond l-Artikolu 7b(1) u l-Artikolu 7d ħlief fejn id-dħul iġġenerat jiġi investit f'taqsimiet transkonfinali ta' proġetti prijoritarji ta' interess Ewropew li jinvolvu infrastruttura f'reġjuni muntanjużi, f'liema każ il-mark-up ma għandhiex taqbeż il-25 %;

3. (c) l-applikazzjoni tal-mark-up ma tkunx kawża ta’ trattament inġust tat-traffiku kummerċjali meta mqabbel ma' utenti oħra tat-triq;

4. (d) deskrizzjoni tal-lok eżatt ta’ fejn se tiġi imposta l-mark-up u prova ta’ deċiżjoni li tiffinanzja x-xogħlijiet tal-bini msemmija fil-punt (a) jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni qabel l-applikazzjoni tal-mark-up; u

5. (e) il-perjodu li għalih għandha tapplika l-mark-up ikun definit u limitat minn qabel u jkun konsistenti, fir-rigward tad-dħul li mistenni jidħol, mal-pjanijiet finanzjarji u ma’ l-analiżi tal-qligħ meta mqabbel man-nefqa ppreżentata.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-proġetti ġodda transkonfinali soġġetti għall-ftehim ta’ l-Istati Membri kollha involuti f’dak il-proġett.

2. Wara li tiġi mgħarrfa l-Kummissjoni, mark-up tista’ wkoll tiġi applikata għall-parti tat-triq li tikkostitwixxi rotta alternattiva għal dik koperta mill-mark-up imsemmija fil-paragrafu 1, jekk:

- l-applikazzjoni tal-mark-up fuq triq tirriżulta f’parti sinifikanti ta' traffiku li tiġi devjata għal din ir-rotta alternattiva; u

- Jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet definiti fil-punti a)-e) tal-paragrafu 1.”

3. Mark-up tista’ tiġi applikata fuq tariffa għall-infrastruttura li jkun ġie varjat skond l-Artikolu 7f.

4. Meta l-Kummissjoni tirċievi t-tagħrif meħtieġ minn Stat Membru li jkollu l-ħsieb li japplika mark-up, hija għandha tagħmel dan it-tagħrif disponibbli lill-membri tal-Kumitat imsemmija fl-Artikolu 9c. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-mark-up ippjanata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet definiti fil-paragrafu 1, jew jekk tikkunsidra li l-mark-up ippjanata ser ikollha effetti negattivi sinifikanti fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' reġjuni periferali, hija tista' tirrifjuta jew titlob emenda tal-pjanijiet għalt-tariffi ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat, skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 9c(2).

5. Fuq partijiet ta’ toroq fejn jiġu ssodisfati l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ mark-up skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu tariffa għall-spiża esterna sakemm ma tiġix applikata mark-up.

6. L-ammont ta’ mark-up għandu jitnaqqas mill-ammont tat-tariffa għall-ispiża esterna kkalkulat skond l-Artikolu 7c.

Artikolu 7f

1. Ir-rati tat-taxxi għall-użu tat-triq li jikkonsistu biss minn tariffa għall-infrastruttura għandhom jiġu varjati skond il-klassifika Ewropea ta’ l-emissjonijiet b’tali mod li l-ebda taxxa għall-użu tat-triq ma tkun iżjed minn 100 % ogħla mill-ħlas tat-taxxa għall-użu tat-triq iċċarġjat għall-vetturi ekwivalenti li jissodisfaw l-istandards ta’ emissjonijiet l-aktar stretti.

2. Jekk f’każ ta’ kontroll, sewwieq mhux f’pożizzjoni li jippreżenta d-dokumenti meħtieġa tal-vettura biex jikkonferma l-klassi ta' emissjonijiet tal-vettura, l-Istati Membri jistgħu japplikaw taxxi għall-użu tat-triq sa l-ogħla livell ta’ ċċarġjar possibbli.

3. It-taxxi għall-użu tat-triq li jikkonsistu biss minn tariffa għall-infrastruttura jistgħu jiġu wkoll varjati bl-iskop li jnaqqsu l-konġestjoni, inaqqsu kemm jista’ jkun il-ħsara għall-infrastruttura u jtejbu bl-aħjar mod possibbli l-użu ta’ l-infrastruttura kkonċernata jew jippromwovu s-sikurezza fit-toroq, b’kundizzjoni li:

- (a) il-varjazzjoni tkun trasparenti, ippubblikata u disponibbli b’mod miftuħ għall-utenti kollha b’termini ugwali; u

- (b) il-varjazzjoni tiġi applikata skond il-ħin tal-ġurnata, it-tip ta’ ġurnata u l-istaġun;

- (c) l-ebda taxxa għall-użu tat-triq ma tkun iżjed minn 100 % ogħla mill-ħlas tat-taxxa għall-użu tat-triq iċċarġjat matul l-irħas perjodu tal-ġurnata, tip tal-ġurnata jew staġun.

4. Il-varjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx jitfasslu sabiex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali mit-taxxi għall-użu tat-triq, fejn kwalunkwe żieda fid-dħul mhux intenzjonata tiġi bbilanċata minn bidliet fl-istruttura tal-varjazzjoni li għandha tiġi implimentata fi żmien sentejn mill-aħħar tas-sena ta’ kontabilità li fiha jiġi ġġenerat id-dħul addizzjonali.

5. Jekk taxxa għall-użu tat-triq tinkludi tariffa għall-ispiża esterna, il-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx jiġu applikati għall-parti tat-taxxa li tinkkonsisti minn tariffa għall-infrastruttura.

Artikolu 7g

1. Talanqas sitt xhur qabel l-implimentazzjoni ta’ arranġament ġdid ta’ taxxa għall-użu tat-triq bħala tariffa għall-infrastruttura, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) fir-rigward ta' arranġamenti oħra ta' taxxi għall-użu tat-triq minbarra dawk li jinvolvu konċessjoni għat-taxxi għall-użu tat-triq:

- il-valuri ta' kull unità u l-parametri l-oħra li ntużaw fil-kalkolu tad-diversi elementi ta' spejjeż għall-infrastruttura, u

- tagħrif ċar dwar il-vetturi koperti mill-arranġamenti ta' taxxi għall-użu tat-triq, id-daqs ġeografiku tan-netwerk, jew ta' parti min-netwerk, użat għal kull kalkolu ta' l-ispejjeż u l-persentaġġ ta' l-ispejjeż li bi ħsiebhom jirkupraw.

(b) fir-rigward ta' arranġamenti ta' taxxi għall-użu tat-triq li jinvolvu konċessjoni għat-taxxi għall-użu tat-triq:

- il-kuntratti ta' konċessjoni jew il-bidliet sinifikanti għal tali kuntratti,

- il-każ ta’ bażi li fuqu min ta l-konċessjoni bbaża n-notifika ta' konċessjoni, kif imsemmi fl-Anness VII B għad-Direttiva 2004/18/KE; dan il-każ ta’ bażi għandu jinkludi l-ispejjeż ikkalkulati kif definiti fl-Artikolu 7b (1) previsti skond il-konċessjoni, it-traffiku previst diviż skond it-tip ta' vettura, il-livelli ta' taxxi għall-użu tat-triq previsti u d-daqs ġeografiku tan-netwerk kopert mill-kuntratt ta' konċessjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi t-tagħrif kollu meħtieġ skond il-paragrafu 1, tagħti opinjoni dwar jekk kienx hemm konformità ma' l-obbligazzjonijiet ta’ l-Artikolu 7d. L-opinjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9c.

3. Talanqas sitt xhur qabel l-implimentazzjoni ta’ arranġament ġdid ta’ tariffa għall-ispiża esterna permezz ta’ taxxa għall-użu tat-triq, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

- tagħrif preċiż li jillokalizza l-partijiet tat-toroq fejn se tiġi intaxxata t-tariffa għall-ispiża esterna u jiddeskrivi l-klassi tal-vetturi, it-tipi tat-toroq u l-perjodi tal-ħin eżatti skond liema se tkun qed tvarja t-tariffa ta’ l-ispiża esterna.

- it-tariffa medja differenzjata ta’ l-ispiża esterna prevista u d-dħul totali previst;

- isem l-awtorità maħtura skond l-Artikolu 7c(3) biex tiffissa l-ammont tat-tariffa, u dak tar-rappreżentant tagħha; u

- il-parametri, id-dejta u t-tagħrif meħtieġa biex juru kif il-metodu ta’ kalkolu definit fl-Anness IIIa se jiġi applikat.

4. Il-Kummissjoni, tista’ fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi t-tagħrif meħtieġ skond il-paragrafu 3, tiddeċiedi li titlob lill-Istat Membru kkonċernat jadatta t-tariffa proposta ta’ l-ispiża esterna, jekk tikkunsidra li ma kienx hemm konformità ma’ l-obbligazzjonijiet stipulati fl-Artikoli 7b, 7c, 7i jew 9(2). Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9c.

Artikolu 7h

1. L-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda skont, relatat ma' l-element tat-tariffa għall-ispiża esterna fit-taxxa għall-użu tat-triq, lill-kwalunkwe utent.

2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu skont fuq it-tariffa għall-infrastruttura b’kundizzjoni li:

- l-istruttura ta’ ċċarġjar li tirriżulta għandha tkun proporzjonata, ppubblikata u disponibbli b’mod miftuħ għall-utenti kollha b’termini ugwali u ma twassalx għal spejjeż addizzjonali li jiġu mgħoddija lil utenti oħra f’forma ta' taxxi ogħla għall-użu tat-triq; u

- tali skontijiet iwasslu għal iffrankar effettiv fl-ispejjeż amministrattivi u ma jaqbżux it-13 % tat-tariffa għall-infrastruttura mħallsa minn vetturi ekwivalenti li mhumiex eliġibbli għall-iskont.

3. Skond il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 7f(4) u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7f(3), ir-rati tat-taxxi għall-użu tat-triq jistgħu f'każijiet eċċezzjonali, għall-proġetti speċifiċi ta’ interess Ewropew qawwi, ikunu soġġetti għal forom oħra ta' varjazzjoni sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà kummerċjali ta' tali proġetti, meta jkunu esposti għal kompetizzjoni diretta ma' mezzi oħra ta' trasport b’vetturi. L-istruttura ta' ċċarġjar li tirriżulta għandha tkun lineari, proporzjonata, ppubblikata u disponibbli b’mod miftuħ għall-utenti kollha b’termini ugwali u ma għandhiex twassal għal spejjeż addizzjonali li jiġu mgħoddija lil utenti oħra f’forma ta' taxxi ogħla għall-użu tat-triq. Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet qabel l-implimentazzjoni ta' l-istruttura ta' ċċarġjar in kwistjoni.

Artikolu 7i

1. It-taxxi u t-tariffi għall-użu tat-triq għandhom jiġu applikati u miġbura u l-ħlas tagħhom għandu jiġi mmonitorjat b'tali mod li jikkawża l-inqas xkiel possibbli għaċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku u li jevita kwalunkwe kontroll jew iċċekkjar obbligatorju fil-fruntieri interni tal-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu metodi li jippermettu lit-trasportaturi tal-merkanzija sabiex jagħmlu t-tariffi għall-użu tat-triq 24 siegħa kuljum, talanqas fil-punti tal-bejgħ ewlenin, permezz ta' mezzi ta' ħlas normali, ġewwa u barra l-Istati Membri fejn huma applikati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu faċilitajiet adegwati fil-punti tal-ħlas tat-taxxi u tat-tariffi għall-użu tat-triq sabiex iżommu livelli normali ta' sikurezza fit-toroq.

2. L-arranġamenti għall-ġbir tat-taxxi u/jew tat-tariffi għall-użu tat-triq ma għandhomx, b’mod finanzjarju jew b’xi mod ieħor, iqiegħdu lil dawk li ma jużawx is-sistema tat-toroq regolarment fi żvantaġġ mhux ġustifikat. B'mod partikolari, fejn Stat Membru jiġbor it-taxxi u/jew it-tariffi għall-użu tat-triq esklusivament permezz ta' sistema li teħtieġ l-użu ta' unità abbord il-vettura, dan għandu jiżgura li l-unitajiet abbord li jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/52/KE jkunu jistgħu jinkisbu mill-utenti kollha skond arranġamenti amministrattivi u ekonomiċi raġonevoli.

3. Jekk Stat Membru jimponi fuq vettura, jimponi tariffa għall-ispiża esterna, l-ammont ta’ tali tariffa għandu jiġi indikat f’dokument provdut lit-trasportatur tal-merkanzija.

4. Tariffa għall-ispiża esterna għandha tiġi imposta u miġbura permezz ta’ sistema elettronika li hija konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/52/KE u li sussegewentement tista’ tiġi estiża għall-partijiet oħra ta’ toroq mingħajr il-ħtieġa ta’ gradi fit-toroq li jimplikaw investiment addizzjonali sinifikanti fit-triq.

5. Madankollu, għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2013 dakinhar inkluż, tariffa għall-ispiża esterna tista’ tiġi imposta jew miġbura permezz ta’ arranġament eżistenti ta’ taxxa għall-użu tat-triq. F’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar pjan ta’ bidla għall-sistema li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 4 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 7j

Din id-Direttiva ma taffetwax il-libertà ta' l-Istati Membri li jintroduċu sistema ta' taxxi u/jew tariffi għall-użu tat-triq għall-infrastruttura biex jipprovdu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, kumpens xieraq għal dawn it-tariffi.

3. Jiddaħħal l-Artikolu 8c li ġej:

"Artikolu 8c

1. Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jikkooperaw billi jintroduċu sistema komuni għat-taxxi għall-użu tat-triq applikabbli fit-territorji tagħhom b’mod ġenerali. F'dak il-każ, dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni tkun involuta mill-qrib f'tali kooperazzjoni u fit-tħaddim sussegwenti tas-sistema kif ukoll f’xi bdil possibbli.

2. Is-sistema komuni ta’ taxxi għall-użu tat-triq għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet definiti fl-Artikoli 7 sa 7j u għanda tkun miftuħa għall-Istati Membri l-oħra.”

4. Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1a jinbidel b'dan li ġej:

“Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni mhux diskriminatorja mill-Istati Membri ta’ tariffi regolatorji mfassla speċifikament biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku jew jikkumbattu l-impatti ambjentali, inkluż il-kwalità ħażina ta’ l-arja, fuq kwalunkwe triq urbana li qiegħda f’żona mibnija.”

5. L-Artikolu 9 il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“ Stat Membru li fih tiġi imposta tariffa għall-ispiża esterna għandu jiżgura li d-dħul iġġenerat mit-tariffa jiġi allokat għal miżuri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw ipprezzar effiċjenti, inaqqsu t-tniġġis tat-trasport fit-toroq mis-sors, itaffu l-effetti tiegħu, itejbu ir-rendiment tas-CO2 u ta’ l-enerġija tal-vetturi, u jiżviluppaw infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport.

Stat Membru li fih tiġi imposta tariffa għall-infrastruttura għandu jiddetermina kif għandu jintuża d-dħul iġġenerat minn dik it-tariffa. Biex is-sistema tat-trasport kollha tkun tista' tiġi żviluppata, id-dħul mit-tariffi għandu jintuża għall-benefiċċju tas-settur tat-trasport u biex ikun jista' jsir l-aħjar użu mis-sistema kollha tat-trasport.

6. L-Artikolu 9b jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 9b

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita d-djalogu u l-iskambju ta' kapaċitajiet tekniċi bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari l-Annessi. Il-Kummissjoni għandha tadatta l-Annessi 0, IIIa u IV fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku u l-Annessi I u II fid-dawl ta’ l-inflazzjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9c (3).”

7. L-Artikolu 9c jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 9c

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kusiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”

8. L-Artikolu 11 se jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11

1. Kull erba’ snin u għal-ewwel darba fil-31 ta’ Diembru 2012, l-Istati Membri li jimponu tariffa għall-ispiża esterna u/jew tariffa għall-infrastruttura għandhom iħejju rapport dwar it-taxxi għall-użu tat-triq li ġew imposti fit-territorju tagħhom u għandhom jibagħtuh lill-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jinkludi tagħrif dwar:

- it-tariffa għall-ispiża esterna medja differenzjata u l-ammonti speċifiċi ntaxxati għal kull kombinazzjoni ta’ klassi ta’ vetturi, tip ta’ toroq u perjodu tal-ħin;

- id-dħul totali li jkun inġabar permezz tat-tariffa għall-ispiża esterna, u tagħrif dwara l-użu ta’ dak id-dħul;

- it-tariffa għall-ispiża medja differenzjata ta’ l-infrastuttura u d-dħul totali li jkun inġabar permezz tat-tariffa għall-infrastruttura.

2. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-effettività tad-dispożizzjonijiet dwar l-irkupru ta’ l-ispejjeż relatati mal-konġestjoni u mat-tniġġis minħabba t-traffiku u dwar l-inklużjoni ta’ vetturi ta’ aktar minn tliet tunnellati u nofs u anqas minn tnax-il tunnellata. Dan ir-rapport għandu jivvaluta wkoll:

- ir-rilevanza ta’ l-integrazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni fil-kalkolu tat-taxxi għall-użu tat-triq, speċjalment l-ispiża ta’ l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju jekk id-definizzjoni ta’ element komuni ta’ taxxa fuq il-fjuwil relatat mat-tibdil fil-klima tkun għadha ma pproduċietx riżultati sodisfaċenti, l-ispiża ta’ l-inċidenti u t-telfien tal-bijodiversità;

- ir-rilevanza li l-ambitu tad-Direttiva jiġi estiż għall-kategoriji oħra ta’ vetturi;

- il-possibilità li tiġi adotatta klassifikazzjoni tal-vetturi riveduta sabiex it-taxxi għall-użu tat-triq ikunu varjati u jqisu l-impatt medju fuq l-ambjent, il-konġestjoni u l-infrastruttura, ir-rendiment tagħhoma tas-CO2 u l-enerġija, u kemm l-intaxxar u l-ifurzar tat-taxxi għall-użu tat-triq huwa verament prattiku u ekonomiku; u

- kemm huwa ekonomikament u teknikament prattiku li jiġu introdotti fit-toroq interurbani ewlenin tariffi minimi bbażati fuq id-distanza. Ir-rapport għandu jidentifika it-tipi ta’ partijiet ta’ toroq possibbli li għandhom jiġu ċċarġjati, il-modi possibbli ta’ kif dawn it-tariffi għandhom jiġu intaxxati u infurzati b’mod effettiv f’sens ta’ nfiq u metodi sempliċi u komuni biex jiġu ffissati r-rati minimi”.

9. Fl-Anness III, il-kliem “it-taxxi medji differenzjati għall-użu tat-triq” jinbidlu b’“tariffa medja differenzjata għall-infrastruttura”.

10. L-Anness għal din id-Direttiva jiddaħħal fl-Anness III.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konfomi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan u jipprovdu tabella ta’ ekwivalenza bejn dawk id-dipożizzjonijiet u din id-Direttiva.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

ANNESS IIIA

IR-REKWIŻITI MINIMI BIEX TIĠI IMPOSTA TARIFFA GĦALL-ISPIŻA ESTERNA U L-ELEMENTI MASSIMI TA’ L-ISPIŻA ESTERNA LI JISTGĦU JIĠU ĊĊARĠJATI

Dan l-Anness jiddefinixxi r-rekwiżiti minimi biex tiġi imposta tariffa għall-ispiża esterna u l-elementi massimi awtorizzati ta’ l-ispiża li għandhom jiġu inklużi meta jiġi ffissat l-ammont.

1. IL-PARTIJIET TAN-NETWERK IKKONċERNAT

L-Istat Membru għandu jispeċifika b’mod preċiż il-parti jew il-partijiet tan-netwerk li huma suġġetti għal tariffa ta’ l-ispiża esterna.

Fejn Stat Membru jagħżel li jintaxxa tariffa għall-ispiża esterna fuq parti jew partijiet biss tan-netwerk, il-parti jew il-partijiet għandhom jintgħażlu wara valutazzjoni li tistabbilixxi li:

- l-użu tat-toroq minn vetturi fejn it-tariffa għall-ispiża esterna tiġi applikata jiġġenera ħsara ambjentali u aktar konġestjoni minn dik iġġenerata fil-medja f’partijiet oħra tan-netwerk ta’ l-infrastruttura tat-toroq li mhumiex suġġetti għal tariffa għall-ispiża esterna, jew

- l-impożizzjoni ta’ tariffa għall-ispiża esterna fuq partijiet oħra tan-netwerk jista' jkollha effetti negattivi fuq l-ambjent, il-konġestjoni u s-sikurezza fit-toroq, jew it-tassazzjoni u l-ġbir ta' tariffa għall-ispiża esterna fuqhom tkun tinvolvi spiża sproporzjonata.

2. IL-VETTURI, IT-TOROQ U L-PERJODU TA’ żMIEN KOPERTI

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummisjoni dwar il-klassifika tal-vetturi skond liema klassifika t-taxxa għall-użu għandha tvarja. Għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-lok tat-toroq suġġetti għat-tariffi ta’ spiża esterna aktar għolja (minn hawn ‘il quddiem “toroq suburbani”) u ta’ toroq suġġetti għalt-tariffi ta’ spiża esterna aktar baxxi (minn hawn’ il quddiem “toroq interurbani oħra”).

Fejn applikabbli, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta’ ħin eżatti li jikkorrispondu mal-ħin tal-lejl u mal-perjodi varji l-aktar traffikużi tal-ġurnata, tal-ġimgħa u ta’ l-istaġun li matulhom tista’ tiġi imposta tariffa għall-ispiża esterna li tirrifletti konġestjoni akbar u storbju akbar.

Il-klassifika tat-toroq u d-definizzjoni tal-perjodi tal-ħin għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi relatati mal-livell ta’ esponiment tat-toroq u l-viċinanzi tagħhom għall-konġestjoni u t-tniġġis bħad-densità tal-popolazzjoni, l-għadd ta’ livelli massimi ta’ tniġġis imkejla fis-sena skond id-Direttiva 96/62/KE, il-medja tat-traffiku ta’ kuljum u fis-siegħa u l-livell tas-servizz (il-persentaġġ tal-ġurnata jew tas-sena li matulha l-użu tat-triq joqrob jew jaqbeż il-kapaċità massima, il-medja tad-dewmien u/jew it-tul tal-kjuwijiet). Il-kriterji użati għandhom jiġu inklużi fin-notifika.

3. L-AMMONT TAT-TARIFFA

Għal kull klassi ta’ vettura, tip ta’ triq u perjodu ta’ ħin, L-awtorità indipendenti għandha tiddetermina ammont wieħed speċifiku. L-istruttura ta’ ċċarġjar li tirriżulta għandha tkun trasparenti, ippubblikata u disponibbli b’mod miftuħ għall-utenti kollha b’termini ugwali.

Meta tkun qiegħda tiffissa t-tariffi, l-awtorità indipendenti għandha tuża bħala gwida l-prinċipju ta’ pprezzar effiċjenti jiġifieri prezz li huwa qrib l-ispiża soċjali marġinali ta’ l-użu tal-vettura li qiegħda tkun ċċarġjata. It-tariffa għandha tiġi ffissata kemm jista’ jkun qrib ta’ l-ispejjeż esterni li jistgħu jiġu allokati għall-kategorija ta’ l-utenti tat-triq kkonċernati.

It-tariffa għandha tkun iffissata wkoll wara li jkun ġie kkunsidrat ir-riskju ta’ devjazzjoni flimkien ma' effetti negattivi fuq is-sikurezza tat-toroq, l-ambjent u l-konġestjoni, u soluzzjonijiet biex jittaffew dawn ir-riskji.

L-awtorità indipendenti għandha timmonitorja kemm hi effettiva l-iskema ta’ ċċarġjar biex tnaqqas il-ħsara ambjentali li sseħħ mit-trasport fit-toroq u biex tnaqqas il-konġestjoni, fejn din tiġi applikata. Għandha taġġusta regolarment l-istruttura ta’ ċċarġjar u l-ammont speċifiku tat-tariffa iffissata għall-klassi partikolari ta’ vetturi, għat-tip ta’ toroq u għall-perjodu tal-ħin skond it-tibdil fid-domanda għat-trasport.

4. L-ELEMENTI TA’ L-ISPIżA ESTERNA

4.1. L-ispiża għat-tniġġis ta’ l-arja minħabba t-traffiku

Meta Stat Membru jagħżel li jinkludi l-ispiża kollha tat-tniġġis ta’ l-arja minħabba t-traffiku jew parti minnha fit-tariffa għall-ispiża esterna, l-awtorità indipendenti għandha tikkalkula l-ispiża li għandha tiġi ċċarġjata għat-tniġġis ta’ l-arja minħabba t-traffiku billi tapplika l-formoli li ġejjin jew billi tuża l-valuri ta’ kull unità fit-Tabella 1 jekk dawn ta’ l-aħħar huma aktar baxxi:

PCV ij = ∑ k EF ik x PC jk fejn:

- PCVij l-ispiża għat-tniġġis ta’ l-arja tal-klassi ta’ vettura i fuq tip ta' triq j (euro/vettura.kilometru)

- EFik il-fattur ta’ emissjoni tal-pollutant k u l-klassi ta' vettura i (gramma/kilometru)

- PCjk l-ispiża finanzjarja tal-pollutant k għal tip ta’ triq j (euro/gramma)

L-emissjonijiet ta’ materja ta’ partikoli u ta’ prekursuri ta’ l-ożonu bħall-ossidu tan-nitroġenu u l-komposti organiċi volatili biss se jiġu kkunsidrati. Il-fatturi ta’ emissjoni għandhom ikunu bħal dawk użati mill-Istat Membru biex jabbozza l-inventarji nazzjonali ta’ l-emissjonijiet stipulati fid-Direttiva 2001/81/KE dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi ta' l-Emissjonijiet (li jeħtieġu l-użu ta’ l- EMEP/CORINAIR Emission Inventory Guidebook )[19]. L-ispiża finanzjarja tal-pollutanti għandha tittieħed mit-Tabella 13 tal -“Handbook on estimation of external cost in the transport sector”[20]

Tabella 1: L-ispiża għat-tniġġis ta’ l-arja tal-vettura (PCV)

ċenteżmu Euro/vettura.kilometru | Toroq suburbani | Toroq oħra interurbani |

EURO 0 | 16 | 13 |

EURO I | 11 | 8 |

EURO II | 9 | 8 |

EURO III | 7 | 6 |

EURO IV | 4 | 4 |

EURO V u li jniġġsu anqas | 3 | 2 |

Valuri f’ċenteżmi euro, 2000

Il-valuri fit-Tabella 1 jirrapreżentaw il-medji aritmetiċi tal-valuri mogħtija fit-Tabella 15 tal-“ Handbook on the estimation of external cost in the transport sector "[21] għal vetturi kklassifikati skond erba’ klassijiet ta' piż. L-Istati Membri jistgħu japplikaw fattur ta’ korrezzjoni għall-valuri fit-Tabella 1 biex jirriflettu l-kompożizzjoni reali tal-vettura f’termini ta’ daqs. Il-valuri tat-Tabella 1 jistgħu jiġu mmultiplikati b’fattur mhux akbar min-numru 2 fiż-żoni muntanjużi sakemm dan ikun iġġustifikat mill-gradjent tat-toroq, l-altitudni u/jew l-inverżjonijiet tat-temperatura.

L-awtorità indipendenti tista’ tadotta metodi alternattivi billi tuża dejta mill-kejl tal-pollutanti ta’ l-arja u l-valur lokali ta’ l-ispiża finanzjarja tal-pollutanti ta’ l-arja, sakemm ir-riżultati ma jaqbżux ir-riżultati li setgħu jinkisbu bil-formuli ta’ hawn fuq jew il-valuri ta’ kull unità għal kwalunkwe klassi ta’ vettura.

Il-parametri kollha, id-dejta u kull tagħrif ieħor meħtieġ biex jinftiehem kif l-ispiża għat-tniġġis ta’ l-arja li għandha tiġi ċċarġjata tiġi kkalkulata għandhom jiġu ppubblikati.

4.2 L-ispiża għat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku

Meta Stat Membru jagħżel li jinkludi l-ispiża kollha tat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku jew parti minnha fit-tariffa għall-ispiża esterna, l-awtorità indipendenti għandha tikkalkula l-ispiża li għandha tiġi ċċarġjata għat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku billi tapplika l-formoli li ġejjin jew billi tuża l-valuri ta’ kull unità fit-Tabella 2 jekk dawn ta’ l-aħħar huma aktar baxxi:

NCVij (mal-ġurnata) = ∑k NCjk x POPk / ADT

NCV ij (bil-lejl) = n x NCV ij (mal-ġurnata) fejn

- NCVij l-ispiża ta’ l-istorbju ta’ vettura tal-klassi i fuq tip ta' triq j (euro/vettura.kilometru)

- NCjk l-ispiża ta’ l-istorbju għal kull persuna esposta għal livell ta’ storbju k fuq tip ta' triq j (euro/persuna)

- POPk il-popolazzjoni esposta għal livell ta’ storbju k kuljum għal kull kilometru (persuna/kilometru)

- ADT l-medja tat-traffiku ta’ kuljum (vettura)

- n il-fattur ta’ korrezzjoni għal bil-lejl

Il-popolazzjoni esposta għal-livell ta’ l-istorbju k għandha tittieħed mill-mapep strateġiċi ta’ l-istorbju abbozzati skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/49/KE li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni ta’ l-istorbju ambjentali.

L-ispiża għal kull persuna esposta għal livell ta’ storbju k għandha tittieħed mit-Tabella 20 tal - “ Handbook on estimation of external cost in the transport sector ”[22] .

Il-medja tat-traffiku ta’ kuljum għandha tassumi fattur ta’ kalkolu ta’ mhux aktar minn 4 bejn vetturi ta' merkanzija tqila u karozzi għall-passiġġieri.

Tabella 2: L-ispiża ta’ l-istorbju tal-vetturi li għandha tiġi ċċarġjata (NCV)

ċenteżmu Euro/vettura.kilometru | Mal-jum | Bil-lejl |

Toroq suburbani | 1.1 | 2 |

Toroq oħra interurbani | 0.13 | 0.23 |

Valuri f’ċenteżmi euro, 2000

Sors: Handbook on the estimation of external cost in the transport sector, it-tabella 22[23]

Il-valuri tat-Tabella 2 jistgħu jiġu mmultiplikati b’fattur mhux akbar min-numru 5 fiż-żoni muntanjużi sakemm dan ikun iġġustifikat mill-gradjent tat-toroq, l-inverżjonijiet tat-temperatura u/jew l-effett ta’ anfiteatru tal-widien.

Il-parametri kollha, id-dejta u kull tagħrif ieħor meħtieġ biex jinftiehem kif l-ispiża ta’ l-istorbju li għandha tiġi ċċarġjata tiġi kkalkulata għandhom jiġu ppubblikati.

4.3 L-ispiża għall-konġestjoni

Għat-toroq imblukkati bit-traffiku, Stat Membru jista’ jagħżel li jinkludi l-ispiża kollha tal-konġestjoni jew parti minnha fit-tariffa għall-ispiża esterna sakemm l-Istat Membru juri bil-provi li l-ispiża għall-konġestjoni imposta minn vettura fuq utenti oħra taqbeż l-ispiża għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura li diġà ġiet iċċarġjata għal din il-vettura. F’każ bħal dan, l-awtorità indipendenti għandha tikkalkula l-ispiża li tista' tiġi ċċarġjata għall-konġestjoni għall-perjodi tal-ħin differenti billi tapplika l-formuli li ġejjin jew billi tuża l-valuri ta’ kull unità fit-Tabella 3 jekk dawn ta’ l-aħħar huma aktar baxxi.

[pic]

[pic]fejn

- CCV l-ispiża li tista’ tiġi ċċarġjata għall-konġestjoni (euro/vettura.kilometru)

- IDC l-ispiża li diġà ġiet iċċarġjata għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura (euro/vettura.kilometru)

- Qo l-aħjar rata ta’ traffiku fis-siegħa (vettura/siegħa)

- MEC(Q) l-ispiża marġinali esterna għall-konġestjoni (euro.vettura.kilometru)

- VOT il-valur tal-ħin (euro/siegħa.vettura)

- Q il-medja tat-traffiku fis-siegħa (vettura)

- (Q bidla żgħira fir-rata tat-traffiku fis-siegħa

- V(Q) il-medja tal-veloċità tat-traffiku (kilometru/siegħa)

Il-medja tat-traffiku ta’ kuljum għandha tassumi fattur ta’ kalkolu ta’ mhux aktar minn 3 bejn vetturi ta' merkanzija tqila u karozzi għall-passiġġieri.

L-aħjar rata tat-traffiku fis-siegħa għandha tiġi kkalkulata billi l-ispiża tiżdied sa ma jintlaħaq ekwilibriju bejn ir-rata tat-traffiku fis-siegħa u l-ispiża marġinali esterna tal-konġestjoni. B’mod alternattiv, il-proporzjon bejn l-ispiża tal-konġestjoni li għandha tiġi ċċarġjata (CCV) u l-ispiża marġinali esterna tal-konġestjoni (MEC) għandha tkun 0.5.

Il-funzjoni tal-fluss tal-veloċità għandu jiġi bbażat fuq kurvi standard ta’ l-inġinerija.

Il-valur tal-ħin għandu jkun ibbażat fuq l-aktar stħarriġ riċenti dwar kemm wieħed huwa lest li jħallas.

Tabella 3: L-ispiża tal-konġestjoni tal-vetturi li għandha tiġi ċċarġjata (CCV)

ċenteżmu Euro/vettura.kilometru | Il-perjodu tal-ħin | Il-perjodu tal-ħin | Il-perjodu tal-ħin |

Toroq suburbani | 0 | 20 | 65 |

Toroq oħra interurbani | 0 | 2 | 7 |

Valuri f’ċenteżmi euro, 2000

Sors: Stmati mill- ‘ Handbook on the estimation of external cost in the transport sector ’ , it-tabella 7[24]

Il-perjodu tal-ħin A huwa perjodu li matulu ma jkunx hemm ħafna traffiku u ċ-ċirkolazzjoni tkun stabbli

Il-perjodu tal-ħin B huwa perjodu li traffikuż ħafna b'ċirkolazzjoni mhux stabbli ta' traffiku

Il-perjodu tal-ħin C huwa perjodu li matulu jkun hemm traffiku estrem u b’ċirkolazzjoni tat-traffiku sfurzata jew b’interruzzjonijiet

Il-parametri kollha, id-dejta u kull tagħrif ieħor meħtieġa biex jinftiehem kif l-konġestjoni li għandha tiġi ċċarġjata tiġi kkalkulata għandhom jiġu ppubblikati.[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] L-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/62/KE

[2] Vignette jew stiker ibbażata fuq ftehim bejn għadd ta’ Stati Membri li tagħti aċċess għan-netwerk fit-territorju ta’ xulxin – għalhekk it-terminu ‘Eurovignette’.

[3] Proposta għall-Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward tal-gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali, COM(2007)52 finali.

[4] Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE, COM(2003) 448 finali

[5] Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-iċċarġjar tal-vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċertu infrastruttura, COM (1996) 331 finali.

[6] Is-sommarju tal-kontribuzzjonijiet li waslu u rapport tas-smigħ huma disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/transport/road/consultations/road_market_en.htm

[7] “ Handbook on the estimation of external cost in the transport sector ” http://ec.europa.eu/transport/costs/handbook/index_en.htm.

[8] …

[9] …

[10] …

[11] ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344).

[12] ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.

[13] OJ L 296, 21.11.1996, p. 55. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[14] ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

[15] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.04.2004, p. 100).

[16] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25-78.

[17] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[18] ĠU L 370, 31.12.1985 p. 8, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 432/2004 (ĠU L 71, 10.3.2004, p. 3).

[19] Il-Metodoloġija ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent http://reports.eea.europa.eu/EMEPCORINAIR5/

[20] http://ec.europa.eu/transport/costs/handbook/index_en.htm.

[21] Idem

[22] Idem

[23] Idem

[24] Idem

Top